EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0816

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI” COM(2010) 517 finali – 2010/0273 (COD)

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 130–134 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/130


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI”

COM(2010) 517 finali – 2010/0273 (COD)

2011/C 218/27

Relatur Ġenerali: is-Sur MORGAN

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI

COM(2010) 517 finali – 2010/0273 (COD).

Nhar il-15 ta’ Frar 2011, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-471 Sessjoni Plenarja, li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (laqgħa tal-4 ta’ Mejju 2011), li jaħtar lis-Sur Morgan bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b'173 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni. Il-Kumitat jaqbel mat-tħassib kbir tal-Kummissjoni dwar l-iskala taċ-ċiberkriminalità fl-Ewropa u l-ħsara attwali u potenzjali li qed issir lill-ekonomija u l-benesseri taċ-ċittadini minn din it-theddida li kulma jmur qiegħda dejjem tikber.

1.2

Il-Kumitat jaqsam ukoll id-diżappunt tal-Kummissjoni li 17-il Stat Membru biss mis-27 s'issa rratifikaw il-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa (“il-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità”) (1) Il-Kumitat jappella lill-Istati Membri li għad fadal (2) – l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, l-Isvezja u r-Renju Unit – biex jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità kemm jista' jkun malajr.

1.3

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li d-Direttiva hija meħtieġa b'mod urġenti biex taġġorna d-definizzjoni tar-reati involuti fl-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni, u biex iżżid il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-ġustizzja kriminali fl-UE biex din il-problema kritika tiġi indirizzata b'mod effettiv.

1.4

Minħabba l-bżonn urġenti għal azzjoni leġislattiva biex tindirizza speċifikament l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni, il-Kumitat jaqbel mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-għażla ta’ politika li tirrikorri għal direttiva appoġġjata b'miżuri mhux leġislattivi, immirata lejn dan l-aspett partikolari taċ-ċiberkriminalità.

1.5

Madankollu, kif diġà stqarr f'opinjoni preċedenti (3), il-KESE jixtieq li fl-istess ħin il-Kummissjoni tkompli bil-ħidma fuq it-tfassil ta’ leġislazzjoni komprensiva tal-UE kontra ċ-ċiberkriminalità. Il-Kumitat jemmen li qafas komprensiv huwa essenzjali biex l-Aġenda Diġitali u l-Istrateġija Ewropa 2020 jirnexxu (4). Il-qafas għandu jitratta kwistjonijiet ta’ prevenzjoni, sejbien u edukazzjoni barra mill-infurzar tal-liġi u l-kastig.

1.6

Meta jasal il-waqt, il-KESE jixtieq jikkunsidra proposti mill-Kummissjoni għal qafas komprensiv ta’ azzjoni biex il-kwistjoni ġenerali tas-sigurtà tal-internet tiġi trattata. Jekk wieħed iħares 10 snin “il quddiem, bil-parti l-kbira tal-popolazzjoni tuża l-internet, u b'ħafna mill-attività ekonomika u soċjali tiddependi mill-internet, huwa inkonċepibbli li nkunu għadna nistgħu nibbażaw fuq l-approċċ attwali għalkollox każwali u bla struttura għall-użu tal-internet, speċjalment peress li l-valur ekonomiku ta’ din l-attività ma jkunx jista” jiġi kkalkulat. Ser ikun hemm diversi kwistjonijiet, li jinvolvu sfidi oħra bħas-sigurtà tad-data personali u l-privatezza, kif ukoll iċ-ċiberkriminalità. Is-sigurtà tal-ajru hija kkontrollata minn awtorità ċentrali li tistabbilixxi standards għall-ajruplani, l-ajruporti u l-operazzjonijiet tal-ajru. Wasal iż-żmien li tinħoloq awtorità analoga, li tistabbilixxi standards għal apparat tat-terminals li ma jfallix (PCs, Pads, 'Phones), is-sigurtà tan-netwerk, is-sigurtà tas-siti web u s-sigurtà tad-data. Il-konfigurazzjoni fiżika tal-internet hija element ewlieni fid-difiża kontra ċ-ċiberkriminalità. L-UE ser ikollha bżonn ta’ regolatur b'poteri fuq l-internet.

