EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1292

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inizjattiva għan-negozju soċjali — Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni” COM(2011) 682 final

ĠU C 229, 31.7.2012, p. 44–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inizjattiva għan-negozju soċjali — Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni”

COM(2011) 682 final

2012/C 229/08

Relatur: is-Sur GUERINI

Nhar il-25 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inizjattiva għan-negozju soċjali — Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni

COM(2011) 682 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’193 vot favur, 4 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li qed tintervjeni f’ħin opportun b’din il-komunikazzjoni li tinkludi 11-il azzjoni ewlenija. Il-KESE huwa sodisfatt bil-fatt li l-Kummissjoni inkludiet diversi punti mill-opinjoni esploratorja (1) tiegħu dwar l-intraprenditorija soċjali.

1.2   Il-KESE huwa tal-fehma li l-intrapriżi soċjali għandhom jiġu appoġġjati minħabba r-rwol essenzjali li jista’ jkollhom bħala forzi mexxejja tal-innovazzjoni soċjali, kemm minħabba li jintroduċu metodi ġodda għat-twettiq ta’ servizzi u interventi maħsuba biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni, kif ukoll peress li jippromovu l-ħolqien ta’ prodotti ġodda biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ġodda tas-soċjetà. B’mod partikolari, il-KESE jixtieq jenfasizza l-potenzjal enormi li l-intrapriża soċjali toffri sabiex ittejjeb l-aċċess għax-xogħol u l-kundizzonijiet ta’ xogħol b’mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ, iżda anki għall-kategoriji differenti ta’ ħaddiema żvantaġġati.

1.3   Din l-inizjattiva tal-Kummissjoni hija opportunità importanti biex tappoġġja inizjattivi li jippromovu l-kisba ta’ ċarezza akbar fit-terminoloġija (jiġi evitat irduppjar fil-kunċetti tal-ekonomija soċjali, in-negozju soċjali, l-intrapriża soċjali u l-intraprenditorija soċjali). Dan jgħin biex jiġu konsolidati l-objettivi u l-miri tal-inizjattiva, filwaqt li tiżdied l-effettività tagħha. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jużaw b’mod koerenti l-espressjoni “intrapriża soċjali” kemm fil-proposti politiċi kif ukoll fil-livell ta’ komunikazzjoni.

1.4   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjoni prevista mill-Kummissjoni għall-iżvilupp ta’ strumenti biex jitjieb l-għarfien tas-settur u l-viżibbiltà tal-intrapriża soċjali, u japprova l-objettiv li jiġu żviluppati inizjattivi li jgħinu lill-intrapriżi soċjali biex isaħħu l-kapaċità intraprenditorjali, il-professjonaliżmu u n-netwerking tal-ħiliet tagħhom. Dan ukoll bħala inċentiv għall-kontribut li dawn jagħtu lit-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

1.5   Il-KESE japprezza u jaqbel mal-objettivi tal-Kummissjoni fir-rigward tat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament u tal-kwadru regolatorju: fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ objettivi, jirrakkomanda li sabiex jiġu promossi l-intrapriżi soċjali jeħtieġ kuntest ekonomiku u regolatorju favorevoli.

1.6   Il-KESE jilqa’ l-istedina inkluża fil-komunikazzjoni fir-rigward tal-inizjattivi sabiex jitħeġġu u jiġu promossi miżuri li jagħmlu l-akkwist pubbliku iktar aċċessibbli għall-intrapriżi soċjali.

1.7   Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw oqfsa nazzjonali għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-intrapriżi soċjali filwaqt li jitqiesu l-oqsma ewlenin involuti fl-iżgurar ta’ appoġġ u żvilupp. B’mod partikolari jirrakkomanda li jittieħdu inizjattivi li jippermettu lill-Istati Membri individwali joffru eżenzjoni fiskali fuq l-oġġetti li ma tqassmux sabiex jiffavorixxu l-konsolidazzjoni tal-ekwità tal-intrapriżi soċjali.

1.8   Bħala appoġġ aħjar għall-azzjonijiet proposti fil-komunikazzjoni jkun utli li jiġi promoss l-eżerċizzju ta’ valutazzjoni fuq ir-riżultati u l-benefiċċji ġġenerati mill-intrapriżi soċjali.

