EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1849

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini” COM(2011) 152 finali

ĠU C 43, 15.2.2012, p. 20–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini”

COM(2011) 152 finali

2012/C 43/05

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar l-4 ta’ April 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini

COM(2011) 152 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’174 vot favur u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jagħraf li l-ispazju huwa riżorsa insostitwibbli u strateġika biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-UE fil-qasam soċjali, ekonomiku u dak tas-sigurtà, bħala xprun tat-tkabbir u l-innovazzjoni, kapaċi li jiġġenera ġid kbir bis-saħħa tal-postijiet tax-xogħol li jirrikjedu kwalifiki għoljin, is-servizzi innovattivi u l-opportunitajiet tas-suq li joffri anke f’setturi industrijali oħra u minħabba l-appoġġ li jiġġenera għall-qasam tar-riċerka, li min-naħa tiegħu jipproduċi innovazzjoni għall-industrija.

1.2   Il-KESE jagħraf l-importanza ta’ industrija tal-ispazju kompetittiva, mgħammra b’katina ta’ valur sħiħa – jiġifieri li tħaddan il-bini, it-tnedija, il-parti operattiva u s-servizzi downstream.

1.3   Il-KESE jirrikonoxxi li l-politika fis-settur tal-ispazju hija kompetenza maqsuma bejn l-UE u l-Istati Membri, li, min-naħa tagħhom, jieħdu inizjattivi proprji f’dan il-qasam. Il-Kumitat iħeġġeġ sħubija msaħħa mal-Istati Membri, anke dawk li ma jagħmlux parti mill-Aġenzija Spazjali Ewropea (European Space Agency – ESA), bil-għan li jiġu kkoordinati l-politiki u l-kompetenzi rispettivi tagħhom fis-settur tal-ispazju. Għandha tiġi eżaminata wkoll il-possibbiltà li l-Istati Membri li mhumiex membri tal-ESA jipparteċipaw fi programmi ta’ kooperazzjoni bħall-Istazzjon Spazjali Internazzjonali.

1.4   Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi sabiex isaħħu s-sisien li fuqhom hi mibnija l-politika Ewropea dwar l-ispazju, biex b’hekk tiġi stabbilita rabta bejn din il-politika u d-dokumenti kostituttivi tal-UE, permezz tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona f’dan il-qasam, l-istess bħall-politika industrijali Ewropea, permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020, u bħas-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni, permezz tal-inizjattiva Horizon 2020.

1.5   Il-programm ta’ Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) huwa l-muftieħ għaż-żamma tal-kapaċità Ewropea awtonoma ta’ ġbir ta’ data u informazzjoni dwar is-sistema Dinja, kemm fi żmien reali kif ukoll tul għexieren ta’ snin kif meħtieġ biex jiġu żgurati l-monitoraġġ u s-sikurezza tal-ambjent u tat-territorju u biex jiġu inklużi ċerti mekkaniżmi li fuqhom jissejjes it-tibdil fil-klima. Il-KESE huwa mħasseb ferm dwar il-fatt li ma hemmx intestatura għall-baġit tal-GMES fil-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) 2014-2020 u jitlob lill-Kummissjoni tidentifika l-fondi meħtieġa biex jiġi evitat li dan il-programm ifalli.

1.6   Il-KESE jieħu nota tar-rwol ċentrali li taqdi l-ESA bħala maħżen tal-kompetenzi tal-UE fil-qasam tekniku, xjentifiku u ġestjonali, kompetenzi li huma indispensabbli biex jassiguraw ġestjoni effiċjenti tal-programmi tal-ispazju.

1.7   Korpi oħra importanti huma l-EUMETSAT, korp operattiv li jipprovda data meteoroloġika, il-European Environment Agency (1) (EEA) u l-European Centre for Medium-Range Forecasts (2)(ECMWF).

1.8   Il-KESE jenfasizza l-kontribut importanti tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża. Huwa jisħaq fuq il-bżonn li jiġu kkunsidrati l-ħtiġiet tal-politika ta’ difiża komuni, anke permezz tal-iżvilupp ta’ programmi ġodda ta’ kooperazzjoni u infrastrutturi (3).

1.9   Il-KESE jagħraf il-ħtieġa li jitħares il-valur tal-infrastruttura spazjali billi tiġi żviluppata s-sistema Space Situational Awareness (SSA).