1.7

Id-Direttiva ser tiffoka fuq id-definizzjoni tal-att kriminali u t-theddida tal-pieni. Il-KESE jitlob li jkun hemm attenzjoni parallela fuq il-prevenzjoni permezz ta’ miżuri tas-sigurtà mtejba. Dawk li jipproduċu t-tagħmir għandhom jirrispettaw standards biex joħolqu apparat li ma jfallix. Mhuwiex aċċettabbli li s-sigurtà tal-apparat, u għalhekk tan-netwerk, tiddependi mill-kapriċċi tas-sid. Għandha tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta’ skema ta’ identità elettronika għall-Ewropa kollha, iżda hemm bżonn li din titfassal bil-għaqal biex tevita ksur tal-privatezza personali; għandu jinbeda l-użu tal-kapaċitajiet kollha ta’ sigurtà fl-IPv6, u t-tagħlim dwar is-sigurtà personali fuq l-internet liċ-ċittadini, inkluż is-sigurtà tad-data, għandu jifforma parti bażika mill-kurrikula kollha tal-litteriżmu diġitali. Il-Kummissjoni għandha tirreferi għall-opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat li trattaw dawn il-kwistjonijiet (5).

1.8

Il-Kumitat huwa sodisfatt li d-Direttiva proposta tkopri b'mod adegwat l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni bl-użu tal-“botnets” (6), inklużi l-attakki li jwaqqfu s-servizz (Denial-of-Service, DoS) (7). Il-Kumitat jemmen ukoll li d-Direttiva ser tgħin lill-awtoritajiet iħarrku ċ-ċiberkriminalità li tipprova tuża b'mod abbużiv l-interkonnettività internazzjonali tan-netwerks, kif ukoll biex iħarrku lil dawk li jwettqu r-reati u jippruvaw jistaħbew wara l-anonimità li jistgħu jipprovdu l-għodod sofistikati taċ-ċiberkriminalità.

1.9

Il-Kumitat huwa sodisfatt ukoll bil-lista ta’ reati kriminali koperti mid-Direttiva, speċjalment l-inklużjoni tal-“interċettazzjoni illegali” u l-ispjegazzjoni ċara tal-“‘għodod’ li jistgħu jintużaw biex jitwettqu r-reati”.

1.10

Madankollu, jekk titqies l-importanza tal-fiduċja u s-sigurtà għall-Ekonomija Diġitali, u l-ispiża enormi fis-sena taċ-ċiberkriminalità (8), il-Kumitat jipproponi li fid-Direttiva, il-ħruxija tal-pieni għandha tirrifletti s-serjetà tar-reat u sservi wkoll ta’ deterrent realistiku għall-kriminali. Id-Direttiva proposta tistipula pieni minimi ta’ sentejn jew ħames snin il-ħabs (ħames snin għal ċirkostanzi aggravanti). Il-KESE jipprevedi skala ta’ pieni marbutin mal-gravità tar-reat.

1.11

Il-KESE jipproponi li għandha tittieħed l-opportunità biex jintbagħat messaġġ qawwi lill-kriminali u liċ-ċittadini li jixtiequ jserrħu rashom, permezz ta’ pieni aktar stretti. Ir-Renju Unit (9), pereżempju, għandu pieni sa 10 snin għal attakki fuq skala kbira fuq sistemi tal-informazzjoni, u l-Estonja żiedet il-pieni tagħha fejn l-użu terrorist ta’ attakki fuq skala kbira jista' jiġi kkastigat b'sa 25 sena ħabs (10).

1.12

Il-Kumitat jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex id-Direttiva tkun appoġġata minn miżuri mhux leġislattivi għall-promozzjoni ta’ aktar azzjoni koordinata fil-livell tal-UE u infurzar aktar effettiv. Il-KESE jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li l-koordinazzjoni tiġi estiża biex tinkludi kooperazzjoni mill-qrib mal-EFTA u l-pajjiżi tan-NATO.