2.   Introduzzjoni

2.1   F’dawn l-aħħar snin, l-intrapriża soċjali kisbet importanza li dejjem qed tikber fil-qasam tal-politiki ekonomiċi u l-politiki ta’ koeżjoni. Kienu ħafna u diversi l-inizjattivi li ttieħdu u li ġew imwiegħda minn diversi organizzazzjonijiet. Il-KESE stess kien ressaq għadd ta’ opinjonijiet fuq inizjattiva proprja, li dan id-dokument japprova kompletament u jkompli magħhom; b’mod partikolari nsemmu l-Opinjoni dwar “Forom differenti ta’ intrapriża” (2) tal-2009 u l-Opinjoni esploratorja riċenti u importanti dwar “L-intraprenditorja soċjali u l-intrapriża soċjali” (3), li tħejjiet fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea bħala kontribut għall-abbozzar tal-“Inizjattiva tan-Negozju Soċjali” u li tinkludi wħud mill-oqsma ewlenin ta’ prijorità għall-iżvilupp u t-tkabbir tal-intrapriżi soċjali.

2.2   Dawn l-aħħar snin, fl-Ewropa iżda mhux biss, ġiet żviluppata esperjenza akkademika u xjentifika b’saħħitha dwar temi tal-intrapriża soċjali, li rnexxiela tistimola wkoll lill-istituzzjonijiet tal-UE.

2.3   Huwa importanti hawnhekk li nfakkru fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 dwar l-ekonomija soċjali (2008/2250(INI)) kif ukoll is-sejħa “From Words to Action: European Scholars in Support of Social Economy Enterprises” min-naħa tal-400 għalliem universitarji Ewropej li ntlaqgħet mill-Parlament Ewropew bl-intervent tal-Kummissarji Barnier u Tajani fit-3 ta’ Ottubru 2010.

2.4   Matul iż-żmien, il-kunċett tal-“intraprenditorija soċjali” kiseb diversi tifsiriet, u progressivament wessa’ l-ambitu semantiku tiegħu skont l-awturi li għamlu użu minu; għall-bidu kien jintuża biex jiġu identifikati l-attivitajiet ta’ negozju mwettqa minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ sabiex jiġġeneraw profitti li jistgħu jiġu investiti mill-ġdid fl-istess organizzazzjonijiet; jeħtieġ li jiġi salvagwardjat il-kunċett ta’ intrapriża soċjali b’mod li jiġi evitat li dan jitħallat ma’ dak tar-“responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji”. Dan irid jiġi enfasizzat fl-inizjattivi li ġejjin imwettqa mill-istituzzjonijiet tal-UE f’dan is-settur.

3.   Id-definizzjoni tal-intrapriża soċjali

3.1   Id-definizzjoni tal-intrapriża soċjali proposta mill-komunikazzjoni dwar l-inizjattiva għall-intraprenditorija soċjali hija pass pożittiv lejn ir-rikonoxximent tal-ispeċifiċità ta’ dan it-tip ta’ organizzazzjoni, u din għandha tkun id-deskrizzjoni ta’ riferiment użata fl-istituzzjonijiet tal-UE. Fil-fatt, din tqis korrettament it-tliet dimensjonijiet ewlenin li jiddistingwu l-intrapriża soċjali: l-objettiv/il-mira soċjali; l-attività kummerċjali; u l-governanza parteċipattiva. Il-KESE jinsisti dwar il-ħtieġa li din l-istess deskrizzjoni tintuża fil-proposta għal regolament dwar il-Fondi Ewropej għall-intraprenditorija soċjali.

3.2   Huwa importanti wkoll li nfakkru li l-Kummissjoni Ewropea stess, fil-proposta għal regolament tal-Parlament u l-Kunsill dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni kienet enfasizzat sensiela ta’ kriterji, li l-KESE jaqbel magħhom bis-sħiħ, għall-identifikazzjoni tal-intrapriża soċjali.

3.3   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ma tagħtix definizzjoni standard tal-intrapriża soċjali minħabba d-diversità fir-regolamentazzjonijiet li jeżistu fil-livell nazzjonali u li għandhom jiġu rispettati biex id-definizzjoni tal-intrapriża soċjali ma tiġix abbużata.

