EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0813

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi” COM(2010) 759 finali – 2010/0364 (COD)

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 122–123 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/122


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi”

COM(2010) 759 finali – 2010/0364 (COD)

2011/C 218/24

Relatur: is-Sur ADAMS

Nhar is-27 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill, u fit-18 ta’ Jannar 2011, il-Parlament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi

COM(2010) 759 finali – 2010/0364 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ April 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-4 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’156 vot favur, 6 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni qed tapprofitta ruħha mir-reviżjoni ta’ dawk ir-regoli affettwati mit-Trattat ta’ Lisbona sabiex tinkludi miżuri li jissemplifikaw. Madanakollu, dawn il-punti ta’ semplifikazzjoni jikkonċernaw l-aktar l-amministrazzjoni filwaqt li għad hemm bżonn li r-regoli inġenerali jsiru aktar sempliċi għall-bdiewa u l-produtturi organiċi.

1.2

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ppreżenta kummenti dettaljati marbutin mal-implikazzjonijiet tal-allinjament tas-setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni fl-opinjoni reċenti tiegħu CESE 357/2011 dwar “L-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)” u din il-proposta tappoġġja l-approċċ għal dawn is-setgħat kif ippreżentati mill-Kummissjoni.

1.3

Il-Kumitat jemmen li r-rwol tal-gruppi li jagħtu pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-atti, partikolarment il-kontribut tal-NGOs u tal-partijiet ikkonċernati, għandu jinżamm.

1.4

Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-logo l-ġdid tal-UE dwar il-prodotti organiċi, meta jkunu qed jiġu indikati prodotti organiċi li jkunu ġejjin minn barra l-UE, għandu jkun ta’ kulur differenti.

2.   Sfond tal-opinjoni

2.1

Din l-opinjoni tikkunsidra d-dokument COM(2010)759: Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa lli s-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) 834/2007 dwar l-istess suġġett jiġu allinjati mad-differenzjazzjoni bejn is-setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni introdotti mill-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

2.2

L-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE jipprevedu bdil fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-atti leġislattivi tal-UE.

2.3

L-akbar parti tar-regolament hija dwar it-tibdil żgħir għar-regolament preċedenti dwar it-tikkettar ta’ prodotti organiċi u, b’mod partikolari, ir-regolament il-ġdid jintroduċi referenzi għal seba’ Artikoli ġodda (38a-g). Dawn jistabbilixxu “” taħt is-setgħat delegati.

2.4

Suġġetti speċifiċi li jissemmew huma r-regoli għall-produzzjoni bħar-rekwiżiti għall-operaturi u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti u sustanzi; il-logo tal-UE dwar il-prodotti organiċi; u kwistjonijiet dwar is-sistemi ta’ kontroll, eż. l-ivverifikar tal-awtoritajiet u l-korpi ta’ kontroll.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1

Għalkemm dan ir-regolament għandu ambitu limitat u fil-parti l-kbira tiegħu huwa ta’ natura teknika, biex wieħed jifhem il-pożizzjoni preżenti tal-produzzjoni organika bħala komponent tal-PAK, hemm bżonn ta’ spjegazzjoni qasira. Id-definizzjoni ta’ biedja “organika” bdiet tiżviluppa biss hekk kif il-metodi moderni tal-biedja bdew b’mod ġenerali jieħdu post is-sistemi tradizzjonali. Illum il-ġurnata hija forma ta’ agrikoltura li primarjament tuża t-tinwib (crop rotation), l-għelejjel biex l-art tirkupra (green manure), il-kompost u l-kontroll organiku tal-insetti u l-annimali li jagħmlu l-ħsara biex tinżamm il-produttività tal-ħamrija u jiġu kkontrollati dawn l-organiżmi qerrieda. Hija teskludi jew tillimita b’mod strett l-użu ta’ fertilizzanti mmanifatturati, il-pestiċidi (li jinkludu l-erbiċidi, l-insettiċidi u l-fungiċidi), ir-regolaturi tat-tkabbir tal-pjanti bħall-ormoni, l-antibijotiċi għall-bhejjem, l-addittivi tal-ikel, u l-organiżmi ġenetikament modifikati.

