EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0808

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali” (COM(2010) 614 finali)

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 38–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/38


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali”

(COM(2010) 614 finali)

2011/C 218/07

Relatur: is-Sur VAN IERSEL

Korelatur: is-Sur GIBELLIERI

Nhar it-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni – il-kompetittività u s-sostenibilità fix-xena prinċipali

COM(2010) 614 finali

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ April 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-4 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'119-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali bħala aspett ewlieni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Huwa japprova bis-sħiħ l-approċċ olistiku u l-konnessjoni msaħħa bejn il-politiki tal-UE kif ukoll koordinazzjoni profonda fir-rigward tal-industrija bejn l-UE u l-Istati Membri. L-għan huwa settur industrijali Ewropew kompetittiv u sostenibbli fl-ekonomija globali.

1.2

Il-KESE jappella lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ifasslu lista ta’ prijoritajiet u skadenzi fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill korrispondenti (1).

1.3

Fil-fehma tal-KESE, il-konnessjoni mtejba wasslet għal approċċi integrati f'suq intern kompletament żviluppat fi ħdan ekonomija tas-suq soċjali permezz ta’ leġislazzjoni intelliġenti, riċerka, żvilupp u innovazzjoni, aċċess għall-finanzi, ekonomija li tuża l-enerġija b'effiċjenza u ma tiddependix wisq fuq il-karbonju, politiki fil-qasam tal-ambjent, it-trasport, il-kompetizzjoni u l-impjieg, it-titjib fil-ħiliet u l-kompetenzi, il-kummerċ u kwistjonijiet relatati, u aċċess għall-materji primi.

1.4

Ir-razzjonalizzazzjoni tal-ippjanar intern u l-koordinazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll l-enfasi fuq relazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Membri jpoġġu t-titjib tal-governanza fiċ-ċentru tal-politika industrijali tal-ġejjieni. L-Istati Membri għandhom itejbu l-koordinazzjoni bejniethom. Barra minn hekk, ir-reġjuni u ż-żoni metropolitani għandhom jieħdu s-sjieda. Fi ftit kliem, għandhom jiġu intensifikati r-rabtiet vertikali kif ukoll dawk orizzontali madwar l-Ewropa sabiex nibqgħu għaddejjin bl-istess ritmu tal-kontinenti l-oħra.

1.5

Il-KESE jenfasizza l-importanza tar-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar il-politiki nazzjonali dwar l-industrija li għandhom ikunu orjentati lejn objettivi li jkun hemm qbil komuni dwarhom. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu diskussi bil-miftuħ biex tittejjeb il-koordinazzjoni u jiġu promossi l-aħjar prattiki u biex ikun hemm kompetizzjoni aktar ġusta fl-Ewropa.

1.6

Il-KESE jinsisti dwar livell adegwat ta’ riżorsi finanzjarji privati u pubbliċi għall-kompetittività u l-innovazzjoni sabiex ipattu għat-tnaqqis fil-baġits.Il-KESE jilqa' bi pjaċir it-tħabbira dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet transkonfinali għall-kapital ta’ riskju, kif ukoll tal-proposti għall-bonds għall-proġetti pubbliċi u privati tal-UE għall-investimenti fl-enerġija, it-trasport u l-ICT (2). Għandhom jiġu eżaminati bonds għall-proġetti għal oqsma oħra, eż. proġetti ta’ riċerka u ta’ dimostrazzjoni. Il-fondi strutturali u ta’ koeżjoni għandhom jiffukaw ukoll fuq l-objettivi tal-politika industrijali.Għandhom jiġu żviluppati ideat innovattivi ġodda sabiex il-kapital privat jiġi attratt lejn is-settur industrijali.

1.7

Il-politika industrijali tikkonċerna kull xorta ta’ manifattura u servizzi marbutin flimkien. Id-distinzjonijiet bejn is-setturi qed jiċċajpru. L-SMEs qed isiru dejjem aktar importanti kemm f'termini ta’ valur miżjud kif ukoll għall-ħolqien tal-impjiegi. Dawn il-fatturi jirrikjedu leġislazzjoni u/jew regolamentazzjoni orizzontali u settorjali intelliġenti, u miżuri li jakkumpanjawhom. Għandhom jitqiesu l-komplessità tan-netwerks internazzjonali u tal-proċessi ta’ manifattura integrata.

1.8

Minħabba l-komplessitajiet u l-multiplikazzjoni tal-konnessjonijiet, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ impenji (konġunti) bejn partijiet interessati pubbliċi u privati permezz ta’ gruppi ta’ livell għoli, pjattaformi tat-teknoloġija, djalogi soċjali u programmi edukattivi.

1.9

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-prijoritajiet li ġejjin:

il-ħtieġa għal regolamentazzjoni intelliġenti, stabbiltà regolatorja, valutazzjonijiet adegwati, valutazzjonijiet ta’ segwitu;

aċċess għall-finanzi fil-livell tal-UE: FP7/FP8, CIP (3), BEI u FEI, b'mod speċjali għall-SMEs;

l-Unjoni tal-Innovazzjoni għandha tkun marbuta mill-qrib mal-politika industrijali, b'mod speċjali fil-qasam ta’ teknoloġiji ewlenin ta’ appoġġ u industriji b'konsum intensiv ta’ enerġija;

għandha tiġi promossa l-koordinazzjoni fi ħdan u bejn il-ktajjen tal-għarfien – iċ-ċentri ta’ riċerka, l-universitajiet, il-kumpaniji;

brevett Ewropew huwa mod kif il-kredibbiltà tal-politika industrijali tiġi ppruvata fil-prattika;

L-impjegati għandhom jiġu involuti u jipparteċipaw;

hemm bżonn tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha, flimkien mal-promozzjoni tal-intraprenditorjat, biex jiġu ggarantiti impjiegi ta’ livell għoli u stabbli b'pagi adatti u sostenibbli; għandhom jiġu komunikata l-aħjar prattiki;

l-iżviluppi globali jeħtieġu politika attiva tal-kummerċ u sorveljanza effettiva tas-suq, bla dubju huma jirrikjedu vuċi waħda Ewropea biex tinkiseb kompetizzjoni globali ġusta;

ekonomija b'użu effiċjenti tar-riżorsi u b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-Ewropa għandha timplika li l-UE tirrikjedi li jiġu rispettati l-istess standards mill-imsieħba kummerċjali tagħha;

għandu jiġi salvagwardjat l-aċċess għall-materji primi u għal sorsi diversifikati tal-enerġija.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-politika industrijali “bi stil ġdid” tmur lura għal April 2004 (4). Wara proċess twil ta’ liberalizzazzjoni u privatizzazzjoni, baqgħu prevalenti firxa wiesgħa ta’ kunċetti nazzjonali dwar il-politika industrijali.

