EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0797

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-Reazzjoni għar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni u għar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji” COM(2011) 52 finali

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 87–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-Reazzjoni għar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni u għar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji”

COM(2011) 52 finali

2011/C 218/16

Relatur Ġenerali: is-Sur WOLF

Nhar id-9 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-Reazzjoni għar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni u għar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji

COM(2011) 52 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-14 ta’ Marzu 2011.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Artikoli 20 u 57(1) tar-Regoli tal-Proċedura), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu tal-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-4 ta’ Mejju ) li jaħtar lis-Sur Wolf bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’118-il vot favur, vot wieħed kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jilqa’ r-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti u jappoġġja bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija fih. Jappoġġja wkoll ir-risposta li l-Kummissjoni tagħti għal dan ir-rapport fil-komunikazzjoni tagħha, li dwarha jesprimi ruħu b’mod speċifiku.

1.2   B’referenza wkoll għar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti, il-Kumitat jirrakkomanda b’mod partikolari li:

il-baġit intiż għall-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni jiżdied għal proporzjon tal-baġit totali li jirrifletti b’mod ċar l-importanza u l-piż li dan il-qasam jingħata fl-Istrateġija 2020,

l-appoġġ jiġi kkonċentrat fuq dawk il-kompiti li s-suċċess tagħhom jiddependi mill-kooperazzjoni transnazzjonali,

tinżamm u tissaħħaħ ir-riċerka kollaborattiva,

l-infrastrutturi l-kbar jiġu inklużi fl-appoġġ,

issir enfasi akbar fuq it-“teknoloġiji ewlenin ta’ appoġġ” (key enabling technologies), li mingħajrhom la nistgħu niffaċċjaw l-isfidi tal-kompetizzjoni globali u lanqas nindirizzaw it-temi soċjali l-kbar,

titwitta t-triq għal iktar parteċipazzjoni minn Stati Membri li s’issa kienu għadhom mhux irrappreżentati biżżejjed permezz ta’ konnessjonijiet imtejba bejn il-Fondi Strutturali u l-Programm Kwadru,

mill-inqas 20 % tal-baġit globali tal-programm għandu jkun disponibbli għar-R&Ż taħt it-tmexxija tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka,

il-proċeduri amministattivi jiġu ssemplifikati b’mod radikali u jiġi kkunsidrat moratorju għall-istrumenti ġodda.

1.3   Il-Kumitat jappella lill-Istati Membri li jissodisfaw għalkollox l-“obbligu ta’ 3 %” li għandhom u, jekk ikun possibbli mil-lat ekonomiku, jisbqu b’mod ċar dan l-għan.

1.4   B’referenza għat-terminoloġija użata għat-tliet kategoriji ta’ riċerka fir-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti, il-Kumitat għandu xi riżervi dwar il-kunċett “xjenza għax-xjenza” (“science for science”). Jirrakkomanda li floku jintuża l-kunċett “xjenza għall-għarfien” (“science for knowledge”).

1.5   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti rigward il-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF). Huwa jaqbel mal-evalwazzjoni ppreżentata fir-rapport u huwa tal-fehma li l-RSFF hija strument finanzjarju utli ħafna li jinkoraġġixxi l-innovazzjoni.

2.   Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1   B’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill twettqet evalwazzjoni interim tas-Seba’ Programm Kwadru (FP7) (1) minn grupp ta’ esperti esterni. Ir-rapport fih għaxar rakkomandazzjonijiet ċari u sinifikanti ħafna. Dwar dan ir-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, ħarġet il-komunikazzjoni msemmija hawn fuq, li fiha tirrispondi għar-rakkomandazzjonijiet mogħtija fl-evalwazzjoni interim.

L-opinjoni preżenti tal-Kumitat tikkummenta fuq din il-komunikazzjoni, u b’hekk anki fuq ir-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti u r-rakkomandazzjonijiet mogħtija fih.

2.2   Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tittratta b’mod partikolari l-punti li ġejjin tar-rakkomandazzjonijiet mogħtija fir-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti:

1)

Biex jiġu avvanzati ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u l-miri tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, li jintegraw il-bażi tar-riċerka.

2)

Biex jiġu żviluppati u implimentati infrastrutturi tar-riċerka ta’ kwalità għolja.

