EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1041

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006” COM(2011) 612 final — 2011/0274 (COD)

ĠU C 191, 29.6.2012, p. 38–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/38


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006”

COM(2011) 612 final — 2011/0274 (COD)

2012/C 191/07

Relatur: is-Sur CEDRONE

Nhar il-25 u s-27 ta’ Ottubru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 177 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006

COM(2011) 612 final – 2011/0274 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’180 vot favur, 9 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u proposti

1.1   Il-Kumitat japprova l-approċċ tal-Kummissjoni b’mod wiesa’ fir-rigward tal-proposta l-ġdida għal Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni. Jappoġġja b’mod partikolari l-isforzi biex jiġu armonizzati l-proċeduri relatati mal-fondi varji ma’ dawk stipulati fir-regolament ġenerali, għalkemm jenfasizza wkoll għadd ta’ punti ewlenin (imfissra hawn fuq) li jridu jiġu diskussi aktar u mtejba, b’mod speċjali fid-dawl tal-qagħda attwali tal-UE minħabba l-kriżijiet finanzjarji u tad-dejn sovran.

1.2   Il-Kumitat huwa kuntent li l-fond jista’ jintuża għall-promozzjoni tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli, għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, għall-ħarsien tal-ambjent u l-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, għar-restawr tal-bijodiversità u għat-tiġdid tal-ambjent urban. Dan jista’ jħalli impatt pożittiv fuq setturi oħrajn bħat-turiżmu. Dawn huma kollha fatturi li jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli.

1.3   Il-Kumitat iqis importanti t-tendenza li l-Kummissjoni tnaqqas l-għadd ta’ interventi f’dan iż-żmien ta’ kriżi billi tikkonċentra fuq oqsma tematiċi, mod ewlieni kif titnaqqas il-ħela, jiġu kkonċentrati r-riżorsi fuq attivitajiet speċifiċi u jissaħħaħ l-effett multiplikatur li jista’ jiġġenera t-tkabbir u l-impjieg.

1.4   Il-Kumitat jappoġġja l-proposta biex jiġi ffinanzjat il-proġett “Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” iżda jrid jiġi evitat li jsir fond speċifiku, billi dan jista’ jwassal għal duplikar mhux meħtieġ.

1.5   Il-Kumitat huwa mħasseb ukoll, b’mod serju, dwar il-proposti attwali dwar il-prinċipju tal-kondizzjonalità (b’mod partikolari dik makroekonomika), u qed jesprimi riżervi kbar dwarhom. Dan m’għandux ikun orjentat lejn l-ikkastigar, u minflok għandu jiffoka fuq ir-responsabbiltà u l-ippremjar, u għaldaqstant jiġi evitat li l-objettiv ta’ konverġenza jiddgħajjef u jiġi kompromess.

1.6   Il-Kumitat jaħseb li huwa vitali li titjieb il-koordinazzjoni ta’ sensiela ta’ fondi, kif ukoll bejn il-politika ta’ koeżjoni kollha kemm hi u l-politiki ekonomiċi l-oħrajn tal-UE (inkluża l-PAK) fi ħdan il-qafas imsaħħaħ ta’ politika baġitarja komuni. Dan għandu joħloq effett multiplikatur u jsaħħaħ l-effikaċja tal-investimenti. L-għan għandu jkun kooperazzjoni isħaħ fuq il-politika ekonomika (inkluża l-politika ta’ koeżjoni), sabiex tiġi stabbilita governanza ekonomika komuni, talinqas fiż-żona tal-euro; il-Kumitat ripetutament appella biex dan isir u sfortunatament, is-summit ta’ Diċembru 2011 falla li jwettqu.