3.4   Il-KESE jieħu l-opportunità biex isemmi l-opinjoni esploratorja li ġiet adottata riċentement dwar l-intraprenditorija soċjali u l-intrapriża soċjali li tinkludi deskrizzjoni tal-intrapriża soċjali, li hija kkaratterizzata b’dal mod:

għandha objettivi essenzjalment soċjali iktar milli ta’ qligħ; tipproduċi benefiċċji soċjali għas-servizz tal-membri tagħha jew tal-pubbliku inġenerali;

hija essenzjalment mingħajr skop ta’ qligħ u l-ammonti żejda jerġgħu jiġu investiti fl-intrapriża stess u mhux jitqassmu bejn l-azzjonisti jew il-proprjetarji;

hija ppreżentata taħt forom legali jew mudelli varji (pereżempju: kooperattivi, assoċjazzjonijiet reċiproċi, assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat, fondazzjonijiet, intrapriżi bi skop ta’ qligħ jew mingħajr skop ta’ qligħ); ta’ spiss il-forom legali differenti jirriżultaw f’kombinazzjonijiet u kultant jinbidlu skont il-ħtieġa;

hija operatur ekonomiku li jipproduċi oġġetti u servizzi (ta’ spiss ta’ interess ġenerali) ta’ spiss b’element qawwi ta’ innovazzjoni soċjali;

topera bħala entità jew entitajiet indipendenti, b’element qawwi ta’ parteċipazzjoni u kodeċiżjoni (persunal, utenti, membri), amministrazzjoni u demokrazija (rappreżentattiva jew miftuħa);

ta’ spiss issib il-bidu tagħha fis-soċjetà ċivili organizzata.

3.5   B’referenza għal dawn il-karatteristiċi, huwa importanti li jiġu enfasizzati r-rekwiżiti distinti li ġejjin:

In-nuqqas ta’ skop ta’ qligħ, li għandu jitniżżel fl-istatuti permezz tal-obbligu li l-qligħ jew l-ammonti żejda ta’ ġestjoni li jifdal jerġgħu jiġu allokati għat-twettiq tal-attività staturorja jew li l-patrimonju jiżdied permezz tal-assenjazzjoni ta’ dawn għal fond mhux diviżibbli bejn il-proprjetarji, kemm tul il-ħajja tal-intrapriża kif ukoll fil-każ li din ixxolji. Fl-intrapriża soċjali mhijiex permessa d-distribuzzjoni diretta ta’ profitti jew ammonti żejda ta’ ġestjoni li jkun fadal, kif ukoll ta’ fondi jew riservi lill-amministraturi, membri, parteċipanti, ħaddiema jew kollaboraturi; din il-limitazzjoni ovvjament testendi wkoll għall-forom indiretti, bħal pereżempju l-pagamenti lill-amministraturi jew il-ħaddiema ogħla minn dawk previsti fl-intrapriżi li joperaw fl-istess setturi u kundizzjonijiet jew dawk komparabbli. Bl-istess mod, ir-rimunerazzjoni tal-istrumenti finanzjarji għandha tkun limitata u m’għandhiex tmur lil hinn mill-perċentwali stabbiliti, sabiex tkun garantita l-possibbiltà li l-intrapriżi soċjali jiġu kapitalizzati adegwatament.

Attenzjoni għall-ġid komuni u għall-interess ġenerali tal-komunità. L-intrapriża soċjali ta’ spiss tiġi definita billi jitqiesu żewġ fatturi diversi: l-objettiv soċjali li jestendi għall-interess ġenerali f’termini tal-komunità lokali jew gruppi soċjali speċifiċi li huma “żvantaġġati” b’xi mod; iżda l-aktar it-tip ta’ oġġetti jew servizzi prodotti b’koerenza mal-objettiv.

Il-funzjoni tal-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali permezz ta’ oġġetti u servizzi mwettqa b’koerenza mal-objettiv li titwettaq sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali ikbar.