2.2

Fil-livell tal-UE, kienu qed jingħataw prominenza kundizzjonijiet qafas li jagħtu s-saħħa lill-industriji. Saru l-analiżijiet settorjali.

2.3

Il-KESE kien attiv f'dan l-iżvilupp u kkummenta f'għadd ta’ opinjonijiet dwar l-interess ikbar għal xi setturi u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom fil-livell tal-UE (5)

2.4

Sadattant, il-kuntest qed jinbidel il-ħin kollu. Minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-opinjonijiet kuntrastanti dwar governanza fil-livell tal-UE, kif ukoll il-prestazzjonijiet industrijali li jvarjaw bejn l-Istati Membri għandhom impatt fuq il-kapaċità Ewropea li twieġeb għall-bidliet.

2.5

B'mod parallel, żviluppaw temi u sfidi ġodda għas-soċjetà, fosthom it-tixjiħ tas-soċjetà, il-ħarsien tal-klima u l-iżvilupp sostenibbli, l-aċċess għall-enerġija, l-intensifikazzjoni tal-globalizzazzjoni, is-soċjetà bbażata fuq l-għarfien u s-soċjetà diġitali kif ukoll il-bidliet fis-suq tax-xogħol.

2.6

L-innovazzjoni hija l-ordni tal-ġurnata, kemm dik ispirata mill-iżviluppi fir-riċerka u t-teknoloġija li huma kontinwi, kif ukoll dik kkawżata minn kompetizzjoni akbar, fis-swieq domestiċi u barra.

2.7

Tul dawn l-aħħar għaxar snin, l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha ġew enfasizzati dejjem aktar bħala prijorità.

2.8

Minkejja l-progress ċar, il-frammentazzjoni u n-nuqqas ta’ punt fokali ppersistew parzjalment minħabba d-differenzi fl-approċċi għan-negozju. Wisq drabi tiġi injorata r-rabta bejn it-tkomplija tas-suq intern u l-politiki industrijali. Il-KESE enfasizza b'mod repetut il-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet t-tajba filwaqt li titqies il-ħtieġa għal oqfsa leġislattivi speċifiċi għas-setturi u l-kwistjonijiet tematiċi, li wieħed jikkunsidraw n-netwerks ta’ valur li għandhom fergħat madwar id-dinja kollha.

3.   X'hemm ġdid fil-Komunikazzjoni

3.1

L-għan tal-politika industrijali huwa li tinżamm industrija tal-manifatturi b'saħħitha fl-Ewropa, u li tikber sensibilizzazzjoni ġenerali fis-soċjetà u fost il-partijiet interessati li l-UE trid tivvaluta u ddaħħal kundizzjonijiet adattati li jqawwu l-industrija tal-manifattura u tas-servizzi biex tiżviluppa b'suċċess fis-swieq domestiċi u ta’ barra.

3.2

Il-politika industrijali għandha tirbaħ l-isfidi tal-inċertezzi u l-iżbilanċi ikbar kif ukoll il-kompetizzjoni ħarxa u l-aġendi stabbiliti mis-suġġetti l-oħra fix-xena dinija hija u tiddefinixxi qafas għal bażi industrijali b'saħħitha fl-Ewropa, għall-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi.

3.3

Il-politika industrijali hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020 flimkien ma’ inizjattivi ewlenin oħra u oqsma oħra importanti, bħall-innovazzjoni, il-ħiliet, il-kummerċ u s-Suq Uniku. L-approċċ olistiku jenfasizza l-ħtieġa għal koordinament effettiv u l-koerenza bejn il-politiki kollha tal-UE. Il-koordinament u l-koerenza, fosthom it-trasparenza u l-viżibbiltà tal-politiki tal-UE li takkompanjahom, iridu jappoġġjaw il-progress teknoloġiku u l-innovazzjoni (b'mod speċjali t-teknoloġiji abilitanti ewlenin), ir-ristrutturar, il-ħolqien tal-impjiegi (6) ta’ kwalità u l-preżenza Ewropea fis-swieq internazzjonali.

3.4

Strument ġdid huwa l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-prova ta’ kompetittività permezz ta’ proċedura ta’ valutazzjoni, li għandha tmur lil hinn mis-sempliċi kompetittività tal-prezz jew l-ispejjeż sabiex tinkludi l-fatturi tal-investiment u l-innovazzjoni.

3.5

Id-dimensjoni esterna tal-politika industrijali, li ta’ spiss tintesa, qed tingħata prijorità. L-istess japplika għall-attenzjoni akbar li trid tingħata lill-aċċess għall-materji primi bħala kundizzjoni bażika għal kwalunkwe politika industrijali.

3.6

Qed titpoġġa enfasi ġdida fuq approċċ orizzontali integrat flimkien mal-applikazzjonijiet settorjali u l-approċċi speċifiċi, il-ħtieġa li wieħed iħares lejn ir-rabtiet bejn is-setturi u l-konnessjonijiet bejn il-ktajjen ta’ valur u tal-provvista (kruċjali għall-SMEs), in-netwerks u l-clusters, l-impatt tas-servizzi tan-negozju u l-aċċess għall-finanzi.

3.7

Flimkien mat-tibdil kontinwu u l-proċess ta’ ristrutturar f'partijiet kbar tal-industrija Ewropea, il-Komunikazzjoni tindika setturi ġodda b'investiment li qed jikber u impjiegi li qed jiżdiedu bħall-ispazju (7), servizzi ġodda tas-sigurtà, u l-industriji kulturali u kreattivi.

3.8

Fil-fehma tal-KESE, il-proposta tal-Kummissjoni, bbażata fuq l-Artikolu 173 tat-Trattat ta’ Lisbona, li jiġu ppublikati rapporti annwali dwar il-qagħda u l-iżvilupp tal-politiki industrijali nazzjonali li suppost għandhom isaħħu l-analiżi komuni u l-approċċi u l-politiki li jkun hemm qbil komuni dwarhom, hija importanti u ambizzjuża ħafna.