1.7   Huwa kruċjali wkoll li titjieb is-sħubija istituzzjonali li bħalissa hija żbilanċjata bejn il-Kummissjoni, l-Istati u r-reġjuni, sabiex il-Kummissjoni terġa’ tibda tipprovdi appoġġ u gwida. Din is-sħubija għandha tiġi appoġġata f’kull fażi mill-imsieħba soċjali skont l-Artikolu 5(1) tal-proposta għal regolament dwar id-dispożizzjonijiet komuni, u li spiss għandhom biss rwol ta’ konsultazzjoni u informazzjoni, billi jitfassal kodiċi ta’ kondotta għall-UE kollha kemm hi u parametri għall-valutazzjoni tal-valur miżjud tas-sħubija.

1.8   Il-Kumitat jaħseb li semplifikazzjoni minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq hija prijorità assoluta, għall-Fonda ta’ Koeżjoni u għall-Fondi Strutturali kollha; għandhom jitnaqqsu l-pagamenti amministrattivi, possibilment tiġi stabbilita miżata b’rata fissa għal xi tipi ta’ proġetti, u jiġi applikat il-prinċipju ta’ “darba biss”.

1.9   Għall-Istati Membri li l-aktar li ntlaqtu mill-kriżi, il-politika ta’ koeżjoni hija waħda mill-aktar strumenti importanti li għandhom biex inaqqsu d-differenzi soċjali, ekonomiċi u reġjonali, kif ukoll biex jirrilanċjaw it-tkabbir u jiggarantixxu s-sostenibbiltà.

1.10   Kofinanzjament: il-kriterji għal kofinanzjament għandhom jiġu analizzati b’iktar reqqa u riveduti; għandhom jintrabtu mal-kondizzjonijiet reali baġitarji tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet l-iżjed vulnerabbli ma jkollhomx aċċess għal fondi.

1.11   Il-Kumitat jaħseb li l-isfond attwali ta’ riforma u aġġustament tad-dejn organizzat f’żewġ fażijiet (l-ewwel l-awsterità, bħala theddida, umbagħad it-tkabbir) ma jħallix spazju għal politika tal-investiment u tat-tkabbir. Jaħseb ukoll li t-tkabbir u l-awsterità jridu jimxu b’mod parallel. Għaldaqstant, il-politika ta’ koeżjoni għandha tkun immirata f’dik id-direzzjoni, pereżempju l-appoġġ ta’ negozji li għandhom dimensjoni teknoloġika qawwija u impatt qawwi fuq l-impjieg taż-żgħażagħ.

1.12   Il-KESE huwa tal-fehma li l-politiki ekonomiċi mħaddma bħalissa fl-UE (awsterità, restrizzjonijiet baġitarji fil-livell nazzjonali, il-limitazzjoni tal-baġit tal-UE, il-patt fiskali, il-limitazzjoni tal-BĊE, eċċ.) qed jagħtu bidu għal proċess ta’ reċessjoni b’konsegwenzi li ma jistgħux jitbassru, fi żmien meta fil-fatt neħtieġu l-kuntrarju, jiġifieri li hemm bżonn li jittieħdu passi fl-istess ħin, jekk mhux qabel, biex jiġu appoġġati t-tkabbir u l-impjiegi permezz ta’ proposta iżjed kuraġġuża u effettiva. Kontribuzzjoni sostanzjali għal dan il-għan tista’ tiġi mill-Fondi Strutturali (u parzjalment, fuq bażi temporanja, mill-PAK), kif ġie ssuġġerit diġà fis-summit tat-30 ta’ Jannar 2012, għalkemm f’forma limitata.

