EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1293

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Negozju Żgħir, Dinja Kbira — sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali” COM(2011) 702 final

ĠU C 229, 31.7.2012, p. 49–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Negozju Żgħir, Dinja Kbira — sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali”

COM(2011) 702 final

2012/C 229/09

Relatur: is-Sur VOLEŠ

Nhar id-9 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Negozju Żgħir, Dinja Kbira — sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali”

COM(2011) 702 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'195 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-isfruttament tal-potenzjal tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) Ewropej sabiex jidħlu fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, speċjalment dawk li qegħdin jikbru b'rata mgħaġġla, jista' jkun fattur importanti sabiex jissaħħu t-tkabbir u l-impjiegi. Għal din ir-raġuni, l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs għandha tkun parti importanti mill-politiki kollha tal-UE relatati mal-SMEs.

1.2   L-internazzjonalizzazzjoni tkopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, bħall-esportazzjoni, l-importazzjoni, l-investiment barrani dirett, is-sottokuntrattar, il-kooperazzjoni teknika u oħrajn. Il-Kumitat jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tindirizza biss l-appoġġ għall-esportaturi u l-investituri.

1.3   Meta titqies ir-rabta stretta bejn l-internazzjonalizzazzjoni u l-innovazzjoni, il-Kumitat jirrakkomanda li l-programmi ġodda Orizzont 2020 u COSME jsiru aktar aċċessibbli u faċli li jintużaw mill-SMEs. Sabiex tiġi appoġġjata l-internazzjonalizzazzjoni, jeħtieġ li jintuża wkoll il-Fond Soċjali Ewropew.

1.4   L-appoġġ Ewropew għall-internazzjonalizzazzjoni għandu jqis l-appoġġ li jingħata fil-livell nazzjonali, li m'għandux jissostitwixxi iżda għandu jikkomplementa l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-UE, fi kliem ieħor billi jinfetħu s-swieq, jiġu konklużi l-ftehimiet bilaterali u multilaterali, jitneħħew l-ostakli u tiġi pprovduta l-informazzjoni fl-oqsma tad-dwana, tal-protezzjoni tal-proprjetà intelletwali, tal-protezzjoni tal-investimenti, tal-istandards, tar-regolamenti, tal-akkwisti pubbliċi, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u oħrajn.

1.5   Il-KESE jappella li tittejjeb il-koordinazzjoni u tiġi unifikata l-ġestjoni tal-politika tal-internazzjonalizzazzjoni bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni, il-Kunsill, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Parlament Ewropew u n-netwerk tar-rappreżentanti nazzjonali tal-SMEs.

1.6   Il-portal onlajn propost jista' jaqdi r-rwol tiegħu biss jekk dan ikun ikopri s-sorsi kollha ta’ informazzjoni disponibbli, ikun marbut mal-portalli nazzjonali u fil-futur ikun jipprovdi l-informazzjoni l-aktar essenzjali fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

1.7   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-użu insuffiċjenti tal-possibbiltajiet li joffri n-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi u jilqa' l-proposta li tinbidel l-istruttura amministrattiva tiegħu. Jappella li l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi jiġu assoċjati mal-ġestjoni ta’ dan in-netwerk.

1.8   Il-politika Ewropea dwar l-għajnuna li tingħata lill-SMEs sabiex jidħlu fis-swieq tal-pajjiżi terzi għandha tkun marbuta mill-qrib mal-attivitajiet transkonfinali tal-SMEs fis-suq uniku, peress li dan huwa preċiżament il-post fejn il-maġġoranza tagħhom jiksbu l-esperjenzi tagħhom tas-swieq barranin. Għalhekk, din il-politika għandha tinkludi wkoll l-għajnuna lill-SMEs sabiex jidħlu fis-suq uniku u t-tneħħija tal-ostakli li jfixklu dan.