3.9

Il-KESE jinnota b'sodisfazzjoni li l-Kunsill Kompetizzjoni jaqbel kompletament mal-qafas għal linji strateġiċi għall-azzjoni tal-UE, li ser jippromovu l-iżvilupp ta’ viżjoni komuni dwar il-prijoritajiet. L-aktar importanti hu li l-Kunsill qed jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal koordinament tal-politiki industrijali tal-Istati Membri.

4.   Kummenti Ġenerali

4.1

Minħabba ċ-ċirkostanzi li qed joħolqu pressjoni, il-KESE huwa tal-fehma li l-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ġew verament f'waqthom.

4.2

Il-politika industrijali bħala inizjattiva ewlenija fl-Istrateġija Ewropa 2020 turi li l-Kummissjoni hija determinata li tħejji strateġija kkordinata kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fl-Istati Membri. L-impenn tal-Istati Membri huwa essenzjali u urġenti.

4.3

Il-KESE jinsisti fuq l-importanza ta’ industrija tal-manifattura kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa. Din tirrikjedi bażi industrijali b'saħħitha, marbuta ma’ servizzi li huma vitali għall-industrija. Sorsi awtorevoli jenfasizzaw ċaqliq gradwali fl-impjiegi mill-manifattura għas-servizzi marbutin mal-industrija, mhux biss il-kontributi intermedji, iżda wkoll is-servizzi pprovduti mill-produtturi infushom (8).

4.4

Huwa essenzjali li jkun hemm politiki b'saħħithom sabiex jiġi ffurmat il-ġejjieni: enerġija intelliġenti, nanoteknoloġiji u xjenzi tal-ħajja, materjali ġodda, servizzi tan-negozju u mezzi tax-xandir soċjali, u l-ħtieġa li jitwessgħu l-ICT. L-Ewropa la għandha Apple u lanqas Google! Iċ-Ċina qed tħaffef il-pass sew u f'ċerti oqsma diġà qed tgħaddi lill-Ewropa.

4.5

l-UE għandha bżonn kbir ta’ viżjoni u programm biex ittejjeb l-investimenti produttivi u l-produttività. Prinċipji komuni definiti sew għall-azzjoni fl-UE u l-Istati Membri għandhom jiġġeneraw inċentivi għal programmi ta’ investiment ambizzjużi mill-kumpaniji u mill-awtoritajiet pubbliċi.

4.6

Il-politika industrijali għandha bżonn ta’ livell adegwat ta’ riżorsi finanzjarji privati u pubbliċi. It-tnaqqis fil-baġits li qed iseħħ bħalissa għandu jkun ibbilanċjat b'mezzi oħra finanzjarji, li jkun hemm qbil komuni dwarhom (9).

4.7

Il-KESE qed tara tliet temi prinċipali li għandhom bżonn jiġu diskussi aktar fis-snin li ġejjin:

ir-rabta u l-interazzjoni ta’ spettru wiesa' ta’ politiki orizzontali u settorjali tal-UE,

in-netwerks internazzjonali kumplessi u l-proċessi ta’ manifattura integrata (10), u

il-valutazzjoni u l-koordinazzjoni miżjuda ta’ politiki nazzjonali fil-livell tal-UE fost l-Istati Membri.

4.8

Ir-razzjonalizzazzjoni tal-ippjanar intern u l-koordinazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll l-enfasi fuq relazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Membri jpoġġu t-titjib tal-governanza fiċ-ċentru tal-politika industrijali tal-ġejjieni.

4.9

L-Istati Membri jiżviluppaw l-approċċi u l-miri industrijali tagħhom. Biex il-politika industrijali “bi stil ġdid” tal-UE tkun suċċess, il-Kunsill għandu jiżviluppa l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Kompetizzjoni bħala bażi biex ikun hemm ħidma flimkien aktar intensiva.

4.10

Il-KESE japprova bis-sħiħ il-ħtieġa għal approċċ olistiku u integrat. Il-konnessjoni imtejba tal-politiki huwa kunċett importanti għal ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli fl-Ewropa. Għandu jwassal għal approċċ integrat għall-futur industrijali tal-Ewropa f'suq intern operattiv permezz ta’ leġislazzjoni intelliġenti, politika ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni, aċċess għall-finanzi, politika tal-enerġija u politika ta’ dipendenza baxxa fuq il-karbonju, politika ambjentali, politika tat-trasport, politika tal-kompetizzjoni, titjib fil-ħiliet u l-kompetenzi, politika tal-kummerċ u kwistjonijiet relatati, kif ukoll aċċess għall-materji primi. Approċċi settorjali jkabbru l-potenzjal. Dawn is-suġġetti huma diskussi f'Komunikazzjonijiet separati (11).

4.11

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon “provi ta’ kompetittività” effettivi li għandhom jibdew fuq bażi selettiva.

4.12

Huwa ta’ importanza kbira li jinżammu, u anki jiġu estiżi, ir-riżorsi finanzjarji tal-UE fir-riċerka u l-iżvilupp. Proġetti kbar Ewropej, bħalma huma dawk fil-qasam tal-enerġija u t-twettiq ta’ infrastruttura pan-Ewropea, iffinanzjati b'mod konġunt minn Stat Membru jew aktar, għandhom iwasslu għal effetti ta’ lieva.

4.13

Il-clusters industrijali s-soltu jiżviluppaw f'baċini industrijali tradizzjonali li jiżviluppaw b'mod kontinwu bis-saħħa ta’ investiment, teknoloġija u innovazzjoni, ktajjen ta’ valur, kompetenzi u ħiliet, u kuntatti reġjonali u internazzjonali ġodda Ir-reġjuni avvanzati qed jagħtu spinta lill-Ewropa (12). Ir-reġjuni avvanzati qed jagħtu spinta lill-Ewropa.

4.14

Il-KESE jemmen li politiki u azzjonijiet miġburin flimkien fil-livell tal-UE, flimkien ma’ informazzjoni kontinwa aktar trasparenti u aġġornata dwar l-iżviluppi nazzjonali, ser jikkontribwixxu b'mod sostanzjali biex tinħoloq kompetizzjoni ġusta u suq intern b'saħħtu, il-qalba tal-integrazzjoni Ewropea.

4.15

Id-data u l-analiżi huma essenzjali. Il-KESE jfaħħar il-ħidma analitika ddettaljata li saret mill-Kummissjoni. Analiżi fil-fond u preċiża u data li tista' titqabbel fil-livell tal-UE huma indispensabbli għal kull politika. Monitoraġġ u valutazzjoni aktar mill-qrib u li jħarsu 'l quddiem jeħtieġu data affidabbli dwar xejriet dinamiċi u attwali (13). Qed isir progress iżda għad fadal ħafna xi jsir.