1.12.1   Fi kliem ieħor, li hemm bżonn huwa “patt ġdid” Ewropew għat-tkabbir (1), pjan li jinvolvi proġetti mmirati ewlenin f’għadd żgħir ta’ setturi li huma kapaċi jerġgħu jqajmu l-ekonomija tal-UE fuq saqajha fi żmien relattivament qasir. Dan il-pjan għandu jitqies bħala komplimentari għall-Istrateġija Ewropa 2020 li hija mmirata iktar lejn riżultati fuq medda medja ta’ żmien. Pjan ta’ din ix-xorta jista’ jiġi:

ffinanzjat b’effett immedjat, permezz ta’ fondi residwi mill-programm 2007-2013, li magħhom, u mill-iżjed fis possibbli, jistgħu għal żmien limitat jiżdiedu parti mill-fondi ppjanati għall-2014-2020;

implimentat permezz ta’ proġetti li jistgħu jitwettqu immedjatament, permezz ta’ proċedura mgħaġla abbażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jew permezz ta’ bidla radikali “temporanja” fir-regolamenti attwali, li b’hekk jippermettu li jitħaffef il-proċess;

appoġġat u mħeġġeġ permezz ta’ intervent min-naħa tal-BEI permezz ta’ ħruġ ta’ bonds (Artikolu 87 tar-regolament il-ġdid). Dan ikollu effett multiplikatur fuq l-investiment, għax jattira kapital minn barra u jipproduċi effett pożittiv fuq id-dejn sovran fil-konfront tal-euro, li b’hekk tissaħħaħ.

1.12.2   Dan il-pjan ta’ tkabbir irid jiġi implimentati skont l-istess kriterji, talinqas għall-ewwel tliet snin tal-programmazzjoni li jmiss.

2.   Daħla

2.1   F’bosta Opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-Kumitat enfasizza l-prinċipji u l-importanza tal-politika ekonomika u ta’ koeżjoni soċjali kif ukoll tas-solidarjetà, kif imħaddna fit-Trattat u mtennija fit-testi tal-Kummissjoni.

2.1.1   Dan il-prinċipju issa huwa iktar rilevanti u possibilment f’iktar periklu minn qatt qabel; lanqas il-politika tat-tkabbir, meta l-Istati Membri l-antiki beżgħu li jitilfu l-fondi u l-Istati Membri l-ġodda kienu mħassba dwar in-nuqqas ta’ fondi adegwati biex ilaħħqu mad-domanda tal-koeżjoni, ma ppreżentat dan il-livell ta’ riskju.

2.2   Minkejja dan, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon it-tentattiv tal-Kummissjoni biex tqis u tinkludi fl-isfond il-bidliet għar-regolamenti, bħall-proposta dwar il-baġit tal-UE tal-ġejjieni, l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-kriżi tad-dejn sovran li segwiet u ħarġet mill-kriżi finanzjarja u li bil-mod qed thedded is-sopravivenza vera u proprja tas-suq intern u għaldaqstant tal-UE stess.

3.   Il-politika ta’ koeżjoni ġdida: sfond, mistoqsijiet, kummenti u punti strateġiċi

3.1   F’Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ proposti dwar il-qafas finanzjarju multiannwali li se jifforma l-bażi tal-finanzi tal-UE mill-2014 sal-2020. Primarjament, dan il-qafas se jappoġġa l-Istrateġija Ewropa 2020, li għandu jirrilaxxa fondi addizzjonali għall-baġit, possibilment anke permezz tal-BEI (bonds ta’ proġetti u/jew eurobonds).

3.2   Wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll li, bil-kriżi ekonomika li għaddejja bħalissa, ħafna Stati Membri ġew kostretti jadottaw miżuri ta’ rkupru ibsin ħafna u għaldaqstant li jiffriżaw l-investiment pubbliku u privat fl-infrastruttura, b’implikazzjonijiet serji għat-tkabbir u l-impjiegi. Barra minn hekk, meta jfasslu l-programmi tagħhom, l-Istati Membri għandhom it-tendenza li jagħtu prijorità lill-proġetti nazzjonali qabel proġetti transkonfinali b’dimensjoni Ewropea.