1.9   Wieħed mill-akbar nuqqasijiet tas-sistemi attwali tal-appoġġ, kemm dawk Ewropej kif ukoll dawk nazzjonali, huwa li l-SMEs bilkemm jafu li dawn l-appoġġi jeżistu, isibuha diffiċli li jsibu l-informazzjoni li għandhom bżonn, ma jifhmux il-lingwa u jsibu diffiċli wkoll l-aċċess għall-istruzzjonijiet preċiżi sabiex isegwu l-proċeduri. F'dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda l-ewwel nett li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs jiġu involuti fl-attivitajiet marbuta mal-informazzjoni.

1.10   L-aċċess għall-finanzjament huwa prerekwiżit importanti għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, partikolarment f'perjodu ta’ kriżi. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni toħloq strumenti finanzjarji ġodda ta’ appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, bħall-garanziji ta’ finanzjament għall-esportazzjoni, l-assigurazzjoni għall-attivitajiet internazzjonali u provvista faċli ta’ self permezz ta’ karti ta’ kreditu garantiti.

1.11   Il-Kumitat jappella li jingħaqdu l-kondizzjonijiet tal-programmi reġjonali differenti, bħall-East Invest, AL Invest u Medinvest u oħrajn, li jagħmluha aktar faċli għall-SMEs li jużawhom. Jappella wkoll li tiġi riveduta r-regola attwali, li skontha huma biss l-SMEs li ġejjin minn pajjiżi msieħba li jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ għall-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet tal-programm.

1.12   Il-KESE jipproponi numru ta’ miżuri konkreti fil-livell Ewropew li jistgħu jikkompletaw b'mod utli l-għajnuniet eżistenti, bħall-introduzzjoni ta’ premju Ewropew tal-esportazzjoni tal-SMEs, l-użu ta’ inizjattivi fil-livell tal-Ewropa kollha bħall-Premju Ewropew tal-Intrapriża, ir-reklamar favur l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs matul il-Ġimgħa tal-SMEs, il-ħolqien u ż-żamma ta’ bażi ta’ data tal-aħjar esperjenzi min-naħa tal-fornituri tal-appoġġ, u t-tiġdid ta’ inizjattivi, bħall-Europarternariat jew Interprise, li għandhom l-għan li jlaqqgħu l-intraprendituri minn pajjiżi differenti.

1.13   Il-KESE japprova l-idea li kull sena jitlaqqa' forum sabiex jiġu evalwati r-riżultati tal-internazzjonalizzazzjoni u jappella sabiex dan isir pjattaforma permanenti, fejn l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħra jkunu involuti fih b'mod attiv inkluż il-KESE.

1.14   Il-KESE jirrakkomanda li maż-żoni ġeografiċi prijoritarji magħżula (pajjiżi BRIĊ) jingħaqdu swieq potenzjali oħra, bħall-Golf tal-Persja, l-Asja tax-Xlokk u oħrajn.

2.   Il-kontenut essenzjali tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1   L-Unjoni Ewropea jeħtiġilha ssib sorsi ġodda ta’ tkabbir u impjiegi. Is-swieq kbar tal-pajjiżi terzi, bħalma huma ċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja u l-Brażil, qegħdin joffru opportunitajiet interessanti għall-intrapriżi tal-UE, minħabba r-rata tagħhom jew il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir. L-appoġġ tal-attivitajiet tal-SMEs barra l-UE għalhekk jgħin ukoll li tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE, kif indikat fl-Istrateġija Ewropa 2020 u dokumenti oħra (1).

2.2   F'Novembru 2011, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni “Negozju Żgħir, Dinja Kbira – sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali” (2), fejn ipproponiet bidla kompleta tas-sistema tal-appoġġ għall-SMEs fil-livell Ewropew fil-qasam tal-internazzjonalizzazzjoni, li għandha tgħin testendih u tagħmlu aktar effettiv u trasparenti.

2.3   Filwaqt li 25 % tal-SMEs ibbażati fl-UE esportaw lejn is-suq intern f'dawn l-aħħar tliet snin, huma biss 13 % minnhom li kienu attivi internazzjonalment barra l-UE, u dan juri l-kobor tal-potenzjal li għadu mhux sfruttat fil-pajjiżi terzi, speċjalment fl-industriji innovattivi tal-manifattura u fis-setturi kreattivi.

