EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IE0806

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dimensjoni esterna tal-politika industrijali Ewropea – Il-politika kummerċjali tal-UE qed tikkunsidra sewwa l-interessi tal-industrija Ewropea?” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 25–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dimensjoni esterna tal-politika industrijali Ewropea – Il-politika kummerċjali tal-UE qed tikkunsidra sewwa l-interessi tal-industrija Ewropea?” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 218/05

Relatur: is-Sur PEZZINI

Korelatur: is-Sur PHILIPPE

Nhar is-16 ta’ Settembru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Id-dimensjoni esterna tal-politika industrijali Ewropea – Il-politika kummerċjali tal-UE qed tikkunsidra sewwa l-interessi tal-industrija Ewropea?

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ April 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-4 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’106 voti favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jaqsam bis-sħiħ it-tħassib li esprimiet il-Presidenza Ungeriża tal-Unjoni Ewropea dwar il-fatt li “[m]adwar id-dinja għaddejja trasformazzjoni b’veloċità u profondità inkredibbli; l-Ewropa trid tkun kapaċi tieħu pożizzjoni f’kompetizzjoni globali aktar qawwija minn qatt qabel.”

1.2   Il-Kumitat jitob b’urġenza lill-UE sabiex tadotta azzjonijiet koordinati u koerenti favur strateġija integrata dwar id-dimensjoni esterna tal-politika industrijali li tkun tista’ taqdi rwol ta’ tmexxija fis-sistema kummerċjali u jkollha approċċ uniku għall-ftehimiet kummerċjali multilaterali u bilaterali.

1.3   Il-KESE jqis li huwa indispensabbli li jkun hemm l-istess regoli għall-atturi kollha sabiex ikunu jistgħu jikkompetu f’qafas ta’ kompetizzjoni ġusta, bi tkabbir ekonomiku u soċjali sostenibbli u kompetittiv, b’konformità sħiħa mal-istandards ekonomiċi, soċjali u ambjentali internazzjonali, u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li sal-2015, 90 % tat-tkabbir dinji ser ikun iġġenerat barra mill-Ewropa, b’terz iġġenerat miċ-Ċina waħedha. Għalhekk, il-politika kummerċjali tal-UE għandha tappoġġja wkoll il-politika tal-iżvilupp tal-UE u għandha tqis l-inugwaljanzi bejn il-blokki kummerċjali u fi ħdan is-soċjetà, speċjalment fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

1.4   Il-Kumitat iqis li hemm bżonn:

li jiġi stabbilit qafas komuni ta’ governanza Ewropea msaħħa li tkun kapaċi tisfrutta l-potenzjal tas-suq uniku għar-rilanċ tal-industrija Ewropea fix-xena internazzjonali;

li l-UE titkellem b’leħen wieħed fil-livell globali;

li tiġi definita koerenza fl-imġiba tal-Istati Membri.

1.5   Skont il-Kumitat, il-ħidma twila li bdiet fl-1988 għat-twettiq tas-suq intern għandha tkompli u tissaħħaħ, anke permezz tal-ħolqien ta’ liġi Ewropea tal-kuntratti għall-intrapriżi, fuq il-bażi ta’ regolament li jistabbilixxi sistema avvanzata ġdida li, b’mod mhux obbligatorju, tkun tista’ tintuża mill-intrapriżi fil-kuntratti transnazzjonali tagħhom.

1.6   Il-Kumitat jemmen li l-industrija Ewropea tista’ żżomm ir-rwol ta’ tmexxija tagħha mhux biss permezz tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, iżda wkoll billi tiżviluppa infrastrutturi validi u titlob lis-suq dinji għal regolamentazzjoni intelliġenti li tippromovi forom nodfa u sostenibbli tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni.

1.7   Il-KESE jqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-interventi fil-livell Komunitarju, nazzjonali u reġjonali, lill-edukazzjoni u lit-taħriġ kontinwu tar-riżorsi umani u lit-tixrid tal-għarfien.

