EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0802

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali” COM(2010) 378 finali – 2010/0209 (COD)

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 101–106 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/101


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali”

COM(2010) 378 finali – 2010/0209 (COD)

2011/C 218/19

Relatur: is-Sur RÖPKE

Nhar id-29 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali

COM(2010) 378 finali – 2010/0209 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Marzu 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-4 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'152 vot favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea sabiex permezz tal-proposta għal direttiva dwar il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali toħloq kundizzjonijiet trasparenti u armonizzati tal-ammissjoni ta’ dan il-grupp ta’ ħaddiema sekondati temporanjament.

1.2   Madanakollu, il-KESE jinsab imħasseb serjament dwar parti mill-kontenut tal-proposta għal direttiva u dwar il-mod kif il-Kummissjoni Ewropea kkomunikat mal-imsieħba soċjali Ewropej qabel il-publikazzjoni.

1.3   Il-Kumitat jiddispjaċih li l-Artikolu 79 tat-TFUE ntgħażel bħala l-unika bażi legali ta’ din id-direttiva minkejja li dan jinkludi dispożizzjonijiet importanti dwar il-pożizzjoni fil-liġi tax-xogħol tal-maniġers, speċjalisti u apprendisti gradwati u għalhekk ser ikollu impatti sinifikanti fuq is-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri. Fil-każ ta’ inizjattiva bħal din għandu jkun hemm konsultazzjoni formali mal-imsieħba soċjali skont l-Artikolu 154 tat-TFUE qabel ma l-Kummissjoni tiddistribwixxi proposta għal direttiva konkreta. Konsultazzjoni bħal din ma kinitx biss tenfasizza l-għan tat-Trattat ta’ Lisbona li jsaħħaħ ir-rwol tad-djalogu soċjali fl-UE. Hija kienet tista' sservi ta’ opportunità biex qabel il-pubblikazzjoni jiġu ċċarati wħud mill-kontroversji li nqalgħu issa bejn l-imsieħba soċjali.

1.4   Il-proposta għal direttiva, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tal-familji tagħhom fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali, ma tikkonċernax biss lil grupp relattivament żgħir ta’ maniġers iżda anki lil speċjalisti u apprendisti gradwati. Fil-fehma tal-KESE, direttiva li tiffokka biss fuq il-maniġers tiġġustifika aħjar il-pożizzjoni partikolari u l-bżonnijiet ta’ dan il-grupp ta’ nies. Madanakollu, huwa iktar importanti wkoll li l-prinċipji tal-ugwaljanza u t-trattament ugwali japplikaw għall-impjegati kollha li huma koperti mid-direttiva fejn jidħlu salarji u kundizzjonijiet tax-xogħol u li jiġi żgurat li d-direttiva ma tiġix abbużata.

1.5   Il-KESE jissuġġerixxi għalhekk li l-persuni trasferiti fl-istess azjenda jingħataw l-istess trattament li jirċievu l-impjegati fil-pajjiż ospitanti jew il-persunal permanenti mhux biss fejn jidħol is-salarju iżda fil-kundizzjonijiet tax-xogħol kollha. Din l-ugwaljanza m'għandhiex tapplika biss fil-każ ta’ ftehimiet ġenerali applikabbli b'mod kollettiv iżda għad-dispożizzjonijiet kollha tal-leġislazzjoni u l-ftehimiet kollettivi, inklużi l-ftehimiet tal-kumpaniji. Fil-fehma tal-KESE, ir-regoli dwar ir-riunifikazzjoni tal-familji għandhom ikunu simili għal dawk tad-Direttiva dwar il-Karta Blu (Direttiva 2009/50/KE).

1.6   Il-proposta ġiet ippubblikata matul l-ikbar kriżi finanzjarja u ekonomika fl-istorja tal-UE. Xi Stati Membri għadhom il-bogħod mill-irkupru ekonomiku u tant għandhom rati ta’ qgħad għoljin li mistennija rati ta’ migrazzjoni ogħla fl-UE. Fl-Istħarriġ Annwali tagħha dwar it-Tkabbir 2011 (1), il-Kummissjoni Ewropea tirreferi b'mod speċifiku għar-riskju li anki jekk ikun hemm tkabbir ekonomiku, dan mhux ser jirnexxilu jwassal għal ħolqien dinamiku biżżejjed tal-impjiegi u konsegwentement dan ifisser li hemm bżonn li jiżdied l-użu relattivament baxx tal-forza tax-xogħol fl-UE. Min-naħa l-oħra u b'konformità mal-aħħar Rapport Konġunt dwar ix-Xogħol (2010), il-KESE jikkunsidra li ċerti Stati Membri u kategoriji tal-impjieg għadhom qed jesperjenzaw nuqqas ta’ ħaddiema.