3.3   L-isfond għad-diskussjoni dwar regolamenti ġodda dwar il-politika ta’ koeżjoni għalhekk huwa speċifiku ħafna u eċċezzjonali, u għandu jiġi trattat b’dak il-mod. Pereżempju, hija meħtieġa analiżi dwar jekk nistgħux inkomplu b’politika ta’ koeżjoni fframmentata u jekk il-kondizzjonalità hijiex risposta suffiċjenti u utli għall-bżonn biex titjieb il-koeżjoni u jiġu megħjuna dawk l-Istati Membri li huma l-iżjed milquta mill-kriżi.

3.4   Fid-dawl tal-problemi estremi li qed tiffaċċja l-UE, b’riżorsi limitati li tista’ talloka għat-tkabbir, ma jkunx aħjar li nevitaw li nżidu mal-proliferazzjoni ta’ regolamenti u kontrolli li l-għadd tagħhom irid jitnaqqas b’mod drastiku, u minflok nikkonkludu l-proġetti li diġà huma fis-seħħ? Ir-riżorsi jridu jiġu jiġu użati bl-aħjar mod u bl-aktar mod semplifiċii permezz ta’ “patt ġdid Ewropew” (2) fil-għamla ta’ pjan Ewropew straordinarju għat-tkabbir.

3.5   Filwaqt li mhux ħa jsiru bidliet radikali lill-istrateġija attwali tal-UE, li s-summit tat-8 u d-9 ta’ Diċembru naqas milli jindirizza b’suċċess, il-politika ta’ koeżjoni tesiġi wkoll riforma mill-qiegħ. L-aspett li jqanqal l-ikbar tħassib, madankollu, huwa li mhux ħa tkun tista’ taqdi l-missjoni ewlenija tagħha li tnaqqas il-qasma ekonomika u soċjali bejn ir-reġjuni tal-UE, qasma li se tikber minħabba r-reċessjoni li nħolqot mill-politiki li kellhom l-għan li jnaqqsu d-defiċit pubbliku. B’hekk tkun meħtieġa bidla radikali u governanza ekonomika unitarja.

3.6   Il-Kumitat jixtieq jagħmel il-kummenti li ġejjin fir-rigward tal-metodoloġija ssuġġerita mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha biex tirriforma r-regolamenti dwar il-ġestjoni tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020, u b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet komuni li jirregolaw il-fondi kollha tal-Qafas Strateġiku Komuni:

3.6.1   Definizzjoni tal-Qafas Strateġiku Komuni: il-Kumitat qed jistenna li jeżamina l-proposta ġdida għal Qafas Strateġiku Komuni, li se jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni fl-2012. Madankollu, għad irid jiġi stabbilit, parzjalment abbażi tad-diskussjonijiet dwar il-politika ta’ koeżjoni li saru fil-Kunsill Ewropew fis-7 ta’ Diċembru 2011 (3), kif il-Kummissjoni se tittraduċi “l-objettivi u l-miri tal-prijoritajiet tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv f’azzjonijiet ewlenin għall-FEŻR, il-FK, il-FSE, il-FAEŻR u l-EMFF”.

3.6.1.1   Opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat enfasizzaw il-ħtieġa li l-politika ta’ koeżjoni żżomm sħaħ il-karatteristiċi ta’ politika maħsuba biex issaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-Istati Membri, anke jekk hija allinjata u neċessarjament konsistenti mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-objettivi tagħha.

3.6.1.2   Ir-rabta bejn dawn l-objettivi hija fattur ewlieni fis-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020, iżda l-Kummissjoni għadha ma spjegatx eżatt kif ir-rabta bejn l-istrateġiji tal-Qafas Strateġiku Komuni u l-programmi ta’ riforma fil-livell nazzjonali jistgħu jiġu implimentati b’mod funzjonali, koordinat u finanzjarament sostenibbli.

3.6.2   Ftehimiet ta’ sħubija: il-Kumitat jaqbel mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni li l-ftehimiet l-ewwel iridu jiġu nnegozjati bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, umbagħad diskussi bejn l-Istati u l-Kummissjoni.