4.   Kummenti għall-proposta tal-Kummissjoni

4.1   Il-komunikazzjoni tenfasizza diversi aspetti relatati mat-titjib fl-aċċess għall-fondi (3.1), il-viżibbiltà tal-intraprenditorija soċjali (3.2), u t-titjib tal-ambjent legali (3.3).

4.2   Fir-rigward tat-titjib fl-aċċess għall-fondi, il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa tal-finanzjament tal-intrapriżi soċjali. Dan għaliex wieħed jista’ jara li, kemm fost l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll fost dawk li jiġġestjonaw l-appoġġ għall-kreditu mill-istituzzjonijiet pubbliċi, hemm nuqqas ta’ strumenti adatti għall-valutazzjoni tal-mertu ta’ kreditu tal-intrapriżi soċjali. Fil-fatt, f’ħafna każijiet ma jkunx hemm inklinazzjoni biżżejjed biex jiġu rikonoxxuti l-valur ta’ negozju u s-solidità ekonomika tal-intrapriżi soċjali.

4.3   Sabiex tiġi assigurata viżibbiltà akbar għall-benefiċċji tal-intrapriżi soċjali huwa essenzjali li nibdew billi nkejlu r-riżultati soċjali apparti minn dawk purament ekonomiċi. Hija evidenti l-ħtieġa ta’ strumenti li jippermettu l-valutazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-impatt u l-effettività soċjali tal-attivitajiet tal-intrapriżi soċjali.

4.4   Il-prattiki fejn jingħata rendikont soċjali għandhom funzjoni fundamentali għall-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali. Jeżistu diversi strumenti biex jitkejlu r-riżultati ta’ intrapriża fil-livell soċjali. Dawn huma żviluppati b’mod speċjali mill-organizzazzjonijiet li huma aktar strutturati. Madankollu jeħtieġ li jiġu studjati u modellati strumenti adatti biex jintużaw anki minn intrapriżi soċjali żgħar. Il-Kummissjoni għandha tniedi studju li jqabbel il-mudelli eżistenti, tħeġġeġ l-użu ta’ dawn is-sistemi u taħdem biex tiżviluppa sistema jew kodiċi ta’ kondotta Ewropew komuni li jista’ jintuża minn firxa wiegħa ta’ intrapriżi soċjali.

4.5   Biex tikber il-fiduċja fl-intrapriżi soċjali huwa importanti li tinbena fiduċja fl-intrapriżi soċjali billi jiġi pparagunat “it-tikkettar” madwar l-UE kollha; għaldaqstant, kif propost mill-Kummissjoni fl-azzjoni ewlenija nru. 6, il-KESE huwa tal-fehma li tinħoloq bażi tad-data pubblika sabiex jitqabblu mudelli dwar kif għandhom jitkejlu r-riżultati soċjali u dwar kif inhuma applikati l-metodi attwali.

4.6   Jemmen li hija utli l-intenzjoni li jitjieb il-kuntest legali għall-intraprenditorija soċjali Ewropea (azzjoni ewlenija nru 9), kemm f’dak li jirrigwarda s-semplifikazzjoni tar-regolament dwar l-Istatut għal Soċjetà Ewropea tal-Kooperattivi, kif ukoll il-possibbiltà li jiġi introdott Statut Ewropew għall-Fondazzjonijiet. Barra minn hekk, kuntest legali mtejjeb għall-intrapriża soċjali jista’ jagħmel użu minn linji gwida għat-twaqqif ta’ statuti għal assoċjazzjonijiet b’għanijiet soċjali u ta’ volontarjat li minnhom ta’ spiss jinħolqu intrapriżi soċjali. Għaldaqstant il-KESE jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament biex japprovaw il-proposti għal regolament.

4.7   F’dan ir-rigward huwa f’waqtu l-impenn li ħadet il-Kummissjoni Ewropea bil-komunikazzjoni tagħha biex jinbeda studju dwar is-sitwazzjoni tal-assoċjazzjonijiet reċiproċi fl-Istati Membri kollha sabiex jiġu eżaminati b’mod partikolari l-attivitajiet transkonfinali tagħhom. L-iskoperta mill-ġdid u t-tisħiħ tas-sistema tal-assoċjazzjonijiet reċiproċi bħala strument ta’ protezzjoni soċjali ċertament jirrappreżentaw prospett importanti għaż-żamma ta’ sistema ta’ protezzjoni soċjali inklużiva.