3)

Il-livell tal-finanzjament għandu, tal-anqas, jinżamm.

4)

Jeħtieġ li jkun hemm strateġija ta’ innovazzjoni artikolata sewwa.

5)

Jeħtieġ qabża kbira fis-semplifikazzjoni.

6)

It-taħlita tal-miżuri ta’ finanzjament fl-FP7 u l-programmi suċċessuri għandhom iżommu bilanċ differenti bejn l-approċċ li jimxi minn isfel għal fuq u l-approċċ li jimxi minn fuq għal isfel fir-riċerka.

7)

Għandu jitqies moratorju fuq strumenti ġodda.

8)

Għandhom jittieħdu passi oħra sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-FP7 fis-snin li ġejjin.

9)

Li titwitta t-triq għal iktar parteċipazzjoni minn Stati Membri li ma jkunux irrappreżentati biżżejjed, permezz ta’ konnessjonijiet imtejba bejn il-Fondi Strutturali u l-FP.

10)

Il-ftuħ tal-FP7 għal kooperazzjoni internazzjonali.

2.3   B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tapprova dawn ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti u tesprimi wkoll l-intenzjoni tagħha li fil-Programm Kwadru li jmiss tagħtihom il-kunsiderazzjoni li jistħoqqilhom. Madankollu, il-Kummissjoni żżid ukoll ċerti bidliet pjuttost żgħar fl-enfasi u tagħti xi spjegazzjonijiet jew interpretazzjonijiet.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-Kumitat jagħraf li r-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti u l-komunikazzjoni li fiha l-Kummissjoni tesprimi l-opinjoni tagħha dwaru jiffurmaw il-bażi tal-Green Paper (2) tal-Kummissjoni li fiha jiġu ppreżentati l-prinċipji li hija beħsiebha tadotta għall-promozzjoni futura tar-riċerka u l-innovazzjoni. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ dokumenti huma aktar importanti minn evalwazzjoni interim normali.

3.2   Il-Kumitat jinnota b’sodisfazzjon kbir li, fil-parti l-kbira tagħhom, ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti msemmija hawn fuq (punt 2.2) jaqblu b’mod estensiv mal-istqarrijiet u r-rakkomandazzjonijiet li l-Kumitat għamel diġà f’opinjonijiet preċedenti.

3.3   Il-Kumitat iwieġeb għall-kummenti tal-Kummissjoni dwar xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti kif ġej:

3.3.1   Biex jiġu avvanzati ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u l-miri tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, li jintegraw il-bażi tar-riċerka.

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti li l-appoġġ tal-UE għandu jiġi kkonċentrat fuq dawk l-oqsma li fihom il-massa kritika hija vitali u s-suċċess jiddependi mill-kooperazzjoni transnazzjonali. Fil-fehma tal-Kumitat, dan japplika b’mod partikolari għar-riċerka kollaborattiva li hija ta’ suċċess, li taqdi rwol prinċipali deċiżiv u integrattiv, u li għandha tinżamm u tiġi żviluppata.

3.3.2   Biex jiġu żviluppati u implimentati infrastrutturi tar-riċerka ta’ kwalità għolja.

Kif diġà esprima f’opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat jaqbel bis-sħiħ. Billi l-infrastrutturi prinċipali ġeneralment jeċċedu l-kapaċità tal-Istati Membri individwali li jiffinanzjawhom u jużawhom, huma jissodisfaw il-kundizzjoni stabbilita f’punt 3.3.1, u għalhekk għandhom jingħataw appoġġ affidabbli mill-Kummissjoni matul il-fażijiet tal-kostruzzjoni u l-operat tagħhom.

3.3.3   Il-livell tal-finanzjament għandu, tal-anqas, jinżamm.

Filwaqt li r-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti jgħid li l-persentaġġ tal-baġit totali tal-UE li ser ikollu l-FP7 meta jintemm għandu jitqies bħala minimu (“The percentage of the total EU budget that FP7 will have when it ends should be regarded as a minimum”) – li skont il-Kumitat din hija pożizzjoni minima li għandha tiġi appoġġjata – il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni turi attitudni saħansitra iktar difensiva f’dan ir-rigward. Il-Kumitat huwa mħasseb immens dwar din it-tendenza; din tmur kontra l-istqarrijiet u l-għanijiet politiċi preċedenti kollha b’rabta mal-Istrateġija 2020. Għaldaqstant, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-atturi politiċi kollha responsabbli f’dan ir-rigward biex jagħtu lir-riċerka u l-innovazzjoni l-istatus u l-piż meħtieġa fil-baġit tal-UE u fl-Istrateġija Ewropa 2020.

