EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0794

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009” COM(2010) 775 finali – 2010/0373 (COD)

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 74–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/74


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009”

COM(2010) 775 finali – 2010/0373 (COD)

2011/C 218/13

Relatur: is-Sur WUERMELING

Nhar it-18 ta’ Jannar u nhar it-28 ta’ Jannar 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, rispettivament, iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropewu tal-Kunsill li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009

COM(2010) 775 finali – 2010/0373 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ April 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju (seduta tal-5 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'137 voti favur, 8 voti kontra u 19-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fil-ħolqien taż-żona unika ta’ pagamenti bl-euro (SEPA). Il-fatt li l-pagamenti bl-euro mingħajr flus kontanti jkunu jistgħu jsiru fl-Ewropa kollha bi proċedura ta’ ħlas uniformi huwa pass importanti għat-twettiq tas-suq uniku.

1.2   Madankollu l-KESE jemmen li jeħtieġ li l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tiġi mmodifikata f'ċerti punti, sabiex ikun hemm tranżizzjoni mingħajr problemi kemm għall-konsumaturi u l-intrapriżi bħala utenti kif ukoll għall-banek bħala provvedituri tas-servizz.

1.3   L-iskadenzi msemmija fil-proposta għal Regolament għat-tranżizzjoni obbligatorja tal-proċeduri ta’ pagament SEPA huma qosra wisq fil-fehma tal-KESE. Huwa biss jekk l-istituzzjonijiet tal-kreditu kollha jkollhom biżżejjed ħin biex jippreparaw ruħhom li jkunu jistgħu jiggarantixxu l-effiċjenza, is-sigurtà u l-faċilità tal-użu tal-proċeduri. L-iskadenza ta’ implimentazzjoni għat-trasferimenti għandha tkun ta’ tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament u mhux ta’ sena. Fil-każ tad-debitu dirett, l-iskadenza għandha tkun ta’ erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament u mhux ta’ sentejn.

1.4   Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati għandha tiġi limitata konsiderevolment jew imħassra fil-proposta għal Regolament, billi l-adattament tar-rekwiżiti tal-proċeduri ta’ pagament koperti mir-Regolament għall-progress tekniku u l-iżvilupp tas-suq għandu effetti prattiċi konsiderevoli. Il-leġislatur irid jiddeċiedi dwar dan fil-proċess leġislattiv, u bil-parteċipazzjoni tal-KESE.

1.5   Il-KESE jilqa' bis-sħiħ il-fatt li l-proposta għal Regolament tistipula li fil-ġejjieni l-ħlasijiet interbankarji multilaterali għad-debiti diretti ser ikunu pprojbiti għalkollox. B'hekk jinħolqu ċarezza u trasparenza fir-relazzjonijiet kuntrattwali kumplessi li hemm wara l-proċeduri ta’ pagament. Dan huwa fuq kollox ta’ benefiċċju għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1   L-ikkompletar taż-żona unika ta’ pagamenti bl-euro hija waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea għat-twettiq tas-suq uniku. Permezz tal-proċeduri Ewropej ġodda tat-trasferiment u d-debiti diretti tas-SEPA, l-utenti tal-għodod ta’ pagament jistgħu jwettqu pagamenti nazzjonali kif ukoll transkonfinali permezz ta’ proċedura waħda. Dan jiffaċilita l-pagamenti, inaqqas il-burokrazija u jiffranka l-ispejjeż għall-operaturi kollha tal-kummerċ intra-Komunitarju, kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-intrapriżi. Fil-ġejjieni iktar minn 500 miljun ċittadin u 'l fuq minn 20 miljun kumpanija fis-suq uniku għandhom jibbenefikaw minn din il-proċedura l-ġdida.

2.2   L-ewwel qafas legali għas-SEPA diġà ġie stabbilit fis-snin li għaddew. Id-Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern introduċiet kundizzjonijiet armonizzati u drittijiet għall-klijenti tas-servizzi ta’ pagament fl-UE. B'hekk infetaħ is-suq uniku għas-servizzi ta’ ħlas. Iżda d-diversità tas-sistemi nazzjonali u tal-proċeduri għall-pagamenti nazzjonali u transkonfinali baqgħet hemm. Iżda issa nħolqot bażi legali biex tiġi stabbilita proċedura unika għall-pagamenti transkonfinali kollha.