1.8   Il-KESE jirrakkomanda li l-interessi tal-industrija Ewropea jiġu dejjem ikkunsidrati u li jiġu difiżi bil-qawwa fin-negozjati, permezz tal-użu ċar, trasparenti u diversifikat tal-għodod regolatorji kollha li jeżistu, inklużi l-ftehimiet kummerċjali.

1.9   Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-intrapriżi jkollhom qafas regolatorju intelliġenti, prevedibbli u, fuq kollox, b’inqas spejjeż, u kuntest intraprenditorjali mtejjeb għall-SMEs.

1.10   Huwa fl-interess tal-intrapriżi Ewropej li fil-ftehimiet u fil-kuntatti bilaterali l-punti li ġejjin jiġu assigurati b’mod ċar u trasparenti:

standards soċjali li jirrispettaw lill-ħaddiema, b’konformità mal-ftehimiet internazzjonali;

standards għall-ħarsien tal-ambjent;

limiti għall-isfruttament tar-riżorsi ekoloġiċi;

standards għall-iffrankar tal-enerġija u l-protezzjoni tal-klima;

l-użu mifrux tal-ekotikketti;

il-kultura taċ-ċertifikazzjoni tal-EMAS;

ir-rispett tal-istandards tekniċi u regolatorji;

il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u intellettwali;

xi strumenti effikaċi li jipproteġu l-kummerċ u li jagħtu aċċess għas-swieq u l-materja prima strateġika, b’referenza għall-kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tar-riżorsi miż-żewġ naħat tas-soċjetà ċivili;

inizjattivi li jiffaċilitaw l-attività tal-SMEs fil-pajjiżi terzi;

sistemi ta’ djalogu soċjali u ta’ verifika min-naħa tas-soċjetà ċivili, anke permezz ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u ex post, u

livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

1.11   Il-KESE jaqbel mal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ Diċembru 2010 dwar “il-ħtieġa li l-isfidi jiġu ttrattati b’mod aktar effiċjenti u li jinħatfu l-opportunitajiet marbuta mal-globalizzazzjoni billi jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt qabel it-tnedija tan-negozjati kummerċjali […] biex ikunu żgurati s-swieq miftuħa, il-kummerċ ġust u l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni. Il-politika kummerċjali tal-UE f’kull każ għandha tqis il-kundizzjonijiet inugwali li fihom ta’ sikwit l-industrija tagħna hija mġiegħla tikkompeti”.

1.12   Il-Kumitat jitlob sabiex jingħata segwitu konkret lir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-UE li “jkomplu jiġu mtejba l-koerenza u l-komplementarjetà bejn il-politiki interni u esterni tal-UE kollha kemm huma” (1).

1.13   Il-Kumitat iqis li l-UE għandha tiżviluppa l-vantaġġi kompetittivi tagħha sabiex tkun tista’ tiddefendi l-interessi tagħha b’mod aktar effikaċi u strateġiku u sabiex il-mudell ekonomiku u soċjali Ewropej ikun aktar kredibbli fix-xena dinjija.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-industrija, meqjusa fl-aspetti kollha tagħha, inklużi s-servizzi speċjalizzati li tiddependi minnhom kif ukoll is-servizzi li jiddependu minnha, hija vasta ħafna u tirrappreżenta kważi n-nofs (47 %) tal-PDG tal-UE.

2.2   L-industrija tista’ tagħti kontributi speċifiċi sabiex it-tkabbir tal-ekonomija kollha jsir aktar dinamiku permezz:

ta’ produttività akbar fl-Ewropa;

tal-esportazzjoni tal-prodotti manifatturati (2);

tal-progress teknoloġiku: aktar minn 80 % tal-infiq tas-settur privat fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku fl-UE ġej mis-settur tal-manifattura.

2.3   L-isfida tal-ġlieda kontra d-deindustrijalizzazzjoni hija dik li l-politiki kollha tal-UE jkollhom l-għan li jappoġġjaw il-potenzjal tat-tkabbir u tal-kompetittività tal-industrija, billi l-ewwel u qabel kollox isaħħu d-dimensjoni esterna tagħha.

