EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011AE1848
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Better governance of the Single Market through greater administrative cooperation: A strategy for expanding and developing the Internal Market Information System ( “IMI” )’ COM(2011) 75 final and the ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on administrative cooperation through the Internal Market Information System (the IMI Regulation)’ COM(2011) 522 final — 2011/0226 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Governanza aħjar tas-Suq Uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva ikbar: Strateġija għall-espansjoni u l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern ( ‘IMI’ )” COM(2011) 75 finali u “l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern ( ‘ir-Regolament tal-IMI’ )” COM(2011) 522 finali — 2011/0226 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Governanza aħjar tas-Suq Uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva ikbar: Strateġija għall-espansjoni u l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern ( ‘IMI’ )” COM(2011) 75 finali u “l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern ( ‘ir-Regolament tal-IMI’ )” COM(2011) 522 finali — 2011/0226 (COD)
ĠU C 43, 15.2.2012, p. 14–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.2.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 43/14 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Governanza aħjar tas-Suq Uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva ikbar: Strateġija għall-espansjoni u l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘IMI’)”
COM(2011) 75 finali
u “l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘ir-Regolament tal-IMI’)”
COM(2011) 522 finali — 2011/0226 (COD)
2012/C 43/04
Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER
Nhar il-21 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Governanza aħjar tas-Suq Uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva ikbar: Strateġija għall-espansjoni u l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”)
COM(2011) 75 finali
Nhar l-14 ta’ Settembru 2011 u t-13 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċiedew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”)
COM(2011) 522 finali — 2011/0226 (COD)
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Novembru 2011.
Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’172 vot favur u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjoni l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-governanza tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva akbar, li twessa’ u tiżviluppa s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) u twaqqaf netwerk elettroniku serju għall-kuntatt dirett bejn l-amministrazzjonijiet varji.
1.2 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni ddikjarata fil-Proposta għal Regolament li jiġu stabbiliti regoli għall-użu tal-IMI għall-kooperazzjoni amministrattiva li jindirizzaw, fost affarijiet oħra, il-funzjonijiet tal-utenti varji tal-IMI, l-iskambju tal-informazzjoni, il-proċeduri ta’ notifika, il-mekkaniżmi ta’ twissija u l-ftehimiet ta’ assistenza reċiproka.
1.3 Barra minn hekk, iqis li huwa ta’ benefiċċju wkoll li jiġu stabbiliti miżuri għall-protezzjoni tal-privatezza rigward in-natura tad-data skambjata, li fost affarijiet oħra tindirizza l-perjodi tal-ħażna tad-data skambjata u d-dritt tan-notifika u tal-korrezzjoni.
1.4 Rigward dan il-qafas leġislattiv essenzjali, il-KESE jirrakkomanda li fost id-definizzjonijiet tal-Artikolu 5 tiddaħħal dik tad-data tal-IMI li hija data ta’ natura ekonomika u professjonali relatata mal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi u professjonali fil-qafas tas-suq uniku li huma skambjati permezz tas-sistema tal-IMI. Din hija data prevista mid-Direttivi li jistabbilixxu l-IMI bħala strument ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali.
1.5 Il-KESE jemmen li l-IMI jista’ jkollha rwol deċiżiv biex il-kooperazzjoni amministrattiva fis-suq intern tinbidel radikalment u biex tiżgura li din tissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-individwi, in-negozji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li fil-ġejjieni jista’ jkollhom sehem fl-iżvilupp u t-tħaddim tas-sistema.
1.6 F’dan is-sens, il-Kumitat jirrakkomanda li l-iżvilupp tas-sistema jipprevedi distinzjoni oġġettiva fost id-data f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom jiġu eżerċitati l-attivitajiet ekonomiċi u professjonali fl-Istati Membri differenti b’mod li din it-tip ta’ data jista’ jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini u l-intrapriżi.
