EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IE0818

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà (VIS) u l-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea”

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 14–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà (VIS) u l-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea”

2011/C 218/03

Relatur: is-Sinjura PICHENOT

Nhar it-22 ta’ April 2010, il-Kummissjoni Ewropea, iddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà (VIS) u l-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ April 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-5 ta’ Mejju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’161 vot favur, 3 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Bil-għan li titjieb il-prestazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà (VIS) b’rabta mal-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tirrevedi s-sistema b’mod li tinidirizza aktar it-tħassib tas-soċjetà ċivili u l-kuntest tal-globalizzazzjoni. Il-KESE jipproponi li l-istrument tal-VIS jitfassal mill-ġdid billi jiġi integrat f’ċiklu koerenti ta’ valutazzjoni.

1.1   Għal dan il-għan, il-KESE jqis li huwa essenzjali li kwalunkwe ftehim kummerċjali jinkludi minn issa ’l quddiem mekkaniżmu ta’ segwitu bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-unika garanzija ta’ kontroll tal-impenji meħuda u ta’ viġilanza tar-riskji u l-opportunitajiet li jġib miegħu ftuħ kummerċjali fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. Mekkaniżmu bħal dan huwa indispensabbli fl-approċċ dinamiku propost billi, fi skadenzi stabbiliti, jippermetti li jiġu valutati mill-ġdid ir-riskji u l-opportunitajiet identifikati fl-istudju inizjali.

1.2   Biex ikun hemm koerenza bejn is-sistema u l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli, il-KESE jirrakkomanda li l-VIS:

tiġi integrata f’valutazzjoni ex ante, in itinere u ex post,

tkun ikkoordinata mal-istudju preliminari minn stadju bikri tal-mandat ta’ negozjati u tiġi implimentata fiż-żmien xieraq;

tagħti prijorità lill-osservazzjoni tar-riskji soċjali u ambjentali, kif ukoll lill-valutazzjoni ekonomika li fil-prattika sservi ta’ ġustifikazzjoni tar-rieda tal-UE li tistabbilixxi ftehim kummerċjali;

tipprivileġġa, permezz tal-effetti aggregati tal-liberalizzazzjoni fuq kull wieħed mill-pilastri tal-iżvilupp sostenibbli, valutazzjoni aktar speċifika, determinata fil-livell tas-setturi jew tal-oqsma kkonċernati, b’mod partikolari fil-każ ta’ ekonomija b’proporzjoni kbir ta’ attività informali;

issir punt ta’ referenza għad-dibattitu pubbliku fil-Parlament Ewropew dwar l-“analizi tal-konsegwenzi”;

tinvolvi l-politiki l-oħra tal-Unjoni Ewropea fil-miżuri ta’ appoġġ.

1.3   Sabiex l-informazzjoni provduta tkun aktar rilevanti, il-KESE jirrakkomanda tibdil fil-VIS permezz tad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

jinstab bilanċ mill-ġdid bejn it-tliet pilastri;

il-konsulenti għandhom jisiltu minn firxa wiesgħa ta’ metodi disponibbli, b’mod partikolari metodi kwantitattivi, bil-għan li tinkiseb informazzjoni dwar l-aspetti mhux ekonomiċi tal-ftehim kummerċjali kkonċernat;

jiġu żviluppati l-approċċi ekoloġiċi (analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, il-marka tal-karbonju, il-kejl tas-servizzi tal-ekosistema);

it-tim ta’ konsulenti responsabbli għall-istudju għandu jinkludi b’mod sistematiku esperti minn pajjiżi msieħba fil-ftehim kummerċjali kkonċernat;

l-imsieħba soċjali, l-ispeċjalisti dwar kwistjonijiet ambjentali u r-rappreżentanti tal-oqsma kummerċjali għandhom jiġu mistiedna għal diskussjonijiet diretti u fil-fond;

jitqies l-impatt fuq is-sessi;

l-analiżi tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ professjonijiet legali u relatati mas-saħħa, u b’mod partikolari l-indipendenza u l-garanzija tal-integrità fiżika tar-rappreżentanti tagħhom, għandha tikkostitwixxi parti tal-VIS.