4.16

Flimkien mal-istatistiċi nazzjonali, il-Eurostat għandu rwol essenzjali. Għandu jiġi attrezzat b'mod sodisfaċenti biex jiġbor id-data t-tajba u biex janalizza x-xejriet Ewropej u dawk globali u d-dinamiċi tul iż-żmien. Għandu jingħata mezzi mtejba biex ikollu aċċess għad-data. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli kemm jista' jkun malajr u b'mod komplut.

5.   Il-governanza fil-livell tal-UE; approċċi orizzontali u speċifiċi: setturi u netwerks ta’ valur.

5.1

Il-ġabra tal-attivitajiet tal-Kummissjoni f'kunċett wieħed tenfasizza l-ħtieġa għal dekompartimentalizzazzjoni biex il-viżibbiltà u l-effikaċja jitjiebu.

5.2

Il-politika industrijali tibqa' sa ċertu punt nazzjonali. Il-lista tal-oqsma msemmija fil-Komunikazzjoni li għalihom l-UE (il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-PE) hija responsabbli li taġixxi jew tista' taġixxi hija impressjonanti wkoll. F'dan l-isfond il-qafas koerenti tal-Ewropa 2020 joffri opportunitajiet promettenti.

5.3

Il-KESE jaqbel mal-intenzjonijiet ta’ politika tal-Kummissjoni. Madankollu, ir-rwol tal-Kummissjoni mhux dejjem definit b'mod ċar, parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza formali f'għadd ta’ oqsma. F'xi setturi, bħall-enerġija, il-miri u l-proċeduri nazzjonali għadhom jiddominaw u l-kompetenzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri mhux qed jiġu applikati b'mod koerenti.

5.4

Għaldaqstant, għandhom jittejbu l-awtorità u l-effikaċja tal-Kunsill Kompetizzjoni li – flimkien mal-Kummissjoni – jistabbilixxi l-miri u huwa responsabbli biex jirregola firxa wiesgħa ħafna ta’ suġġetti.

5.5

Il-KESE jappella lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ifasslu lista operattiva ta’ prijoritajiet u l-iskadenzi korrispondenti. Dawn il-prijoritajiet irid ikun fihom ukoll l-infrastruttura ekonomika bħalma huma n-netwerks avvanzati tat-trasport, is-sorsi tal-enerġija diversifikati u l-aċċess għalihom, l-aġenda diġitali u l-ICT.

5.6

Id-dimensjoni esterna tas-suq intern u l-objettiv ta’ kundizzjonijiet globali ekwivalenti jirrikjedu dejjem iktar politika tal-kummerċ attiva u korp diplomatiku Ewropew effettiv.

5.7

Għal darb'oħra l-industrija għaddejja minn bidliet fundamentali minħabba fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, regolamenti mibdulin u s-swieq tal-industrija internazzjonali u tas-servizzi. Dawn l-iżviluppi jolqtu lis-setturi kollha. Il-prijoritajiet, kif inhuma stabbiliti fi programmi ta’ ħidma tal-UE suċċessivi, għandhom jirriflettu x-xejriet biex jiżguraw kundizzjonijiet ta’ qafas ġusti u jinkludu aġenda konkreta li tkun tipprovdi gwida u ċertezza għall-investimenti industrijali. Jeħtieġ li jkun hemm qafas regolatorju stabbli u għal perjodu twil.

5.8

Ir-relazzjoni bejn il-politika industrijali u s-Suq Uniku hija importanti ferm. Il-KESE jinsisti li b'mod parallel ma’ politiki industrijali aktar speċifiċi, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-Att dwar is-Suq Uniku jerġa' jikkonferma b'mod ċar ir-rwol tal-Kummissjoni u tal-UE, u l-ħtieġa għal kompetizzjoni ġusta Ewropea.

5.9

Il-KESE jerġa' jikkonferma l-ħtieġa li jinżamm l-objettiv ta’ 3 % tal-PDG fin-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp.Ir-riżorsi finanzjarji li qed jonqsu m'għandhomx jagħmlu ħsara lill-forzi ta’ innovazzjoni deċiżivi.

5.10

Fir-rigward tal-effiċjenza u l-valur miżjud tal-politiki u l-istrumenti finanzjarji, il-KESE laqa' b'sodisfazzjon, f'diversi opinjonijiet, il-gruppi settorjali ta’ livell għoli, il-pjattaformi tat-teknoloġija, l-istimolu ta’ clusters tal-innovazzjoni u l-kooperazzjoni transkonfinali bejn panels u ċentri tar-riċerka, kollha appoġġjati mill-fondi tal-UE. Għandhom jiġu żviluppati proġetti ta’ dimostrazzjoni u ta’ eżempju.

5.11

Proġett ta’ suċċess huwa l-Inizjattiva ta’ Suq Ewlieni għal sitt setturi importanti biex jonqsu l-ostakli għall-prodotti u s-servizzi (14). Bl-istess mod l-UE għandha tibda proġetti industrijali ġodda bħall-vetturi bl-użu ta’ enerġija nadifa u effiċjenti, il-ħżin u l-ġbir tal-karbonju, in-netwerks pan-Ewropej, attivitajiet spazjali, u teknoloġiji ewlenin ta’ appoġġ.

5.12

Il-KESE jqis l-adozzjoni tal-brevett Ewropew bħala każ ta’ prova għall-kredibbiltà tal-politika industrijali tal-UE. Jekk ma jkunx jista' jinkiseb brevett Ewropew għall-UE bħala entità sħiħa għalissa, numru limitat ta’ pajjiżi għandhom, sadanittant, jibdew bih.

5.13

B'mod aktar ġenerali, fil-kuntest tad-dinja llum, il-ħarsien tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija prijorità importanti.

5.14

Approċċi mmirati b'mod speċifiku għas-setturi huma essenzjali biex tinkiseb regolamentazzjoni aħjar u aktar adatta u biex jiġu żviluppati l-istrumenti u l-miżuri meħtieġa.