1.10   Fil-qasam tal-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-ispazju, jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-imsieħba konsolidati tal-UE, bħall-Istati Uniti, ir-Russja u l-Ġappun u, possibbilment, jintlaħqu ftehimiet bilaterali mal-potenzi emerġenti fis-settur tal-ispazju bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil.

1.11   Il-kooperazzjoni internazzjonali fis-settur tal-ispazju hija fattur prinċipali mhux biss għall-pomozzjoni tat-teknoloġija u tas-servizzi Ewropej, iżda wkoll għat-tixrid tal-valuri soċjali u umanitarji.

1.12   Ir-riċerka, minbarra li hija valur fundamentali għall-Ewropa, hija importanti ħafna għall-iżvilupp ta’ kapaċità awtonoma tal-Ewropa fil-qasam tat-teknoloġiji ta’ appoġġ fundamentali, li huma meħtieġa biex l-industrija Ewropea ssir kompetittiva fis-suq dinji.

1.13   L-investimenti tal-UE fil-qasam tar-riċerka għandhom ikunu iżjed effikaċi permezz tat-twaqqif ta’ qafas strateġiku komuni għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1   Din il-Komunikazzjoni tiddefinixxi l-qafas ġuridiku u l-kuntest ekonomiku, soċjali u strateġiku tal-politika Ewropea dwar l-ispazju, u tistabbilixxi rabta bejn din il-politika u l-għeruq tal-Unjoni Ewropea: id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona, il-politiki industrijali u tar-riċerka Ewropej u l-politika ta’ difiża komuni.

2.2   Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-azzjonijiet prijoritarji li jiddefinixxu l-politika tal-UE dwar l-ispazju, tiddeskrivi d-dimensjoni internazzjonali tagħha u teżamina l-esiġenzi tagħha mil-lat ta’ governanza. Għalhekk, il-Komunikazzjoni twitti t-triq lejn id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ programm spazjali Ewropew.

2.3   Il-Komunikazzjoni tafferma li l-Kummissjoni ser tressaq proposta dwar programm spazjali Ewropew fl-2011 u tħejji ruħha għall-implimentazzjoni tal-istrateġija proposta (politika industrijali, organizzazzjoni tal-attivitajiet marbuta mal-ispazju).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Is-settur tal-ispazju jirrappreżenta madwar 1,1 % tal-baġit tal-Unjoni u madwar 5 % tal-volum tas-settur industrijali Ewropew tal-ajruspazju.

3.2   Minkejja d-dimensjoni żgħira tal-ispazju f’termini relattivi, illum il-ġurnata r-rilevanza ekonomika, strateġika u soċjali tiegħu hija rikonoxxuta bis-sħiħ kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Parlament Ewropew: mhux possibbli li nimmaġinaw lill-Ewropa bħala żona ta’ benesseri mingħajr l-appoġġ u l-istimolu li l-preżenza tagħha fuq quddiem nett fis-settur tal-ispazju tirrappreżenta. Minbarra li dan is-settur jiġġenera qligħ ekonomiku sostanzjali (bħala medja d-doppju tal-ammonti investiti, saħansitra 4,5 drabi iżjed, bħal fil-każ tan-Norveġja [sors: Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) 2011]), jiġġenera wkoll firxa ta’ applikazzjonijiet insostitwibbli u ta’ utilità soċjali fundamentali: il-meteoroloġija, in-navigazzjoni, il-pożizzjonament, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru u tal-flotot, il-ġestjoni tal-agrikoltura u tal-art, l-operazzjonijiet umanitarji u l-ġestjoni tad-diżastri naturali, is-sigurtà nazzjonali u l-kontroll tal-fruntieri, fost affarijiet oħra.

3.3   F’mument ta’ diffikultà ekonomika bħal dan li ninsabu fih bħalissa, li ma nibqgħux ninvestu f’dan is-settur ser ikollu, apparti l-vantaġġi totalment marġinali mil-lat assolut ta’ ffrankar, l-effett gravissimu li jintilef il-wirt ta’ għarfien xjentifiku u ta’ kapaċitajiet industrijali li l-Ewropa bniet f’dan is-settur strateġiku fis-snin li għaddew.