3.6.2.1   Fil-kuntest tan-negozjati li se jiftħu mal-Istati Membri, il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-approċċ ta’ governanza fuq diversi livelli ssuġġerit mill-Kummissjoni; madankollu, jappella wkoll għal definizzjoni iktar ċara tal-atturi istituzzjonali (kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll lokali) li se jintalbu jfasslu u jiffirmaw ftehimiet ta’ sħubija mal-Kummissjoni, u għal parteċipazzjoni wiesgħa mir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-preparazzjoni ta’ dawn id-dokumenti.

3.6.3   Konċentrazzjoni tematika: il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex jitnaqqas l-għadd ta’ interventi finanzjarji implimentati taħt il-politika ta’ koeżjoni, billi r-riżorsi finanzjarji jiġu kkonċentrati fuq proġetti strateġiċi li jitqiesu bħala vitali għas-sostenibilità tal-koeżjoni u tal-proċessi ta’ żvilupp ekonomiku li għandhom jiġu attivati f’reġjuni inqas żviluppati, ta’ tranżizzjoni u aktar żviluppati.

3.6.3.1   L-għażla ta’ oqsma tematiċi li fihom għandu jsir investiment fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss ta’ seba’ snin hija f’idejn l-Istati Membri, li huma ħielsa li jiddeċiedu huma, għalkemm id-deċiżjoni għandha ssir b’mod konġunt mal-Kummissjoni wara valutazzjoni bir-reqqa tal-konsistenza tal-proposti mal-Istrateġija Ewropa 2020.

3.7   Kondizzjonalità: il-Kumitat jirrikonoxxi li din hija waħda mill-kwistjonijiet li dwarha hemm l-ikbar nuqqas ta’ ftehim bejn l-istituzzjonijiet Ewropej (Parlament, Kunsill, Kumitat tar-Reġjuni, eċċ.) fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni, u jaħseb li t-tifsira, l-għan u l-metodi għall-applikazzjoni tal-kunċett tal-kondizzjonalità ma ġewx spjegati sew. Għalkemm xi proposti ex ante (li għandhom jinkludu l-kondizzjonalità soċjali) jistgħu jitqiesu adatti, il-Kumitat ma jistax jappoġġa l-kondizzjonalità makroekonomika, kif inhi fformulata.

3.7.1   Mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa biex il-Kummissjoni tingħata garanzija li r-riżorsi tal-Fondi Strutturali jintużaw f’konformità mal-prinċipji, l-objettivi u l-perjodi ta’ żmien stipulati fir-regolamenti Komunitarji, il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha tirrevedi l-proposta tagħha fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet li ġejjin:

il-kondizzjonalità hija mekkaniżmu li għandu jitfassal u jiġi implimentat b’tali mod li jgħin ’l-Istati Membri biex jużaw ir-riżorsi bil-mod speċifikat mill-Kummissjoni, iżjed milli bħala mezz biex jiġu penalizzati l-Istati Membri;

għaldaqstant, l-enfasi fuq il-prinċipji ta’ kondizzjonalità (ex ante, makroenomiku) għandha l-ewwel nett tkun diretta lejn miżuri li jistgħu jħeġġu lill-Istati Membri jonfqu b’mod aħjar (f’termini ta’ effikaċja u effiċjenza) u iktar malajr dawk ir-riżorsi allokati lir-reġjuni li huma l-iżjed imbiegħda mill-medja tal-UE;

il-Kummissjoni għandha tiffoka iżjed fuq l-istadju ta’ ppjanar tal-programmi, jiġifieri l-istadju tal-ippjanar strateġiku meta l-prijoritajiet u r-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali fir-rigward tal-iżvilupp territorjali jkunu ġew stabbiliti. Il-Kummissjoni għandha tkun iktar attiva biex tgħin lill-pajjiżi u r-reġjuni jużaw il-fondi;