2.4   L-għan mhuwiex li tiġi definita politika għal rasha, iżda li tiddaħħal id-dimensjoni tal-kompetittività industrijali, u tas-servizzi relatati magħha, fil-politiki kollha tal-UE, ibda biex fil-politika kummerċjali komuni.

2.5   Il-ftuħ tas-swieq jirrappreżenta, mingħajr dubju ta’ xejn, il-kundizzjoni assoluta għat-tkabbir tal-impjieg. Madankollu, l-UE għandha bżonn taġġorna l-istrateġija tagħha biex tappoġġja aħjar l-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi, f’kuntest ta’ simetrija u reċiproċità li jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti għall-protagonisti kollha.

2.6   Approċċ koerenti jitlob li jiġu indirizzati sensiela ta’ setturi li għandhom valur miżjud konsiderevoli:

Il-politika kummerċjali futura tal-UE għandha tiġi integrata fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020. Dan jimplika l-ħtieġa li titfassal sensiela ta’ regoli preċiżi u effikaċi bil-għan li:

jappoġġjaw is-swieq miftuħa u ġusti, filwaqt li jesiġu li jiġu rispettati l-istess kundizzjonijiet għall-pajjiżi emerġenti u li jipproteġu l-esiġenzi tal-pajjiżi l-anqas żviluppati;

jipproteġu l-proprjetà industrijali u intellettwali;

joħolqu għarfien ġdid u aktar integrat;

jiskoraġġixxu l-falsifikazzjoni;

jiddefendu u jxerrdu l-valur tal-ekonomija soċjali tas-suq (3);

jipproponu u jesiġu livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent, u

jippromovu l-euro bħala l-munita tal-kummerċ internazzjonali.

Il-ftuħ tas-suq dinji u r-reċiproċità sussegwenti tat-tariffi huma limitati ħafna minħabba l-ostakli nontariffarji: jeħtieġ li “[l-]UE (…) tinforza d-drittijiet tagħna skont ftehimiet bilaterali u multilaterali li niftħu swieq li huma magħluqa illegalment” (4) sabiex jiġu żgurati simetrija, reċiproċità u regoli ġusti.

Għandhom jiġu riveduti u msaħħa l-inizjattivi li jappoġġjaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs. Illum, il-persentaġġ tal-esportazzjonijiet tal-SMEs lil hinn mis-suq intern huwa inqas minn 15 %.

Il-politika tal-UE għandha teżamina aħjar it-tisħiħ ta’ mezzi oħra biex titwettaq l-internazzjonalizzazzjoni, fosthom:

1.

l-investiment dirett barrani (IDB);

2.

il-kooperazzjoni teknoloġika;

3.

l-attivitajiet tas-sottokuntrattar.

L-Istati Ewropej għandhom jimpenjaw ruħhom għall-iżvilupp ta’ djalogu msaħħaħ mal-imsieħba soċjali u mal-atturi ekonomiċi u soċjali kollha.

Rigward l-impjieg, għandha tingħata spinta ġdida biex jiġu appoġġjati l-inizjattivi settorjali avvanzati, fuq l-eżempju tal-azzjonijiet meħuda fil-qasam tas-swieq pilota (lead markets).

2.7   Jeħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tal-euro fix-xena internazzjonali bħala l-munita tal-kummerċ internazzjonali kemm għall-materja prima kif ukoll għall-prodotti manifatturati.

2.8   Il-pass imgħaġġel tal-globalizzazzjoni tal-ekonomija dinjija u l-iżvilupp tal-ekonomiji emerġenti qed iġegħluna nirrevedu b’mod sostanzjali l-politiki kummerċjali tal-UE, sabiex dawn iqisu bis-sħiħ l-interessi tal-industrija Ewropea u b’hekk din tkun tista’ żżomm u tkabbar ir-rwol tagħha fil-villaġġ globali.