1.7 Il-KESE huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni amministrattiva prevista fid-Direttivi, li s-sistema tal-IMI tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħha teħtieġ prinċipalment, u fost affarijiet oħra, skambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet. F’dan ir-rigward, huwa jinsisti fuq ir-rispett tal-leġislazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data. Għaldaqstant, il-Kumitat jirrifjuta għalkollox l-idea li d-data skambjata tista’ tiġi pproċessata kif huwa previst fil-Proposta għal Regolament u dan għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, għaliex id-Direttivi li l-IMI tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħhom imkien ma jsemmu l-ħtieġa li d-data tiġi pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni amministrattiva li jipprevedu. Min-naħa l-oħra, għaliex l-eżiġenzi prattiċi ta’ kontroll u ta’ segwitu ta’ kif taħdem is-sistema IMI stabbiliti mill-Kummissjoni bl-ebda mod ma jiġġustifikaw, f’għajnejn il-Kumitat, it-twessigħ tal-possibbiltajiet ta’ proċessar tad-data personali skambjata li jwassal saħansitra għall-ħolqien ta’ fajls separati.
1.8 Fl-aħħar, fid-dawl tal-qabża kwantitattiva li ġġib magħha din is-sistema, fin-numru ta’ parteċipanti u l-fluss tal-informazzjoni, il-KESE jirrakkomanda li titħejja sistema bażika li tippermetti r-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-każ tan-nonkonformità fil-livell tranżnazzjonali. Din is-sistema, anke jekk tkun sempliċi, tikkontribwixxi biex jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet f’każ ta’ tħaddim anomalu jew ġestjoni ħażina tas-sistema, u dan jagħmilha possibbli li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali taċ-ċittadini.
2. Sfond
2.1 Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern hija applikazzjoni tal-IT aċċessibbli permezz tal-internet u żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri (u applikabbli fiż-Żona Ekonomika Ewropea), li l-iskop tagħha huwa li tgħin lil tal-aħħar jissodisfaw fil-prattika r-rekwiżiti għall-iskambji tal-informazzjoni mniżżla fl-atti legali tal-UE permezz ta’ sistema ta’ komunikazzjoni ċentralizzata li tippermetti l-iskambju tal-informazzjoni u l-assistenza reċiproka transkonfinali.
2.2 Is-sistema, li fil-bidu twaqqfet bħala “proġett ta’ interess komuni”, hija mfassla biex tkun sistema flessibbli u deċentralizzata li faċilment tista’ tiġi adattata biex tappoġġja oqsma differenti tal-leġislazzjoni tas-Suq Uniku li fihom dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni amministrattiva.
2.3 Il-prinċipji bażiċi tas-sistema IMI huma dawn li ġejjin:
a) |
possibbiltà ta’ użu mill-ġdid; |
b) |
flessibbiltà organizzattiva; |
c) |
proċeduri sempliċi fuq qbil; |
d) |
multilingwiżmu; |
e) |
użu faċli; |
f) |
protezzjoni tad-data u |
g) |
l-ebda spiża ta’ IT għall-utenti |
2.4 Bħalissa din is-sistema qed tintuża għal skopijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva b’rabta mad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali (1) u d-Direttiva dwar is-Servizzi tas-Suq Intern (2). Ser tintuża wkoll bi prova fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Impjieg tal-Ħaddiema (3).
2.5 Is-sistema tal-IMI bħalissa ma tistax tintuża mill-konsumaturi jew min-negozji. Din hi għodda intiża biss għall-użu mill-awtoritajiet kompetenti fl-oqsma speċifiċi li tkopri.
2.6 Il-KESE diġà esprima l-fehmiet tiegħu (4) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Inwettqu l-benefiċċji tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva mtejba (5), waqt li appoġġja approċċ għall-kooperazzjoni amministrattiva transkonfinali li jkun aktar deċentralizzat u bbażat fuq il-bini ta’ kuntatti li jaħdem fl-interess tas-suq uniku u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern.
3. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
3.1 Skont il-Kummissjoni, biex jiġi żgurat li s-suq uniku jaħdem bl-aħjar mod, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom bżonn jaħdmu flimkien mill-qrib billi jipprovdu assistenza lil xulxin u jaqsmu l-informazzjoni.
3.2 Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu Lejn Att dwar is-Suq Uniku (6), waħda mill-50 proposta li tagħmel ħabbret il-ħolqien ta’ netwerk elettroniku għall-kuntatt dirett bejn l-awtoritajiet Ewropej, ibbażat fuq l-istrateġija ta’ espansjoni tal-IMI bl-użu ta’ sistema ta’ informazzjoni b’diversi lingwi.