2.4   Il-Kummissjoni tiddefinixxi l-għanijiet li tixtieq tikseb – tipprovdi lill-SMEs b'informazzjoni faċilment aċċessibbli, ittejjeb il-koerenza tal-attivitajiet ta’ appoġġ, ittejjeb il-kosteffettività, timla n-nuqqasijiet fis-servizzi pprovduti fil-livell nazzjonali mis-setturi pubbliċi u privati u tiżgura aċċess indaqs għall-SMEs mill-Istati Membri kollha tal-UE.

2.5   Sabiex tikseb dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni tixtieq tuża prinċipalment l-istrumenti li ġejjin: twassal l-informazzjoni għand l-SMEs, tagħti dimensjoni Ewropea lill-provvista tas-servizzi għall-SMEs fis-swieq prijoritarji, tappoġġja r-raggruppamenti u n-netwerks u torganizza mill-ġdid l-attivitajiet ġodda fis-swieq prijoritarji filwaqt li tirrispetta tliet prinċipji: il-komplementarjetà, is-sostenibbiltà u l-effiċjenza fl-użu tal-fondi pubbliċi billi tuża għanijiet speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, huma rilevanti u marbuta biż-żmien (SMART – specific, measurable, achievable, relevant, timed). Il-Kummissjoni ser tistabbilixxi żoni ġeografiċi prijoritarji abbażi tal-kriterji definiti. L-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs għandha tkun parti minn politiki oħra tal-UE.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jaqbel mal-maġġoranza tal-analiżi u l-konklużjonijiet tagħha. Jirrimarka li din il-Komunikazzjoni tikkonċentra aktar fuq il-mekkaniżmu tal-għoti ta’ appoġġ milli fuq il-kontenut u l-għanijiet tiegħu. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-opinjonijiet preċedenti tiegħu fejn reċentement wera l-pożizzjoni tiegħu dwar il-problema tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs – Reviżjoni tal-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar”  (3), Kif għandhom jiġu appoġġjati l-SMEs biex jadattaw għall-bidliet fis-swieq globali  (4) u Id-dimensjoni esterna tal-politika industrijali Ewropea  (5) .

3.2   Il-KESE jaqbel li l-politika biex l-SMEs jiġu appoġġjati jidħlu fis-swieq terzi għandha tkun parti mill-istrateġija tal-kompetittività tal-Ewropa 2020 tal-UE, u fil-politiki l-oħra tal-UE. Jenfasizza l-bżonn li dawn il-politiki jiġu kkoordinati fir-rigward tal-użu tagħhom sabiex tiġi promossa l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs.

3.3   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija limitata esklussivament għall-appoġġ għall-esportazzjoni diretta fis-swieq terzi. Madankollu, l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs tkopri l-esportazzjoni, l-importazzjoni, l-investiment barrani dirett, il-kooperazzjoni teknika, is-sottokuntrattar u attivitajiet oħra, fejn l-SMEs huma parti mill-katina ta’ valur.

3.4   L-appoġġ għall-informazzjoni u t-taħriġ għandu jiġi estiż għal oqsma oħra tal-internazzjonalizzazzjoni, sabiex dan ikun ta’ benefiċċju għall-akbar numru possibbli ta’ utenti. Għandha ssir distinzjoni bejn il-bżonnijiet tal-kategoriji differenti ta’ intrapriżi, skont id-daqs u l-esperjenza tagħhom għall-attivitajiet barra l-pajjiż.

3.5   L-istatistika ppubblikata għan-numru ta’ SMEs li jistgħu jkunu involuti fl-internazzjonalizzazzjoni teħtieġ li tiġi interpretata b'kawtela (6), peress li l-għan ta’ numru sinifikanti ta’ SMEs huwa li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq lokali, bħal pereżempju s-servizzi ż-żgħar, il-produzzjoni artiġjanali għad-domanda lokali, eċċ.