2.9   B’mod ġenerali, il-politika industrijali tal-UE tiġi implimentata permezz:

ta’ miżuri ġenerali maħsuba biex jiżviluppaw is-suq intern;

ta’ politika kummerċjali esterna (politika tal-antidumping, negozjati kummerċjali bilaterali u multilaterali li għandhom impatt fuq setturi industrijali individwali);

ta’ bosta politiki soċjali, reġjonali u ambjentali mmirati lejn l-iżvilupp tar-riżorsi umani;

ta’ politika tal-kompetizzjoni bi strumenti legali, li huma meħtieġa fil-każijiet fejn is-suq ifalli u opportuni fil-każ tal-għajnuna mill-Istat;

ta’ politika tar-riċerka u l-iżvilupp;

ta’ azzjonijiet għall-innovazzjoni;

tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi Ewropej;

tat-tfittxija tad-djalogu u tal-kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali, estiżi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari permezz tan-negozjar ta’ Ftehimiet Qafas Internazzjonali;

ta’ sforzi għat-twettiq tal-politiki ambjentali;

ta’ politika ambizzjuża u effiċjenti dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ.

2.10   Il-kummerċ, l-ekonomija, id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet u l-kulturi, u għalhekk il-prosperità tal-popli, huma kkundizzjonati u determinati mill-kwalità tar-relazzjonijiet bejn l-Istati, il-gvernijiet u l-korpi internazzjonali. Barra minn hekk, jeħtieġ li wieħed jikkunsidra l-livelli differenti ta’ żvilupp u l-approċċi li jistgħu jiġu adottati biex jiġu solvuti problemi komuni.

2.11   F’din l-opinjoni, il-KESE ser jikkonċentra fuq id-dimensjoni esterna tal-politika industrijali.

2.12   F’dan il-kuntest, għandu jingħaraf li l-politika industrijali għandha rwol ewlieni, speċjalment abbażi ta’ kuxjenza ġdida: il-bżonn li l-industrija u l-intrapriżi jingħataw lura l-pożizzjoni ċentrali li hija tagħhom.

2.13   “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni” (5): din l-inizjattiva tiddefinixxi xi prijoritajiet maħsuba biex itejbu l-ambjent tan-negozji, prinċipalment għall-SMEs, u biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ bażi industrijali b’saħħitha u sostenibbli.

2.14   It-tkabbir verament “intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (6) huwa marbut mat-tisħiħ ta’ settur tal-manifattura diversifikat u innovattiv sabiex jopera b’suċċess fis-swieq dinjija.

3.   Oqsma ta’ interess u azzjoni għal dimensjoni esterna koerenti

3.1   Jeżistu diversi oqsma ta’ interess u azzjoni li jenfasizzaw l-importanza tad-dimensjoni esterna tal-politika industrijali Ewropea, iżda l-KESE jixtieq jikkonċentra fuq l-oqsma li ġejjin:

l-strateġija Ewropea dwar l-aċċess għall-materja prima;

l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs;

l-istandardizzazzjoni u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI);

id-djalogu dwar ir-regolamentazzjoni;

il-politika kummerċjali komuni;

l-immaġni u l-prospetti tal-Unjoni;

inizjattivi settorjali: is-swieq pilota u l-pjattaformi Ewropej.

3.1.1   L-aċċess għall-materja prima. Aċċess faċli u sigur għall-materja prima huwa kruċjali għall-infrastrutturi u huwa prerekwiżit għall-iżvilupp industrijali. L-inizjattivi tal-UE huma fundamentali biex:

jitneħħew id-distorsjonijiet eżistenti u jinħolqu regoli u ftehimiet ġodda dwar l-aċċess għall-materja prima, speċjalment fil-qasam tal-enerġija;

jintalbu sforzi bla heda biex jiġi ggarantit, anke fil-livell tad-WTO, li l-pajjiżi produtturi jirrispettaw l-istandards ambjentali u soċjali minimi;

jittejbu l-kundizzjonijiet għall-estrazzjoni sostenibbli tal-materja prima fl-Ewropa;