2.3   Bir-Regolament (KE) Nru 924/2009 dwar il-pagamenti transkonfinali fil-Komunità ġie stabbilit li l-imposti għall-pagament ta’ debiti diretti transkonfinali u nazzjonali jridu jkunu indaqs. Ġiet ukoll stabbilita l-bażi tal-infrastruttura tal-pagament tas-SEPA.

2.4   Il-KESE ħareġ Opinjoni dwar dawn iż-żewġ proċeduri leġislattivi. (1) F'dawn huwa laqa' l-fatt li wara l-introduzzjoni tal-euro għandha tinħoloq ukoll iż-żona unika ta’ pagamenti bl-euro.

2.5   Il-banek ilhom joffru t-trasferimenti tas-SEPA mit-28 ta’ Jannar 2008 għall-ipproċessar tal- pagamenti. Minn Novembru 2009, l-ipproċessar ta’ trasferiment ma jistax idum iktar minn tlett ijiem ta’ ħidma bankarji. Mill-2012 dan iż-żmien ta’ proċessar għandu jitnaqqas għal jum ta’ ħidma biss.

2.6   Id-debitu dirett tas-SEPA sar possibbli fit-2 ta’ Novembru 2009. Ġew previsti żewġ proċeduri differenti: id-debitu dirett bażiku tas-SEPA bħala l-proċedura standard (SEPA Core Direct Debit) u d-debitu dirett tal-kumpaniji għat-tranżazzjonijiet bejn l-imsieħba kummerċjali (SEPA Business to Business Direct Debit). Minn Novembru 2010, il-banek kollha huma obbligati jkunu aċċessibbli għad-debiti diretti tas-SEPA.

2.7   Madankollu l-użu tal-proċeduri ta’ pagament tas-SEPA għadu limitat. B'hekk l-għadd ta’ trasferimenti tas-SEPA fil-bidu tal-2011, jiġifieri tliet snin wara l-introduzzjoni tagħhom, kien ta’ madwar 4 %. Jekk din it-tendenza tibqa' hekk, ser jgħaddu 25 sena qabel ma naraw il-vantaġġi tas-SEPA.

2.8   Il-Kummissjoni Ewropea tqis li l-progress miksub bl-approċċ purament ibbażat fuq l-ekonomija tas-suq tal-proġett tas-SEPA huwa limitat wisq. Għalhekk hija qiegħda tipproponi miżuri leġislattivi sabiex l-introduzzjoni tal-għodda ta’ pagament tas-SEPA tkun obbligatorja. L-għodda ta’ pagament nazzjonali għandhom jiġu sostitwiti mill-proċeduri tas-SEPA sa data speċifika.

2.9   Ġie kkalkulat għall-Kummissjoni Ewropea li l-banek, bħala l-provvedituri tas-servizz, ser ikollhom jonfqu EUR 52 biljun għat-tranżizzjoni lejn il-proċeduri ta’ pagament tas-SEPA. Mill-banda l-oħra, skont dawn il-kalkoli, l-utenti fuq in-naħa tad-domanda ser jibbenefikaw minn dawn il-proċeduri permezz ta’ prezzijiet iktar baxxi u vantaġġi prattiċi.

2.10   Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tas-16 ta’ Diċembru 2010 b'hekk tistabbilixxi l-iskadenza finali għat-tneħħija tat-trasferimenti u d-debiti diretti nazzjonali biex jibdew jintużaw l-għodod ta’ pagament tas-SEPA. Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament fl-Istati Membri taż-żona tal-euro, il-proċeduri ta’ trasferiment nazzjonali għandhom jibqgħu possibbli għal 12-il xahar u dawk għad-debitu dirett għal 24 xahar.