3.3 L-IMI huwa flessibbli fil-mod kif jiġi organizzat f’kull Stat Membru. L-istruttura deċentralizzata tan-netwerk teħtieġ li kull pajjiż parteċipanti jaħtar koordinatur nazzjonali tal-IMI (NIMIC), biex jiġġestixxi l-koordinazzjoni globali tal-proġett tal-IMI.
3.4 Il-potenzjal tal-IMI jinsab:
— |
fiż-żjieda ta’ oqsma ta’ politika ġodda; |
— |
fl-iżvilupp ta’ funzjonijiet ġodda; |
— |
fir-rabta tal-IMI ma’ sistemi oħra tal-IT u |
— |
fl-użu ta’ funzjonijiet tal-IMI għal skopijiet ġodda. |
3.5 F’qasam leġislattiv partikolari fejn m’hemm l-ebda sistema ta’ informazzjoni li tappoġġja l-kooperazzjoni amministrattiva, l-użu mill-ġdid tal-IMI flok l-iżvilupp ta’ sistema speċifika ġdida għandu għadd ta’ vantaġġi:
a) |
kosteffiċjenza aħjar; |
b) |
użu aktar faċli; |
c) |
soluzzjonijiet aktar malajr u prevedibbli; |
d) |
sikurezza akbar; u |
e) |
żmien iqsar biex jibdew il-proġetti pilota. |
3.5.1 M’hemm l-ebda limitu għan-numru ta’ oqsma ġodda li jistgħu jiżdiedu mal-IMI, iżda jeżistu limitazzjonijiet organizzattivi għal kemm jista’ jespandi, peress li trid tinżamm il-koerenza kunċettwali tas-sistema, fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:
— |
kull grupp ġdid ta’ utenti jrid ikun marbut jew parzjalment koprut mill-gruppi ta’ utenti attwali; |
— |
għandha tingħata prijorità liż-żjieda ta’ oqsma li jistgħu jużaw il-funzjonijiet attwali; |
— |
jekk iż-żjieda ta’ qasam legali ġdid teħtieġ l-iżvilupp ta’ funzjonijiet ġodda, dan għandu jsir b’mod ġeneriku sabiex il-modulu l-ġdid ikun jista’ jadatta faċilment għal gruppi ta’ utenti oħra; |
— |
l-ispejjeż ta’ kull żvilupp ieħor li jkun meħtieġ għandu jiġi ġġustifikat bil-valur miżjud mistenni fl-użu tal-IMI mill-grupp tal-utenti l-ġodda jew attwali u fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u fil-benefiċċji għaċ-ċittadini u n-negozji, u |
— |
oqsma u funzjonijiet ġodda jew konnessjonijiet ma’ għodod oħra m’għandhomx iżidu l-kumplessità tas-sistema għall-utenti. |
3.6 Is-sistema tal-IMI ssegwi approċċ ta’ “privatezza fid-disinn”, li permezz tiegħu, il-privatezza u l-konformità mal-protezzjoni tad-data huma ddisinjati fis-sistema mill-bidu nett, bl-inklużjoni ta’ applikazzjoni stretta tal-prinċipju tal-limitazzjoni għall-iskop u kontrolli adegwati.
3.7 L-infiq għall-IMI jkopri l-iżvilupp u t-titjib tas-sistema, iż-żamma tal-IMI fiċ-ċentru tad-data tal-Kummissjoni, il-manutenzjoni, l-amministrazzjoni tas-sistema, l-appoġġ tat-tieni linja (second-line support), it-taħriġ, il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni.
3.8 Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-espansjoni tas-sistema biex tkopri oqsma u funzjonijiet ġodda jew biex jinħolqu konnessjonijiet ma’ għodod oħra m’għandhiex iżżid il-kumplessità tas-sistema għall-utenti. Ir-rekwiżiti għall-kooperazzjoni amministrattiva għandhom ikunu ċari biżżejjed u b’mod li jistgħu jiġu mwettqa, filwaqt li għandha tiġi analizzata l-ħtieġa ta’ għodda tal-IT li tappoġġja dan il-proċess.