3.6   Il-KESE jenfasizza li b'mod sistematiku u permanenti għandu jinħoloq ambjent intraprenditorjali favorevoli għall-SMEs, fejn b'mod partikolari għandhom jitnaqqsu l-burokrazija u r-regolamenti żejda li jheddu l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej fis-swieq ta’ pajjiżi terzi u għandhom jiġu eliminati b'mod sistematiku l-ostakli kollha li jimpedixxu l-SMEs milli jsiru internazzjonali.

3.7   L-innovazzjoni tistimula l-internazzjonalizzazzjoni, li min-naħa tagħha, tista' ttejjeb il-prestazzjoni tal-intrapriżi (7). Matul il-perjodu baġitarju attwali tal-UE, fil-kuntest tas-seba' programm qafas, l-SMEs qegħdin jużaw biss 15 % tal-finanzjament disponibbli mill-programm ta’ kooperazzjoni (8). Il-programmi ġodda Orizzont 2020, COSME jistgħu jagħmlu ħafna sabiex tissaħħaħ il-kompetittività permezz tal-innovazzjoni u għalhekk jiġi promoss ambjent aktar b'saħħtu għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej u, sussegwentement, għal aktar tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi. Madankollu, l-SMEs iridu jsiru konxji ta’ dawn il-programmi, li għandhom isiru aktar faċli mil-lat amministrattiv, u jkollhom aċċess faċli għalihom.

3.8   L-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs jista' jkun effettiv biss jekk jinbidel l-approċċ tal-fornituri, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, u jimxu minn servizzi standardizzati u lesti għal servizzi “magħmula apposta”, immirati, proattivi u adattati, li jqisu s-settur ta’ attività, iċ-ċiklu tal-ħajja, id-disponibbiltà tar-riżorsi, il-pożizzjoni fost il-kompetitturi u l-kondizzjonijiet interni tal-intrapriża, bħall-għarfien lingwistiku u l-għarfien tal-kultura u tal-ambjent intraprenditorjali lokali (9).

3.9   L-għan tan-negozju huwa l-profitt, it-tkabbir u l-ksib tas-sehem fis-suq. Id-dħul fis-swieq barranin jista' jwassal għal dan, iżda m'hemm l-ebda garanzija ta’ suċċess. Filwaqt li nofs l-SMEs li joperaw barra l-pajjiż jesperjenzaw żieda fid-dħul, dan mhux il-każ għan-nofs l-ieħor. L-għan tal-appoġġ ipprovdut għandu jkun li kemm jista' jkun jitnaqqsu r-riskji ta’ falliment minħabba nuqqas ta’ informazzjoni u esperjenza.

3.10   L-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs ġej mill-kompetenza tal-Istati Membri, li joffru numru kbir ta’ programmi ta’ appoġġ, iktar minn 300, iffinanzjati kemm pubblikament kif ukoll privatament (10). Huwa għalhekk li għandu jitqies bir-reqqa l-valur miżjud li jista' jagħti l-appoġġ il-ġdid fil-livell tal-UE, sabiex jiġi evitat li jidħlu fuq l-appoġġ attwali bħala duplikazzjoni. Għal din ir-raġuni jkun utli li l-awtoritajiet nazzjonali li jipprovdu l-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs b'mod regolari jiskambjaw l-informazzjoni tagħhom u jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom mad-Direttorati Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni.

3.11   Il-kontribut tal-Ewropa għandu jkollu l-għan, l-ewwel nett li jiftaħ is-swieq u jiġi ffaċilitat l-aċċess għalihom, jikkonkludi ftehimiet bilaterali u multilaterali, ineħħi l-ostakli tariffarji u dawk li mhumiex, u jipprovdi l-informazzjoni (permezz tal-bażi tad-data dwar l-aċċess għas-suq – MADB (Market Access Database)) speċjalment dwar aspetti speċjalizzati u komuni, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali, l-istandards, id-dazji, id-dokumenti għall-importazzjoni u l-esportazzjoni, ir-regolamenti, ir-regoli sanitarji, fitosanitarji u veterinarji, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-akkwisti pubbliċi. B'mod sistematiku l-UE għandha tesiġi li l-pajjiżi msieħba jivvalidaw iċ-ċertifikati nazzjonali tal-Istati Membri li huma rikonoxxuti fi ħdan is-suq uniku, u b'hekk tiġi pprojbita d-diskriminazzjoni kontra ċerti Stati Membri.