2.11   Differenza prinċipali għall-utenti u l-intrapriżi bejn it-trasferiment u d-debitu dirett tas-SEPA u l-proċeduri nazzjonali li ntużaw s'issa hija li anke għall-pagamenti purament nazzjonali ser ikollhom jintużaw l-International Bank Account Number (IBAN) u l-Bank Identifier Code (BIC), u mhux il-kowd nazzjonali ta’ identifikazzjoni tal-bank u n-numru tal-kont kif sar s'issa. L-IBAN huwa numru tal-kont bankarju standardizzat u internazzjonali, li jkollu massimu ta’ 34 karattru. Il-BIC huwa l-kowd bankarju internazzjonali ta’ istituzzjoni finanzjarja u għandu massimu ta’ 11-il karattru.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea. Il-proposta għal Regolament hija pass determinanti biex tinħoloq żona unika ta’ pagamenti bl-euro effiċjenti.

3.2   Is-suq uniku huwa wieħed mill-iktar elementi importanti tat-tkabbir ekonomiku tal-UE. L-introduzzjoni tal-euro kienet pass importanti biex l-Istati Membri jkomplu jersqu lejn xulxin. Għalhekk, fil-fehma tal-KESE, ikun pass 'il quddiem konsistenti jekk issa l-proġett ta’ sistema unika ta’ pagament jitwettaq b'suċċess fl-Ewropa kollha.

3.3   Madankollu l-KESE jemmen li r-Regolament propost huwa ambizzjuż wisq f'dak li jirrigwarda l-istabbiliment tad-dati finali għat-tneħħija tal-proċeduri ta’ pagament nazzjonali. L-iktar ħaġa importanti hija li l-proġett ikun ta’ suċċess u mhux li jiġi implimentat malajr. Il-pagamenti huma kwistjoni sensittiva ħafna għall-konsumaturi iżda wkoll għall-operaturi ekonomiċi l-oħra. Bl-istess mod bħall-introduzzjoni tal-euro, iridu jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha li wieħed jista' jimmaġina, bħal testijiet, perjodi ta’ prova, kampanji ta’ informazzjoni eċċ., sabiex ikunu jistgħu jiġi esklużi l-interferenzi, l-interruzzjonijiet fit-tħaddim, il-pagamenti żbaljati, it-telf ta’ flus ittrasferiti jew problemi simili oħra. Dan jeħtieġ li jkun hemm biżżejjed żmien ta’ tħejjija. Għaldaqstant il-KESE jwissi li l-ħidma m'għandhiex issir b'għaġla eċċessiva li tista' tipperikola s-suċċess tal-proġett. Madankollu għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li perjodi ta’ tranżizzjoni twal wisq jistgħu jwasslu għal spejjeż addizzjonali.

3.4   Għadhom ma ġewx iċċarati l-kwistjonijiet kollha sabiex tiġi ggarantita tranżizzjoni mingħajr xkiel lejn il-proċeduri ta’ pagament tas-SEPA. Għandu jitqies il-fatt li ħafna kwistjonijiet mhux solvuti jistgħu jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali mill-partijiet involuti fil-proġett SEPA. Huwa importanti ħafna li jinstab bilanċ bejn l-interessi tal-banek min-naħa tal-offerta u dawk tal-utenti min-naħa tad-domanda.

3.5   Kemm mill-perspettiva tal-konsumaturi kif ukoll minn dik tal-ekonomija, kemm-il darba tqum il-mistoqsija ta’ għaliex il-proċeduri nazzjonali ta’ pagament għandhom jitwaqqfu minħabba s-SEPA. Il-proċeduri nazzjonali bin-numri tal-kontijiet u tal-banek qodma huma proċeduri li saru familjari għall-utenti wara tant snin. Huwa minnu li l-proċeduri ta’ pagament il-ġodda tas-SEPA ser jiffaċilitaw it-trasferimenti u d-debiti diretti transkonfinali. Iżda s-SEPA ser issir obbligatorja wkoll għall-proċeduri ta’ pagament li huma f'ħafna każi nazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea u l-banek huma mitluba jirriklamaw iktar il-vantaġġi tal-proċeduri ta’ pagament il-ġodda tas-SEPA fir-rigward tar-rapidità u l-ispejjeż.