għandha tingħata l-istess attenzjoni għall-istadju meta tiġi verifikata l-kondizzjonalità ex ante. Matul dan l-istadju, għandu jiġi vverifikat li l-Istati Membri għandhom il-kapaċità li jiżguraw konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà meta jimplimentaw il-politika ta’ koeżjoni. Hawnhekk ukoll, il-Kumitat itenni li l-użu tal-prinċipju tal-kondizzjonalità huwa mod validu kif l-Istati Membri jiġu mħeġġa japplikaw b’mod korrett ir-regoli dwar il-Fondi Strutturali. Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali, meta l-Istat Membru jfittex b’mod ċar u ripetutament li jdewwem ir-riformi mitluba mill-Kummissjoni, li jkun hemm il-possibbilità li jiġu applikati sanzjonijiet.

3.7.2   Fir-rigward tal-kondizzjonalità makroekonomika, il-Kumitat jaqsam it-tħassib li esprimew il-PE u xi Stati Membri dwar il-possibilità li reġjuni u benefiċjarji tal-programmi Komunitarji jiġu penalizzata minħabba nuqqas ta’ twettiq/effiċjenza min-naħa tal-gvern ċentrali fir-rigward ta’ politiki sabiex jitnaqqas id-dejn pubbliku. Għandhom jinstabu soluzzjonijiet alternattivi sabiex jiġi evitat li r-responsabbiltà għall-politiki baġitarji nazzjonali titqiegħed fuq spallejn l-istituzzjonijiet reġjonali u l-operaturi li m’għandhom l-ebda influwenza fuq dawn id-deċiżjonijiet. Għal dan il-għan tkun adatta koordinazzjoni ikbar bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom.

3.8   Lil hinn mill-kondizzjonalità, il-politika ta’ koeżjoni għaldaqstant trid tindirizza għadd ta’ kwistjonijiet ewlenin li huma rilevanti għall-fondi kollha. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu:

il-koordinazzjoni u l-komplimentarjetà tal-fondi, u l-koordinazzjoni bejn il-fondi u politiki ekonomiċi Ewropej oħra;

il-koordinazzjoni istituzzjonali tal-politiki ta’ koeżjoni, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa;

is-semplifikazzjoni drastika tal-proċeduri u r-regolamenti dejjem iżjed kumplessi, kemm minn fuq għal isfel kif ukoll minn isfel għal fuq;

sħubija ekonomika u soċjali reali u deċiżiva (barra mill-isħubija istituzzjonali);

it-tfassil immirat tal-kofinanzjament abbażi tal-kondizzjonijiet fl-istituzzjonijiet lokali;

rwol imġedded għall-Kummissjoni fejn tingħata prijorità lil proġetti Ewropej u makroreġjonali;

ir-riżerva għall-prestazzjoni (pagamenti ta’ premjazzjoni) tista’ toħloq spejjeż amministrattivi addizzjonali u dewmien tal-forniment ta’ riżorsi indispensabbli għall-proġetti fil-qasam tal-koeżjoni;

l-applikabbiltà tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

4.   Objettivi ewlenin tal-Fond ta’ Koeżjoni

4.1   Il-Fond ta’ Koeżjoni twaqqaf fl-1993 għall-Istati Membri bi dħul nazzjonali gross (DNG) ta’ inqas minn 90 % tal-medju tal-UE u huwa mmirat primarjament lejn l-infrastruttura fl-oqsma tat-trasport, l-ambjent, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinovabbli. Għaldaqstant, investimenti jiġu mmirati lejn it-twaqqif ta’ netwerks tat-trasport u l-enerġija trans-Ewropej, u lejn l-appoġġ tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-użu tal-enerġija rinnovabbli u t-titjib tat-trasport pubbliku.