3.12   L-għajnuna mill-UE għandha tintuża wkoll sabiex jinħolqu kondizzjonijiet ugwali għall-attivitajiet tal-SMEs li ġejjin minn Stati Membri żgħar u ġodda li m'għandhomx il-possibbiltà li jżommu rappreżentanza fis-swieq terzi.

3.13   Il-prinċipju tas-sħubija bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u r-rappreżentanti tal-intrapriżi (kmamar tal-kummerċ, assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-SMEs, assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi u tas-settur) għandu jiġi rispettat b'mod strett. L-involviment tal-imsieħba soċjali, b'mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali, għandu jservi sabiex jiġu identifikati l-politiki u r-riżorsi neċessarji sabiex tiġi appoġġjata l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs kif ukoll sabiex jiġi ssorveljat l-użu korrett tagħhom. Dan il-prinċipju ta’ sħubija għandu jirrispetta l-interessi nazzjonali u d-diversi forom ta’ appoġġ u l-kompetizzjoni ħielsa bejn l-intrapriżi u l-fornituri tal-appoġġ. Madanakollu jeħtieġ li jiġi evitat li l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri joffru servizzi f'kompetizzjoni mal-intrapriżi jew organizzazzjonijiet rappreżentanti tal-intrapriżi.

3.14   Il-KESE jiddispjaċih bin-nuqqas fil-Komunikazzjoni ta’ proposta li jkollha l-għan li ttejjeb il-koordinazzjoni u jkun hemm ġestjoni komuni tal-istrateġija tal-internazzjonalizzazzjoni fil-livell Ewropew. Fir-rigward tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, m'hemmx delimitazzjoni ċara tal-kompetenzi tad-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni (bħall-intraprenditorija u l-industrija, il-kummerċ, is-suq uniku, l-għajnuna għall-iżvilupp, id-dwana u t-taxxa). Għandha tittejjeb il-kollaborazzjoni bejn, fuq naħa, dawn id-DĠs tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u, fuq in-naħa l-oħra, il-Kunsill, in-netwerk tar-rappreżentanti nazzjonali tal-SMEs, il-Parlament Ewropew, ir-rappreżentanti diplomatiċi tal-Istati Membri fil-pajjiżi terzi u korpi oħra li jimplimentaw il-politika tal-internazzjonalizzazzjoni u li jaqdu rwol fit-tfassil tagħha.

4.   Kummenti speċifiċi u rakkomandazzjonijiet dwar il-proposti tal-Kummissjoni

4.1   L-inventarju ddettaljat tal-istat attwali għandu primarjament jiffoka fuq li jevalwa l-effikaċja tal-miżuri u l-istrumenti Ewropej attwali ta’ appoġġ, jindika n-nuqqasijiet eżistenti fis-sistemi nazzjonali ta’ appoġġ u jikkompleta dawn l-appoġġi b'kontribut Ewropew.

4.2   Jeħtieġ li jkun hemm riflessjoni serja dwar l-ispejjeż qabel ma jinħoloq portal Ewropew ġdid ta’ informazzjoni. F'dan ir-rigward, għandhom jiġu rispettati l-prinċipji li ġejjin:

M'għandux ikun hemm duplikazzjoni tas-sorsi nazzjonali eżistenti.

Il-portal għandu jorbot is-sorsi kollha ta’ informazzjoni eżistenti, kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej, sabiex ikunu faċilment aċċessibbli minn post wieħed.

L-informazzjoni komuni minn sorsi Ewropej għandha tkun ipprovduta bil-lingwi nazzjonali.