3.3.4   Jeħtieġ li jkun hemm strateġija ta’ innovazzjoni artikolata sewwa.

Il-Kumitat jaqbel bis-sħiħ u jirreferi għall-opinjonijiet tiegħu INT/545 (3) u INT/571. L-innovazzjonijiet iwasslu għall-progress, it-tkabbir, il-prosperità, is-sigurtà soċjali, il-kompetittività internazzjonali u l-impjieg. Huma jirrikjedu u jsaħħu klima soċjali ta’ assigurazzjoni u ta’ fiduċja fl-individwi li, fid-dawl tas-sitwazzjoni globali tal-kompetizzjoni, jistgħu jwasslu għal iktar progress u dinamika kostruttiva. Sabiex l-innovazzjonijiet jikbru sew, hemm bżonn approċċ Ewropew u suq uniku Ewropew fejn iż-Żona Ewropea tar-Riċerka bi Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp b’saħħtu taqdi rwol ċentrali.

3.3.5   Jeħtieġ qabża kbira fis-semplifikazzjoni.

Il-Kumitat jaqbel bis-sħiħ u jirreferi għall-opinjoni (4) tiegħu dwar dan is-suġġett (għalkemm il-metafora “quantum leap” hija interpretazzjoni ħażina tat-terminu korrispondenti fil-fiżika). L-għadd dejjem ikbar ta’ proġetti u strumenti differenti li bosta drabi jkollhom regoli u proċeduri differenti ħafna, sar waħda mill-problemi prinċipali tal-finanzjament tar-riċerka mill-UE. Din il-kumplessità hija aggravata mid-differenzi, kultant kbar, bejn ir-regoli fl-Istati Membri individwali u l-kontributuri nazzjonali tagħhom. Għalhekk, tinħtieġ semplifikazzjoni radikali li tinkludi l-aċċettazzjoni tal-prattiki tal-kontabbiltà normali tal-Istati Membri.

3.3.6   It-taħlita tal-miżuri ta’ finanzjament fl-FP7 u l-programmi suċċessuri għandhom iżommu bilanċ differenti bejn l-approċċ li jimxi minn isfel għal fuq u l-approċċ li jimxi minn fuq għal isfel fir-riċerka.

Korrett, jekk dan ifisser li l-approċċi li jimxu minn isfel għal fuq għandhom jingħataw piż akbar. Filwaqt li l-approċċi li jimxu minn fuq għal isfel jirriżultaw minn perspettiva strateġika tal-partijiet interessati ewlenin fuq il-bażi tal-istat tal-għarfien preżenti, l-approċċi li jimxu minn isfel għal fuq jużaw il-potenzjal kreattiv tax-xjenzati u l-inġiniera li jkunu qed jaħdmu direttament fuq dak li jrid jiġi investigat jew imtejjeb. Anke rigward kwistjonijiet soċjali prinċipali bħas-saħħa, il-klima u l-enerġija, jew rigward it-teknoloġiji ewlenin ta’ appoġġ, għandha ssir enfasi akbar fuq il-proposti u l-idea li jaslu minn isfel għal fuq permezz tal-komunità tal-għarfien wiesa’, pjuttost milli fuq id-direttivi li jkunu ġejjin minn fuq biss. “[I]l-politika tal-innovazzjoni [għandha tiġi mmirata] lejn innovazzjonijiet organizzattivi u dawk li jitmexxew mill-impjegati fil-post tax-xogħol (5)”;

3.3.7   Għandu jitqies moratorju fuq strumenti ġodda.

Korrett, bħalma diġà ntqal f’numru ta’ opinjonijiet tal-Kumitat li jindirizzaw il-problema tal-proliferazzjoni dejjem akbar ta’ strumenti. Dan jirreferi direttament ukoll għall-punt 3.3.5. Jekk ma jitqisux suffiċjenti f’dan ir-rigward l-istqarrijiet ċari tar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti (6), l-istrumenti ta’ appoġġ għandhom jiġu eżaminati flimkien ma’ firxa wiesgħa ta’ utenti b’tali mod li jiġi stabbilit liema kienu ta’ suċċess, sabiex imbagħad jiġu mneħħija jew ristretti dawk l-istrumenti inqas utli.