1.13

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-programmi ta’ taħriġ u r-rakkomandazzjonijiet tal-aħjar prattiki proposti biex tittejjeb l-effikaċja tal-punti ta’ kuntatt 24/7 eżistenti għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

1.14

Minbarra l-miżuri mhux leġislattivi msemmijin fil-proposta, il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni li b'mod speċjali timmira l-fondi tar-riċerka u l-iżvilupp fuq l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ sejbien bikri u ta’ rispons biex jindirizzaw l-attakki fuq is-sistemi tal-informazzjoni. L-aktar teknoloġiji avvanzati fit-teknoloġiji tal-cloud computing (11) u l-grid computing (12) għandhom il-potenzjal li jipprovdu protezzjoni akbar lill-Ewropa minn ħafna theddid.

1.15

Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) tisponsorja programm ta’ żvilupp ta’ ħiliet immirati biex tissaħħaħ l-industrija tas-sigurtà tal-ICT tal-Ewropa lil hinn mill-infurzar tal-liġi (13).

1.16

Biex isaħħaħ id-difiża tal-Ewropa kontra l-attakki ċibernetiċi, il-Kumitat jixtieq itenni l-importanza tal-iżvilupp ta’ Sħubija Ewropea bejn is-Settur Privat u Pubbliku għar-Reżistenza (EP3R) u tal-integrazzjoni tagħha mal-ħidma tal-ENISA u l-Grupp Governattiv Ewropew ta’ CERTs (EGC).

1.17

Fl-Ewropa għandha titrawwem industrija tas-sigurtà tal-informazzjoni b'saħħitha li jkollha kompetenza ugwali għal dik fl-Istati Uniti li hija ffinanzjata tajjeb ħafna (14). L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u l-edukazzjoni fil-qasam tas-sigurtà ċibernetika għandu jiżdied b'mod sinifikanti.

1.18

Il-Kumitat jinnota l-eżenzjonijiet taħt il-Protokolli tat-Trattati li ngħataw lir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka milli jimplimentaw id-Direttiva proposta. Minkejja li għandhom l-eżenzjoni, il-Kumitat jappella lil dawn l-Istati Membri biex jikkooperaw kemm jista' jkun mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva biex iżommu lill-kriminali milli japprofittaw ruħhom minn dawn il-lakuni fil-politika madwar l-Unjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1

Illum il-ġurnata, l-Ewropa tiddependi ħafna mis-sistemi tal-informazzjoni għall-ħolqien tal-ġid u l-kwalità tal-ħajja tagħna. Huwa importanti li hekk kif qed tikber id-dipendenza tagħna, jiżdiedu wkoll is-sofistikazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà u l-liġijiet b'saħħithom għall-ħarsien tas-sistemi tal-informazzjoni minn xi attakk.

2.2

L-internet huwa l-pjattaforma ewlenija tas-soċjetà diġitali. L-indirizzar tat-theddid għas-sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni huwa importanti ħafna għall-iżvilupp tas-soċjetà diġitali u l-ekonomija diġitali. L-internet huwa l-appoġġ tal-biċċa l-kbira tal-Infrastruttura Essenzjali ta’ Informazzjoni tal-Ewropa. Huwa l-bażi tal-pjattaformi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni għall-provvista tal-oġġetti u s-servizzi essenzjali. L-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni - sistemi tal-gvern, sistemi finanzjarji, servizzi soċjali u sistemi ta’ infrastruttura essenzjali bħall-provvista tal-elettriku, l-ilma, it-trasport, is-saħħa u s-servizzi ta’ emerġenza - saru problema kbira.

2.3

L-arkitettura tal-internet hija bbażata fuq l-interkonnessjoni ta’ miljuni ta’ kompjuters bl-ipproċċessar, il-komunikazzjoni u l-kontroll distribwiti globalment. L-arkitettura ddistribwita hija l-punt kruċjali biex l-internet ikun stabbli u reżistenti, b'irkupru malajr ta’ flussi ta’ traffiku kull meta titfaċċa problema. Madankollu, ifisser ukoll li attakki ċibernetiċi fuq skala kbira jistgħu jsiru minn xifer in-netwerk, pereżempju bl-użu ta’ botnets, minn kull persuna b'dik l-intenzjoni u b'għarfien bażiku.