L-informazzjoni mis-sorsi proprja tal-UE għandha tiffoka fuq l-identifikazzjoni u t-tneħħija tal-ostakli għall-aċċess għas-suq, ir-regolamenti relatati mad-dwana u maċ-ċertifikazzjoni, ir-rekwiżiti sanitarji, fitosanitarji u veterinarji, l-inċentivi għall-investimenti u l-protezzjoni tagħhom, il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, l-appalti pubbliċi, eċċ.

L-SMEs għandhom jiġu informati dwar l-aspetti tal-linji gwida tal-OECD (11) għall-Intrapriżi Multinazzjonali li huma wkoll rilevanti għalihom.

L-informazzjoni għandha tqis il-bżonnijiet ta’ dawk kollha involuti fl-internazzjonalizzazzjoni: l-esportaturi, l-importaturi, l-investituri u s-sottokuntratturi waqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-setturi differenti.

4.3   Il-KESE jikkundanna n-nuqqas ta’ miżuri li għandhom l-għan li jappoġġjaw il-kummerċ elettroniku, li jista' jsir settur importanti għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs. F'dan ir-rigward hemm bżonn li jiġu implimentati l-objettivi tal-UE fir-rigward tal-internet broadband, speċjalment għall-kopertura taż-żoni rurali u remoti, li tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-informazzjoni indispensabbli għall-internazzjonalizzazzjoni tagħhom.

4.4   Il-KESE japprezza l-kontribut tan-Netwerk Ewropew tal-Intrapriża bil-għan li jiġu żviluppati l-kuntatti u r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi tal-UE f'ċerti pajjiżi. Ser ikun possibbli li jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal ta’ dan in-netwerk, kif jixhed, pereżempju, il-livell baxx ta’ għarfien tal-maġġoranza tal-SMEs Ewropej dwar l-eżistenza tiegħu. Is-servizzi offruti minn dan in-netwerk għandhom kemm jista' jkun jirriżultaw mid-domandi u l-bżonnijiet reali tal-SMEs. F'ħafna reġjuni, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs mhumiex parti min-Netwerk Ewropew tal-Intrapriża. Il-KESE jindika l-bżonn, għalhekk, li dan ikollu struttura amministrattiva ġdida u jappella sabiex l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi li huma involuti mill-qrib mal-SMEs jipparteċipaw fit-tmexxija ta’ dan in-netwerk.

4.5   L-appoġġ Ewropew li jgħin lill-SMEs jidħlu fis-swieq tal-pajjiżi terzi għandu jinkludi wkoll diversi forom ta’ appoġġ li jgħinu lill-SMEs jidħlu fis-suq uniku, flimkien mat-tneħħija tal-ostakli li jkomplu jimpedixxu lil dawn l-intrapriżi li jisfruttaw kompletament l-opportunitajiet offruti minn dan is-suq, kif indikat fl-Att dwar is-Suq Uniku. Huwa komuni għall-SMEs li jibdew bl-attivitajiet kummerċjali internazzjonali tagħhom fis-suq uniku, qabel ma jiftħu fis-swieq tal-pajjiżi terzi.

4.6   Huwa ċar mir-riċerka u l-istudji kollha li l-SMEs ma tantx għandhom għarfien dwar il-forom ta’ appoġġ u l-programmi disponibbli. L-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE għandhom jużaw lingwaġġ sempliċi, li jinftiehem u adatt għall-karatteristiċi tal-SMEs. Il-KESE jirrakkomanda li titfassal gwida ċara u qasira għal-labirint tal-għajnuna u li jittejjeb it-tixrid tal-informazzjoni dwar l-appoġġ attwali mill-istituzzjonijiet Ewropej. Fit-tixrid tal-informazzjoni u l-għarfien dwar l-appoġġ għandhom jiġu involuti, b'mod partikolari, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-SMEs, bħall-kmamar tal-kummerċ, l-organizzazzjonijiet tas-settur u l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, waqt li jiġu offruti l-appoġġ finanzjarju neċessarju sabiex joffru s-servizzi ta’ konsulenza mitluba.