3.9 Il-Kummissjoni tqis li huwa essenzjali li l-proġett ikollu struttura ta’ governanza trasparenti u effettiva u li l-partijiet interessati kollha jifhmu l-proċeduri u l-fora li jridu jintużaw biex jintlaħaq ftehim dwar aspetti differenti tal-proġett. Għaldaqstant, dan jiġbor fih il-ġestjoni ta’ kuljum tas-sistema, id-deċiżjonijiet ta’ politika, il-pariri u l-gwida mill-esperti u l-iżvilupp tal-istruttura ta’ governanza.
3.10 Fl-aħħar, is-sistema hija intiża li tiżgura livell għoli fil-prestazzjoni tas-sistema u fis-sigurtà. F’dak li jirrigwarda l-prestazzjoni, hekk kif l-għadd ta’ utenti u l-volum tad-data tal-IMI jikber, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-prestazzjoni tas-sistema (pereżempju t-tul ta’ ħin għal risposta) tibqa’ sodisfaċenti. Rigward is-sigurtà, l-IMI taħżen u tipproċessa data personali u data oħra li mhijiex maħsuba li tkun aċċessibbli għall-pubbliku.
4. Kummenti ġenerali dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
4.1 Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni, li jadotta strateġija ta’ espansjoni u żvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) bil-għan li jtejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva.
4.1.1 Kooperazzjoni amministrattiva aktar koerenti fis-suq intern tal-anqas għandha tkun ibbażata fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, speċjalment fuq il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, l-aċċess għad-dokumenti, il-protezzjoni tad-data, kif ukoll fuq il-prinċipji ġenerali u kondiviżi tal-liġi li huma rikonoxxuti fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja.
4.1.2 Fi kwalunkwe każ, il-KESE jindika li l-livell ta’ prekawzjoni u protezzjoni li japplika għad-data personali ser ivarja skont jekk id-data tirreferix għall-kummerċjanti jew in-negozjanti fil-kapaċità tagħhom ta’ operaturi ekonomiċi.
4.1.3 Filwaqt li huwa minnu li l-IMI tneħħi l-inċertezza, dan tagħmlu biss għall-awtoritajiet u mhux għall-SMEs u partijiet interessati oħra fis-soċjetà. Din iċ-ċertezza għandha tiġi estiża għalihom ukoll, kif ġie ddikjarat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2001.
4.2 Barra mir-regolamentazzjoni sustantiva u speċifika tiegħu, is-suġġett tal-protezzjoni tad-data jirrikjedi li dan l-aspett jitqies bħala teknika leġislattiva tajba f’regolamenti oħra. Dan japplika b’mod ġenerali għar-regolamentazzjoni tal-proċeduri li jintużaw fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Komunità u b’mod partikolari għas-sistema tal-IMI, li fiha nnifisha hija proċedura kumplessa.
4.2.1 Rigward it-tressiq ta’ appelli, din il-proċedura għandha tipprovdi għal sistema ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim għal każijiet ta’ diżgwid transnazzjonali. Għalhekk huwa importanti li jkun hemm aċċess mgħaġġel u effiċjenti għall-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim li huma faċli u ma jiswewx ħafna flus għal dawk li huma intenzjonati għalihom, kemm jekk huma individwi privati kif ukoll jekk huma negozji.
4.3 L-aċċess għas-sistema tal-provvista u l-kisba tal-informazzjoni għandu jkun irregolat b’mod attent ħafna biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu obbligati jwettqu l-konsultazzjoni fuq il-bażi ta’ talba ġustifikata tajjeb, bl-użu tal-formola standard u li l-persuna li tagħmel it-talba dejjem tista’ tipprova interess leġittimu.
4.4 Rigward is-sinerġiji ma’ strumenti ta’ informazzjoni oħra attwali u ma’ bażijiet tad-data ta’ professjonisti rregolati li fihom “listi” tal-professjonijiet li huma rregolati minn kull Stat Membru, il-KESE jqis li għandhom jiddaħħlu wkoll ir-rekwiżiti kollha għall-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari barra mil-“lista”, dan ifisser mhux biss il-kwalifiki akkademiċi, iżda wkoll is-sħubija jew le f’assoċjazzjoni professjonali, l-assigurazzjoni, il-liċenzji, eċċ. Dan jippermetti li xi konsultazzjonijiet isiru xi ftit jew wisq awtomatiċi u jkunu aċċessibbli għall-atturi tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jittama li dawn l-aspetti jiġu kkunsidrati fit-test tad-Direttiva li qed titfassal.