3.3.8   Għandhom jittieħdu passi oħra sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-FP7 fis-snin li ġejjin.

Korrett: l-ewwel nett, dan jirrikjedi l-inkoraġġiment biex aktar nisa jistudjaw ix-xjenza u t-teknoloġija. Imbagħad, dan japplika wkoll għall-kwistjoni aktar ġenerali relatata mas-sess, jiġifieri l-kwistjoni tan-nisa f’pożizzjonijiet professjonali. Rigward il-karrieri fir-R&Ż, kwistjoni speċifika hija li jingħataw possibbiltajiet suffiċjenti għal karrieri doppji (7) li huma partikolarment importanti minħabba l-mobbiltà meħtieġa tar-riċerkaturi.

3.3.9   Li titwitta t-triq għal iktar parteċipazzjoni minn Stati Membri li ma jkunux irrappreżentati biżżejjed, permezz ta’ konnessjonijiet imtejba bejn il-Fondi Strutturali u l-FP.

Korrett: ara wkoll l-opinjoni tal-KESE dwar il-Green Paper. Il-KESE jappoġġja dak li jintqal fil-Green Paper tal-Kummissjoni (8) f’dan il-kuntest: “Fl-aħħar nett, eċċellenza ta’ livell dinji jista’ biss ikollha suċċess f’sistema li fiha r-riċerkaturi madwar l-UE kollha huma pprovduti bil-mezzi biex jiżviluppaw u jersqu lejn l-eċċellenza u eventwalment ikunu jistgħu jikkompetu biex jilħqu l-quċċata. Dan jitlob li l-Istati Membri jsegwu aġendi ambizzjużi tal-immodernizzar għal bażi ta’ riċerka pubblika tagħhom u jsostnu wkoll il-finanzjament pubbliku. Il-finanzjament tal-UE, ukoll permezz tal-Fondi għall-politika ta’ koeżjoni, għandhom jgħinu sabiex jinbena livell ta’ eċċellenza fejn u kif xieraq.”

3.3.10   Il-ftuħ tal-FP7 għal kooperazzjoni internazzjonali.

Korrett: il-Kumitat diġà esprima l-appoġġ tiegħu għal din l-azzjoni importanti (9). Il-kooperazzjoni internazzjonali għandha impatt favorevoli fuq il-progress xjentifiku u tekniku kif ukoll fuq il-fehim bejn in-nazzjonijiet. Għandu jiġi rikonoxxut il-fatt li f’dan ir-rigward diġà nkiseb ħafna. Madankollu, is-suċċess tal-kooperazzjoni internazzjonali jiddependi wkoll minn kemm iż-Żona Ewropea tar-Riċerka tkun attraenti u mill-prestazzjoni tal-universitajiet u l-istituti tar-riċerka Ewropej.

3.4   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti rigward il-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF). Huwa jaqbel mal-evalwazzjoni ppreżentata fir-rapport u huwa tal-fehma li l-RSFF hija strument finanzjarju utli ħafna li jinkoraġġixxi l-innovazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa jfakkar ukoll it-talbiet tiegħu dwar il-kapital ta’ riskju, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ħolqien tal-intrapriżi, pereżempju f’punt 4.8 tal-opinjoni tiegħu dwar “Unjoni tal-Innovazzjoni” (10).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   F’din is-sezzjoni tal-opinjoni l-Kumitat jixtieq jindirizza dawk l-aspetti li fil-fehma tiegħu ma ġewx ittrattati b’mod adegwat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni jew li jeħtieġu kumment dwar ir-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti.