3.4   L-iżvilupp ta’ kapaċità awtonoma tal-Ewropa fil-qasam tat-teknoloġiji ta’ appoġġ u l-aċċess awtonomu tagħha għall-ispazju huma għanijiet ta’ importanza fundamentali, li jitolbu appoġġ attiv.

3.5   Bid-dħul fis-settur tal-ispazju ta’ pajjiżi ġodda bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u oħrajn, l-Ewropa għandha bżonn pjan strateġiku biex iżżomm il-pożizzjoni prominenti tagħha fis-settur tal-ispazju u l-kredibbiltà tagħha fil-konfront tal-imsieħba prinċipali tagħha, b’mod partikolari l-Istati Uniti u r-Russja.

3.6   Il-programmi ewlenin GMES u Galileo jirrappreżentaw għall-Ewropa l-istrument li permezz tiegħu tkompli tkun setgħa prominenti fis-setturi strateġiċi relatati mal-użu tas-sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita u tas-servizzi ġenerati mill-osservazzjoni tad-dinja.

3.7   Waħda mill-kwistjonijiet prijoritarji u li ma tistax tiġi posposta hija li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-finanzjament tal-GMES, minħabba r-riskju konkret li l-investiment li l-Ewropa għamlet f’dan il-qasam dan l-aħar deċennju, illum il-ġurnata dejjem iżjed strateġiku, li tosserva d-dinja, ma jintilifx, u minħabba f’hekk l-Ewropa, l-industriji u r-riċerka tagħha jitilfu r-rwol ta’ tmexxija miksub.

3.8   Anke l-programmi tal-esplorazzjoni tal-ispazju, li jikkostitwixxu lok ta’ sperimentazzjoni tat-teknoloġiji tal-futur, jistgħu jkunu fil-periklu fid-dawl tal-kriżi finanzjarja attwali fl-Istati Membri tal-UE. Għalhekk, jeħtieġ li noqogħdu attenti li tiġi żgurata kontinwità f’dan is-settur.

3.9   It-Tabella 1 – sempliċement bħala eżempju u mhux b’mod eżawrjenti – turi l-investiment totali li sar fis-settur tal-ispazju minn uħud mill-Istati Membri li huma wkoll membri tal-ESA fl-2009. Bħala medja, dan l-investiment jikkorrispondi għal ammont bejn iż-0,01 % u ż-0,5 % tal-PDG (data tal-2009, sors: OECD). Il-potenzi l-kbar bħaċ-Ċina, ir-Russja u l-Istati Uniti jinvestu ammonti sostanzjalment ikbar, rispettivament 0,12 %, 0,20 % u 0,31 %. Għar-Russja u ċ-Ċina, din iċ-ċifra saħansitra rduppjat fil-perjodu 2005-2009. Fl-Ewropa, Franza tispikka minħabba investiment perċentwali ogħla, li jammonta għal 0,1 % tal-PDG tal-pajjiż (sors: OECD).

Tabella 1

Il-baġit allokat lis-settur tal-ispazju fl-2009 mill-kontributuri prinċipali tal-ESA

(f’miljuni ta’ EUR)

Pajjiż

Baġit għas-settur tal-ispazju (4)

Kontribut għall-ESA (5)

FR

1 960

(716)

DE

1 190

(648)

IT

685

(369)

UK

350

(269)

ES

190

(184)

BE

170

(161)

Baġit totali tal-ESA għall-2009

3 600

 

3.10   L-ESA għandha l-għarfien tekniku u l-kapaċità li tfassal u timplimenta programmi fil-qasam tal-ispazju u tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u applikazzjonijiet ġodda. L-ESA tħaddem hi stess ħafna mis-sistemi li tfassal, b’mod partikolari dawk ta’ natura xjentifika u ta’ riċerka. L-operazzjoni tal-infrastruttura ta’ programmi operattivi prinċipali bħall-Galileo u l-GMES hija l-inkarigu tal-Kummissjoni Ewropea.

3.11   L-EUMETSAT tirrappreżenta element importanti tal-kapaċità operattiva tal-Ewropa.

3.12   Korpi intergovernattivi oħra jinkludu l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Previżjonijiet Metereoloġiċi fuq Perjodu Medju (ECMWF), partijiet kontraenti tal-ftehim dwar l-użu tad-data u s-servizzi tal-GMES.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-politika Ewropea dwar l-ispazju tissejjes fuq sensiela ta’ pilastri li huma l-qafas leġislattiv tagħha u l-kuntest li fih hija stabbilita l-politika industrijali, id-dimensjoni internazzjonali, il-governanza tagħha, ir-relazzjoni mal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni kif ukoll sistema ta’ finanzjament adegwata u sostenibbli.