3.6   Is-suċċess tal-proġett tas-SEPA jiddependi b'mod konsiderevoli mill-aċċettazzjoni tal-utenti, jiġifieri l-konsumaturi u n-negozji. Għalhekk l-għodod ta’ pagament tas-SEPA u l-komponenti tagħhom, l-IBAN u l-BIC, għandhom ikunu iktar magħrufa fost il-pubbliku. Għandha ssir kampanja ta’ informazzjoni akbar min-naħa tas-settur tas-servizzi finanzjarji. Dan għadu ma sarx biżżejjed fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti tal-prodotti l-ġodda tas-SEPA għadhom mhux magħrufa biżżejjed fost partijiet kbar mill-popolazzjoni, kif ukoll fost ħafna SMEs.

3.7   Il-faċilità tal-użu tal-IBAN b'massimu ta’ 34 karattru tista' tittejjeb billi jitpoġġa spazju, sing jew daħla ġdida bejn kull erba' karattri. Għandu jitqies il-fatt li l-utenti anzjani b'mod speċjali jista' jkollhom xi diffikultajiet b'data u sekwenzi ta’ karattri ġodda. Għalhekk il-banek għandhom joffru għajnuna lill-konsumatri, pereżempju permezz ta’ programmi ta’ konverżjoni.

3.8   Barra minn hekk, l-għodod ta’ pagament il-ġodda għandhom jiġu ttestjati sewwa. S'issa dan ma kienx possibbli għall-prodotti kollha tas-SEPA, billi pereżempju d-debitu dirett tas-SEPA jista' biss jintuża minn mindu daħlet b'mod uniformi l-aċċessibbiltà obbligatorja tal-banek kollha f'Novembru 2010. Huma biss it-testijiet prattiċi li jistgħu jagħtu lill-partijiet involuti, banek u utenti, il-possibbiltà li jagħrfu u jegħlbu d-diffikultajiet tal-bidu u l-ostakoli prattiċi. Permezz ta’ perjodi ta’ tħejjija twal biżżejjed għandu jiġi fuq kollox iggarantit li l-proċeduri ta’ pagament il-ġodda tas-SEPA jkunu jistgħu jiġu pproċessati awtomatikament u li jkunu adatti għal użu wiesa'.

3.9   Fil-fehma tal-KESE, l-introduzzjoni obbligatorja tas-SEPA għandha tiġi akkumpanjata minn miżuri ta’ sigurtà suffiċjenti, filwaqt li tinżamm il-faċilità tal-użu tal-proċeduri b'mod speċjali għat-tranżazzjonijiet bankarji bil-massa (retail banking). Dak li jħallas, dak li jirċievi l-pagament u l-provveditur tal-pagament kollha għandu jkollhom il-garanzija li l-pagamenti ser jiġu pproċessati sewwa, fil-ħin u b'mod affidabbli.

3.10   Jista' wkoll ikun hemm problemi ta’ implimentazzjoni fil-livell nazzjonali meta ssir it-tranżizzjoni għall-proċeduri ta’ pagament tas-SEPA. B'hekk, pereżempju, il-Ġermanja – pajjiż fejn id-debitu dirett jintuża ħafna iktar milli f'kull pajjiż ieħor tal-UE – għadu ma ġiex iċċarat jekk l-ordnijiet attwali ta’ debitu dirett humiex ser jinbidlu għal proċeduri ta’ debitu dirett tas-SEPA. Għandha tinstab soluzzjoni effiċjenti u legalment sikura, li ma tiżvantaġġja la lill-konsumaturi u lanqas lill-intrapriżi. Huwa impossibbli li l-klijenti kollha jiġu kkuntattjati biex iressqu ordni ġdida. Dan jikkawża burokrazija u spejjeż eċċessivi. Il-konsumatur ma jkunx qed jinqeda lanqas, billi jirċievi ammont enormi ta’ ittri mill-imsieħba kuntrattwali tiegħu.