jiġu appoġġjati l-oqsma Ewropej u nazzjonali tar-riċiklaġġ biex titnaqqas il-ħela, jinħolqu impjiegi b’valur miżjud għoli u jiġu limitati l-effetti ambjentali u soċjali tal-proċessi involuti fl-estrazzjoni;

jiġu promossi l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-użu ta’ materja prima sekondarja;

jissaħħu l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet responsabbli għall-ġestjoni tal-materja prima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li għandhom riżorsi ta’ dan it-tip;

tiġi appoġġjata r-riċerka li diġà qed issir bil-għan li tinkiseb enerġija mill-fużjoni, permezz tal-JET u l-ITER, bl-użu ta’ materja prima (dewterju, litju, tritju) li hija mifruxa ħafna fin-natura, l-aktar fl-ilma baħar.

3.1.1.1   Jekk trid tikkonsolida u tkabbar il-preżenza u l-kompetittività tagħha fil-livell dinji, l-industrija Ewropea jrid ikollha strateġija b’saħħitha u integrata, b’attenzjoni partikolari għall-provvista tal-enerġija u b’“diplomazija tal-materja prima” ta’ vera.

3.1.1.2   L-aċċess għall-materja prima, speċjalment fil-qasam tal-enerġija, għandu jkun pilastru fundamentali tal-politika industrijali l-ġdida. Il-punt ewlieni għandu jkun li jissaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi tagħna mal-pajjiżi terzi biex:

jitneħħew id-distorsjonijiet fil-kundizzjonijiet tal-aċċess, b’miżuri kontra r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni (7);

tiġi appoġġjata l-produzzjoni tal-metalli fl-Ewropa;

jissaħħu l-isforzi rigward il-materja prima li l-Ewropa diġà għandha;

il-lista ta’ 14-il materja prima “strateġika” għall-ġejjieni tal-produzzjoni tagħna tiġi monitorjata. Dawn huma: l-antimonju, il-berillju, il-kobalt, il-fluworit, il-gallju, il-ġermanju, il-grafit, l-indju, il-manjeżju, in-nijobju, il-grupp tal-platinu (platinu, palladju, iridju, rodju, rutenju u ożmju), il-metalli tal-art rari, it-tantalju u t-tungstenu;

jiġu stabbiliti riservi strateġiċi tal-materja prima prinċipali;

il-qoton jitqies bħala materja strateġika;

jinħoloq servizz ġeoloġiku Ewropew.

3.1.2   L-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs. Sfida kruċjali oħra hija dik tad-dimensjoni internazzjonali tal-industrija Ewropea: l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju għandhom ikunu jistgħu jikkompetu mal-industriji l-kbar fis-swieq dinjija, u fl-istess ħin jikkonsolidaw iż-żoni ta’ produzzjoni tagħhom.

3.1.2.1   Jeħtieġ li jinħolqu u jissaħħu l-istrumenti li jappoġġjaw il-prospetti u l-finanzjament (assigurazzjonijiet, garanziji tal-ħlas, eċċ.) b’tali mod li l-SMEs ikunu jistgħu jikbru fil-livell internazzjonali.

3.1.2.2   Skont studju reċenti tad-DĠ Intrapriża, 25 % tal-SMEs Ewropej wettqu attività ta’ importazzjoni jew esportazzjoni matul l-aħħar tliet snin. Lil hinn mis-suq intern Ewropew, 13 % biss kellhom relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, u jekk inqisu s-swieq emerġenti taż-żona BRIC (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina), il-persentaġġ ivarja bejn 7 u 10 %.

3.1.2.3   Fil-fatt, l-internazzjonalizzazzjoni hija ta’ benefiċċju għall-intrapriża u tagħtiha vantaġġ:

f’termini ta’ tendenza għar-reklutaġġ ta’ persunal ġdid: l-SMEs attivi fil-livell internazzjonali jirreġistraw rata ta’ żieda fl-impjiegi ta’ 7 %, filwaqt li din ir-rata fil-każ tal-SMEs l-oħra hija biss ta’ 1 %;

f’termini ta’ tendenza għall-innovazzjoni: l-introduzzjoni ta’ prodotti jew servizzi innovattivi kkonċernat 26 % tal-SMEs attivi fil-livell internazzjonali u 8 % biss tal-intrapriżi l-oħra.