1.4   Sabiex jiġi organizzat proċess parteċipattiv imġedded, il-KESE jirrakkomanda li:

l-istudju jibqa’ aċċessibbli f’kull stadju għall-partijiet interessati kollha u għall-pajjiżi msieħba, u jinkludi rapport konċiż;

il-konsultazzjoni tiġi adattata għall-fażijiet differenti taċ-ċiklu u tinfetaħ għall-partijiet interessati kollha tas-soċjetà ċivili u tingħata l-mezzi finanzjarji adatti,

il-KESE jkun jista’ jipparteċipa qabel issir il-VIS permezz ta’ opinjoni dwar l-għażla tal-indikaturi, l-identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għandhom jiġu kkonsultati u jipproponi forom ta’ konsultazzjoni;

il-KESE jintalab iħejji opinjoni dwar l-“analiżi tal-konsegwenzi” u jippreżentaha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill,

il-KESE jiġi rikonoxxut bħala msieħeb importanti għall-organizzazzjoni ta’ konsultazzjonijiet u ta’ segwitu mas-soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi msieħba flimkien mad-delegazzjonijiet tal-UE;

il-KESE jaġixxi bħala faċilitatur biex jiġi żgurat li l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qafas tal-valutazzjoni tal-impatt tkun ikkoordinata mal-implimentazzjoni futura tal-mekkaniżmi ta’ segwitu stabbiliti fil-ftehimiet;

is-sistema ta’ valutazzjoni ex post tqis ir-rapporti intermedjarji tal-kumitat ta’ segwitu.

2.   Il-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà: għodda neċessarja iżda li għandha bżonn titfassal mill-ġdid

2.1   Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija” (1) il-Kummissjoni Ewropea tispeċifika li trid tintensifika l-konsultazzjonijiet tagħha mal-partijiet ikkonċernati u s-soċjetà ċivili, biex tkejjel aħjar l-impatt tal-politiki kummerċjali fuq l-iżvilupp sostenibbli. Konxju mir-rwol ta’ pijunier li jaqdi d-DĠ għall-Kummerċ permezz tal-introduzzjoni ta’ VIS, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ser terġa’ tiftaħ id-dibatittu biex tanalizza l-kisbiet tal-metodu iżda wkoll biex tipprova tegħleb il-limitazzjonijiet jew in-nuqqasijiet tiegħu. F’din l-opinjoni esploratorja, il-KESE jiffoka fuq proposti intiżi biex itejbu l-prestazzjoni tas-sistema u biex jiċċaraw l-għanijiet tagħha. Din l-opinjoni hija intiża biex twieġeb il-mistoqsijiet dwar l-utilità soċjali u politika tal-VIS.

2.2   Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew żied il-kompetenzi tiegħu u jinsab f’pożizzjoni ugwali mal-Kunsill tal-UE fil-qasam tal-politika kummerċjali. Għall-ewwel ratifika wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat, dik tal-ftehim mal-Korea t’Isfel f’Marzu 2011, il-partijiet interessati, b’mod partikolari fis-setturi sensittivi, setgħu jittestjaw l-importanza ta’ din is-setgħa l-ġdida mogħtija lill-membri. Għaldaqstant jeħtieġ li l-forma preċedenti ta’ djalogu mas-soċjetà ċivili tinkludi din il-bidla istituzzjonali.

2.3   Il-KESE jinnota b’interess kbir il-modifiki li saru għas-sistema mill-Komunikazzjoni reċenti msemmija hawn fuq tal-Kummissjoni. Il-VIS b’rabta mal-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili għadha tibqa’ tiġi applikata u għandu jittieħed impenn formali biex titwettaq matul in-negozjati u biex it-tagħlimiet li jinsiltu minnha jinġabru f’“karta ta’ pożizzjoni”. Issa żdiedet fażi ġdida magħha. Il-Kummissjoni tistqarr li, biex tikkontrolla l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali, dawn ser ikunu soġġetti għal valutazzjoni ex post. Fl-aħħar, hemm fażi importanti tad-dibattitu politiku, wara n-negozjati u qabel l-iffirmar tal-ftehim, fejn il-Kummissjoni tistabbilixxi “analiżi tal-konsegwenzi” li għandha tintbagħat lill-Parlament u lill-Kunsill. Minn issa ’l quddiem, il-VIS m’għandhiex titqies bħala sempliċement għodda limitata għan-negozjati: għandha tkun parti miċ-ċiklu kollu tat-tfassil, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-politiki. Għaldaqstant il-proposti f’din l-opinjoni dwar it-tfassil mill-ġdid tas-sistema huma topiċi u sinifikanti.