1.7   L-impjegati kkonċernati jiġu trasferiti minn pajjiżi terzi fejn il-pagi u l-livelli ta’ ħarsien soċjali huma ħafna iktar baxxi minn dawk tal-UE. Għalhekk jeħtieġ li tiġi monitorjata b'mod effettiv il-konformità mad-direttiva filwaqt li jiġu evitati piżijiet burokratiċi żejda fuq il-kumpaniji. Għal dan il-għan bħalissa l-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri qed tiżviluppa sistema elettronika ta’ skambju sabiex din tiffaċilita l-kooperazzjoni transkonfinali amministrattva b'rabta mad-Direttiva dwar is-sekondar tal-ħaddiema (Direttiva 96/71/KE). Din is-sistema għandha tkopri wkoll każijiet ta’ trasferimenti intra-ażjendali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

1.8   Fil-fehma tal-KESE, id-definizzjonijiet ta’ “maniġers”, “speċjalisti” u “apprendisti gradwati” għandhom jiġu ċċarati kemm sabiex il-kumpaniji kkonċernati jingħataw iktar ċertezza legali, kif ukoll sabiex jiġi żgurat li dawn ma jkollhomx imorru lil hinn mill-obbligi fil-qafas tal-GATS u l-ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi terzi. Id-definizzjonijiet għandhom jiġu fformulati b'tali mod li jkopru preċiżament it-tliet kategoriji ta’ impjegati b'livell għoli ta’ kwalifiki ta’ liema t-trasferimenti d-direttiva timmira li tirregola.

1.9   Il-KESE huwa tal-fehma li jekk id-direttiva tilqa' dawn ir-rekwiżiti msemmija hija tista' tagħti kontribut sabiex tiffaċilita t-trasferiment intra-ażjendali tal-għarfien fl-UE u ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE.

2.   Il-proposta għal direttiva

2.1   Permezz ta’ din id-direttiva għandu jkun iktar faċli għall-kumpaniji li għandhom kumpaniji sussidjarji tagħhom fl-UE u anki barra mill-UE li jitrasferixxu ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati f'kumpanija bis-sede tagħha barra mill-UE lejn kumpaniji sussidjarji jew fergħat fl-Istati Membri. Trasferiment bħal dan għandu jkun possibbli għall-maniġers, l-ispeċjalisti u l-apprendisti gradwati.

2.2   “Maniġer” huwa kwalunwke persuna li taħdem f'pożizzjoni għolja, li tirregola prinċipalment il-ġestjoni tal-entità ospitanti, li tirċievi superviżjoni jew direzzjoni ġenerali prinċipalment mill-bord ta’ diretturi jew l-azzjonisti tal-kumpanija jew l-ekwivalenti.

2.3   “Speċjalista” huwa kwalunkwe persuna li jkollha għarfien mhux komuni essenzjali u speċifiku għall-entità ospitanti, filwaqt li jitqies mhux biss l-għarfien speċifiku tal-entità ospitanti, iżda wkoll jekk il-persuna għandhiex livell għoli ta’ kwalifika rigward tip ta’ xogħol jew sengħa li jirrikjedi għarfien tekniku speċifiku.

2.4   “Apprendist gradwat” huwa kwalunkwe persuna bi kwalifika ta’ mill-inqas tliet snin ta’ edukazzjoni f'università jew università teknika li tiġi ttrasferita sabiex twessa' l-għarfien u l-esperjenza tagħha f'kumpanija bi tħejjija għal pożizzjoni maniġerjali fi ħdan l-istess kumpanija.

2.5   L-għan tad-direttiva mhuwiex li tapplika għar-riċerkaturi għax diġà teżisti Direttiva separata dwar dan (Direttiva 2005/71/KE).

2.6   L-Istati Membri jistgħu jitolbu li qabel it-trasferiment, il-persuna sekondata jkun diġà kellha kuntratt ta’ impjieg mal-kumpanija ta’ mill-inqas 12-il xahar u jistgħu wkoll ipoġġu limitu fuq in-numru ta’ persuni li jkunu daħlu b'dan il-mod. It-tul tat-trasferiment għandu jkun limitat għal mhux iktar minn tliet snin għall-maniġers u l-ispeċjalisti u sena għall-apprendisti gradwati.

2.7   Proċedura ta’ ammissjoni mħaffa u permessi konġunti ta’ residenza u ta’ xogħol għandhom jagħmlu trasferimenti bħal dawn iktar attraenti.