3.1.2.4   It-titjib tal-prestazzjoni fil-kummerċ internazzjonali huwa importanti sabiex jissaħħu t-tkabbir u l-kompetittività.

3.1.2.5   Jeħtieġ, b’mod partikolari, li jiġu intensifikati u estiżi l-inizjattivi pilota għall-ħolqien ta’ ċentri Ewropej tal-appoġġ fil-pajjiżi terzi, l-hekk imsejħa “European Business Centres” (8), u l-isforzi biex it-Timijiet tal-Aċċess għas-Swieq (Market Access Teams) jibdew joperaw b’mod sħiħ.

3.1.3   L-istandardizzazzjoni. Hemm bżonn politika b’saħħtiha tal-istandardizzazzjoni u tal-ħarsien tal-proprjetà intellettwali, li tassigura dimensjoni esterna fil-proċessi ta’ standardizzazzjoni.

3.1.3.1   Jeħtieġ li jiġi evitat li l-istandards isiru ostakli kummerċjali u li ż-żieda fin-numru ta’ standards nazzjonali fil-qasam tas-servizzi toħloq ostakli għall-kummerċ.

3.1.3.2   Il-KESE huwa konvint li għandu jiddaħħal l-obbligu legali, għal dawk kollha li joħolqu l-istandards, li jirrispettaw il-prinċipji tad-WTO/TBT fil-proċess tal-iżvilupp ta’ dawn l-istandards.

3.1.3.3   Aspett fundamentali ieħor huwa dak tal-interoperabbiltà: is-servizzi u l-applikazzjonijiet għandhom ikunu verament interoperabbli sabiex jiġu aċċettati mis-suq u jilħqu l-għanijiet stabbiliti.

3.1.4   Id-djalogu dwar ir-regolamentazzjoni. Sabiex tkun tassew kompetittiva, l-industrija Ewropea teħtieġ kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tar-regoli u r-regolamenti.

3.1.4.1   Flimkien mal-ostakli kummerċjali “tariffarji”, spiss ikun hemm ostakli nontariffarji ta’ natura regolamentari. Għalhekk, il-KESE jemmen li għandhom jiżdiedu l-isforzi f’diversi oqsma kemm biex l-ostakli eżisenti jitnaqqsu kif ukoll biex jiġi evitat li jinħolqu ostakli ġodda.

3.1.4.2   F’dawn il-kuntesti, il-prinċipju tar-regolamentazzjoni aħjar huwa fundamentali biex jitnaqqsu l-ispejjeż għaljin li ħafna drabi jsiru minħabba r-regolamentazzjoni eċċessiva, u biex ikun hemm aċċess aktar effikaċi għas-swieq internazzjonali permezz ta’ mekkaniżmi ta’ rikonoxximent reċiproku.

3.1.5   Il-politika kummerċjali komuni hija wieħed mill-pilastri tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea. Hija tirregola r-relazzjonijiet kummerċjali tal-Istati Membri mal-pajjiżi terzi bl-għan fundamentali li jiġu ggarantiti kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet indaqs.

3.1.5.1   Hemm bżonn li tittejjeb l-effikaċja tal-miżuri fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, kemm fis-suq uniku kif ukoll barra minnu, minħabba r-riperkussjonijiet negattivi tagħhom fuq numru li qed jikber ta’ setturi dejjem iktar differenzjati.

3.1.5.2   It-titjib tal-prestazzjoni tagħna – bħalma jindikaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta’ Lisbona – fil-kummerċ transkonfinali u internazzjonali huwa importanti sabiex jissaħħu t-tkabbir, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-intrapriżi fit-tul, filwaqt li jiġi ggarantit leħen Ewropew wieħed.