4.2   Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona jiffurmaw il-bażi legali tal-politika Ewropea dwar l-ispazju.

4.2.1   L-Artikolu 189 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jikkonferixxi lill-UE mandat wiesa’ għad-definizzjoni ta’ politika dwar l-ispazju, u jirrakkomanda wkoll li l-politiki f’dan il-qasam isiru operattivi billi jiġi stabbilit programm spazjali Ewropew.

4.2.2   Il-politika tal-UE dwar l-ispazju u l-programm Galileo huma ġestiti direttament mid-direttorat ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija (DĠ ENTR) fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.

4.2.3   Ir-regolament istituttiv tal-programm GMES (6) jiddefinixxi r-regoli għall-eżekuzzjoni tiegħu u l-baġit maħsub għall-iżvilupp tiegħu u l-fażi inizjali tal-operazzjonijiet fil-perjodu 2011-2013. Il-koordinazzjoni teknika u l-implimentazzjoni tal-komponent spazjali tal-GMES huma inkarigati lill-ESA, li, f’każ ta’ bżonn, tiġi megħjuna mill-EUMETSAT.

4.3   Il-kuntest tal-politika industrijali

4.3.1   Is-settur tal-ispazju jirrappreżenta madwar 5 % tas-settur industrijali tal-ajruspazju fl-Ewropa (iddominat mis-settur ajrunawtiku li jirrappreżenta 92 %). Il-produzzjoni tas-settur kollu tal-ajruspazju fl-Ewropa kienet ta’ madwar EUR 130 biljun, li EUR 6 biljun minnhom kienu marbuta mas-settur tal-ispazju (statistika tal-2008, sors: Ecorys Report to the EC). Il-forza tax-xogħol fis-settur tal-ajruspazju tirrappreżenta madwar 375 elf ħaddiem, u 31 000 minnhom fis-settur tal-ispazju Ewropew (sors: OECD 2011), li l-karatteristika prinċipali tiegħu hija l-kwalifiki għoljin, peress li 35 % tas-settur huwa magħmul minn lawrjati, inġiniera u maniġers.

4.3.2   Ir-rwol tal-industrija tal-ispazju fl-innovazzjoni, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji u materjali ġodda huwa insostitwibbli.

4.3.3   Il-kuntest industrijali li fih hija stabbilita l-politika Ewropea dwar l-ispazju huwa l-Istrateġija Ewropa 2020.

4.3.4   L-inizjattiva ewlenija ta’ din l-istrateġija, indirizzata fil-Komunikazzjoni ” COM(2010) 614 finali/4, tiddefinixxi l-ispazju bħala “forza ispirattiva għall-innovazzjoni u l-kompetittività għas-servizz taċ-ċittadini”, u tagħmel referenza espliċita għall-programmi Galileo/EGNOS u GMES bħala programmi stabbiliti li l-ikkompletar u l-kontinwazzjoni tagħhom wara l-2013 għandhom jiġu indirizzati fi proposti leġislattivi fl-2011 b’konformità mal-proposti kumplessivi mressqa għall-qafas finanzjarju multiannwali. L-infrastrutturi tal-ispazju huma kkunsidrati bħala strumenti essenzjali għas-sigurtà taċ-ċittadini, u għalhekk jeħtieġ li jiġu protetti. Il-programm Space Situational Awareness (SSA) jissorvelja l-ispazju.

4.3.5   Il-komunikazzjonijiet bis-satellita huma settur ewlieni tal-ispazju; barra minn hekk, jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa minħabba l-impatt tagħhom fuq it-tixrid tal-broadband.

4.4   Kooperazzjoni internazzjonali

4.4.1   Kif stipulat fir-regolament istituttiv tiegħu, il-programm tal-GMES jirrappreżenta l-kontribut Ewropew għat-twaqqif tal-Global Earth Observation System of Systems (7) (GEOSS), żviluppata fl-ambitu tal-Group on Earth Observations (8) (GEO).