4.8   L-appoġġ għall-intrapriżi soċjali jista’ jiffavorixxi opportunitajiet għall-involviment ta’ partijiet interessati u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini permezz ta’ organizzazzjonijiet ta’ awtoassistenza li jiffaċilitaw proċessi ta’ aggregazzjoni tad-domanda u jippromovu l-esperjenzi ta’ assistenza f’forma reċiproka.

4.9   L-intrapriża soċjali għall-integrazzjoni tax-xogħol, jekk din tiġi promossa adegwatament, tista’ tkun strument immirat fit-tul ta’ politiki attivi tax-xogħol, billi tippromovi l-impjegar ta’ persuni żvantaġġati; f'dan il-preżent ta’ kriżi tal-impjieg din tista’ tkun fundamentali għal kull min ġie eskluż mis-suq tax-xogħol.

4.10   Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema tista’ tkun ta’ lieva importanti li wieħed jibbaża fuqha sabiex jiġu ffaċċjati wkoll uħud mill-kriżijet industrijali. Jistgħu jiġu adottati forom ta’ akkwiżizzjoni ta’ intrapriżi mħaddma minn ħaddiema li jingħaqdu flimkien f’forom diversi ta’ intrapriża soċjali.

4.11   L-intrapriżi soċjali jaqdu rwol essenzjali bħala forza mexxejja tal-innovazzjoni soċjali. L-esperjenza tal-kooperattivi soċjali għall-inklużjoni fix-xogħol hija eżempju ċar, iżda apparti mill-forma legali, l-innovazzjoni soċjali ġejja wkoll minn metodi ġodda għall-forniment tas-servizzi, mill-ħolqien ta’ prodotti ġodda innovattivi u servizzi li jissodisfaw ħtiġijiet ġodda tas-soċjetà. L-istituzjonijiet Ewropej għandhom madankollu jaġixxu b’mod koerenti u jikkoordinaw il-provvedimenti għall-intrapriża soċjali u dawk għall-innovazzjoni u t-tibdil soċjali.

4.12   L-organizzazzjonijiet li jippromovu l-ħolqien jew l-iżvilupp ta’ netwerks bejn l-intrapriżi soċjali huma bżonnjużi għall-appoġġ tal-innovazzjoni billi jippromovu l-parteċipazzjoni fi proċessi ta’ sħubija jew aggregazzjonijiet intraprenditorjali bejn l-intrapriżi soċjali li jingħaqdu f’konsorzji. Għaldaqstant, il-proposta tal-Kummissjoni hija importanti peress li fl-azzjoni ewlenija nru 5 tipproponi miżuri li jippromovu l-aggregazzjonijiet u n-netwerks bejn l-intrapriżi soċjali li jiffaċilitaw l-iskambju ta’ prattiki tajba, l-ekonomiji ta’ skala u servizzi komuni (taħriġ, ippjanar, amministrazzjoni, eċċ.).

4.13   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjoni prevista mill-Kummissjoni għall-iżvilupp ta’ strument għat-titjib tal-għarfien tas-settur u l-viżibbiltà tal-intraprenditorija soċjali (azzjonijiet ewlenin nru 5, 6, 8). Għarfien ikbar dwar il-potenzjal ta’ dan il-mudell intraprenditorjali huwa utli biex tiġi promossa kollaborazzjoni aktar intensa bejn l-intrapriżi soċjali u l-intrapriżi ordinarji.

4.14   Huwa importanti li jiġu żviluppati inizjattivi li jgħinu lill-intrapriżi soċjali biex isaħħu l-kapaċità intraprenditorjali, il-professjonaliżmu u n-netwerking tal-kompetenzi tagħhom. Tkun utli, f’dan ir-rigward, il-possibbiltà li jiġu promossi pjattaformi għall-iskambju ta’ prattiki tajba, anki biex jiżdiedu l-livelli ta’ internalizzazzjoni tal-intrapriżi soċjali.