2.8   Il-persuni trasferiti fi ħdan l-istess ażjenda għandhom jitħallew jaħdmu fi kwalunkwe entità oħra stabbilita fi Stat Membru ieħor u li tappartjeni għall-istess grupp ta’ impriżi u fis-siti ta’ klijenti ta’ dik l-impriża ospitanti fi Stati Membri oħra sakemm it-trasferiment ma jaqbiżx it-tnax-il xahar. Jeżistu madanakollu eċċezzjonijiet għal dan.

2.9   Għandu jkun hemm konformità mat-tariffi tal-paga minima u l-ftehimiet kollettivi tal-pajjiż ospitanti. Barra minn hekk, id-drittijiet bħal-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta’ affiljazzjoni u ta’ sħubija fi trade union jew assoċjazzjoni ta’ min iħaddem, ir-rikonoxximent tad-diplomi b'konformità mal-proċeduri nazzjonali, l-aċċess għall-beni u s-servizzi u l-aċċess għas-sistemi ta’ sigurtà soċjali għandhom jiġu rispettati wkoll. Madanakollu, mhuwiex l-għan tad-direttiva li tapplika l-liġi tax-xogħol u soċjali tal-pajjiżi ospitanti kollha kemm hi.

3.   Daħla

3.1   Sa mill-Ftehim ta’ Amsterdam, il-politika tal-migrazzjoni waqgħet parzjalment taħt il-kompetenza tal-UE. Il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bosta drabi talbu li tiġi żviluppata politika tal-migrazzjoni tal-UE (fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Tampere fl-1999, il-Programm tal-Aja 2004, fil-Programm ta’ Stokkolma 2009 u fil-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil).

3.2   Fl-2005, wara konsultazzjoni pubblika fil-forma ta’ Green Paper, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat “Pjan Srateġiku dwar il-Migrazzjoni Legali” li kien għamel bosta proposti għal direttivi dwar il-migrazzjoni marbuta max-xogħol. Fil-25 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill adotta Direttiva (2) dwar l-immigrazzjoni ta’ ħaddiema kwalifikati ħafna (“il-Karta Blu tal-UE”) filwaqt li d-Direttiva dwar il-Permess Uniku għadha qed tiġi negozjata fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ukoll proposta għal direttiva dwar ix-xogħol staġjonali fl-istess żmien li ppubblikat il-proposta li hija s-suġġett ta’ din l-opinjoni.

3.2.1   Oriġinarjament, fl-2001, il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal direttiva orizzontali li tkopri kull forma ta’ immigrazzjoni marbuta max-xogħol. Issa l-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu approċċ settorjali għax approċċ orizzontali rriżulta li ma kienx fattibbli.

3.3   Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għal direttiva dwar it-trasferimenti intra-ażjendali. L-għan tal-proposta kien li fil-livell tal-UE jiġu armonizzati r-regoli dwar l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terżi li jiġu trasferiti minn kumpaniji li s-sede tagħhom tinsab barra mill-UE għal kumpanija fl-istess grupp fl-UE.

3.4   L-abbozz tad-direttiva jistabbilixxi r-regoli għal ħaddiema li huma residenti u ċittadini ta’ pajjiż mhux fl-UE, li għandhom kuntratt tax-xogħol ma’ kumpanija li tikkonsisti fi grupp ta’ kumpaniji li hija stabbilita f'dak il-pajjiż u li jiġu trasferuti minn dik il-kumpanija għal kumpanija assoċjata fi Stat Membru tal-UE.

3.5   Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni l-Kummissoni Ewropea tgħid li d-direttiva proposta għandha tati kontribut sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Permezz tal-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tal-ammissjoni trasparenti u armonizzati għall-gruppi ta’ ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali temporanju għandu jkun possibbli li tingħata tweġiba rapida għad-domanda tal-kumpaniji multinazzjonali għat-trasferiment intra-ażjendali ta’ maniġers u speċjalisti minn pajjiżi terzi. Permezz ta’ trasferiment, l-apprendisti gradwati għandhom ikunu jistgħu jitħejjew biex jaħdmu f'pożizzjoni ta’ ġestjoni fil-kumpanija. Il-Kummissjoni hija konvinta li d-direttiva proposta ser tgħin sabiex tnaqqas l-ostakli amministrattivi li mhumiex neċessarji filwaqt li tħares id-drittijiet tal-impjegati u tipprovdi biżżejjed garanziji fi żminijiet ta’ diffikultà ekonomika.