4.7   Fid-dawl tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni (12), il-KESE jixtieq itejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, peress li dan huwa prerekwiżit importanti għall-internazzjonalizzazzjoni potenzjali tagħhom, speċjalment matul il-kriżi attwali ekonomika u finanzjarja tal-UE. Il-KESE jistieden għalhekk lill-Kummissjoni toħloq strumenti finanzjarji ġodda ta’ appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, bħall-garanziji ta’ finanzjament għall-esportazzjoni, l-assigurazzjoni għall-attivitajiet internazzjonali u provvista faċli ta’ self permezz ta’ karti ta’ kreditu garantiti (13).

4.8   Bid-differenza tal-programmi eżistenti, bħall-East Invest u Al Invest, il-programmi ġodda ffokati fuq reġjun għandhom jiġu stabbiliti skont kondizzjonijiet finanzjarji u amministrattivi identiċi. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli attwali, abbażi ta’ liema huma biss l-SMEs tal-pajjiżi msieħba li jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ għall-parteċipazzjoni fil-programmi. Il-programmi għandhom jiffaċilitaw ukoll l-involviment tal-SMEs minn Stati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom billi jestendu l-appoġġ tagħhom għar-rimborż tal-ispejjeż inizjali sabiex jieħdu sehem fl-attivitajiet.

4.9   Il-KESE jilqa' l-isforz li qed tagħmel il-Kummissjoni sabiex tippermetti lill-SMEs mill-Istati Membri li m'għandhomx rappreżentanza fil-pajjiżi terzi prinċipali jaċċessaw l-għajnuna u l-informazzjoni pprovduta minn Stati Membri oħra tal-UE. Madankollu jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-verità ser ikun diffiċli li din il-kooperazzjoni tiġi konfigurata. Jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk is-servizzi ssussidjati mill-fondi pubbliċi ta’ pajjiż partikolari jistgħux jintużaw minn SMEs minn Stati Membri oħra.

4.10   Dan l-ostaklu jista' jingħeleb bil-ħolqien gradwali fil-pajjiżi msieħba prinċipali ta’ ċentri Ewropej ta’ appoġġ għall-SMEs għall-kummerċ reċiproku. L-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs għandhom jiġu direttament involuti fid-deċiżjonijiet dwar in-natura u l-forma tal-attivitajiet tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew jingħataw il-finanzjament neċessarju sabiex ikunu jistgħu jippromovu s-servizzi tagħhom.

4.11   Il-KESE jitlob li s-soċjetà ċivili ogranizzata (jiġifieri dawk li jħaddmu, it-trejdjunjins, il-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, il-kmamar u l-assoċjazzjonijiet tal-professjonijiet ħielsa, eċċ.) inklużi l-KESE u organizzazzjonijiet bħall-Eurochambres, l-UEAPME, il-Business Europe, il-KETU u possibbilment l-organizzazzjonijiet settorjali Ewropej fl-aktar oqsma importanti għall-internazzjonalizzazzjoni, jipparteċipaw f'forum annwali sabiex tiġi evalwata l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs. Dan il-forum għandu jkun pjattaforma permanenti ta’ koordinazzjoni li jsegwi wkoll il-mod kif jiġu allokati ammonti konsiderevoli lil diversi programmi u forom ta’ għajnuna u jimmonitorja l-effikaċja tagħhom abbażi ta’ kriterji ċari.

4.12   Il-KESE jipproponi li jinħoloq premju Ewropew għall-aħjar esportatur fost l-SMEs li għandu jingħata annwalment, pereżempju, waqt laqgħa tal-Forum.

4.13   Il-Premju Ewropew għall-Intrapriża u l-Premju tar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew li jingħata mill-Kumitat tar-Reġjuni jistgħu jintużaw b'mod aktar enerġetiku sabiex ikun hemm aktar għarfien dwar is-suċċess miksub mill-korpi pubbliċi fil-qasam tal-internazzjonalizzazzjoni.