5.15

Madankollu, il-globalizzazzjoni, il-frammentazzjoni tal-katina tal-provvista lil hinn mill-fruntieri tal-pajjiż, u d-dipendenza reċiproka mill-qrib tas-suġġetti varji jagħmlu l-viżjoni “tradizzjonali” tal-industrija b'kull settur għalih anqas rilevanti. B'daqshekk ma għandux jitqies li qed jiġi miċħud li jeżistu xi problemi speċifiċi ħafna f'xi setturi, iżda li dawn iridu jiġu trattati fuq il-bażi ta’ każ b'każ f'perspettiva Ewropea.

5.16

Approċċ settorjali flessibbli jippermetti l-iskambju b'suċċess ta’ veduti u huwa bażi tajba għall-impenn ta’ partijiet interessati pubbliċi u privati. Barra mill-uffiċjali tal-Kummissjoni u tal-gvernijiet, hemm ukoll il-kumpaniji, l-istituti tar-riċerka, l-edukazzjoni (għolja), l-imsieħba soċjali, l-NGOs u r-rappreżentanti reġjonali.

6.   Kwistjonijiet speċifiċi ewlenin

6.1

Il-politika industrijali hija kunċett globali b'għadd ta’ oqsma li huma marbutin u konnessi flimkien.

6.2

L-aċċess għall-finanzi u għall-fondi huma ostakli li jridu jiġu indirizzati b'mod urġenti. Il-KESE jilqa' bi pjaċir kbir it-tħabbira dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet transkonfinali għall-kapital ta’ riskju, kif ukoll tal-proposti għall-bonds għall-proġetti pubbliċi u privati tal-UE għall-investimenti fl-enerġija, it-trasport u l-ICT (15). Għandhom jiġu eżaminati bonds għall-proġetti għal oqsma oħra, eż. proġetti ta’ riċerka. Ser ikollhom jitqiesu miżuri oħra, fosthom l-iskemi għat-tnaqqis tat-taxxi.

6.3

L-SMEs ġew milquta' b'mod speċjali mill-kriżi finanzjarja. Iridu jiġu żviluppati ideat innovattivi sabiex jiġi mobilizzat il-kapital privat, eż. crowd funding. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni għandha torganizza diskussjonijiet ma’ partijiet interessati esterni sabiex teżamina l-modi u l-mezzi kif il-kapitali jiġi mobilizzat għall-skopijiet industrijali. Għandhom jitqiesu l-prattiki madwar id-dinja. Għandhom jixxerrdu ideat u prattiki fertili.

6.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-BEI wkoll, flimkien mal-FEI, għandu jitħeġġeġ fl-isforzi tiegħu biex jiżviluppa strumenti mmirati li jgħinu lill-SMEs Ewropej jikbru.

6.5

Ir-rwol tal-BEI huwa dejjem aktar importanti bħala eżempju għall-investituri privati l-oħra kif ukoll katalist biex jattira fondi finanzjarji addizzjonali. Dan jinkludi wkoll il-promozzjoni ta’ investimenti fit-tul, meħtieġa għall-iżvilupp ta’ proċessi innovattivi. Il-kriterji soċjali u ambjentali għandhom jiġu integrati fis-self tal-BEI, b'valutazzjonijiet ex-post tal-impatt tal-infiq tal-BEI fuq il-firxa kollha tal-industrija Ewropea u għall-kisba tal-objettivi tal-UE.

6.6

Fir-rigward tal-FP7 l-FP8, il-KESE jaqbel mal-iffokar akbar mill-Kummissjoni fuq proġetti industrijali innovattivi u fuq il-kooperazzjoni (transkonfinali).

6.7

Bħalissa, l-fondi kollha tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp qed jiffokaw fuq id-disseminazzjoni u l-approfondiment tal-għarfien. Il-proġetti li huma konformi mal-fehmiet tal-Pjattaformi Teknoloġiċi tal-UE jridu jiġu approvati, kif ukoll l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) (16). Il-KESE jagħti parir li jkun hemm aktar semplifikazzjoni fl-implimentazzjoni. Il-fondi tal-UE għandhom jiġu investiti b'mod immirat biex joħolqu l-effett multiplikatur tal-investimenti pubbliċi u/jew privati.

6.8

Dan ifisser li l-FP8, flimkien mar-riċerka fundamentali, iridu jkunu ispirati wkoll mill-objettivi tal-politika industrijali. Għal proġetti industrijali kbar xorta waħda hija meħtieġa koordinazzjoni effettiva (ċentralizzata) bejn il-finanzjamenti tal-UE u dawk nazzjonali.

6.9

Dan jgħodd ukoll għas-CIP, il-Programm tal-Kompetittività u tal-Innovazzjoni għall-SMEs fil-qasam tal-enerġija, l-ICT u l-intraprenditorija.

6.10

L-iżvilupp f'reġjuni monoindustrijali għandu jiġi rivedut biex iħeġġeġ id-diversifikazzjoni industrijali b'mod aktar effettiv. L-iżvilupp sostenibbli ser jiġi appoġġjat mill-fondi tal-UE għall-proġetti b'dipendenza baxxa fuq il-karbonju u rispettużi għall-ambjent.

6.11

Ir-relazzjoni bejn il-politika tal-innovazzjoni u dik industrijali hija evidenti. L-Innovazzjoni hija qasam wiesa' ħafna li jkopri wkoll kwistjonijiet mhux tekniċi. Ġustament, l-inizjattivi ewlenin tal-innovazzjoni u l-politika industrijali għandhom bejn wieħed u ieħor l-istess punt fokali u għandhom objettivi komuni bħas-sħubijiet ta’ innovazzjoni. Dan ser ikabbar l-effiċjenza u l-viżibbiltà.

6.12

It-tnaqqis fl-industrijalizzazzjoni potenzjali jrid jiġi evitat billi tissaħħaħ ir-rabta bejn l-innovazzjoni u l-industrija (17), fost affarijiet oħra permezz tal-enfasi fuq it-“teknoloġiji abilitanti ewlenin”. Il-kundizzjonijiet għall-industrija mmexxija mix-xjenza jridu jitjiebu.

6.13

Il-politika fil-livell nazzjonali u tal-UE dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni huma marbutin mill-qrib mal-politika industrijali, b'mod speċjali taħt il-pressjoni ta’ baġits li qed jonqsu u l-isforzi li qed jagħmlu l-kontinenti l-oħra. It-tnaqqis u/jew id-delokalizzazzjoni barra l-pajjiż tal-infiq fir-riċerka mill-kumpaniji huwa inkwetanti wkoll.