3.6   Fil-prinċipju, l-għan tal-politika tal-migrazzjoni tal-Unjoni Ewropea għandu jkun minn naħa li din tkun attraenti għall-“aqwa talenti”, iżda li min-naħa l-oħra tiżgura li l-istandards tax-xogħol u soċjali ma jiġux mhedda u li dan jiġi żgurat permezz ta’ mekkaniżmi komplementari adegwati. Minkejja li din id-direttiva mhix relatata direttament mal-migrazzjoni fil-perjodu fit-tul dan ir-rekwiżit għandu jitqies.

3.7   Il-promozzjoni ta’ dawn il-movimenti transnazzjonali teħtieġ klima ta’ kompetizzjoni ġusta u r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż il-ħolqien ta’ status legali sikur għal ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali. Il-proposta tistabbilixxi wkoll xi drittijiet għall-persuni trasferiti bħall-ħlas tar-rinumerazzjoni stabbilit fil-ftehimiet kollettivi tal-pajjiż ospitanti. Madanakollu, m'għandhiex tapplika l-liġi sħiħa tax-xogħol. Il-maniġers ħafna drabi jitħallsu iktar mis-salarju minimu iżda dan mhux dejjem jgħodd għall-ispeċjalisti u l-apprendisti gradwati.

3.8   Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ impieg bi kwalifiki għoljin” (3), il-KESE ħa l-pożizzjoni li peress li l-leġislazzjoni dwar l-ammissjoni ta’ ħaddiema immigranti hija marbuta fost affarijiet oħra mat-tendenzi fis-suq tax-xogħol, għandu jkun hemm djalogu bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-imsieħba soċjali. Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta’ applikazzjoni għal permess uniku għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fi Stat Membru” (4), il-KESE stqarr li kull Stat Membru, bi ftehim mal-imsieħba soċjali, għandu jiddeċiedi liema tip ta’ immigrazzjoni hemm bżonn.

3.9   Fl-Opinjoni tiegħu dwar it-tema “L-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti” (5), il-KESE stqarr li l-integrazzjoni fil-post tax-xogħol flimkien mal-opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali huma sfida għall-imsieħba soċjali wkoll u li għandhom jiġu appoġġjati minnhom permezz tan-negozjati kollettivi u fil-qafas tad-djalogu soċjali anki fil-livell Ewropew.

3.10   Minn dawn il-punti preċedenti jidher ċar li l-KESE huwa konvint li l-imsieħba soċjali għandhom ikunu involuti fil-proċess leġislattiv kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell Ewropew.

3.11   B'rabta mat-trasferimenti intra-ażjendali u l-kwistjoni tal-mobbiltà esterna jeħtieġ li jiġi kkunsidrat taħt liema kundizzjonijiet iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE jistgħu jiġu trasferiti f'pajjiżi terzi. Għandu jiġi żgurat li d-direttiva proposta ma tfixkilx il-kapaċità tal-Unjoni li tikseb impenji reċiproki taħt Mode 4 tal-GATS jew il-ftehimiet bilaterali. Dan huwa importanti b'mod partikolari għas-setturi bħall-industrija tal-bini li s'issa mhix “regolata” mill-GATS.

4.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

4.1   L-ewwel reazzjonijiet tal-imsieħba soċjali Ewropej għad-direttiva proposta kienu varjati immens. BUSINESSEUROPE b'mod ġenerali laqgħet il-proposta u rat fiha kontribut għal iktar trasparenza u semplifikazzjoni tal-proċess ta’ ammissjoni għat-trasferimenti intra-ażjendali. Madanakollu, BUSINESSEUROPE tikkritika wkoll ċerti dispożizzjonijiet tal-proposti. Dawn jikkonċernaw b'mod partikolari l-possibbiltà tal-bżonn ta’ perjodu ta’ 12-il xahar ta’ impjieg fi ħdan il-kumpanija li ser titrasferixxi. Ir-restrizzjonijiet fuq l-Istati Membri li japplikaw regoli iktar favorevoli tista' twassal għal deterjorazzjoni fir-regoli nazzjonali stabbiliti attwalment.

4.2   B'kuntrast ma’ dan, il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) esprimiet tħassib serju dwar id-direttiva proposta u talbet lill-Kummissjoni sabiex tirtiraha. Il-KETU tikkritika l-għażla tal-Artikolu 79 tat-TFUE bħala l-unika bażi legali ta’ din id-direttiva minkejja li din (bħad-Direttiva dwar il-ħaddiema staġjonali) ser ikollha impatti konsiderevoli fuq is-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri. Proposti bħal dawn għandhom jitħejjew f'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali skont l-Artikolu 154 tat-TFUE. Barra minn hekk, hija tħoss li l-proposta ma tiżgurax trattament ugwali għall-persuni trasferiti fl-istess ażjendi u lanqas tipprovdi mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tar-regolamenti.