2.4

L-iżviluppi fit-teknoloġija tal-informazzjoni ggravaw dawn il-problemi billi ffaċilitaw il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-għodda (“software malizzjuż” (15) u “botnets”), waqt li joffru l-anonimità lit-trasgressuri u jifirxu r-responsabbiltà fuq ġurisdizzjonijiet differenti. Minħabba d-diffikultajiet biex tinbeda prosekuzzjoni, il-kriminalità organizzata tista' tagħmel qligħ konsiderevoli bi ftit riskju.

2.5

Skont studju tal-2009 (16) ppreżentat lill-Forum Ekonomiku Dinji, l-ispiża dinjija taċ-ċiberkriminalità hija ta’ $ 1 triljun u qed tikber malajr urapport reċenti tal-gvern tar-Renju Unit (17) jgħid li l-ispiża annwali fir-Renju Unit biss hija ta’ £ 27 biljun. Il-prezz għoli taċ-ċiberkriminalità jitlob azzjoni ħarxa, infurzar qawwi u pieni għoljin għat-trasgressuri.

2.6

Kif dettaljat fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva (18), il-kriminalità organizzata u l-gvernijiet ostili japprofittaw mill-potenzjal qerriedi tal-attakki fuq is-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni. L-attakki minn dawn il-botnets jistgħu jkunu perikolużi ħafna għall-pajjiż affettwat kollu, u jistgħu jintużaw ukoll minn terroristi jew oħrajn bħala għodda biex ipoġġu pressjoni politika fuq stat.

2.7

L-attakk fuq l-Estonja f'April-Mejju 2007 ġibed l-attenzjoni għal din il-problema. L-attakk kisser partijiet importanti mill-infrastruttura tal-informazzjoni essenzjali tal-gvern u tas-settur privat għal ġranet sħaħ minħabba attakki fuq skala kbira li saru kontriha - bi spiża ta’ bejn EUR 19-28 miljun u spejjeż politiċi sinifikanti. Attakki qerrieda simili saru wkoll kontra l-Litwanja u l-Ġeorġja.

2.8

Netwerks tal-komunikazzjoni globali jinvolvu livell għoli ta’ interkonnettività transkonfinali. Huwa vitali li jkun hemm azzjoni kollettiva u uniformi mis-27 Stati Membri kollha biex tingħeleb iċ-ċiberkriminalità, u b'mod speċifiku, l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni. Din l-interdipendenza internazzjonali tpoġġi r-responsabbiltà fuq spallejn l-UE biex ikollha politika integrata għall-ħarsien tas-sistemi tal-informazzjoni minn attakki u li tikkastiga lil dawk li jwettqu r-reat.

2.9

Fl-opinjoni tiegħu tal-2007 dwar Strateġija għal Soċjetà tal-Informazzjoni Sikura (19), il-Kumitat qal li jixtieq jara leġislazzjoni komprensiva tal-UE kontra ċ-ċiberkriminalità. Minbarra l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni, qafas komprensiv għandu jkopri ċ-ċiberkriminalità finanzjarja, kontenut illegali fuq l-internet, il-ġbir/il-ħżin/it-trasferiment ta’ evidenza elettronika, u regoli aktar dettaljati tal-ġurisdizzjoni.

2.10

Il-Kumitat jagħraf li t-tfassil ta’ qafas komprensiv huwa biċċa xogħol tqila, li ssir aktar diffiċli minħabba n-nuqqas ta’ kunsens politiku (20) u minħabba l-problemi ta’ differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri dwar l-ammissibbiltà tal-evidenza elettronika fil-qrati. Madankollu, dan il-qafas komprensiv iżid kemm jista' jkun il-benefiċċji kemm tal-istrumenti leġislattivi kif ukoll ta’ dawk mhux leġislattivi biex jiġi indirizzat l-ispettru wiesa' tal-problemi ċibernetiċi. Jindirizza wkoll il-qafas tal-liġi kriminali u fl-istess ħin itejjeb il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fi ħdan l-Unjoni. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem lejn il-mira ta’ qafas legali komprensiv għaċ-ċiberkriminalità.