3.11   Barra minn hekk, l-utenti għandhom jiġu involuti iktar fil-livell Ewropew u nazzjonali fir-rigward tat-tfassil tal-proċeduri ta’ pagament. Dan jgħodd mhux biss għall-fażi attwali tal-implimentazzjoni tal-għodda tal-pagament tas-SEPA, iżda wkoll għall-iżvilupp addizzjonali tal-proċeduri. Bit-twaqqif tal-Kunsill tas-SEPA, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew għamlu l-ewwel pass lejn involviment ikbar tal-utenti fil-proċess ta’ żvilupp ta’ dawn l-għodod. B'xorti ħażina, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi rrappreżentati fil-Kunsill tas-SEPA ma jirriflettux biżżejjed lill-partijiet involuti fil-proġett tas-SEPA. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi stabbilit grupp ta’ esperti – magħmul mill-istess numru ta’ rappreżentanti tal-provvedituri u tal-utenti – fi ħdan il-Kunsill tas-SEPA għall-iżvilupp tekniku addizzjonali tal-proċeduri ta’ pagament tas-SEPA.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Artikolu 5(1) u (2) – Skadenzi suffiċjenti għat-tranżizzjoni lejn is-SEPA

4.1.1   Fil-fehma tal-KESE, l-iskadenzi proposti mill-Kummissjoni Ewropea għat-tranżizzjoni obbligatorja lejn il-proċeduri ta’ pagament tas-SEPA huma qosra wisq. L-ewwel għandu jiġi ggarantit li l-prodotti l-ġodda tas-SEPA jkunu effiċjenti u sikuri daqs il-proċeduri ta’ pagament nazzjonali attwali.

4.1.2   L-iskadenza ta’ implimentazzjoni għat-trasferimenti għandha tkun ta’ tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament u mhux ta’ sena.

4.1.3   Fil-każ tad-debitu dirett, l-iskadenza għandha tkun ta’ erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament u mhux ta’ sentejn.

4.1.4   Skadenzi itwal huma meħtieġa fuq kollox sabiex tintrebaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fil-proċeduri ta’ pagament il-ġodda tas-SEPA. Il-konsumaturi għandhom isiru jafu aktar dwar is-SEPA. Dan jgħodd fuq kollox għall-għarfien tagħhom dwar l-IBAN u l-BIC. Barra minn hekk, il-vantaġġi tal-proċeduri ta’ pagament tas-SEPA għandhom jiġu spjegati aħjar. Il-prodotti l-ġodda għandhom ikunu effiċjenti u sikuri fl-użu prattiku tagħhom. Barra minn dan, il-problemi nazzjonali, bħall-migrazzjoni tal-ordni ta’ debitu dirett, għad iridu jiġu solvuti.

4.1.5   Mill-perspettiva tal-intrapriżi, hemm bżonn ta’ skadenzi itwal minħabba l-fatt li l-bidliet fil-proċeduri ta’ proċessar jitolbu ħafna ħin u spejjeż. Minħabba f'hekk l-intrapriżi jkollhom iwettqu investimenti addizzjonali u jadattaw il-proċeduri u s-sistemi operattivi tagħhom. Eżempju ta’ dan huwa l-bidla tad-data kollha dwar il-klijenti għall-IBAN u l-BIC. Fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, il-Kummissjoni Ewropea nnutat hija stess li ċ-ċiklu ta’ investiment addizzjonali għas-sistemi tal-IT fl-intrapriżi jeħtieġ minn tliet sa ħames snin.

4.2   Artikolu 5(4) b'rabta ma’ Artikolu 12 – L-ebda trasferiment eċċessiv tal-kompetenzi

4.2.1   Fil-fehma tal-KESE, huwa indispensabbli li fil-ġejjieni wkoll id-deċiżjonijiet importanti dwar it-tfassil tas-SEPA jittieħdu mil-leġislatur Ewropew, bil-parteċipazzjoni ta’ istituzzjonijiet konsultattivi bħall-KESE. Il-KESE jqis li l-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni Ewropea, fil-forma ta’ atti legali delegati, għall-adattament tal-iżvilupp tekniku u tas-suq hija miżura li tmur 'il bogħod wisq. Anke tibdiliet żgħar fil-proċeduri ta’ pagament Ewropej jista' jkollhom konsegwenzi sustanzjali għall-konsumaturi, l-intrapriżi u l-provvedituri ta’ servizzi ta’ pagament, li għandhom jiġu diskussi fid-detall u deċiżi fi ħdan il-proċedura leġislattiva rilevanti.