4.3   F'termini ta’ politika tal-migrazzjoni, dan l-approċċ, tal-anqas parzjalment, isegwi l-kunċett tal-“migrazzjoni ċirkulari”: huwa maħsub li tkun migrazzjoni temporanja. Ħafna drabi dan il-kunċett mhuwiex ikkunsidrat bħala wieħed li kellu suċċess fejn jidħlu l-politiki tal-integrazzjoni u s-suq tax-xogħol. Jekk l-Ewropa m'għandhiex biżżejjed ħaddiema kwalifikati u residenti żgħażagħ f'ċerti pajjiżi, setturi u professjonijiet fuq perijodu twil, dan in-nuqqas jista' jiġi indirizzat permezz ta’ missjoni intensiva ta’ taħriġ u billi jintuża l-moviment ħieles tal-ħaddiema fl-Ewropa. Imbagħad wara jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati l-migrazzjoni kontrollata relatata max-xogħol bi drittijiet li jiżdiedu gradwalment u l-possibbiltà ta’ permess għal residenza itwal.

4.4   Oħrajn iqisu l-kunċett tal-migrazzjoni temporanja jew ċirkulari bħala l-aħjar mod ta’ kif wieħed iħeġġeġ il-migrazzjoni ta’ ħaddiema bi kwalifiki għolja fl-Ewropa li mbagħad jistgħu jużaw l-esperjenza li jiksbu f'pajjiżhom. Fl-istess waqt l-Ewropa tkun qed toħloq kundizzjonijiet ġusti mal-kompetituri tagħha fil-kompetizzjoni globali għall-aqwa talent.

4.5   Verżjonijiet speċifiċi tal-approċċ tal-migrazzjoni temporanja diġà fallew f'ċerti Stati Membri fil-passat. Peress li kien maħsub li l-migrazzjoni kienet ta’ natura temporanja ma sarx investiment fil-miżuri ta’ integrazzjoni. Dawn in-nuqqasijiet għadhom sa ċertu punt s'issa ma ġewx solvuti.

4.6   Fl-2007, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat komunikazzjoni importanti dwar l-emigrazzjoni ċirkolari u l-partenarjati bejn l-UE u pajjiżi terzi (6) li ssemmi l-vantaġġi iżda anke l-ispeċifiċitajiet ta’ dan il-kunċett. Il-KESE ta kontribut għal dan id-dibattitu b'mod oġġettiv bl-opinjoni (7) tiegħu fuq inizjattiva proprja fejn irrikonoxxa li l-arranġamenti temporanji għad-dħul jistgħu jkunu utli wkoll u li l-inflessibbiltà attwali tal-leġislazzjoni fl-Ewropa hija ostaklu kbir għall-emigrazzjoni ċirkolari.

4.7   Il-kwistjoni tar-riunifikazzjoni mill-ġdid tal-familja hija marbuta ma’ dan ukoll u ssir kwistjoni iktar rilevanti meta l-migrazzjoni temporanja tinbidel f'waħdha li ddum bosta snin jew f'migrazzjoni permanenti. Għalhekk, ir-regoli dwar ir-riunifikazzjoni tal-familji għandhom ikunu simili għal dawk tad-Direttiva dwar il-Karta Blu (Direttiva 2009/F50/KE).

4.8   Il-KESE enfasizza l-importanza tal-integrazzjoni f'bosta opinjonijiet tiegħu (8).

4.9   L-UE u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jaħdmu id f'id sabiex jippromovu l-politika tal-integrazzjoni. Ftit ilu l-KESE enfasizza (9) li l-politika komuni tal-immigrazzjoni għandha tinkludi wkoll l-integrazzjoni fil-forma ta’ proċess soċjali reċiproku ta’ adattament bejn l-immigranti u s-soċjetà ospitanti, li għandu jiġi appoġġjat permezz ta’ prattiki ta’ amministrazzjoni u governanza tajba fl-UE, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Fl-opinjoni tiegħu dwar it-tema “L-integrazzjoni u l-Aġenda Soċjali” (10) il-KESE jipproponi li jinħoloq proċess ta’ mainstreaming tal-integrazzjoni fl-istrumenti politiċi, leġislattivi u finanzjarji differenti tal-UE sabiex dan jaqdi l-promozzjoni tal-integrazzjoni, it-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni.

4.10   Dan l-abbozz ta’ direttiva madanakollu jinsab f'kunflitt mal-isforzi tal-integrazzjoni peress li huwa u jserraħħ fuq in-natura temporanja tal-migrazzjoni jistgħu jintesew il-miżuri tal-integrazzjoni.