Il-ġimgħat tal-SMEs organizzati kull sena għandhom jinkludu inizjattivi favur l-internazzjonalizzazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam bejn l-Istati Membri.

Il-KESE jappella li tinħoloq u tinżamm bażi ta’ data onlajn tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-internazzjonalizzazzjoni tal-kmamar tal-kummerċ, tal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs u tal-organizzazzjonijiet settorjali tal-UE, kif ukoll it-tixrid immirat permezz tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs.

4.14   Il-KESE jirrakkomanda li jerġgħu jintużaw xi wħud mill-inizjattivi Ewropej li kellhom l-għan li jlaqqgħu flimkien l-intraprendituri, li diġà taw il-prova tagħhom u li minnhom ibbenefikaw fil-passat ħafna SMEs mill-pajjiżi kandidati fir-rigward tal-internazzjonalizzazzjoni tagħhom, bħall-Europartenariat jew l-Interprise.

4.15   Fir-rigward tal-ambitu territorjali tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, il-KESE jaqbel li dan ikun jiffoka fuq il-pajjiżi BRIĊ, li qegħdin jesperjenzaw tkabbir ekonomiku għoli, iżda jirrakkomanda li għandu jkun jiffoka fuq swieq oħra emerġenti, bħall-pajjiżi tal-Golf, l-Asja tax-Xlokk u reġjuni oħra. Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu definiti prijoritajiet settorjali li fuqhom għandha tiffoka l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs.

4.16   Il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm aktar involviment mir-rappreżentanti tal-SMEs fl-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs fil-pajjiżi fejn jaħdmu u li din issir waħda mill-prijoritajiet prinċipali tal-politiki nazzjonali sabiex jiġu appoġġjati l-SMEs.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-Komunikazzjonijiet dwar Politika Industrijali Integrata, COM(2010) 614 final; dwar ir-Reviżjoni tal-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar”, COM(2011) 78 final; dwar il-politika kummerċjali, COM(2010) 612 final u l-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku, COM(2010) 608 final.

(2)  COM(2011) 702 final, 9.11.2011.

(3)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51.

(4)  ĠU C 255, 22.9.10. p. 24.

(5)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 25.

(6)  Ara l-istudju EIM, p. 5. 25 % tal-SMEs fi ħdan l-UE 27 jesportaw, li minnhom madwar 50 % jagħmlu dan barra s-suq intern (13 %); 29 % tal-SMEs fi ħdan l-UE 27 jimportaw, għal darb'oħra 50 % minnhom jimportaw minn pajjiżi barra s-suq internazzjonalizzazzjoni (14 %); 7 % tal-SMEs fi ħdan l-UE 27 huma involuti f'kooperazzjoni teknoloġika ma’ msieħeb barrani, 7 % huma sottokuntratturi għal imsieħeb barrani; 7 % għandhom sottokuntratturi barranin, u 2 % tal-SMEs huma attivi fl-investiment dirett barrani.

(7)  Tabella ta’ Prestazzjoni tal-SMEs. “L-SMEs jistgħu joħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar?” EIM, Novembru 2011, p. 77.

(8)  Rapport dwar il-parteċipazzjoni tal-SMEs fis-Seba' Programm Qafas 2007-2011. Kummissjoni Ewropea, Jannar 2012.

(9)  Fabio Antoldi, “Can European SMEs really intercept the international paths of fast growth?”, preżentazzjoni matul is-seminar tal-PE fl-24 ta’ Jannar 2012, p.31.

(10)  Studju tal-EIM, “Opportunitajiet għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej (Opportunities for the internationalization of European SMEs)”, rapport finali, p.30.

(11)  Linji gwida tal-OECD għall-intrapriżi multinazzjonali, 2000.

(12)  “Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs”, COM(2011) 870 final.

(13)  Pereżempju, il-Karta Széchenyi fl-Ungerija, li hija garantita mill-Istat u tippermetti lill-SMEs jiksbu self mingħajr garanziji: www.iapmei.pt/conferencia/1_Laslo_Krisan.ppt.


Top