4.2.2   L-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li t-trasferiment tas-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati huwa permess biss għall-ikkompletar jew l-emendar ta’ elementi mhux essenzjali tal-att leġislattiv ikkonċernat.

4.2.3   Ir-rekwiżiti għat-trasferimenti u d-debiti diretti tas-SEPA li jinsabu fl-anness tal-proposta għal Regolament jirrappreżentaw kriterji determinanti għall-prodotti tas-SEPA tal-ġejjieni. Kull tibdil żgħir ta’ dawn ir-rekwiżiti jista' jaffettwa b'mod deċiżiv il-proċeduri tekniċi tal-provvedituri u l-utenti. Fl-aħħar, ir-rekwiżiti fl-anness jinkludu l-eżiġenza li jitneħħew il-proċeduri nazzjonali, billi dawn ma jibqgħux jissodisfaw il-kriterji tas-SEPA. Bidla tar-rekwiżiti mingħajr involviment suffiċjenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għaldaqstant, għandha tinċaħad.

4.3   Artikolu 6 – Ċarezza dwar l-istruttura futura tal-ispejjeż

4.3.1   Il-KESE jilqa' bis-sħiħ il-fatt li fil-ġejjieni l-imposti interbankarji multilaterali għad-debiti diretti ser ikunu pprojbiti għalkollox. Għandu jiġi ggarantit li l-imposti futuri tal-proċeduri ta’ pagament ikunu trasparenti u marbutin ma’ servizzi konkreti pprovduti mill-banek.

4.3.2   Il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat mill-bidu tal-proġett li l-proċeduri ġodda tas-SEPA m'għandhomx ikunu iktar għaljin mill-proċeduri nazzjonali li ntużaw s'issa. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ ma’ din l-eżiġenza u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiżgura li l-pagamenti tas-SEPA l-ġodda ma jogħlewx iktar minn dawk l-antiki nazzjonali billi jiżdiedu l-miżati nazzjonali, kif kien ġara matul l-implimentazzjoni tal-euro. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-proċeduri ta’ pagament il-ġodda jistgħu ma jiġux aċċettati mill-konsumaturi. L-imposti interbankarji multilaterali mhumiex korrenti fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. Għaldaqstant ikun qed jingħata sinjal totalment ħażin jekk dawn l-imposti jiġu introdotti fil-pajjiżi taż-żona tal-euro flimkien mal-proċeduri ta’ pagament tas-SEPA.

4.3.3   Barra minn hekk il-KESE jenfasizza li t-tranżazzjonijiet diretti li ma jkunux jistgħu jitwettqu kif suppost minn provveditur ta’ servizz ta’ pagament, minħabba li l-ordni tal-pagament ma jiġix aċċettat, jiġi rifjutat, ritornat jew inversat (R-transactions), il-konsumaturi għandhom jeħlu miżata multilaterali tal-interkambju biss f'każ li ma jkollhomx fondi suffiċjenti fil-kontijiet tagħhom meta jasal il-ħin tal-pagament tad-debitu dirett. F'kull każ ieħor din il-miżata għandha titħallas minn dak li qed jitħallas. Dak li qed jitħallas, il-bank ta’ dak li qed jitħallas jew il-bank ta’ dak li qed iħallas m'għandhomx jitħallew jgħaddu l-miżati ta’ min qed iħallas għal tranżazzjonijiet inversati mhux ikkawżati minn dak li qed iħallas.

Brussell, 5 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 51, u ĠU C 228, 22.09.2009, p. 66.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 3.11 (ġdid)

Żid il-punt li jmiss:

“”

Raġuni

Is-sigurtà ta’ sistema ta’ ħlas għall-Ewropa kollha hija kruċjali biex tissaħħaħ il-kunfidenza tal-konsumaturi fis-servizzi tal-ħlas.

Riżultat tal-votazzjoni:

 

64 favur

 

74 kontra

 

13-il astensjoni

Punt 3.12 (ġdid)

Punt ġdid:

“”

Raġuni

Pożizzjoni konformi mal-Artikolu 62 tar-Regolament dwar il-Pagamenti.

Riżultat tal-votazzjoni:

 

64 favur

 

83 kontra

 

10 astensjonijiet


Top