4.11   Sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta l-persuni trasferiti għandu jkollhom għall-anqas l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-persunal lokali tal-kumpanija. Dan m'għandux jikkonċerna biss is-salarji minimi iżda anki l-istandards tal-liġi tax-xogħol fil-pajjiż ospitanti. Għalhekk għandhom jgħoddu l-elementi kollha tal-liġi tax-xogħol tal-pajjiż ospitanti kullimkien.

4.12   B'rabta ma’ dawn id-drittijiet, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-“Green Paper dwar Strateġija tal-UE għat-Treġija tal-Migrazzjoni Ekonomika” (11) il-KESE kien stqarr li l-punt tat-tluq għal dan id-dibattitu għandu jkun il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni. Il-ħaddiema migranti, irrispettivament mid-dewmien tal-permess tar-residenza u tax-xogħol tagħhom, għandu jkollhom l-istess drittijiet ekonomiċi, tax-xogħol u soċjali bħall-bqija tal-ħaddiema l-oħra.

4.13   Fl-Opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva dwar il-Permess Uniku (12), il-KESE ġibed l-attenzjoni għar-rwol li jaqdu l-imsieħba soċjali fl-appoġġ tat-trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol fid-diversi oqsma (fil-livell kummerċjali, settorjali, nazzjonali u Ewropew). Il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħol ukoll ser ikunu atturi prinċipali f'dan il-qasam: dan l-abbozz huwa relatat primarjament ma’ gruppi kbar ta’ kumpaniji b'numru kbir ta’ kumpaniji sussidjarji.

4.14   Il-kontroll tal-konformità mar-regoli għandu importanza partikolari. Fl-Opinjoni tiegħu “Il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tintroduċi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b”residenza illegali' (13), il-KESE jinnota li l-monitoraġġ mhux ser ikun faċli minħabba li l-korpi ta’ sorveljanza m'għandhomx biżżejjed persunal ikkwalifikat, hemm diffikultajiet fil-qsim tar-responsabbiltajiet bejn il-korpi kkonċernati u hemm numru kbir ta’ kumpaniji li għandhom jiġu ssorveljati. L-Istati Membri għandhom għalhekk joqogħdu attenti li jiżguraw li l-korpi ta’ monitoraġġ ikollhom biżżejjed riżorsi biex iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod effettiv.

4.15   L-iskop tad-direttiva mhuwiex definit b'mod ċar u huwa vast wisq: b'mod partikolari d-definizzjoni tal-ispeċjalisti għandha tiġi limitata b'mod ċar sabiex jiġi evitat li fil-fatt l-impjegati kollha ta’ kumpanija jaħdmu sa tliet snien f'kumpanija sussidjarja fl-Istat Membru kkonċernat. Id-definizzjoni tal-apprendisti gradwati wkoll għandha terġa' tiġi eżaminata sabiex il-persuni li fil-fatt jintbagħtu jaħdmu bħala apprendisti jkun dawk li qed jiħarrġu għal kompiti maniġerjali speċifiċi. Il-formulazzjoni għandha tittieħed mill-offerta tal-GATS tal-UE tal-2005.

4.16   Il-possibbiltà li jiġu esklużi ċerti setturi mill-iskop tad-direttiva għandha tiġi eżaminata abbażi tat-talba kemm tal-impjegati kif ukoll tat-trade unions tas-settur ikkonċernat.

4.17   Fil-każ ta’ trasferimenti minn Stat Membru għal ieħor jeżistu problemi prattiċi fir-rigward tal-ħlas tas-salarji dovuti lill-persuna ssekondata. It-tħassib li ta’ spiss jinqala' fir-rigward tad-dumping tas-salarji b'rabta mat-trasferimenti minn Stati Membri oħra (fl-ambitu tad-Direttiva dwar is-Sekondar tal-Ħaddiema) jgħodd ukoll għall-ambitu ta’ din il-proposta. Għalhekk, pereżempju l-Opinjoni tal-KESE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema (14) tenfasizza li nuqqasijiet fil-possibbiltajiet ta’ kontroll jistgħu jirriżultaw fi problemi.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Id-definizzjoni ta’ speċjalist hija waħda li tfixkel u tista' tinkludi fiha kull tip ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Din id-definizzjoni (“Speċjalista tfisser kwalunkwe persuna li tippossedi għarfien mhux komuni essenzjali u speċifiku għall-entità ospitanti, filwaqt li jittieħed kont mhux biss tal-għarfien speċifiku tal-entità ospitanti, iżda wkoll ta’ jekk il-persuna għandhiex livell għoli ta’ kwalifika rigward tip ta’ xogħol jew sengħa li tirrikjedi għarfien tekniku speċifiku”) hija ħafna iktar wiesgħa mid-definizzjoni korrispondenti fil-parti tal-GATS li hija vinkolanti għall-UE peress li (fil-verżjoni Ġermaniża) ma jintalab l-ebda għarfien mhux komuni. Dan jimplika li kull ħaddiem speċjalist jista' jiġi trasferit u dan iżid sew il-periklu ta’ pressjoni fuq il-pagi.