4.4.1 Il-ħtieġa ta’ dan l-approċċ tista’ tinftiehem mir-Rapport Annwali tal-2010 dwar is-sistema tal-IMI, li jirreferi għall-isfida li jiġu ġestiti firxa wiesgħa ta’ awtoritajiet li huma kompetenti fil-qasam tas-servizzi. Kull awtorità, bil-firxa ta’ kompetenzi tagħha (tal-anqas id-distinzjoni bażika bejn regolament, intervent u superviżjoni), għandha tiġi inkluża fil-listi ta’ professjonijiet regolati.
4.5 Ir-responsabbiltajiet ta’ kull tħaddim ħażin tas-sistema jew il-ġestjoni tagħha, f’termini ta’ żbalji, dewmien eċċessiv, korrezzjonijiet, eċċ., tal-informazzjoni li hija skambjata, għandhom jiġu ċċarati, sabiex tkun iggarantita ċ-ċertezza legali tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-operaturi f’dak li jirrigwarda d-data personali. Ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni għal ħidma mhux normali tal-awtoritajiet huwa prinċipju ġenerali fil-liġi tal-UE, rikonoxxut fl-Istati Membri kollha.
5. Il-proposta għal Regolament
5.1 L-għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni huma li:
a) |
tistabbilixxi qafas legali sod għall-IMI u ġabra ta’ regoli komuni li jiżguraw li taħdem b’mod effiċjenti; |
b) |
tipprovdi qafas komprensiv għall-protezzjoni tad-data billi tistabbilixxi r-regoli għall-ipproċessar tad-data personali fl-IMI; |
c) |
tiffaċilita l-espansjoni potenzjali tal-IMI fil-ġejjieni għal oqsma ġodda fil-liġi tal-UE; u |
d) |
tiċċara r-rwoli tal-atturi differenti li jipparteċipaw fl-IMI. |
5.2 Hija tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin tal-protezzjoni tad-data permezz tal-IMI, fosthom id-drittijiet tal-persuni kkonċernati, fi strument legali uniku u b’hekk tkabbar it-trasparenza u żżid iċ-ċertezza legali. Il-proposta tiddefinixxi b’mod preċiż il-forma u l-metodi tal-kooperazzjoni amministrattiva permezz tal-IMI.
5.2.1 Il-lista tal-oqsma tal-atti tal-Unjoni li attwalment huma appoġġjati mill-IMI tinsab fl-Anness I. L-oqsma ta’ espansjoni futura possibbli jinsabu elenkati fl-Anness II.
5.3 Il-proposta ttejjeb il-kundizzjonijiet li fihom jaħdem is-suq intern billi tipprovdi għodda effiċjenti u faċli li tħaffef l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet fl-atti tal-Unjoni li jirrikjedu li l-Istati Membri jikkooperaw flimkien u mal-Kummissjoni u li jaqsmu l-informazzjoni flimkien, filwaqt li jaċċertaw livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali.
5.3.1 Il-proposta tistabbilixxi ċerti regoli komuni marbutin mal-governanza u l-użu tal-IMI. Fosthom hemm l-obbligu li jinħatar koordinatur tal-IMI nazzjonali, wieħed għal kull Stat Membru, l-obbligu fuq l-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu risposta adegwata u f’waqtha u d-dispożizzjoni li l-iskambju tal-informazzjoni permezz tal-IMI jista’ jintuża biex tiġi provduta evidenza bl-istess mod li bih tintuża informazzjoni simili li tinġabar fl-istess Stat Membru.