3.2

Il-mudelli tal-produzzjoni organika għandhom l-għeruq tagħhom fi prinċipji ekoloġiċi, fi tradizzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, u sa ċertu punt, f’valuri filosofiċi. B’riżultat ta’ dan, żviluppaw bosta approċċi differenti madwar l-Ewropa. Fil-bidu tas-sebgħinijiet, b’rispons għall-“Ewropeanizzazzjoni” u għal żieda fl-interess u fid-domanda, l-għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet tal-kontroll organiku nazzjonali u volontarji bdew ifittxu affarijiet komuni bejniethom. Fit-tmeninijiet, bi tweġiba għat-talbiet mill-konsumaturi, il-bdiewa, il-proċessuri u l-bejjiegħa, il-Kummissjoni bdiet ix-xogħol dwar l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-produzzjoni organika fi ħdan il-PAK. Dan wassal għal regolament dwar il-pjanti (1991) (1) u dwar il-bhejjem (1999) (2).

3.3

Madanakollu, il-livell ta’ varjazzjoni kontinwa fil-filosofija u l-approċċ marbutin mal-prodotti organiċi, flimkien mad-dħul fix-xena tal-produtturi globali, ħtieġu aġġustamenti, modifiki u żviluppi kontinwi tar-regolamenti tal-UE (3). L-aktar eżempju reċenti ta’ dawn l-iżviluppi kien l-adozzjoni ta’ logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea fl-2010 u r-regolament marbut ma’ dan (4).

3.4

Bħalissa, ir-regolamenti dwar il-produzzjoni organika jipprovdu standard bażiku uniformi għall-operaturi kollha. Din hija parti importanti tas-suq bi kważi 5 % tal-art agrikola fl-UE użata għall-produzzjoni organika u bejgħ ta’ EUR 18-il biljun ta’ prodotti b’ċertifikazzjoni organika (5). It-tikketti privati stabbiliti ta’ korpi nazzjonali ta’ kontroll rikonoxxuti jistgħu jidhru maġenb it-tikketta tal-UE u dawn jistgħu jindikaw lill-konsumaturi li ġew applikati kriterji addizzjonali. Il-Kumitat jinnota li r-regolament preżenti jipproponi emendi maħsuba għas-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni li huma ta’ ambitu limitat u ta’ natura purament teknika.

3.5

Il-Kumitat esprima l-fehmiet dettaljati tiegħu fuq l-implikazzjonijiet usa’ tal-Artikoli 290 u 291 fl-opinjoni reċenti tiegħu CESE 357/2011 dwar “L-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)”.

3.6

F’dan il-każ, u bħala parti mill-proċess kontinwu biex naslu għall-konsolidazzjoni tar-regolazzjoni tal-prodotti organiċi, il-Kumitat jappoġġja l-approċċ għas-setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni kif ippreżentati mill-Kummissjoni fir-regolament propost. Madanakollu, il-Kumitat jixtieq jagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

3.7

Ir-rwol tal-gruppi li jagħtu pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-atti, partikolarment il-kontribut tal-NGOs u tal-partijiet ikkonċernati, għandu jinżamm. Il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti organiċi għadhom qasam kumpless li jgawdi minn rappreżentanza wiesgħa ta’ interessi.

3.8

L-użu tal-logo il-ġdid tal-UE għall-produzzjoni organika se jsir obbligatorju mis-sena d-dieħla. Il-proposta għall-estensjoni tal-użu tiegħu f’pajjiżi terzi taħt kundizzjonijiet ikkontrollati għandha tiġi riveduta, u għandha titqies il-possibbiltà li l-logo ikun differenzjat, forsi b’kulur differenti, biex jindika li l-prodott ikun ġej minn pajjiż li mhuwiex fl-UE.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Regolament (KEE) Nru 2092/91.

(2)  Regolament (KEE) Nru 1804/99.

(3)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Movimenti tal-Biedja Organika (IFOAM) għandha aktar minn 750 membru minn 115-il pajjiż.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 271/2010.

(5)  Ċifri għall-2009.


Top