5.2   Minkejja li t-trasferimenti intra-ażjendali attwalment jintużaw biss mill-kumpaniji multinazzjonali l-kbar, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-entità ospitanti sabiex jiġu evitati każijiet ta’ abbuż. Hija għandha tkun ta’ ċertu daqs u timpjega ammont speċifiku ta’ ħaddiema sabiex jiġu evitati każijiet ta’ abbuż fejn it-trasferimenti intra-ażjendali jintużaw biex jinħolqu intrapriżi magħmula minn persuna waħda magħmula mill-maniġer jew l-ispeċjalist trasferit.

5.3   Għandu jiġi żgurat li l-aġenziji tax-xogħol temporanju (li jagħmlu parti minn grupp ta’ kumpaniji) ma jitrasferux ħaddiema f'kumpaniji sussidjarji tal-grupp.

5.4   Il-proposta għal direttiva tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni jekk min jimpjega jew l-entità ospitanti kienu ġew sanzjonati b'mod konformi mal-leġislazzjoni nazzjonali għal xogħol mhux iddikjarat u/jew impjieg illegali. Id-dispożizzjoni għandha tiġi estiża għall-każijiet ta’ rimunerazzjoni li tkun inqas minn dik prevista mill-kuntratti kollettivi. B'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, min jimpjega għandu jiġi eskluż milli japplika għat-trasferimenti temporanjament biss u mhux b'mod permanenti hekk kif previst fil-proposta. Għandu jkun possibbli wkoll li jsir divrenzjar skont il-gravità tal-offiża.

5.5   Il-possibbiltà tar-ritorn fil-kumpanija tal-pajjiż prinċipali mhix biżżejjed: għandu jsir mill-inqas kuntratt li jkun validu wara tmiem it-trasferiment sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema ma jiġux impjegati biss għat-trasferiment.

5.6   L-abbozz jipprevedi biss konformità mal-legislazzjoni nazzjonali fejn jidħlu s-salarji. Madanakollu, f'oqsma sensittivi bħat-trasferimenti intra-ażjendali d-direttiva għandha tindika li d-dispożizzjonijiet kollha tal-liġi tax-xogħol (kemm id-dispożizzjonijiet ta’ natura leġislattiva kif ukoll dawk marbuta man-negozjar kollettiv) fil-pajjiż ospitanti għandhom japplikaw għat-trasferimenti intra-ażjendali u li l-organizzazzjoni li qed titrasferixxi jew l-entità ospitanti għandha timpenja ruħha minn qabel it-trasferiment li ser tirrispetta dawn id-dispożizzjonijiet. Huwa importanti ħafna li jiġu evitati impjiegi prekarji jew differenzi bejn il-persuni trasferiti u l-persunal permanenti.

5.7   Fil-prattika, ir-regola tal-Artikolu 16 effettivament tagħti lil Stat Membru l-kompetenza li joħroġ il-permessi ta’ residenza u ta’ xogħol anki fit-territorji ta’ Stati Membri oħra. L-awtoritajiet tal-Istati Membri individwali m'għandhomx il-kompetenza li joħorġu awtorizzazzjonijiet u permessi bħal dawn. L-UE ma tistax titrasferixxi din il-kompetenza għax l-UE stess m'għandhiex il-kompetenza li toħroġ il-permessi ta’ residenza u ta’ xogħol għal Stati Membri individwali. Barra minn hekk, m'hemmx il-possibbiltà li t-tieni Stat Membru, b'xi mod jivverifika l-permess tax-xogħol maħruġ mill-ewwel Stat Membru flimkien mal-permess tar-residenza. Għalhekk jeħtieġ li jiġi speċifikat li permess huwa validu biss fl-Istat Membru li fih jinħareġ.

5.8   Attawlment lanqas ma huwa ċar liema sistema tapplika fil-każ ta’ trasferiment ieħor għat-tieni Stat Membru għax f'dal-każ dan ikun trasferiment minn Stat Membru għal ieħor. Fi kwalunkwe każ ser ikun hemm bżonn ta’ proċeduri speċifiċi ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri.