4.15   Jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-forom ġodda legali li qed jinħolqu mill-intrapriża soċjali billi tniedi studju esploratorju. Madankollu, il-sussidjarjetà għandha tkun il-prinċipju gwida, peress li l-mudelli nazzjonali jistgħu jesiġu, jew le, oqfsa regolatorji bbażati fuq il-kuntesti u t-tradizzjonijiet tagħhom stess.

4.16   Huwa importanti li jiġu promossi attitudni aktar miftuħa għas-sussidjarjetà min-naħa tal-istituzzjonijiet pubbliċi, il-preżenza ta’ politiki ta’ inċentivi aktar immirati u azzjoni biex jiġu żviluppati inizjattivi ta’ assoċjazzjonijiet intraprenditorjali li wrew li huma kruċjali għat-tkabbir tal-intrapriżi soċjali.

4.17   Jeħtieġ li l-politiki ta’ inċentivazzjoni ma jgħawġux il-prinċipji ta’ kompetizzjoni iżda jagħrfu l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriża soċjali, li ma jistgħu jitgħawġu bla ebda mod opportunistiku biex jinkiseb vantaġġ.

4.18   F’dak li jirrigwarda l-iżvilupp ta’ strumenti għat-titjib tal-finanzjament, il-KESE għandu jiġbor u jaqsam l-approċċi innovattivi tal-Istati Membri. Ikun utli jiġu promossi dawk maħsuba biex jappoġġjaw l-aspetti li huma l-aktar relatati mal-intraprenditorija, jiġifieri:

strumenti ta’ garanzija għall-kreditu għall-intrapriża soċjali (bħalma huma netwerks ta’ garanzija reċiproka jew fondi pubbliċi ta’ garanzija);

strumenti ta’ kapitalizzazzjoni għall-investimenti soċjali fuq perjodu minn medju għal twil (bħalma huma l-fondi etiċi, il-fondi għall-innovazzjoni soċjali, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju soċjali);

miżuri ta’ natura regolamentari jew fiskali maħsuba għall-appoġġ tal-kapitalizzazzjoni tal-intrapriżi soċjali, it-tħeġġiġ jew l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni ta’ diversi partijiet interessati.

4.19   Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-forom ibridi ta’ investiment li huma aktar adatti għall-intrapriżi soċjali, peress li dawn iħalltu elementi ta’ valutazzjoni ta’ tip solidali u elementi ta’ tip finanzjarju. Huwa importanti wkoll li flimkien mal-intrapriżi soċjali jiġu valorizzati aktar l-aqwa esperjenzi tal-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ karattru komunitarju u parteċipattiv qawwi, bħal fil-każ tal-banek kooperattivi jew il-banek li għandhom għanijiet etiċi u soċjali.

4.20   Huwa utli li jingħata appoġġ lil oqsma bħalma hu l-mikrokreditu (azzjoni ewlenija nru 2), iżda jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-funzjoni soċjali ta’ mertu tal-mikrokreditu, li huwa strument eċċezzjonali biex jgħin lill-individwi joħorġu min-nasba tal-faqar, mill-istrumenti għall-iżvilupp ta’ intrapriża, li huma b’mod neċessarju aktar kumplessi u strutturati. Fil-fatt, uħud mill-intrapriżi soċjali jiżviluppaw investimenti ta’ mijiet ta’ eluf ta’ euro li ma jistgħux ikunu appoġġjati adegwatament mill-mikrokreditu.

4.21   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-opportunitajiet għall-appoġġ tal-innovazzjoni soċjali, tal-intraprenditorija u tal-intrapriża offruti mill-programmi l-ġodda tal-fondi strutturali proposti fl-azzjonijiet ewlenin nru 3 u 4 jew fl-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali. Il-KESE beħsiebu jenfasizza li dawn l-oqsma għandhom jitqiesu bħala prijoritarji mill-Istati Membri fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma sabiex jippermettu li l-istess oqsma jiġu inklużi fil-perjodu li jmiss ta’ programmazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew. Barra minn hekk, il-proposta tal-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni jista’ anki jippermetti appoġġ miżjud għall-iżvilupp tal-kapaċità u tal-finanzjament għall-intrapriżi soċjali, ħaġa li hija meqjusa favorevoli.