4.2   Il-fond jirrappreżenta madwar 18 % tal-infiq kollu tal-politika ta’ koeżjoni u jgħin fl-implimentazzjoni ta’ din il-politika fl-ispirtu tat-Trattat. Madankollu, ir-riżultati marru lil hinn minn dan l-objettiv: il-Fond ta’ Koeżjoni ħoloq valur miżjud għall-investimenti, ippromova t-tkabbir u l-impjiegi fir-reġjuni fil-mira, minkejja li kienu mifruxa ħafna minħabba l-għadd wisq kbir ta’ proġetti li ngħataw fondi (1 192 fil-perjodu bejn l-2000 u l-2006).

4.3   Ir-regolament il-ġdid ftit li xejn joffri affarijiet ġodda: l-Artikolu 2 jidentifika l-ambitu tal-fond, jistabbilixxi żewġ listi li jkopru dak li huwa eliġibbli għal finanzjament, u dak li mhuwiex. Aspett stramb tar-regolament huwa li jispeċifika dak li mhuwiex kopert, bħad-diżattivazzjoni ta’ impjanti nukleari jew miżuri fil-qasam tad-djar. L-Artikolu 3 jistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ investiment, jistipola erba’ oqsma ta’ intervent b’sottokategoriji, iżda ma jispeċifikax jekk dawn humiex indikattivi jew obbligatorji, għalkemm dawn l-indikazzjonijiet għandhom jagħmlu l-fondi iżjed flessibbli u faċli għall-użu. L-Artikolu 4 u l-Anness jittrattaw l-indikaturi.

4.4   Għall-Istati Membri li l-aktar li ntlaqtu mill-kriżi, il-politika ta’ koeżjoni hija waħda mill-aktar strumenti importanti li għandhom biex inaqqsu d-differenzi soċjali, ekonomiċi u reġjonali, kif ukoll biex jirrilanċjaw it-tkabbir u jiggarantixxu s-sostenibbiltà.

5.   Il-proposta l-ġdida għal Regolament: kummenti

5.1   Il-kummenti tagħna, barra minn dawk fil-punt 3.3, jiffokaw primarjament fuq il-kriterji tal-għażla għal proġetti, ir-riżorsi attribwiti għall-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” biex jiffinanzjaw in-netwerks ewlenin tat-trasport, u l-indikaturi.

5.2   Fir-rigward tal-għażla ta’ proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati, mingħajr preġudizzju għall-konsistenza u l-konformità tagħhom mal-linji gwida adottati mill-Parlament u l-Kunsill f’dan il-qasam (netwerks tat-trasport trans-Ewropej, proġetti ambjentali u proġetti tal-enerġija), il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tindika kemm it-tipi speċifiċi ta’ attività eliġibbli biex jingħataw riżorsi mill-Fond ta’ Koeżjoni u l-kriterji li jgħinu lill-Istati Membri li jirċievu dawn il-fondi jagħżlu dawk il-proġetti l-iżjed adatti għall-objettivi (wisq numerużi) tal-Fond ta’ Koeżjoni (ħdax b’kollox).

5.3   Il-Kumitat jaħseb b’mod partikolari li r-riżorsi użati mill-Fond ta’ Koeżjoni fi stadji preċedenti ta’ ppjanar ġew mifruxa fuq wisq proġetti, u b’hekk tnaqqas l-impatt globali mixtieq għat-titjib tal-infrastruttura tat-trasport. Ikun tajjeb li titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-Istati Membri sabiex issir għażla iżjed kawta u kkonċentrata ta’ proġetti ikbar b’impatt ikbar, fis-setturi tat-trasport, tal-ambjent jew tal-enerġija. B’hekk ikun jista’ jingħata kontribut iktar effettiv għat-tnaqqis tad-disparitajiet fl-infrastruttura li għadhom jeżistu bejn l-Istati Membri.