5.9   Il-proposta tipprevedi l-introduzzjoni ta’ proċeduri semplifikati. Madanakollu, mhuwiex ċar fhiex ser jikkonsistu eżattament dwan is-semplifikazzjonijiet. Proċedura rapida m'għandhiex tkun għad-detriment tal-evalwazzjoni dettaljata tat-talbiet. Fi kwalunkwe każ jeħtieġ li jiġi żgurat li l-awtoritajiet ikunu f'qagħda li jevalwaw kull każ bir-reqqa u mingħajr l-ebda dewmien, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħlas tas-salarji.

5.10   It-trasferimenti huma previsti għal perjodu massimu ta’ tliet snin. Perjodu ta’ trasferiment bħal dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala impjieg intern bil-għan li jaqdi l-bżonnijiet tal-kumpanija għal perjodu qasir ta’ żmien. L-impjegati trasferiti għandhom jiġu integrati fl-operat tal-pajjiż ospitanti b'mod normali. Għalhekk jeħtieġ li l-liġi soċjali u tax-xogħol tapplika b'mod sħiħ.

5.11   F'bosta setturi, it-trasferimenti ta’ tliet snin jaqbżu l-perjodu normali ta’ dewmien tal-kuntratti tax-xogħol. Dwar l-immigrazzjoni ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin diġà ġiet adottata Direttiva Qafas 2009/50/EG (id-Direttiva dwar il-Karta Blu).

5.12   Is-salarji minimi mhumiex biżżejjed biex jiżguraw li ma jkunx hemm dumping tas-salarji. F'każijiet fejn persuna terġa' tiġi trasferita fit-tieni Stat Membru l-proposta tipprevedi li japplikaw il-kundizzjonijiet tal-pajjiż li joħroġ il-permess. F'dan il-każ jista' jiġri li s-salarju minimu applikabbli ma jkunx dak tal-pajjiż fejn ikun ittieħed l-impjieg (fejn jista' jkun ogħla) iżda fil-pajjiż li qed joħroġ il-permess. Għalhekk jeħtieġ li jiġi ċċarat li min qed jiġi trasferit jingħata s-salarju minimu applikabbli fl-Istat fejn jaħdem. Jeħtieġ li hawnhekk tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-ftehimiet kollettivi kollha u tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

5.13   Il-proposta għal direttiva li qed tiġi indirizzata hawn ma tipprovdi l-ebda possibbiltà li min qed jiġi trasferit iressaq ilment kontra min jimpjegah quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea. Il-ġurisdizzjoni li tapplika għal impjegati trasferiti minn pajjiżi terżi pereżempju fil-każ tal-pagament tas-salarji b'konformità mal-ftehimiet kollettivi fil-pajjiż ospitanti, ġeneralment tkun tal-Istat li qed jibgħat lill-impjegat trasferit u mhux l-Istat Membru kkonċernat. Dan jagħmilha diffiċli b'mod inaċċettabbli għal min qed jiġi trasferit li jressaq ilment leġittimu. L-aċċess għal dan id-dritt madanakollu huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali ta’ soċjetà demokratika u għandu għalhekk jiġi provdut fil-pajjiż ospitanti.

5.14   Il-KESE jappella lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jaħdmu sabiex fil-proċess leġislattiv li jmiss jeliminaw in-nuqqasijiet imsemmija b'rabta ma’ din id-direttiva sabiex jiġi żgurat li din id-direttiva verament tkun tista' tagħti kontribut effettiv biex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti intrakorporattivi meħtieġa tal-għarfien lejn l-UE.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 11 finali, 12.1.2011.

(2)  COM(2007) 637 u 638, 23.10.2007.

(3)  ĠU C 27/108, 3.02.2009.

(4)  ĠU C 27/114, 3.02.2009.

(5)  ĠU C 354/16, 28.12.2010.

(6)  COM(2007) 248 finali.

(7)  ĠU C 44/91, 16.02.2008.

(8)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE: ĠU C 125/112, 27.5.2002, ĠU C 80/92, 30.3.2004, ĠU C 318/128, 23.12.2006, ĠU C 347/19, 18.12.2010, ĠU C 354/16 28.12.2010, l-Opinjoni tal-KESE dwar it-Tema “L-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti” (relatur: is-Sur Pariza Castaños).

(9)  ĠU C 48, 15.02.2011.

(10)  ĠU C 347/19, 18.12.2010.

(11)  ĠU C 286/20, 17.11.2005 (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Ara nota f'qiegħ il-paġna numru 4.

(13)  ĠU C 204/70, 9.08.2008.

(14)  ĠU C 224/95, 30.8.2008.


Top