2.4   Fl-assenza ta’ konklużjoni pożittiva fil-livell multilaterali, il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bilaterali jew reġjonali kulma jmur qed jinkludu aspetti relatati ma’ governanza aktar “sostenibbli” tal-kummerċ dinji, kemm permezz ta’ ċiklu aktar komplet ta’ valutazzjoni (ex ante u ex post) kif ukoll permezz tal-kontenut tagħhom (kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli li jinkludu impenji ambjentali u soċjali).

2.5   Diġà jeżisti djalogu strutturat (2) bejn id-DĠ għall-Kummerċ u s-soċjetà ċivili li jinkludi seduti ta’ informazzjoni u ta’ skambju f’fażijiet differenti tan-negozjati kummerċjali. Dan jindirizza obbligu li jiġu kkonsultati kemm l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej kif ukoll ta’ pajjiżi msieħba għat-tfassil tal-VIS mill-konsulenti. Il-KESE jixtieq jipparteċipa aktar f’dan l-esperiment fuq skala kbira fil-qasam tad-djalogu ċivili.

2.6   Fil-fażi attwali ta’ żvilupp jew ta’ tkomplija tan-negozjati kummerċjali bilaterali jew reġjonali dan it-tip ta’ informazzjoni/konsultazzjoni jqawwi l-qalb iżda huwa wkoll soġġett għall-kritika (3). Fil-VIS innifishom hemm it-tendenza li l-użu mifrux ta’ mudelli ta’ simulazzjoni matematika, bħall-mudelli ta’ bilanċ ġenerali li jista’ jitkejjel u li jitfasslu biex tiġi valutata l-effikaċja tal-politiki makroekonomiċi aktar milli l-impatt ambjentali u soċjali tagħhom, jagħti aktar piż lill-valutazzjoni ekonomika. Ir-riżultati tal-mudelli preżentati fil-VIS sikwit ikunu intuwittivi, mingħajr valur informattiv reali għan-negozjaturi jew għall-partijiet interessati minħabba li ma jiddikjarawx impatti sinifikattivi jew immirati biżżejjed. Peress li n-nuqqas ta’ statistika jew in-nuqqas ta’ statistika affidabbli fis-settur informali jagħmluha diffiċli, il-VIS ma jagħtix rendikont ċar biżżejjed tar-riperkussjonijiet possibbli f’dan is-settur.

2.7   F’termini ta’ proċedura, bosta studji (4) juru l-limitazzjonijiet tat-tfassil ta’ dawn il-VIS u tal-organizzazzjoni ta’ konsultazzjonijiet. Peress li jitwettqu tard wisq fil-proċess ta’ negozjati, il-VIS la jippermettu li jiġi influwenzat il-kontenut tagħhom b’mod ġenwin u lanqas ma jippermettu li l-atturi kkonċernati jiġu ssensibilizzati fil-ħin dwar l-aktar impatti problematiċi. M’hemmx regoli ċari dwar l-identifikazzjoni u l-għażla tal-atturi ewlenin ikkonsultati.

2.8   B’konsegwenza tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-valuri ta’ ċerti indikaturi soċjali jinbidlu b’mod sostanzjali. B’hekk ikun hemm bżonn li l-istudju inizjali jiġi ffinalizzat jew jinbidel biex id-data u x-xenarji li jintużaw jiġu aġġornati u biex tiżdied ir-rilevanza tal-miżuri ta’ appoġġ suġġeriti.