4.2   Teknoloġiji ewlenin ta’ appoġġ

Il-Kummissjoni diġà ddedikat komunikazzjoni għall-importanza li pożizzjoni minn ta’ quddiem fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin ta’ appoġġ għandha għall-kompetittività globali, u l-KESE ħareġ opinjoni (11) li tirreferi għal din il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni. L-iżvilupp u d-disponibbiltà tat-teknoloġiji ewlenin ta’ appoġġ huma kundizzjoni vitali biex l-ekonomija Ewropea tiffaċċja l-kompetizzjoni globali u ssolvi l-kompiti li joħolqu l-isfidi soċjali l-kbar. Madankollu, il-komunikazzjoni li qed tiġi diskussa hawnhekk ma tagħtix importanza suffiċjenti lil dan is-suġġett essenzjali. Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda b’mod espliċitu li din il-kwistjoni tingħata viżibbiltà u piż akbar waqt il-preparamenti għall-FP8.

4.3   Kunsill Ewropew għar-Riċerka

Fir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti u l-komunikazzjoni relatata tal-Kummissjoni ma jsirx biżżejjed riferiment għas-suċċess li diġà huwa evidenti tal-parti mill-programm “Ideat”, li hi vvalutata u mmexxija mill-Kunsill Ewropew għar-Riċerka, u għall-istandard għoli tal-ħidma li ssir f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li għal din il-parti mill-programm jiġu allokati 20 % mill-baġit totali tal-FP8.

4.4   Terminoloġija

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar, ir-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti jirrakkomanda l-istruttura li ġejja għall-programm:

Science for science (Xjenza għax-xjenza) – ir-riċerkaturi jistabbilixxu l-aġenda,

Science for competitiveness (Xjenza għall-kompetittività) – l-industrija tistabbilixxi l-aġenda,

Science for society (Xjenza għas-soċjetà) – l-atturi tas-soċjetà ċivili jistabbilixxu l-aġenda.

Il-KESE jidhirlu li dawn it-titoli ntgħażlu bir-reqqa u b’mod intelliġenti, iżda jinsab imħasseb li jista’ jkun li ma jirriflettux tajjeb biżżejjed ir-relazzjoni kumplessa bejn l-approċċ li jimxi minn isfel għal fuq u l-approċċ li jimxi minn fuq għal isfel, jew bejn ir-riċerka bażika u r-riċerka applikata. F’dan ir-rigward huwa jirreferi għall-opinjoni tiegħu INT/571, u f’dan il-punt jenfasizza biss li fil-fatt ma teżisti l-ebda “xjenza għax-xjenza” (“science for science”), iżda teżisti biss “xjenza għall-għarfien” (“science for knowledge”). It-tliet kategoriji msemmija fir-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti aktar jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ jekk l-għarfien il-ġdid li huwa mistenni bħala riżultat ta’ kull riċerka partikolari jitqiesx awtomatikament rilevanti u utli għas-soluzzjoni tal-problemi, u jekk iva, sa liema punt.

4.4.1   Il-Kumitat jirreferi wkoll għal dak li qal fl-opinjoni tiegħu INT/545 dwar l-innovazzjonijiet li jżidu l-ammont ta’ għarfien u dwar dawk rivoluzzjonarji. F’din l-opinjoni joħroġ ċar li l-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji li fetħu t-triq ma ħarġux – jew rarament ħarġu – mill-industriji diġà eżistenti, iżda huma ħolqu industriji u setturi kompletament ġodda li ma kinux jeżistu qabel.

4.4.2   Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda li din it-terminoloġija, minkejja li hija konċiża u tiġbor l-essenzjali, terġa’ tiġi kkunsidrata sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ diżgwid li jista’ jwassal għal deċiżjonijiet ħżiena u allokazzjonijiet żbaljati tar-riżorsi.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Disponibbli onlajn minn hawn: http://ec.europa.eu/research/evaluations.

(2)  COM(2011) 48 finali.

(3)  CESE 524/2011 – Unjoni tal-Innovazzjoni.

(4)  Pereżempju, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129-133.

(5)  CESE 543/2011 – Postijiet tax-xogħol innovattivi, punt 2.6.

(6)  Dwar dan ara r-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti mill-punt 4.3 ’l quddiem.

(7)  CESE 305/2004, b’mod partikolari punt 5.5.5.2, ĠU C 110, 30.4.2004, p. 3 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  COM(2011) 52 finali.

(9)  ĠU C 306, 16.12.2009.

(10)  ĠU C 132, 3.5.2011, pġ.39 (Unjoni tal-Innovazzjoni).

(11)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 112.


Top