4.22   B’referenza għall-azzjoni ewlenija nru 1 (Fondi għall-intraprenditorija soċjali), il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva, iżda juri l-ħtieġa li tinżamm l-istess deskrizzjoni inkluża fl-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali. Jeħtieġ li dan il-fond jitqies bħala wieħed mid-diversi forom ta’ strument ta’ investiment indirizzati lill-intrapriża soċjali.

4.23   Huwa meqjus utli li tiġi riveduta, sabiex issir inqas restrittiva, l-iskema de minimis għall-intrapriżi soċjali (azzjoni ewlenija nru 11), b’mod partikolari għal dawk għall-integrazzjoni fix-xogħol, anki meta l-appoġġ pubbliku jingħata direttament lill-intrapriża u ma jiġix assenjat lill-ħaddiema; il-ġustifikazzjoni għal din il-pożizzjoni tista’ tinsab fil-każ riċenti tal- “Big Society Fund” Ingliż li ġie kofinanzjat bi kwota konsistenti ta’ flejjes pubbliċi li l-Kummissjoni ma qisitx bħala għajnuna mill-istat minħabba l-valur soċjali evidenti tal-inizjattiva.

4.24   L-intenzjoni li jiġi promoss l-aċċess tal-intrapriżi soċjali għas-sistema tal-akkwisti pubbliċi (azzjoni ewlenija nru 10) hija pożittiva. Dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni Ewropea kellha rwol kruċjali biex tiżviluppa l-promozzjoni tal-klawżoli soċjali fl-akkwisti pubbliċi. Għal aktar minn għaxar snin jidher li kien hemm żieda fis-sensittivita tal-istituzzjonijiet Komunitarji għat-temi tal-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, minħabba l-konsapevolezza li mmaturat maż-żmien li biex jinkisbu l-objettivi ta’ soċjetà aktar prosperuża u ġusta jeħtieġ li t-tkabbir ekonomiku jippromovi s-sostenibbiltà ambjentali u l-koeżjoni soċjali.

4.25   Il-Kummissjoni għandha tkompli miexja b’mod deċiż f’din id-direzzjoni biex tippromovi kriterji soċjali u ambjentali fost il-kriterji għall-għoti tal-akkwisti pubbliċi u għandha tiġbor u tqassam l-aħjar mudelli – fost l-Istati Membri – li jqisu l-aspetti soċjali u ambjentali fost dawn il-kriterji. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea nnifisha rrikonoxxiet, fil-ġurisprudenza tagħha, l-importanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

4.26   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjoni ewlenija nru 6 tal-Kummissjoni biex tiġi żviluppata bażi tad-data ta’ ċertifikazzjonijiet biex is-sistemi jkunu jistgħu jsiru aktar komparabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha twettaq studju dwar dawn is-sistemi biex jinstabu sinerġiji u jitqassam it-tagħlim miksub. F’din l-opinjoni esploratorja, il-KESE enfasizza l-ħtieġa ta’ statistika komparabbli u konsolidati, riċerka u data fil-qasam tal-intrapriżi soċjali. Il-Kummissjoni u l-Eurostat għandu jkollhom rwol ċentrali sabiex jiġi ffaċilitat it-tagħlim reċiproku fi ħdan l-UE.

4.27   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta għal pjattaforma unika għall-aċċess tad-data (azzjoni ewlenija nru 8) u għandha tiġi kkomplementata b’inizjattivi simili fl-Istati Membri sabiex jiġu żgurati l-kompatibbiltà u s-sinerġiji.

4.28   Il-Kummissjoni Ewropea taqdi rwol ċentrali fiż-żamma tal-appoġġ għall-intrapriżi soċjali fuq l-aġenda politika u billi tiżgura li dawn l-intrapriżi jiġu meqjusa b’mod koerenti; għaldaqstant hija importanti l-proposta li jinħoloq grupp konsultattiv dwar l-intrapriża soċjali li ser teżamina l-progress tal-miżuri maħsuba fil-komunikazzjoni. Għandhom jiġu promossi strutturi simili fl-Istati Membri wkoll.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1.

(2)  GU C 318, 23.12.2009, p. 22.

(3)  GU C 24, 28.1.2012, p. 1.


Top