3.   L-integrazzjoni tal-VIS f’ċiklu koerenti ta’ valutazzjoni

3.1   Peress li l-VIS ma kinux sodisfaċenti għax ipprovdew informazzjoni tard wisq, ma kinux ta’ novità għan-negozjati, bl-ebda involviment politiku ċar, wisq anqas konsultazzjonijiet adatti, il-KESE jipproponi li jerġgħu jitfasslu mill-ġdid permezz ta’ approċċ dinamiku. L-ewwel nett, jeħtieġ li l-għan tal-VIS jiffoka fuq l-osservazzjoni ta’ riskji (ambjentali u soċjali) partikolari u fuq il-valutazzjoni u s-segwitu ta’ dawn ir-riskji maż-żmien. Il-valur miżjud tal-VIS huwa l-provvista ta’ din l-informazzjoni dwar ir-riskji antiċipati u osservati.

3.2   Għaldaqstant il-valutazzjoni hija kemm ex ante (riskji antiċipati), in itinere (evoluzzjoni tar-riskji) kif ukoll ex post (impatt osservat). Il-VIS hija ħafna aktar minn sempliċement metodu jew għodda ta’ dijanjosi, u għalhekk hija ta’ natura dinamika. M’għandhiex tibqa’ titqies bħala għodda statika biex jitkejjel il-valur aritmetiku tat-tliet pilastri iżda għandha titqies bħala proċess ta’ koproduzzjoni u ta’ qsim tal-informazzjoni mmirata. Din l-informazzjoni tista’ tintuża bħala “sinjal” jew twissija għas-soċjetà ċivili u n-negozjaturi li għandhom iwettqu kompitu ta’ viġilanza.

3.3   Biex ikun effikaċi, il-proċess tal-VIS għandu jagħmel parti minn ċiklu koerenti ta’ valutazzjoni tal-politiki tal-UE li l-għan komuni tiegħu huwa l-iżvilupp sostenibbli.

3.3.1   L-ewwel nett irid ikun hemm koerenza bejn it-tliet pilastri bit-tisħiħ neċessarju tad-dimensjoni ambjentali u klimatika iżda, fir-rigward tad-dimensjoni soċjali, irid jiġi kkunsidrat ukoll b’mod espliċitu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti (5).

3.3.2   Imbaghad irid ikun hemm koerenza bejn il-politiki u l-miżuri ta’ appoġġ stabbiliti u r-riskji u l-opportunitajiet identifikati. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jinvolvu mill-qrib kemm jista’ jkun l-akbar firxa ta’ politiki u miżuri tal-UE (fondi strutturali u programmi speċifiċi, għajnuna għall-iżvilupp, fondi ta’ aġġustament għall-globalizzazzjoni, Strument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), finanzjament mill-BEI). B’mod reċiproku, dawn l-istrumenti għandhom iqisu l-VIS fil-programmazzjoni tagħhom.

3.3.3   Fl-aħħar, hemm bżonn ta’ koerenza bejn il-valutazzjonijiet differenti stabbiliti mill-Kummissjoni. B’mod partikolari għandha tiġi ċċarata r-rabta bejn il-valutazzjoni tal-impatt li twettqet qabel il-mandat ta’ negozjar u l-VIS. Jekk ikun hemm bżonn, il-mandat ta’ VIS jista’ jiġi adattat u rivedut skont jekk ikunx preċedut minn studju minn qabel ambizzjuż jew, għall-kuntrarju, minn studju modest u mhux komplet dwar ir-riskji soċjali u ambjentali.

3.4   Il-membri tal-Parlament Ewropew, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri kif ukoll is-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti tul il-proċess kollu, ħafna aktar minn kemm huma involuti bħalissa. Il-Kummissjoni tfassal “analiżi tal-konsegwenzi” tal-ftehim kummerċjali biex tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Din takkwista dimensjoni strateġika fiċ-ċiklu u l-fatt li tiġi kkunsidrata mill-istituzzjonijiet joffri l-opportunità li d-djalogu ċivili jiġi ffokat fuq mument ewlieni tad-dibattitu politiku.