4.4.2   Is-sħubija konkluża mal-Afrika, permezz tal-EGNOS, il-GMES u l-infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni, ser tagħmel impatt f’setturi ta’ importanza prinċipali bħall-ġestjoni tar-riżorsi, is-sigurtà, il-kartografija, il-ġeodesija, it-telekomunikazzjoni u l-informazzjoni.

4.4.3   Il-biċċa l-kbira tal-investimenti istituzzjonali fis-settur tal-ispazju jiġu mill-pajjiżi tal-G7, li fl-2009 investew USD 53 biljun (sors: OECD). Biss biss, l-Istati Uniti waħidhom investew USD 44 biljun, li 17-il biljun minnhom huma tan-NASA, filwaqt li l-pajjiżi l-oħra kollha tal-G7 (esklużi l-Istati Uniti) b’kollox investew il-bqija, jiġifieri USD 9 biljun.

4.4.4   Tidher biċ-ċar l-importanza li, flimkien mal-protagonisti tradizzjonali bħall-Istati Uniti, ir-Russja u l-Ġappun, għandhom xi potenzi emerġenti ġodda bħall-Brażil, l-Indja u ċ-Ċina fis-settur spazjali, li l-baġits kollettivi tagħhom marbuta ma’ dan is-settur jilħqu s-somma ta’ USD 7,2 biljun (9). Bħala paragun, il-baġit tal-Federazzjoni Russa huwa ta’ USD 2,5 biljun.

4.4.5   Bħala paragun, il-baġit tal-ESA għall-2009 kien ta’ EUR 3,6 biljun (ara wkoll it-Tabella 1).

4.4.6   L-Ewropa tħaddan politika “libera u miftuħa” dwar it-tixrid tad-data applikata mill-ESA u fis-seħħ fil-programm tal-GMES.

4.5   Governanza

4.5.1   Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 189 tat-TFUE, l-Unjoni “għandha tistabbilixxi relazzjonijiet xierqa mal-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju”, minbarra li ssaħħaħ is-sħubija tagħha mal-Istati Membri u tikkoordina l-isforzi meħtieġa għall-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-ispazju.

4.5.2   L-ESA hija korp intergovernattiv li dalwaqt ikollu 19-il pajjiż membru. L-adeżjoni mhix riżervata biss għall-Istati Membri tal-UE (pereżempju, l-Isvizzera hija membru tal-ESA) jew dawk strettament Ewropej (il-Kananda kkonkludiet ftehim ta’ sħubija mal-ESA). Il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ESA tissejjes fuq il-prinċipju tar-“ritorn ġeografiku” (geographical return) li, permezz tiegħu, l-Istati Membri jingħataw il-kuntratti industrijali b’mod proporzjonat għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-ESA. S’issa, dan il-prinċipju għamilha possibbli li jiġu allokati riżorsi importanti min-naħa tal-Istati Membri. Il-ġestjoni tal-persunal issegwi prinċipju simili, dak ta’ “rendiment ġust” (fair return), għalkemm jidher li l-prerekwiżiti tiegħu huma inqas ibbażati b’mod dirett fuq dawk applikati fuq il-kuntratti industrijali, fid-dawl tal-fatt li, fil-prinċipju, il-persunal ma jirrappreżentax jew ma jissodisfax interessi nazzjonali. Fil-fatt, it-tendenza attwali tal-UE hija li teċċedi l-prinċipju tat-total tal-interessi nazzjonali favur valur miżjud Ewropew (10). Fil-każ tal-ESA, u fid-dawl ta’ pjan spazjali Ewropew, dan il-prinċipju jidher partikolarment adegwat.

4.5.3   Il-kooperazzjoni bejn l-ESA u l-UE ġiet definita minn ftehim qafas li daħal fis-seħħ f’Mejju 2004 (ĠU L 261, 6.8.2004). Il-Kummissjoni Ewropea u l-ESA jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom permezz ta’ segretarjat konġunt magħmul minn amministraturi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-eżekuttiv tal-ESA. L-Istati Membri tal-ESA u l-UE jiltaqgħu f’livell ministerjali fil-Kunsill “Spazju”, l-assemblea konġunta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Aġenzija Spazjali Ewropea. Il-Kunsill jitħejja mir-rappreżentanti tal-pajjiżi membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Politika Spazjali. L-ESA għandha uffiċċju ta’ kuntatt fi Brussell inkarigat mit-trawwim ta’ kuntatti mal-istituzzjonijiet Ewropej.