5.3.2 Il-proposta fiha wkoll mekkaniżmu biex l-IMI tespandi għal atti ġodda tal-Unjoni. L-għan huwa li tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa għall-futur filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ ċertezza legali u trasparenza. Wara l-valutazzjoni tal-fattibbiltà teknika, il-kosteffiċjenza, il-faċilità tal-użu u l-impatt globali fuq is-sistema, kif ukoll ir-riżultati ta’ fażi ta’ prova li tista’ ssir, il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li taġġorna l-lista tal-oqsma fl-Anness I b’mod koerenti billi tadotta att delegat.
5.3.3 Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li taċċerta s-sigurtà, id-disponibbiltà, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-software tal-IMI u l-istruttura tal-IT. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tkun attiva fil-flussi tal-kompiti allokati lill-IMI, b’konformità mad-dispożizzjonijiet legali jew arranġamenti oħra li fuqhom ikun ibbażat l-użu tal-IMI f’qasam partikolari tas-suq intern.
5.3.4 Il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi għadd ta’ garanziji dwar it-trasparenza tal-ipproċessar u s-sigurtà tad-data. Id-data personali m’għandhiex tibqa’ aċċessibbli għal żmien itwal milli jkun meħtieġ, għalhekk għandhom jiġu stabbiliti perjodi massimi ta’ ħażna, li meta jiskadu, id-data tiġi blukkata u mħassra b’mod awtomatiku, ħames snin wara l-għeluq tal-proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva.
5.3.5 Rigward l-ambitu ġeografiku, l-istrument legali għall-IMI għandu jipprovdi biżżejjed flessibbiltà biex jakkomoda l-inklużjoni ta’ pajjiżi terzi fl-iskambji tal-informazzjoni f’ċerti oqsma, jew l-użu tas-sistema f’kuntest purament nazzjonali.
6. Kummenti ġenerali dwar il-proposta għal regolament
6.1 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta għal Regolament għat-twaqqif ta’ regoli li jirregolaw l-użu tal-IMI għall-kooperazzjoni amministrattiva. Madankollu, peress li dawn huma regoli li japplikaw direttament biex jiffurmaw qafas regolatorju ġenerali, il-KESE huwa mħasseb dwar żewġ kwistjonijiet:
— |
in-nuqqas ta’ preċiżjoni f’xi kunċetti legali fundamentali u |
— |
it-twessigħ konsiderevoli tas-setgħat tal-utenti tal-IMI rigward id-data skambjata. |
6.2 Essenzjalment, l-IMI hija applikazzjoni tal-IT f’diversi lingwi li tgħaqqad flimkien aktar minn 6 000 awtorità kompetenti li jiskambjaw l-informazzjoni, f’perjodi ta’ żmien relattivament qosra, dwar il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi u professjonali speċifiċi fl-Istati Membri rilevanti.
6.2.1 L-iskambju ta’ informazzjoni attwali permezz ta’ din l-applikazzjoni tal-IT hija soġġetta għal ġabra ta’ regoli proċedurali minimi mfassla għal dan l-iskop. Iżda, lil hinn ħafna minn dan l-iskop speċifiku u limitat ta’ skambju ta’ informazzjoni, il-Proposta issa tilleġittma wkoll l-ipproċessar tad-data personali skambjata fis-sens tal-Artikolu 6 tagħha. Madankollu, id-direttivi li hi tapplika u li għalihom tapplika bħala bażi, fl-ebda punt ma għandhom dispożizzjonjiet korrispondenti dwar dan l-ipproċessar. Fid-dawl tal-fatt li dawn id-direttivi ma jippreveduhx, il-KESE jirrifjuta l-idea li d-data skambjata tista’ tiġi pproċessata wkoll.
6.2.2 Għaldaqstant, hemm raġunijiet li għalihom jistgħu jitqajmu mistoqsijiet dwar l-ambitu ta’ din l-awtorità l-ġdida li issa hemm fil-Proposta għal Regolament dwar l-ipproċessar tad-data personali skont it-termini stabbiliti fl-Artikolu 2 b) tad-Direttiva 95/46/KE.
6.2.3 Apparti mill-flessibbiltà ġenerali mogħtija lill-atturi tal-IMI biex jipproċessaw id-data personali skambjata, kif stabbilit fl-Artikolu, l-ebda dispożizzjoni oħra tal-Proposta għal Regolament ma fiha referenza għall-iskopijiet li jiġġustifikaw l-ipproċessar jew kwalunkwe garanziji possibbli jew restrizzjonijiet li għalihom huma jistgħu jiġu soġġetti.