6.14

It-trasformazzjoni tar-riċerka u x-xjenza fi prodotti permezz tat-teknoloġija applikata tibqa' punt dgħajjef madwar l-Ewropa. Filwaqt li r-riċerka fundamentali tibqa' kruċjali, il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa għal transizzjoni effettiva, sostenibbli u mgħaġġla mill-laboratorju għall-ekonomija reali.

6.15

Il-miri fil-proċess ta’ transizzjoni għal ekonomiji b'konsum baxx tal-enerġija u tal-karbonju jistgħu jwasslu għal opportunitajiet akbar għall-promozzjoni tal-innovazzjoni.

6.16

Titjib fil-koordinament fi ħdan u bejn il-ktajjen tal-għarfien għandu jkun prijorità. Għandu jiġi diskuss bejn il-partijiet interessati kollha fis-settur pubbliku u privat biex jingħelbu d-differenzi u jiġu promossi l-valur miżjud u l-effikaċja.

6.17

L-universitajiet għadhom mhux qed jaqdu r-rwol tagħhom bis-sħiħ bħala parti integrali mit-trijangolu tal-għarfien. Għandha titqiegħed enfasi fuq netwerks miftuħin u transkonfinali bejn l-universitajiet u l-industrija. L-UE għanda tiffoka fuq il-promozzjoni ta’ dawn l-iżviluppi.

6.18

Il-Kapitlu Soċjali tal-Ewropa 2020 jkopri diversi elementi. Il-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-investiment privat, il-katina tal-provvista u l-valur u l-SMEs huwa ċentrali Dan l-objettiv itejjeb ukoll l-aċċettazzjoni tal-istrateġija mill-pubbliku.

6.19

L-impjegati għandhom jiġu involuti u jipparteċipaw. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal djalogu soċjali effettiv u l-promozzjoni ta’ objettivi komuni u impenji f'din l-era ta’ bidliet dinamiċi. Id-djalogu huwa bżonjuż ukoll għal soluzzjonijiet soċjalment aċċettabbli u huwa meħtieġ biex tinħoloq il-fiduċja għat-trasformazzjoni ekonomika, barra minn hekk, għandu jżid is-sensibilizzazzjoni u l-aċċettazzjoni tal-pubbliku.

6.20

L-Istati Membri għandhom it-tradizzjonijiet tagħhom f'dan il-qasam. Fil-fehma tal-KESE, il-parteċipazzjoni u l-involviment tal-impjegati għandhom iseħħu fil-livell tal-kumpanija, f'dawk reġjonali, nazzjonali u tal-UE biex ikabbaru l-antiċipazzjoni u jagħtu forma lill-bidla. Fil-livell tal-UE, id-djalogi soċjali settorjali huma għodda ta’ valur kbir li l-Kummissjoni għandha tkompli tappoġġja u għandha tippromovihom kull fejn għadhom ma jeżistux.

6.21

L-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha huma prijorità. Analiżi tas-suq tax-xogħol (fil-livell settorjali) għandha tkun il-bażi għal linji gwida għall-kurrikula tal-edukazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti, fuq medda medja u twila ta’ żmien tal-ħiliet. Għandhom jiġu eliminati d-differenzi bejn is-sessi. F'xi oqsma, bħall-inġinerija u l-professjonijiet tekniċi, id-differenza bejn il-provvista u t-talba fis-suq tax-xogħol hija inkwetanti. L-intraprenditorija għandha tiġi promossa.

6.22

Il-linji gwida u d-disseminazzjoni tal-aħjar prattiki huma meħtieġa biex jifformaw kurrikula tal-edukazzjoni għolja (18). Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex iżżid l-impenn tagħha f'dan il-qasam.

6.23

L-iżviluppi globali jeħtieġu politika kummerċjali Ewropea attiva. Id-diviżjoni tax-xogħol bejn il-pajjiż b''valur għoli' u dawk b''valur baxx' qed tiċċajpar. Qed iseħħu żviluppi ekonomiċi u soċjali b'rata mgħaġġla, l-aktar fl-Ażja. Kundizzjonijiet globali ekwivalenti huma aktar importanti f'termini ambjentali u ta’ livelli soċjali, ir-reċiproċità tal-aċċess tas-suq, il-proprjetà intellettwali, eċċ (19).

6.24

Il-KESE jinsisti li t-teħid tad-deċiżjonijiet kollha Ewropej kif ukoll il-valutazzjoni tal-leġislazzjoni futura jqisu l-perspettiva tal-kompetizzjoni ġusta globali. B'mod parallel, fl-UE għandhom jiġu stabbiliti monitoraġġ aħjar u sorverljanza tas-suq aktar effettiv. Il-kompetenzi tal-kontrolluri tad-dwana għandhom jikbru.

6.25

Is-sinifikat tal-istandardizzazzjoni ma tantx jista' jiġi stmat iżżejjed bħala strument importanti fis-Suq Uniku. Il-kumpaniji Amerikani u Ċiniżi ta’ spiss qed jikkonformaw ma’ dawn il-livelli b'mod spontanju għaliex qed ikunu ta’ eżempju fid-dinja.

6.26

Il-KESE jenfasizza r-rabta bejn il-politika industrijali, il-politika tal-kummerċ u kwistjonijiet relatati. Iridu jiġu miġġielda l-ostakli artifiċjali għall-kummerċ u l-investiment f'partijiet oħra tad-dinja. In-negozjati dwar dawn il-kwistjonijiet jistgħu jmorru lil hinn mill-qafas tad-WTO u jridu jiġu trattati f'oqfsa bilaterali jew multilaterali oħra. Id-dimensjoni esterna tal-politika industrijali timplika li l-UE trid titkellem b'vuċi waħda fi kwalunkwe forum internazzjonali ekonomiku (20).

6.27

L-UE trid tiġġieled b'mod aggressiv il-limitazzjonijiet fuq l-aċċess għall-materji primi li japplikaw l-imsieħba fin-negozju. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ir-rakkomandazzjonijiet għal azzjoni dwar il-prezzijiet fuq il-materji primi u l-konsolidazzjoni tas-suq fis-settur tal-minjieri. L-ispekulazzjoni fuq is-swieq tal-kumditajiet trid tiġi indirizzata.

6.28

Mingħajr ħsara għall-għanijiet u l-livelli miftehma tal-UE dwar l-enerġija u l-klima, l-istrumenti ta’ politika jridu jiġu studjati u mfassla b'attenzjoni rigward il-punt sa fejn ser ikollhom impatt fuq il-kompetittività tal-industrija (21). Ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'użu baxx tal-karbonju fl-Ewropa għandha timplika li l-UE tirrikjedi li l-istess livelli jiġu milħuqa mill-imsieħba tagħha fil-kummerċ (22). Is-soluzzjoni ppreferuta hija ftehimiet multilaterali. Is-sanzjonijiet kummerċjali għandhom jiġu evitati.