4.5.4   S’issa, il-Kunsill “Spazju” ippermetta l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet sodi bejn l-ESA u l-Kummissjoni.

4.5.5   L-EUMETSAT huwa korp intergovernattiv li attwalment huwa magħmul minn 26 pajjiż membru. Il-korp responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwaru huwa l-Kunsill, magħmul minn rappreżentanti tas-servizzi meteoroloġiċi tal-pajjiżi msieħba; dawn is-servizzi jiffinanzjaw l-attivitajiet tal-EUMETSAT, billi ssir kontribuzzjoni proporzjonata għad-Dħul Nazzjonali Gross tal-pajjiż membru msieħeb ikkonċernat. Fl-2010, il-baġit tal-korp kien ta’ madwar EUR 300 miljun.

4.5.6   Korpi intergovernattivi oħra jinkludu l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Previżjonijiet Metereoloġiċi fuq Perjodu Medju (ECMWF), partijiet kontraenti tal-ftehim dwar l-użu tad-data u s-servizzi tal-GMES.

4.6   Riċerka u innovazzjoni

4.6.1   Ir-riċerka hija valur fundamentali fil-kultura Ewropea. Ir-riċerka u l-innovazzjoni jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol, għaż-żieda fil-prosperità u t-titjib tal-kwalità tal-għajxien. In-nondipendenza tal-Ewropa fil-qasam tat-teknoloġiji ta’ appoġġ tissejjes fuq l-attività tar-riċerka. Is-settur tal-ispazju huwa settur privileġġjat li fih jinħolqu relazzjonijiet u rabtiet bejn ir-riċerka universitarja, l-innovazzjoni industrijali u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ appoġġ.

4.6.2   Il-finanzjament tar-riċerka fil-qasam tal-ispazju huwa komponent tas-sistemi Ewropej ta’ finanzjament fil-qasam tar-riċerka. Iżda, fil-qasam tal-applikazzjonijiet, il-preżenza Ewropea mhijiex suffiċjenti. U għalhekk hemm bżonn li ssir ħidma biex il-kapaċità tar-riċerka Ewropea twassal għal applikazzjonijiet ġodda u innovattivi.

4.6.3   L-attivitajiet ta’ riċerka tal-UE huma ffinanzjati l-iżjed fi ħdan is-Seba’ Programm Kwadru (2007-2013), li għandu baġit ta’ EUR 50,5 biljun, li madwar 3 % minnhom huma allokati għall-ispazju (=EUR 1,4 biljun).

4.6.4   Fl-ambitu tal-qafas finanzjarju multiannwali propost għall-perjodu 2014-2020, il-fondi ddedikati għar-riċerka u l-innovazzjoni ser jintrabtu flimkien permezz ta’ Qafas Strateġiku Komuni (QSK) għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku (imsejjaħ Horizon 2020), u fil-perjodu ta’ validità tal-QSK (2014-2020) il-fondi ser jammontaw għal EUR 80 biljun.

4.6.5   Fl-Istrateġija Ewropa 2020, l-UE tistabbilixxi l-għan ambizzjuż tat-3 % tal-PDG iddedikat għar-riċerka.

4.7   Sigurtà u difiża komuni

4.7.1   L-infrastrutturi tal-ispazju jipprovdu servizi essenzjali bħas-sigurtà u d-difiża, kif rikonoxxut fil-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, b’mod partikolari fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet.

4.7.2   Is-sigurtà tal-infrastrutturi tal-ispazju tiġi pperikolata minħabba l-għadd dejjem jikber ta’ residwi spazjali. L-ESA, min-naħa ċivili u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (European Defence Agency – EDA), min-naħa militari, nedew programmi tal-SSA. L-UE qed taħdem fuq il-kodiċi internazzjonali ta’ kondotta b’rabta mal-attivitajiet fl-ispazju (code of conduct for outer space activities).

4.8   Programm Spazjali Ewropew – Baġit

4.8.1   Fil-Komunikazzjoni analizzata hawnhekk, il-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li tinkludi proposta dwar programm spazjali Ewropew fil-kuntest tal-qafas finanzjarju multiannwali ta’ Ġunju 2011. Il-proposta ta’ baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020, ippreżentata f’Ġunju 2011, hija orjentata lejn l-ilħiq tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 (11).