2.11

Il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità tirrikjedi ħiliet speċjali. L-opinjoni tal-Kumitat dwar il-proposta għal-Regolament dwar l-ENISA (21) tefa' d-dawl fuq l-importanza tat-taħriġ tal-persunal tal-infurzar tal-liġi. Il-Kumitat huwa sodisfatt li l-Kummissjoni miexja 'l quddiem fit-twaqqif ta’ pjattaforma għat-taħriġ fiċ-ċiberkriminalità bl-involviment tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u s-settur privat, kif propost fid-dokument COM(2007) 267 (22).

2.12

Partijiet interessati fis-sigurtà ċibernetika fil-livell tal-UE jinkludu kull ċittadin li ħajtu tista' tiddipendi minn servizzi vitali. L-istess ċittadini għandhom responsabbiltà biex iħarsu sakemm jistgħu l-konnessjoni tagħhom mal-internet minn attakk. B'iktar responsabbiltà huma l-fornituri tat-teknoloġija u tas-servizzi tal-ICTs li jfornu s-sistemi tal-informazzjoni.

2.13

Huwa essenzjali li l-partijiet interessati kollha jiġu informati b'mod adatt dwar is-sigurtà ċibernetika. Huwa importanti wkoll li l-Ewropa jkollha numru kbir ta’ esperti b'ħiliet fil-qasam tas-sigurtà ċibernetika.

2.14

Fl-Ewropa għandha titrawwem industrija tas-sigurtà tal-informazzjoni b'saħħitha li jkollha kompetenza ugwali għal dik fl-Istati Uniti li hija ffinanzjata tajjeb ħafna (23). L-investiment fir-R&Ż u l-edukazzjoni fil-qasam tas-sigurtà ċibernetika għandu jiżdied b'mod sinifikanti.

3.   Il-punti ewlenin tal-Proposta għal Direttiva

3.1

L-iskop tal-proposta huwa li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni (24). Id-Deċiżjoni Qafas irreaġixxiet, kif stabbilit fil-premessi tagħha, għall-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħra, li jinkludu l-pulizija u servizzi oħrajn speċjalizzati fl-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, billi jsir tqarrib tar-regoli tal-liġi kriminali fl-Istati Membri fir-rigward tal-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni. Hija introduċiet leġislazzjoni tal-UE sabiex jiġu indirizzati reati bħall-aċċess illegali għal sistemi tal-informazzjoni, l-interferenza illegali fis-sistema u l-interferenza illegali fid-data, kif ukoll regoli speċifiċi dwar ir-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi, il-ġurisdizzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni. L-Istati Membri ntalbu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas sas-16 ta’ Marzu 2007.

3.2

Fl-14 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas (25) Fil-konklużjonijiet, ġie stabbilit li numru ta’ “theddid emerġenti kien enfasizzat mill-attakki reċenti madwar l-Ewropa minn meta ġiet adottata d-Deċiżjoni Qafas, partikolarment l-iżvilupp ta’ attakki simultanji fuq skala kbira kontra s-sistemi tal-informazzjoni u ż-żieda fl-użu kriminali tal-hekk imsejħa ‘botnets’”. Dawn l-attakki ma kinux fiċ-ċentru tal-attenzjoni meta d-Deċiżjoni Qafas ġiet adottata.

3.3

Il-proposta tikkunsidra l-metodi l-ġodda tat-twettiq ta’ reati ċibernetiċi, speċjalment l-użu tal-botnets (26). Huwa diffiċli ħafna li jiġu traċċati dawk li jwettqu r-reat, billi l-kompjuters li jiffurmaw il-botnet u li jagħmlu l-attakk jistgħu jinsabu xi mkien ieħor mit-trasgressur innifsu.

3.4

L-attakki li jsiru minn botnet ġeneralment ikunu eżegwiti fuq skala kbira. L-attakki fuq skala kbira huma dawk l-attakki li jew jistgħu jsiru permezz tal-użu ta’ għodod li jaffettwaw numru sinifikanti ta’ sistemi tal-informazzjoni (kompjuters); jew l-attakki li jikkawżaw ħsara konsiderevoli, eż. mil-lat ta’ interruzzjonijiet fis-servizzi tas-sistema, spejjeż finanzjarji, telf ta’ data personali, eċċ. Il-ħsara kkawżata minn attakki fuq skala kbira għandha impatt qawwi fuq il-funzjonament tal-mira nnifisha, u/jew taffettwa l-ambjent tax-xogħol tagħha. F'dan il-kuntest, “botnet kbir” ifisser li għandu l-ħila li jikkawża ħsara serja. Huwa diffiċli li l-botnets jiġu definiti f'termini ta’ daqs, iżda huwa stmat li l-akbar botnets identifikati għandhom bejn 40 000 u 100 000 konnessjoni (jiġifieri kompjuters infettati) għal kull perjodu ta’ 24 siegħa (27).