6.2.4 Huma biss ir-raġunijiet fil-Premessa 15 li jispjegaw għaliex il-Kummissjoni issa qed iddaħħal l-ipproċessar tad-data fl-għanijiet ġenerali tal-IMI. Il-KESE jemmen li fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet u kjarifiki oħra, dawn ir-raġunijiet mhumiex biżżejjed biex tiġi awtorizzata funzjoni b’mandat daqstant wiesgħa, partikolarment:
a) |
is-superviżjoni tal-użu tas-sistema mill-koordinaturi tal-IMI u tal-Kummissjoni. |
6.2.5 Il-KESE jemmen li kemm il-koordinaturi tal-IMI kif ukoll dawk tal-Kummissjoni diġà għandhom aċċess għad-data skambjata, li diġà użawha biex jagħmlu valutazzjonijiet speċifiċi tas-sistema li jippermettulhom jaraw kemm it-tul taż-żmien ta’ risposta kif ukoll l-awtoritajiet involuti skont is-settur, fost affarijiet oħra.
6.2.6 B’hekk, fin-nuqqas ta’ kjarifiki oħra, ma jidhirx li hemm bżonn li jkun hemm dispożizzjoni għall-ħolqien ta’ fajls speċifiċi għall-użu tad-data skambjata biex l-użu tas-sistema jiġi ssorveljat:
b) |
il-ġabra ta’ informazzjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva jew l-assistenza reċiproka fis-suq intern. |
6.2.7 Din l-informazzjoni diġà hija pubblika u disponibbli fir-rapporti tal-Kummissjoni dwar it-tħaddim tas-sistema tal-IMI u tista’ tiġi użata biex tivvaluta l-kooperazzjoni amministrattiva, li minnha tippreżenta biss l-aspett funzjonali.
c) |
inizjattivi ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni |
6.2.8 Il-KESE jħoss li inizjattivi bħal dawn ma’ jeħtiġux l-“ipproċessar” tad-data (kif tinftiehem mid-definizzjoni stabbilita mid-Direttiva 95/46/KE), iżda sempliċiment l-“użu” tad-data fis-sistema.
7. Rigward il-ħtieġa tal-preċiżjoni, din tirreferi għall-kunċett bażiku ta’ “data personali” li hemm referenza għalih għadd ta’ drabi fil-Proposta għal Regolament. F’dan ir-rigward, ir-referenza għandha ssir għall-kunċett li hemm fir-Regolament 95/46/KE li d-definizzjoni tiegħu taqbeż b’ħafna r-rekwiżit għat-tħaddim tal-IMI li, fl-aħħar mill-aħħar, jikkonċerna biss kategorija speċifika ta’ data li għandha l-istess karatteristika li hija marbuta mal-eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi u/jew professjonali fis-suq intern.
7.1 Għalhekk, il-Kumitat iqis li l-proposta għandha tistabbilixxi l-ambitu tal-kunċett, filwaqt li tillimita l-kategorija tad-“data personali” għal dak li diġà jinstab fid-direttivi korrispondenti, li jipprevedu li l-IMI tintuża għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tal-Istat u li jirreferu għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi u professjonali fis-suq intern. Għaldaqstant, għandhom jissemmew id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5.
8. Il-Premessa 12 tal-proposta tispeċifika li l-IMI hija għodda li mhijiex miftuħa għall-pubbliku ġenerali li tippermetti lill-atturi esterni jfornu l-informazzjoni u jiksbu d-data. Il-KESE ma jaqbilx ma’ dan l-approċċ u jemmen li xi informazzjoni tal-IMI għandha tkun aċċessibbli għall-atturi esterni, bħaċ-ċittadini, in-negozji jew l-organizzazzjonijiet, sakemm ma jkunx fiha data personali. Aċċess ta’ dan it-tip ikun jinkludi, fost affarijiet oħra, ir-rekwiżiti amministrattivi imposti mill-pajjiż li fih hemm interess għal relazzjoni kummerċjali jew professjonali.