3.1.5.3   L-istrumenti tad-difiża kummerċjali u tal-aċċess għas-swieq għandhom l-għan li, b’mod partikolari, jipproteġu l-intrapriżi Ewropej mill-ostakli għall-kummerċ. L-Unjoni għandha tkun tista’ tiggarantixxi l-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ dinji u tippromovi n-natura ġusta u sostenibbli tiegħu, b’mod li jkun jista’ jqis il-livelli differenti ta’ żvilupp tal-pajjiżi terzi, filwaqt li tgħin lill-pajjiżi l-anqas żviluppati fi triqithom lejn l-industrijalizzazzjoni u li tesiġi konformità sħiħa mar-regoli min-naħa tal-pajjiżi emerġenti.

3.1.5.4   L-UE għandha tiddefinixxi kriterji ekonomiċi preċiżi biex tinnegozja u tikkonkludi ftehimiet tal-kummerċ ħieles u biex tidentifika l-imsieħba tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-potenzjal tas-swieq b’rabta mad-daqs u t-tkabbir ekonomiku, filwaqt li tiżgura mekkaniżmi ċari ta’ valutazzjoni ex ante (fir-rigward tal-koerenza politika) u ex post (fir-rigward tal-konformità sħiħa mas-simetriji u r-reċiproċità), anke bl-appoġġ tad-djalogu soċjali Ewropew u s-soċjetà ċivili organizzata.

3.1.5.5   Hemm bżonn li flimkien mat-tnaqqis tat-tariffi fil-qafas tad-WTO, isir sforz sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’konformità mal-istandards tal-ILO.

3.1.6   L-immaġni u l-prospetti tal-Unjoni. Tinħtieġ viżjoni orjentata fuq il-bażi ta’ loġika ta’ żvilupp sostenibbli li tkun kapaċi tippromovi s-soċjetajiet inklużivi, l-ekonomiji miftuħa u r-relazzjonijiet paċifiċi f’perspettiva globali u fit-tul.

3.1.6.1   L-immaġni tal-Unjoni, fi ħdanha stess, iżda l-aktar lil hinn minnha, għandha tkun ippreżentata aħjar, billi jiġu żgurati l-koerenza, l-unità u l-kapaċità tagħha li tieħu azzjoni malajr sabiex joħroġ bis-sħiħ il-valur tagħha. Jeħtieġ li tiġi definita u implimentata azzjoni bbażata fuq livelli ta’ sinerġija li jkunu koerenti bejniethom, sabiex:

jiġi żgurat li s-swieq jinfetħu b’mod bilanċjat, filwaqt li jiġu mħarsa r-riżorsi limitati tal-pjaneta u b’hekk jiġi żgurat l-aċċess tal-Ewropa għar-riżorsi li għandha bżonn mil-lat strateġiku;

jissaħħaħ id-djalogu ekonomiku mal-imsieħba prinċipali kollha fil-qafas ta’ approċċ multilaterali;

jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro;

jiġi propost li l-UE tkun “qawwa regolatorja internazzjonali”, li tippromovi standards ogħla fl-oqsma industrijali, ambjentali u soċjali, kif ukoll rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol dinjitużi, l-akkwisti pubbliċi u l-proprjetà intellettwali;

jerġgħu jitnedew it-tliet politiki prinċipali tal-iżvilupp estern tal-UE: it-tkabbir, il-politika tal-viċinat u l-Unjoni għall-Mediterran, u sħubija ġdida mal-Afrika fil-qafas tal-AKP (9).

3.1.6.2   Il-KESE huwa konvint ħafna li, fin-nuqqas ta’ prospettiva parteċipattiva fil-livell Ewropew fir-rigward tal-prospetti dinjija tal-politika industrijali Ewropea, mhux ser ikun possibbli li tiġi żviluppata dik il-viżjoni strateġika komuni li hija indispensabbli għar-rilanċ qawwi u koerenti tad-dimensjoni esterna tal-politika industrijali Ewropea.

3.1.6.3   Il-KESE huwa konvint li l-interess tal-industriji Ewropej huwa li jikbru u li l-uniku mod biex jitwettaq dan hu li ma jkunux esposti b’mod permanenti għal kompetizzjoni bi spejjeż baxxi.