3.5

Id-Deċiżjoni Qafas għandha numru ta’ nuqqasijiet minħabba t-tendenzi fid-daqs u fin-numru tar-reati (attakki ċibernetiċi). Hija tqarreb il-leġislazzjoni biss għal numru limitat ta’ reati, iżda ma tindirizzax kompletament it-theddida potenzjali tal-attakki fuq skala kbira għas-soċjetà. Hija lanqas ma tikkunsidra b'mod suffiċjenti l-gravità tar-reati u s-sanzjonijiet kontrihom.

3.6

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jsir tqarrib tar-regoli tal-liġi kriminali fl-Istati Membri fil-qasam tal-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni, u li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet kompetenti oħra, inklużi l-pulizija u servizzi speċjalizzati oħrajn ta’ infurzar tal-liġi tal-Istati Membri.

3.7

L-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni, partikolarment dawk li jirriżultaw mit-theddida tal-kriminalità organizzata, jirrappreżentaw theddida li qed tikber, u qed jiżdied it-tħassib dwar il-potenzjal ta’ attakki terroristiċi jew li huma mmotivati mill-politika kontra s-sistemi tal-informazzjoni li jagħmlu parti mill-infrastruttura essenzjali tal-Istati Membri u tal-Unjoni. Dan jikkostitwixxi theddida għall-ksib ta’ soċjetà tal-informazzjoni aktar sikura u tal-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, u għalhekk jinħtieġ rispons fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

3.8

Hemm evidenza ta’ tendenza għal attakki fuq skala kbira li qed isiru aktar perikolużi u rikorrenti, kontra s-sistemi tal-informazzjoni li huma essenzjali għall-istati jew għall-funzjonijiet partikolari fis-settur pubbliku jew privat. Din it-tendenza hija akkumpanjata mill-iżvilupp ta’ għodod dejjem aktar sofistikati li jistgħu jintużaw minn kriminali sabiex jiġu mnedija attakki ċibernetiċi ta’ tipi varji.

3.9

Id-definizzjonijiet komuni f'dan il-qasam, partikolarment tas-sistemi tal-informazzjoni u tad-data tal-kompjuter, huma importanti sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti fl-Istati Membri għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

3.10

Tinħass il-ħtieġa li jinkiseb approċċ komuni għall-elementi kostitwenti ta’ reati kriminali billi jiġu introdotti r-reati komuni ta’ aċċess illegali fis-sistema tal-informazzjoni, l-interferenza illegali fis-sistema, l-interferenza illegali fid-data, u l-interċettazzjoni illegali.

3.11

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pieni fir-rigward tal-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

3.12

Id-Direttiva, waqt li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2005/222/ĠAI, ser iżżomm id-dispożizzjonijiet attwali tagħha u ser tinkludi l-elementi ġodda li ġejjin:

(a)

tippenalizza l-produzzjoni, il-bejgħ, il-kisba għall-użu, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni jew modi oħra li jrendu disponibbli l-mezzi/l-għodda għat-twettiq tar-reati.

(b)

tinkludi bħala ċirkostanzi aggravanti:

l-aspett tal-kobor tal-attakki, - il-botnets jew għodda simili jkunu indirizzati permezz tal-introduzzjoni ta’ ċirkostanza aggravanti ġdida, fis-sens li l-att li jiġi stabbilit botnet jew għodod simili jkun fattur aggravanti meta jitwettqu r-reati mniżżlin fid-Deċiżjoni Qafas eżistenti;

meta tali attakki jitwettqu billi tinħeba l-identità vera tat-trasgressur u billi jiġi kkawżat preġudizzju fuq l-identità tas-sid leġittimu.