8.1 Il-fatt li din l-informazzjoni tkun aċċessibbli bl-ebda mod ma twassal għal aċċess għal data oħra u żgur mhux għall-ipproċessar ta’ din id-data, kif jista’ jinftiehem mid-definizzjoni ta’ “attur estern” fl-Artikolu 5(i) tal-proposta.
8.2 Dawn l-atturi esterni għandhom jingħataw id-dritt li jitolbu informazzjoni lill-utent tal-IMI l-iktar viċin tagħhom, biex jinħoloq l-obbligu li dawn tal-aħħar isegwu t-talba tul is-sistema, sakemm l-attur estern imsemmi jista’ jagħti prova ta’ interess marbut ma’ relazzjoni kummerċjali jew professjonali mal-pajjiż li dwaru qed tintalab l-informazzjoni.
9. L-Artikolu 4 tal-proposta jawtorizza lill-Kummissjoni tinkludi fl-IMI l-kooperazzjoni amministrattiva stabbilita fid-dispożizzjonijiet relatati mal-Anness II. Ma’ dawn hemm l-interkonnessjoni futura tar-Reġistri tan-Negozju, proposta li għadha ma ġietx approvata. Minħabba l-ambitu mifrux ta’ din il-miżura futura, il-KESE jara li hemm bżonn li jingħataw id-dettalji dwar it-tip ta’ azzjoni li trid tittieħed biex l-IMI tkun tista’ tespandi.
10. Rigward id-definizzjoni ta’ atturi esterni, u b’konsistenza mal-kummenti li diġà saru, il-KESE jipproponi abbozzar mill-ġdid kif ġej:
— |
li jiġu definiti bħala ċittadini, negozji jew organizzazzjonijiet li jitolbu konsultazzjoni minn utent tal-IMI rigward l-ambitu ta’ ċerti Direttivi mdaħħla fis-sistema u li l-utent irid jitrażmetti; |
— |
li jagħtihom id-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni fis-sistema li ma fihiex data personali; u |
— |
li b’mod espliċitu jeskludi l-ipproċessar tal-informazzjoni li jkunu kisbu. |
11. Biex jiġi aċċertat li s-suq intern jaħdem tajjeb, il-KESE jqis li jkun kostruttiv li l-informazzjoni li l-awtorità kompetenti tirċievi permezz tal-IMI minn Stat Membru ieħor ikollha l-istess valur ta’ prova fil-proċeduri amministrattivi.
12. Rigward l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati, il-KESE jiddispjaċih li l-Proposta ma fihiex soluzzjoni unika, iżda tirreferi għall-obbligi tal-awtoritajiet kompetenti li huma mniżżla fil-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data fil-forom differenti. B’mod simili, rigward il-ħażna tad-data, iħoss li l-iffissar ta’ skadenzi differenti mhuwiex adatt għat-tħaddim adegwat tas-suq intern u l-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadini.
13. Għall-iskop tal-iskambju tal-informazzjoni ma’ pajjiżi terzi, il-KESE jqis li għandu jiġi ċċarat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22(1) tal-Proposta għandhomx jittieħdu flimkien jew separatament. Fit-tieni każ, il-KESE ma jqisx li huwa ġustifikabbli li deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar jekk il-livell tal-protezzjoni tad-data f’pajjiż terz huwiex biżżejjed jew ekwivalenti għandha titqies bħala bażi adegwata għall-estensjoni tal-IMI għal dak il-pajjiż terz, filwaqt li hemm sitwazzjonijiet oħra li għalihom id-Direttivi attwali inklużi fl-IMI jew ftehim internazzjonali jipprovdu għall-iskambju estern tad-data.
14. Biex tiġi garantita ċertezza legali akbar, id-dispożizzjonijiet revokati u dawk li għadhom fis-seħħ rigward it-tħaddim tal-IMI għandhom ikunu fil-parti ewlenija tat-test u mhux fil-premessi tal-Proposta għal Regolament.
Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Directiva 2005/36/KE (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).
(2) Directiva 2006/123/KE (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).
(3) Direttiva 96/71/KE.
(4) Opinjoni tal-KESE, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 103.
(5) COM(2008) 703 finali.
(6) COM(2010) 608 finali.