EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0814

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru …/… li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 165/94 u (KE) Nru 78/2008” COM(2010) 745 finali – 2010/0365 COD

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 124–125 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/124


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru …/… li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 165/94 u (KE) Nru 78/2008”

COM(2010) 745 finali – 2010/0365 COD

2011/C 218/25

Relatur: is-Sur KALLIO

Nhar it-18 ta’ Jannar 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 42, 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru …/… li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 165/94 u (KE) Nru 78/2008

COM(2010) 745 finali – 2010/0365 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ April 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-4 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’150 vot favur, 6 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza li l-Politika Agrikola Komuni Ewropea u l-ġestjoni tajba tagħha huma importanti għall-katina tal-provvista tal-ikel kollha u għall-bdiewa. Il-bdiewa ta’ sikwit isibu l-proċeduri amministrattivi kumplessi u tqal bħala xkiel. Jekk il-proposta għar-riforma u s-semplifikazzjoni tal-PAK iżżid l-effiċjenza amministrattiva u ttejjeb l-ambitu tal-awtoritajiet għall-azzjoni, allura tkun iġġustifikata.

1.2

B’mod partikolari l-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li xi wħud mis-setgħat il-ġodda jistgħu jfissru li l-Istati Membri jkollhom spejjeż amministrattivi ogħla għall-attivitajiet tal-aġenziji tal-pagamenti u l-korpi ta’ ċertifikazzjoni. Din il-problema għandha tiġi evitata meta tiġi implimentata l-proposta.

1.3

Il-KESE jemmen li għandhom jingħataw aktar spjegazzjonijiet dwar il-firxa tas-setgħat li għandhom jingħataw għall-adozzjoni ta’ atti delegati. It-tqegħid tal-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti għandhom ikunu aktar ċari u preċiżi milli huma fil-proposta tal-Kummissjoni.

1.4

Il-KESE jemmen li huwa importanti li r-regolament bażiku jinkludi r-regoli ċentrali kollha li jagħtu l-forma konkreta lill-prinċipji fundamentali tal-politika agrikola. F’oqsma oħra s-setgħat jistgħu jiġu trasferiti lill-Kummissjoni. L-ambitu tas-setgħat ta’ implimentazzjoni fil-politika agrikola għandu jkun pjuttost miftuħ sabiex din tkun tista’ tiġi mmaniġġjata b’mod effettiv.

1.5

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li l-Kummissjoni jkollha ambitu wiesa’ għall-konsultazzjoni tal-esperti tal-Istati Membri meta tadotta atti delegati. Proċess ta’ konsultazzjoni miftuħ u wiesa’ jista’ jnaqqas l-inċertezza u l-konfużjoni li qamu waqt it-tħejjija tar-riforma. L-Istati Membri għandu jkollhom biżżejjed opportunitajiet biex jagħtu fehmthom fit-tfassil ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi.

1.6

Il-KESE jistenna li l-emendi proposti jagħmlu iħaffu l-finanzi u l-ġestjoni tal-politika agrikola tal-UE, u dan jimplika wkoll is-semplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-burokrazija. Hija ħasra li mingħajr l-għajnuna tal-esperti, huwa verament diffiċli biex wieħed jifhem u jinterpreta r-regolamenti ta’ finanzjament ikkonċernati. Għal din ir-raġuni, il-proċess ta’ semplifikazzjoni għandu jkompli u jiżdied.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

L-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li att leġislattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġislattivi ta’ applikazzjoni ġenerali biex tissupplementa jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġislattiv.

2.2

Taħt l-Artikolu 291 tat-TFUE, fejn hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ atti tal-Unjoni li huma legalment vinkolanti, att leġislattiv għandu jgħaddi s-setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni.

2.3

L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni hija li l-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ att leġislattiv, tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati (TFUE Artikolu 290) jew regoli ta’ implimentazzjoni (TFUE Artikolu 291) f’ċerti oqsma. Fir-rigward tas-setgħat delegati, il-kompetenza tal-Kummissjoni f’kull kwistjoni individwali hija determinata fir-regolament leġislattiv bażiku. Il-Kummissjoni tikkonsulta lill-esperti tal-Istati Membri meta tadotta atti delegati, iżda f’dawn il-kwistjonijiet ma tiġix segwita l-proċedura ta’ komitoloġija. Iżda, il-Kummissjoni ssegwi l-proċedura ta’ komitoloġija meta tadotta atti ta’ implimentazzjoni, u f’dan il-każ l-esperti tal-Istati Membri jkollhom l-opportunità jikkummentaw u jivvutaw formalment dwar il-leġislazzjoni proposta.

2.4

Il-proposta hija mmirata wkoll biex tissemplifika l-proċeduri billi tirrevoka żewġ regolamenti tal-Kunsill. Id-dispożizzjonijiet regolatorji in kwistjoni jiġu trasferiti għar-regolament propost. Barra minn hekk, il-proposta għandha l-għan li tnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq l-Istati Membri billi tissemplifika l-proċeduri ta’ rkupru.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1

Tradizzjonalment, il-Kummissjoni gawdiet minn setgħat wesgħin fil-politika agrikola. Il-Kumissjoni issa qed tipproponi li r-regoli dwar is-superviżjoni u l-ġestjoni u ċerti obbligi speċifiċi jiġu adottati bħala atti delegati. Diġà kien hemm drabi fejn kien hemm diffikultajiet fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni nazzjonali ta’ sistemi ta’ pagament, kontabilità u monitoraġġ għall-għajnuna agrikola eżistenti. Tajjeb li nistaqsu jekk l-atti delegati jipprovdux kundizzjonijiet aħjar għall-ġestjoni finanzjarja. Hemm ukoll ir-riskju li l-introduzzjoni ta’ atti delegati tista’ tfisser spejjeż ogħla għall-Istati Membri fil-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-għajnuna.

3.2

Il-proposta tal-Kummissjoni fiha ’l fuq minn tnax-il punt li jagħtu setgħat għall-adozzjoni ta’ atti delegati. Dawn is-setgħat jikkonċernaw, fost affarijiet oħra, l-obbligi tal-aġenziji tal-pagamenti u l-proċeduri ta’ adozzjoni, kif ukoll il-ħatra ta’ korpi ta’ ċertifikazzjoni, il-ġestjoni tajba ta’ approprjazzjonijiet u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sussidji. In-natura preċiża tas-setgħat delegati u l-ambitu tal-mandat li jingħata lill-Kummissjoni jqajjem bosta mistoqsijiet. Is-setgħat proposti jidhru wesgħin u ġenerali wisq.

3.3

B’mod partikolari, hemm bżonn li l-kliem tal-obbligi tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni jkun aktar preċiż, peress li l-proposta m’għandhiex twassal għat-twessigħ tal-ambitu tagħhom.

3.4

Il-proposta fiha wkoll punti ġodda dwar is-setgħat biex jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni. Dawn is-setgħat jikkonċernaw il-konformità mad-dixxiplina fiskali, ir-regoli dwar it-tressiq ta’ dokumenti lill-Kummissjoni u l-approvazzjoni tal-kontijiet. L-għan ta’ dawn is-setgħat jidher li huwa definit aħjar milli fil-każ tal-atti delegati.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


Top