(c)

tintroduċi l-“interċettazzjoni illegali” bħala reat kriminali.

(d)

tintroduċi miżuri biex tittejjeb il-kooperazzjoni fil-ġustizzja kriminali Ewropea billi tissaħħaħ l-istruttura 24/7 eżistenti tal-punti ta’ kuntatt (28).

(e)

tindirizza l-ħtieġa li tiġi provduta data statistika dwar iċ-ċiberkriminalità fosthom r-reati li hemm referenza għalihom fid-Deċiżjoni ta’ Qafas attwali u l-“interċezzjoni illegali” li ddaħlet dan l-aħħar.

(f)

tid-definizzjonijiet tar-reati kriminali elenkati fl-Artikoli 3, 4, u 5 (l-aċċess illegali għal sistemi tal-informazzjoni, l-interferenza illegali fis-sistemi u l-interferenza illegali), fiha dispożizzjoni li tippermetti li tikkriminalizza biss il-“każijiet li mhumiex minuri” fil-proċess tat-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Il-Konvenzjoni dwar iċ-ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa, Budapest, 23.11.2001, CETS nru 185.

(2)  Ara. http://conventions.coe.int/Treaty/Commun/ChercheSig.asp?NT=185&CM=&DF=&CL=ENG

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Soċjetà tal-Informazzjoni Sikura”, ĠU C 97, 28.4.2007, p. 21 - mhux disponibbli bil-Malti.

(4)  COM(2010) 245, COM(2010) 2020.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar “Soċjetà tal-Informazzjoni Sikura”, ĠU C 97, 28.4.2007, p. 21 (mhux disponibbli bil-Malti). Opinjoni tal-KESE dwar “L-iżvilupp tal-internet”, ĠU C 175, 28.7.2009, p. 92; Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni”, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 98; Opinjoni tal-KESE dwar “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58; Opinjoni tal-KESE dwar “Regolament ‘Ġdid’ tal-ENISA”, għadha mhux ippubblikata fil-ĠU;. Opinjoni tal-KESE dwar “Tisħiħ tal-litteriżmu diġitali, il-ħiliet elettroniċi u l-inklużjoni elettronika”, għadha mhux ippubblikata fil-ĠU.

(6)  It-terminu “botnet” jindika netwerk ta’ kompjuters li jkunu ġew infettati minn software malizzjuż (virus tal-kompjuter). Tali netwerk ta’ kompjuters li jkunu ġew kompromessi (“zombies”) jista' jiġi attivat sabiex iwettaq azzjonijiet speċifiċi, bħall-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni (attakki ċibernetiċi). Dawn iż-“zombies” jistgħu jiġu kkontrollati – sikwit mingħajr ma jkunu jafu l-utenti tal-kompjuters li jkunu ġew kompromessi – minn kompjuter ieħor. Huwa diffiċli li jiġu traċċati dawk li jwettqu r-reat, billi l-kompjuters li jiffurmaw il-botnet u li jwettqu l-attakk jistgħu jkunu jinsabu x'imkien ieħor mit-trasgressur innifsu.

(7)  Attakki li jwaqqfu s-servizz huma att biex riżorsa tal-kompjuter (pereżempju sit web jew servizz tal-internet) ma tkunx disponibbli għall-utent intenzjonat. Is-server jew paġna web ikkuntattjata tidher li “ma tkunx disponibbli” għall-utenti tiegħu. Ir-riżultati ta’ attakk bħal dan jista', pereżempju, jwassal biex sistemi ta’ ħlas bl-internet ma jkunux operattivi, u jwasslu għal telf għall-utenti tagħhom.

(8)  Skont studju tal-2009 ppreżentat lill-Forum Ekonomiku Dinji, l-ispiża dinjija taċ-ċiberkriminalità hija ta’ $ 1 triljun u qed tikber malajr. Ara punti 2.5 u 2.7 hawn taħt.

(9)  http://www.legislation.gov.uk/ukpga/2006/48/contents.