6.29

Rigward il-livelli soċjali, il-KESE jipponta lejn id-dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-livelli prinċipali tax-xogħol fl-1998 dwar id-diskriminazzjoni, l-impjieg tat-tfal, l-impjieg furzat kif ukoll il-libertà tal-għaqdiet tal-ħaddiema u n-negozjati kollettivi (23). Il-konvenzjonijiet tal-ILO huma aktar konkreti, iżda għadd ta’ pajjiżi ma rratifikawhomx jew mhux qed jimplimentawhom.

6.30

Ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) għandha tiġi implimentata internazzjonalment fuq il-bażi tad-Dikjarazzjonijiet tal-ILO u l-Linji Gwida tal-OECD kif ukoll ta’ strumenti internazzjonali oħra li huma rikonoxxuti b'mod mifrux (24). Il-Kumpaniji għandhom jibdew jużaw is-CSR bħala tiketta sabiex jippromovu l-immaġni tagħhom.

7.   Ir-rabta bejn il-politiki industrijali nazzjonali u l-UE

7.1

Minkejja d-differenzi bejn l-istati, l-ekonomija tal-Istati Uniti taħdem bħala suq wieħed u bi gvern ċentrali wieħed. L-istess jgħodd għaċ-Ċina u għal oħrajn.

7.2

Bil-kontra, fl-Ewropa l-Istati Membri kollha għandhom il-forma tagħhom ta’ politika industrijali (25). Ix-xenarju huwa diversifikat ħafna minħabba strutturi nazzjonali tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tradizzjonijiet diverġenti, relazzjonijiet partikolari bejn is-setturi pubbliċi u privati u strutturi diverġenti tal-ekonomiji u l-vantaġġi komparattivi. Barra minn hekk, il-kriżi attwali tista' ġġib it-tentazzjoni ta’ protezzjoniżmu moħbi.

7.3

Minħabba dawn id-diverġenzi kollha r-riżultati f'termini ta’ tkabbir ekonomiku u impjiegi fl-Istati Membri huma differenti ħafna. Il-Kunsill jenfasizza li tkun ħaġa tajba li jsiru rapporti annwali dwar l-iżvilupp tal-politiki nazzjonali industrijali. Minħabba fil-kompetenzi limitati tal-Kummissjoni f'dan il-qasam, din m'hijiex biċċa xogħol faċli.

7.4

Għan ewlieni tal-Ewropa 2020 huwa li l-UE u l-Istati Membri joqorbu lejn xulxin. Ir-rapporti tal-Kummissjoni jistgħu jkunu parti ulterjuri mill-governanza tal-UE. It-trasparenza, eżempji ta’ suċċess u prattiki tajbin jistgħu jwasslu għal konverġenza pożittiva fl-atteġjamenti governattivi. Għandhom iwasslu għal diskussjonijiet fil-Kunsill dwar il-kunċetti varji u r-riżultati prattiċi tagħhom.

7.5

Naturalment, kull Stat Membru huwa ħieles li jiddeċiedi liema huma l-preġji tiegħu u joħloq l-għarfien u infrastrutturi oħra, jekk il-miżuri huma konformi mar-regoli tal-UE. Pjattaformi għad-diskussjoni dwar l-esperjenzi jistgħu jsaħħu l-kooperazzjoni bejn gruppi ta’ Stati Membri.

7.6

Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-prestazzjonijiet nazzjonali jistgħu jipprovdu opportunitajiet ġodda bejn il-gvernijiet, bejn il-gvernijiet u l-Kummissjoni kif ukoll, naturalment għall-kumpaniji, b'mod partikolari għall-għadd kbir ta’ SMEs li qed jinternazzjonalizzaw.

7.7

Diversi pajjiżi għandhom il-pjattaformi innovattivi tagħhom b'miri nazzjonali. Dawn rarament huma għall-benefiċċju ta’ objettivi Ewropej. Il-KESE jagħti parir li jiġi studjat kif l-approċċi transkonfinali jistgħu jkabbru l-effikaċja tagħhom. L-aħjar prattiki għandhom jiġu disseminati u diskussi.

7.8

Ir-rapport annwali għandu janalizza l-koerenza bejn il-politika industrijali tal-UE u l-politiki nazzjonali. Dan l-aħħar, xi Stati Membri – eż. il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, Spanja u l-Pajjiżi l-Baxxi – qed ifasslu dokumenti ta’ politika dwar il-politika nazzjonali tagħhom (26). Iżda r-rabta mal-objettivi u l-azzjonijiet Ewropej għadha dgħajfa. Il-KESE jirrakkomanda li ssir analiżi ta’ dawn ir-rapporti nazzjonali mill-Kummissjoni f'perspettiva Ewropea fir-rapport annwali tagħha li jmiss.

7.9

Qed jintensifikaw ukoll l-iskambji ta’ fehmiet bejn l-Istati Membri dwar politiki industrijali mixtieqa. Prattiki ta’ dan it-tip, kif ukoll ir-riżultati operattivi, għandhom jixxerrdu mal-Unjoni kollha sabiex il-viżjonijiet magħluqa nazzjonali jiġu sostitwiti minn perspettivi usa'.

7.10

Barra minn hekk, ir-reġjuni u ż-żoni metropolitani għandhom jieħdu s-sjieda. Għandha tingħathalhom is-setgħa li jiżviluppaw clusters u li jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel, iċ-ċentri tal-għarfien u l-industrija (eż. permezz tal-iżvilupp ta’ netwerks settorjali reġjonali).

7.11

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tinkludi l-prestazzjonijiet u l-prattiki f'oqsma speċifiċi bħall-akkwist pubbliku – 17 % tal-PNG – fejn, skont l-analiżijiet u għall-kuntrarju tad-direttivi tal-UE, ser ikun hemm prevalenza tal-għanijiet industrijali nazzjonali.

7.12

Eżempju partikolari ta’ dan huwa t-tagħmir militari, li ta’ spiss jiġi injorat. It-tnaqqis fil-baġits spiss ikollu effett negattiv fuq l-ispiża militari. Studji indipendenti jridu jagħmluha possibbli li jinkiseb valur akbar għall-flus.