4.8.2   Il-proposta dwar programm spazjali Ewropew ma tissemmiex b’mod ċar b’dan l-isem fil-qafas finanzjarju multiannwali, iżda għall-programmi GMES u Galileo huma previsti d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

MFF INTESTATURA 1: Tkabbir intelliġenti u inklużiv – ġew allokati EUR 7 biljun għall-Galileo;

MHUX INKLUŻ FL-MFF: il-GMES huwa ffinanzjat b’baġit ta’ EUR 5,8 biljun.

Jidher li din il-proposta ta’ finanzjament tal-GMES lil hinn mill-MFF tmur deċiżament kontra r-rakkomandazzjonijiet magħmula kemm fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SEC(2011) 868 finali tad-29.6.2011 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni “Baġit għall-Ewropa 2020”, kif ukoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill “Kompetittività” tal-UE, adottati fil-31 ta’ Mejju 2011.

4.8.3   Huwa importanti li nifhmu kif il-baġit previst għall-GMES jista’ jkun garantit, biex jiġi evitat il-periklu li jintilef programm vitali għall-kompetittività futura tal-Ewropa fis-settur strateġiku tal-osservazzjoni tad-dinja, u li s’issa kien responsabbli għal deċennju ta’ ħidma u investiment ta’ EUR 3 biljun. Skont dawn l-istess konklużjonijiet tat-3094 Kunsill “Kompetittività” (suq intern, industrija, riċerka u spazju) tal-31 ta’ Mejju 2011, “…il-Kummissjoni ser telabora proposta għall-finanzjament ta’ dawn il-programmi ewlenin [nota tar-relatur: GMES u Galileo] bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss;” u “…peress li ż-żewġ programmi huma programmi Ewropej taħt ir-responsabbiltà tal-UE, huma għandhom ikomplu jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE”.

4.8.4   L-approċċ indirizzat b’mod ġenerali fil-proposta tal-qafas finanzjarju multiannwali għandu jiġi indirizzat b’mod dettaljat qabel l-aħħar tal-2011 fil-proposti leġislattivi għall-programmi ta’ nfiq u l-istrumenti fl-oqsma ta’ politika individwali.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

(2)  Ċentru Ewropew għall-Previżjonijiet Metereoloġiċi fuq Perjodu Medju.

(3)  “Il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni għandha tinkludi t-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni tal-Unjoni. Din sejra twassal għal difiża komuni, meta l-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’mod unanimu, jiddeċiedi hekk. F’dak il-każ dan għandu jirrakkomanda lill-Istati Membri li jadottaw deċiżjoni f’dan is-sens skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom. Il-politika tal-Unjoni skont din it-taqsima m’għandhiex tolqot il-karattru speċifiku tal-politika ta’ sigurtà u difiża ta’ ċerti Stati Membri, u għandha tirrispetta l-obbligazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri, li jqisu li d-difiża komuni tagħhom hija koperta mill-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku (NATO), taħt it-trattat tan-Nord Atlantiku u li tkun kompatibbli mal-politika komuni ta’ sigurtà u difiża stabbilita f’dan il-kuntest.” (Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Titolu V, Kapitolu 2, Taqsima 2, Artikolu 42(2).

(4)  Sors: OECD;

(5)  Sors: ESA

(6)  Regolament (UE) Nru 911/2010, ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1.

(7)  Sistema ta’ sistemi għall-osservazzjoni globali tad-dinja.

(8)  Grupp dwar l-osservazzjoni tad-dinja.

(9)  Iċ-Ċina: USD 6,1 biljun; l-Indja: USD 861 miljun; il-Brażil: USD 205 miljun.

(10)  Ara punt 166 tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar “Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva”: “…(i)l-mod kif evolviet is-sistema tar-riżorsi proprji, li gradwalment issostitwixxiet ir-riżorsi proprji ġenwini bl-hekk imsejħa ‘kontributi nazzjonali’, iqiegħed enfasi sproporzjonata fuq il-bilanċi netti bejn l-Istati Membri biex b’hekk jikkontradixxi l-prinċipju tas-solidarjetà tal-UE, ixejjen l-interess komuni Ewropew u jinjora b’mod ġenerali l-valur miżjud Ewropew; …”.

(11)  COM(2011) 500 finali/2, “Baġit għall-Ewropa 2020”, Parti I.


Top