(10)  SEC(2010) 112 finali – Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni u l-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanjaw id-dokument għall-Proposta għal Direttiva dwar l-attakki fuq is-sistemi tal-informazzjoni,

(11)  Cloud computing jirreferi għall-provvista ta’ riżorsi ta’ komputazzjoni fuq talba, jew b'mod awtomatiku, bl-internet. Is-servizzi Cloud jiġu ppreżentati lill-utenti b'mod sempliċi li faċli jinftihem mingħajr mal-utenti jkollhom bżonn ikunu jafu kif is-servizzi huma pprovduti. L-aktar software avvanzat għall-utenti aħħarin kontra l-viruses u għas-sigurtà tal-internet jistgħu jitwasslu permezz ta’ pjattaforma cloud għal kull utent b'konnessjoni fl-Ewropa, b'hekk tonqos il-ħtieġa li l-utenti jipproteġu lilhom innifishom.

(12)  Grids huma forma ta’ distribuzzjoni tal-komputazzjoni li permezz tagħha “kompjuter supervirtwali” huwa magħmul minn diversi kompjuters akkoppjati mill-bogħod u magħqudin f'netwerk(networked loosely coupled computers) biex jagħmlu biċċiet tax-xogħol kbar. It-teknoloġiji tal-komputazzjoni grid jistgħu jipprovdu pjattaforma għal analiżi f'ħin reali tal-attakki ċibernetiċi u s-sistemi ta’ reazzjoni.

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar “Regolament ‘Ġdid’ tal-ENISA”, ĠU C 107, 6.4.2011, p. 58.

(14)  Iċ-ċifri uffiċjali mill-Whitehouse juru li fl-2010 il-gvern Amerikan nefaq $ 407 miljun fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-edukazzjoni dwar is-sigurtà ċibernetika u qed jipproponi li jonfoq $ 548 miljun fis-sena finanzjarja tal-l-2012. http://www.whitehouse.gov/sites/default/files/microsites/ostp/FY12-slides.pdf.

(15)  Is-“software malizzjuż” (malware), huwa software imfassal biex jaċċessa sistema ta’ kompjuter bil-moħbi mingħajr il-kunsens infurmat tas-sid.

(16)  “Unsecured Economies: Protecting Vital Information” (Ekonomiji mhux siguri: il-protezzjoni ta’ informazzjoni vitali), li sar minn riċerkaturi tas-Centre for Education and Research in Information Assurance and Security tal-Università ta’ Purdue għal McAfee (2009), http://www.cerias.purdue.edu/assets/pdf/mfe_unsec_econ_pr_rpt_fnl_online_012109.pdf.

(17)  http://www.cabinetoffice.gov.uk/resource-library/cost-of-cyber-crime.

(18)  SEC(2010)1122.

(19)  Opinjoni tal-KESE dwar “Soċjetà tal-Informazzjoni Sikura”, ĠU C 97, 28.4.2007, p. 21 (TEN/254) (mhux disponibbli bil-Malti).

(20)  SEC(2010) 1122, Valutazzjoni tal-Impatt tal-COM(2010) 517 (disponibbli bl-Ingliż biss).

(21)  Opinjoni tal-KESE dwar “Regolament ‘Ġdid’ tal-ENISA”, għadha mhux ippubblikata fil-ĠU, ĠU C 107, 6.4.2011, p. 58.

(22)  COM(2007) 267 “Lejn politika ġenerali fil-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika”.

(23)  Iċ-ċifri uffiċjali mill-Whitehouse juru li fl-2010 il-gvern Amerikan nefaq $ 407 miljun fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-edukazzjoni dwar is-sigurtà ċibernetika u qed jipproponi li jonfoq $ 548 miljun f'FY fl-2010. http://www.whitehouse.gov/sites/default/files/microsites/ostp/FY12-slides.pdf.

(24)  ĠU L 69, 16.3.2005, p. 68.

(25)  Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill ibbażat fuq l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2005 dwar l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni – COM(2008) 448.

(26)  Ara n-nota 6 f'qiegħ il-paġna hawn fuq.

(27)  In-numru ta’ konnessjonijiet għal kull 24 siegħa huwa l-unità tal-kejl li tintuża normalment biex jiġi stmat id-daqs tal-botnets.

(28)  Introdotta mill-Konvenzjoni, u d-DQ 2005/222/ĠAI dwar l-Attakki kontra s-Sistemi tal-Informazzjoni.


Top