7.13

F'dan il-qasam, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli fi ħdan l-UE u, bl-istess mod, li jiżviluppaw katini ta’ provvista transkonfinali kompetittivi. Għandhom jiġu promossi l-effetti ta’ konsegwenza u dawk ta’ ġenerazzjoni (spill-over u spin-off) bejn il-produzzjoni militari u dik ċivili. B'mod parallel, trid tiġi prevista l-armonizzazzjoni Ewropea tal-permessi tal-esportazzjoni.

7.14

Qasam ieħor interessanti huwa “l-utilitajiet pubbliċi”. Fuq il-bażi ta’ inventorju mill-Kummissjoni, irid jiġi previst aktar ftuħ għall-kooperazzjoni transkonfinali u/jew l-aħjar prattiki.

7.15

L-analiżi tal-UE tista' tipproduċi data interessanti dwar il-kwalità ta’ spettru wiesa' ta’ kundizzjonijiet fl-Istati Membri. Is-semplifikazzjoni tal-prattiki amministrattivi (mingħajr ħsara għas-sigurtà tal-prodottu u l-protezzjoni tal-konsumatur) u t-tnaqqis fil-piżijiet finanzjarji jridu jiġu promossi (27). F'xi oqsma u pajjiżi dawn il-proċessi qed iseħħu bħalissa.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Kompetizzjoni fl-10.12.2010 (ref.17838/10). Il-Kunsill Ewropew kellu bidu tajjeb fl-4 ta’ Frar 2011 dwar l-enerġija u l-promozzjoni tal-innovazzjoni.

(2)  Ara Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, taqsima 9, COM(2011) 11 finali.

(3)  Il-Programm Kwadru u l-Programm tal-Kompetittività u tal-Innovazzjoni.

(4)  COM(2004) 274 finali.

(5)  Opinjonijiet tal-KESE rilevanti jinsabu f'http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.enterprises-and-industry.

(6)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-postijiet tax-xogħol innovattivi bħala sors ta’ produttività u ta’ impjiegi ta’ kwalità”, adottata fit-18.3.2011 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), b'mod partikolari punt 2.6.

(7)  Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza partikolari tal-industriji spazjali għall-iżvilupp taż-żoni remoti u rurali.

(8)  Fost l-oħrajn, ara Is-setturi li joħolqu l-impjiegi fuq perjodu qasir u medju, wara l-kriżi - Les secteurs créateurs d'emploi à court-moyen terme après la crise (Centre d'analyse stratégique kollegat mal-Prim Ministru Franċiż, Novembru 2010).

(9)  Il-Ġermanja, pereżempju, reċentement żiedet il-baġit tal-innovazzjoni b'20 %.

(10)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 1.

(11)  L-ewwel eżempju tal-applikazzjoni ta’ dan il-metodu jinstab f'LeaderSHIP 2015, strateġija għal settur tal-bini tal-vapuri Ewropew li tnieda fl-2005.

(12)  Dan il-punt jidher permezz tal-iżvilupp f'għadd ta’ reġjuni u żoni metropolitani madwar l-Ewropa fejn strutturi industrijali superati qed jeħdulhom posthom investimenti orjentati lejn il-ġejjieni u dinamiżmu ġdid.

(13)  Il-KESE kien diġà ressaq dan l-argument f'Rapport ta’ Informazzjoni bit-titlu “Stħarriġ settorjali dwar ir-rilokazzjoni” (A sectoral survey of relocation – mhux disponibbli bil-Malti) (2006) li wera d-difetti fid-data użata mill-Kummissjoni mil-lat ta’ kemm tista' tiġi paragunata.

(14)  L-inizjattiva tas-suq ewlieni identifikat is-swieq li ġejjin: is-saħħa elettronika, it-tessuti protettivi, il-bini sostenibbli, ir-riċiklaġġ, il-prodotti b'bażi bijoloġika u l-enerġiji rinnovabbli.

(15)  Ara nota 2 f'qiegħ il-paġna.

(16)  L-ewwel tliet Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjon (KICs), għaddejjin bħalissa.

(17)  Ara, fost l-oħrajn, “It-tnaqqis tal-industrijalizzazzjoni fl-Ewropa. M'hemmx ħin x'jintilef!” (The de-industrialisation of Europe. There is no more time to lose!), Académie Royale de Belgique, 2010.

(18)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 48.

(19)  Ara l-Komunikazzjoni dwar il-Politika Kummerċjali, SEC(2010) 1268.

(20)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE bit-titlu “Id-dimensjoni esterna tal-politika industrijali Ewropea – Il-politika kummerċjali tal-UE qed tikkunsidra sewwa l-interessi tal-industrija Ewropea?” (Ara paġna 25 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali) u ĠU C 128, 18.5.2010, p. 41.

(21)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-impatt tal-iżvilupp kontinwu tas-swieq tal-enerġija fuq il-ktajjen tal-valur industrijali fl-Ewropa” (ĠU C 77, 31.3.2009, p. 88), b'mod partikolari punt 16.

(22)  Opinjoni tal-KESE dwar l-effetti tal-ftehimiet internazzjonali biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra fuq il-proċessi tat-tibdil industrijali fl-Ewropa (The effects of international agreements to reduce greenhouse gas emissions on the industrial change processes in Europe – verżjoni Maltija mhux disponibbli) (ĠU C 185, 8.8.2006, p. 62).

(23)  Ara d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji Fundamentali u d-Drittijiet fuq il-Post tax-Xogħol, (Declaration on Fundamental Principles and Rights at Work – il-verżjoni bil-Malti mhux disponibbli) (1998).

(24)  Fost l-oħrajn il-UN Global Compact u l-International Financial Reporting Standards (IFRS, fosthom l-International Accounting Standards) The UN Guiding Principles on Business and Human Rights, imfassla minn John Ruggie, huwa rilevanti wkoll.

(25)  B'mod eżaġerat dan jitla' għal 27 politika industrijali u ta’ innovazzjoni.

(26)  Fid-dettall: Il-Ġermanja bħala nazzjonali industrijali kompetittiv (Ġermanja), Feuilles de route des comités stratégiques de filière (Franza), the Growth Aġenda (ir-Renju Unit; dan daqt ser jiġi segwit minn programm dettaljat), Plan Integral de Política Industrial 2020 (Spanja), Naar de top: de hoofdlijnen van het nieuwe bedrijfslevenbeleid (il-Pajjiżi l-Baxxi).

(27)  Grupp Stoiber.


Top