3.1.7   Inizjattivi settorjali: swieq pilota u pjattaformi

3.1.7.1   L-Ewropa għandha tibni l-futur tagħha fuq il-punti tajbin tagħha. Il-ħin kollu jiġu żviluppati soluzzjonijiet settorjali differenti biex itejbu l-kompetittività globali u biex jagħmlu lill-Ewropa aktar attraenti bħala post fejn wieħed jgħix u jaħdem.

3.1.7.2   Fost is-setturi ewlenin insibu:

l-infrastruttura teknoloġika;

in-netwerks tal-provvista tal-enerġija;

is-soċjetà tal-għarfien u s-soċjetà diġitali;

is-saħħa u l-mobilità;

it-teknoloġiji orizzontali, li huma meħtieġa għall-industriji tal-UE.

3.1.7.3   Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn li jinħoloq qafas imsaħħaħ u koerenti għall-approċċi settorjali differenti eżistenti, fosthom:

il-pjattaformi teknoloġiċi Ewropej;

l-inizjattivi tas-swieq pilota;

il-varji kumitati konsultattivi ta’ livell għoli;

il-pjattaformi tal-innovazzjoni, bħal-LeaderShip, il-Cars 21 u l-ICT Task Force;

il-grupp ta’ livell għoli tal-industrija tal-kimika.

3.1.7.4   Barra minn hekk, il-KESE jemmen li xi setturi, li huma partikolarment sensittivi u promettenti, għandhom jiġu żviluppati aktar, bħal:

l-ispazju;

il-mobilità sostenibbli;

l-isfidi soċjali kbar tal-futur, b’relazzjoni mat-tibdil fil-klima;

l-isfidi kompetittivi, bħall-industrija tal-kimika, dik tal-inġinerija u dik agroalimentari;

is-setturi intensivi fl-enerġija.

4.   Id-dimensjoni esterna tal-politiki tal-UE: il-muftieħ għas-suċċess tal-industrija tal-UE

4.1   Kif enfassizat il-Presidenza Ungeriża, “[m]adwar id-dinja għaddejja trasformazzjoni b’veloċità u profondità inkredibbli; l-Ewropa trid tkun kapaċi tieħu pożizzjoni f’kompetizzjoni globali aktar qawwija minn qatt qabel.”

4.2   Bl-appoġġ ta’ politika industrijali Ewropea li tkun integrata fid-dimensjoni esterna tagħha, għandhom ikunu jistgħu jinnovaw u jsaħħu l-kompetittività tagħhom u joħolqu l-impjiegi 20 miljun intrapriża Ewropea, b’mod partikolari l-SMEs, li jkunu ggwidati mill-kreaturi, mill-ħaddiema, mill-artiġjani u mill-intraprendituri.

4.3   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2010 dwar il-kompetittività internazzjonali u s-suq uniku.

4.4   Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari l-importanza li l-intrapriżi jkollhom qafas regolatorju intelliġenti, prevedibbli u b’inqas spejjeż, u li l-SMEs ikollhom ambjent intraprenditorjali mtejjeb li jippermettilhom joperaw b’viżjoni fit-tul.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-punt a) tal-Anness I għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Settembru 2010.

(2)  Madwar tliet kwarti tal-esportazzjonijiet tal-UE; sors: DĠ Intrapriża.

(3)  Ara l-Artikolu 3 tat-Trattat ta’ Lisbona.

(4)  Ara d-dokument tal-Kummissjoni Ewropea COM(2010) 612 finali, Kapitolu 4.

(5)  Ara l-inizjattiva strateġika 10, COM(2020) 2010 finali.

(6)  Ibid.

(7)  Bħal dawk imposti miċ-Ċina, mill-Indja u minn pajjiżi oħra.

(8)  Fiċ-Ċina, it-Tajlandja, l-Indja u l-Vjetnam.

(9)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Id-dimensjoni esterna tal-istrateġija ta’ Lisbona mġedda”, ĠU C 128/2010, p. 41.


Top