5.4   Fir-rigward tar-riżorsi allokati għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jiġu ffinanzjati proġetti tat-trasport, tal-enerġija u tal-komunikazzjoni (total ta’ EUR 50 biljun, 10 biljuni minnhom mill-Fond ta’ Koeżjoni li diġà għandu din il-mira (prinċipju ta’ proporzjonalità)), il-Kumitat jaħseb li jeħtieġ li ssir iktar diskussjoni dwar din id-deċiżjoni, sabiex jiġi spjegat għalfejn il-Kummissjoni għażlet li:

toħloq fond ieħor amministrat ċentralment minn aġenzija eżekuttiva li jkollha tikkoordina mal-programmi strateġiċi l-oħrajn kollha (Ewropej u nazzjonali) fis-settur, kif ukoll mal-Qafas Strateġiku Komuni għall-politika ta’ koeżjoni u l-ftehimiet ta’ sħubija mal-Istati Membri. Dan se jirriżulta fl-irdupjar li jidher li mhuwiex neċessarju ta’ attivitajiet u kompetenzi;

talloka riżorsi sostanzjali għall-fond, anke jekk huma ammonti żgħar meta mqabbla mal-istimi tal-Kummissjoni tar-riżorsi meħtieġa sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet futuri f’termini tat-trasport ta’ oġġetti u passiġġieri (EUR 500 biljun sal-2020), tal-enerġija (EUR 1,5 triljun għall-perjodu 2010-2030) u tal-komunikazzjoni (EUR 250 biljun). Dawn ir-riżorsi ser jittieħdu jew mill-Fondi Strutturali, jew, f’ammonti iżgħar, mill-Fond ta’ Koeżjoni. L-effett ta’ dan ikun li jitnaqqsu r-riżorsi disponibbli għall-infrastruttura tat-trasport u l-ambjent, biex b’hekk jinħolqu kumplikazzjonijiet żejda. Minħabba l-għadd kbir ta’ reġjuni li jista’ jkollhom aċċess għal dawn il-fondi, l-impatt ta’ dawn ir-riżorsi ma setax ikollu l-effett multiplikatur (proġetti ġodda u fondi, parzjalment koperti mis-settur privat) li l-Kummissjoni qed tixtieq; ir-riżultat aħħari jkun aktar frammentazzjoni tal-fondi. Bil-għan li jinkiseb l-effett mixtieq, il-Kumitat jirrakomanda li jinstabu mezzi kif jiġi inkluż is-settur privat u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni.

5.5   Il-Kumitat jivvaluta b’mod pożittiv l-introduzzjoni tal-indikaturi min-naħa tal-Kummissjoni anke jekk fil-fehma tiegħu huma ġeneriċi u mhux adegwati; pereżempju, ma jintqal xejn dwar l-impatt ambjentali, u jissemmew biss valuri kwantitattivi (indikaturi). L-istess japplika għall-iskart, kilometri ta’ toroq li jinbnew, eċċ.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “It-tkabbir u d-dejn sovran fl-UE: żewġ proposti innovattivi”, ĠU C 143, 22.05.2012, p. 10

(2)  Ibid.

(3)  COM(2011) 615 final – 2011/0276 (COD)


ANNESS

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emenda li ġejja ġiet irrifjutata fis-sessjoni plenarja għalkemm irċiviet mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Emenda 1 - imressaq minn Teder

Punt 1.11

Ibdel it-test kif ġej:

1.11 Il-KESE huwa tal-fehma li jiġu appoġġati t-tkabbir u l-impjiegi permezz ta’ proposta iżjed kuraġġuża u effettiva. Kontribuzzjoni sostanzjali għal dan il-għan tista' tiġi mill-Fondi Strutturali (u parzjalment, fuq bażi temporanja, mill-PAK), kif ġie ssuġġerit diġà fis-summit tat-30 ta’ Jannar 2012, għalkemm f'forma limitata.

Raġuni

The idea that correct and proper budget management in the Member States will lead to an economic recession cannot be accepted. The Committee should not include critical comments about Member States' efforts to balance their budgets in its opinion.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

78

Kontra

:

98

Astensjonijiet

:

18


Top