3.5   Jidher li hemm bżonn li l-VIS jiġu ġeneralizzati u adattati għall-mandati attwali u futuri ta’ negozjati ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mal-imsieħba ekonomiċi strateġiċi tagħna (l-Istati Uniti, iċ-Ċina, ir-Russja, il-Ġappun, l-Indja, il-Brażil) billi jiġu koperti b’mod aktar preċiż l-aspetti relatati mal-Protokoll dwar id-drittijiet ekonomiċi u soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll dawk relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-kodiċi tal-akkwist pubbliku u l-ftehimiet ta’ investiment.

4.   Inżidu r-rilevanza tal-informazzjoni provduta

4.1   Huwa kruċjali li r-riżultati jiġu kkomunikati lin-negozjaturi fi stadju bikri tad-diskussjonijiet biex il-konsegwenzi pożittivi u negattivi potenzjali jiġu kkunsidrati b’mod ġenwin. Jeħtieġ li l-istudji jibqgħu aċċessibbli f’kull stadju għall-partijiet interessati u għall-pajjiżi msieħba kollha. Għalkemm il-perjodu li fih għandu jitwettaq l-istudju żdied għal disa’ xhur, dan iż-żmien għandu jiġi organizzat b’tali mod li jissaħħaħ il-proċess konsultattiv fil-pajjiżi msieħba.

4.2   B’risposta għall-kritika dwar l-utilità tal-VIS, jeħtieġ li jiġu eliminati l-punti ġenerali u l-kejl kwalitattiv tal-effetti aggregati (ekonomiċi versus ambjentali versus soċjali). Għandha tingħata prijorità biex jiġu mmirati riskji ambjentali u soċjali speċifiċi kif ukoll il-potenzjal f’dawn l-oqsma flimkien mal-valutazzjoni neċessarja tal-opportunitajiet ekonomiċi li, skont il-biċċa l-kbira tal-mudelli, hija pożittiva. Fil-fatt huwa bis-saħħa tagħhom li qed jiġu negozjati l-ftehimiet ikkonċernati, mill-istudju tal-impatt minn qabel sal-mandat.

4.3   Ir-riskji ambjentali u soċjali għandhom jiġu evalwati billi tintuża l-iktar firxa wiesgħa ta’ metodi disponibbli, kemm kwantitattivi kif ukoll dawk aktar kwalitattivi, espliċitament intiżi biex jipprovdu informazzjoni dwar aspett mhux ekonomiku tal-politiki kummerċjali kkonċernati, bħall-impatt fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-sigurtà tal-provvista tal-ikel u s-sikurezza alimentari. B’mod partikolari, l-approċċi aktar ekoloġiċi, bħall-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, il-marka tal-karbonju, l-effett fuq il-bijodiversità, jistħoqqilhom jiġu żviluppati aktar. Dimensjoni oħra hija l-użu ta’ metodi kwalitattivi biex jiġu evalwati l-konsegwenzi soċjali fis-setturi mmirati f’termini ta’ impjieg u ta’ xogħol deċenti.

4.4   F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha titlob b’mod espliċitu għal speċjalisti fi kwistjonijiet soċjali u/jew ambjentali fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħiet għall-offerti. Huwa rrakkomandat bis-sħiħ li jiġu involuti aktar l-esperti tal-pajjiżi msieħba u dawk tal-ILO, tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u tal-FAO jekk ikun hemm bżonn, b’mod partikolari fil-każ tal-ekonomiji bi proporzjon kbir ta’ attività informali. Barra minn hekk, il-konsulenti għandhom iwettqu analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-professjonijiet liberali legali u mediċi biex jipprovdu informazzjoni dwar il-protezzjoni legali tal-interessi tagħhom u tal-integrità fiżika tagħhom.

4.5   L-impatt intra-Ewropew m’għandux jitħalla barra speċjalment fil-VIS li jikkonċernaw l-imsieħba strateġiċi, b’mod partikolari fil-qasam tal-impjieg u tar-ristrutturar. F’dan il-qasam l-involviment tal-imsieħba soċjali huwa essenzjali anke biex jiġu indirizzati tensjonijiet possibbli bejn l-objettivi soċjali u ambjentali fid-dawl ta’ tranżizzjoni ġusta u ta’ tkabbir ekoloġiku u inklużiv. Għandha titfittex b’mod sistematiku informazzjoni settorjali minn fost il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali u l-kumitati Ewropej ta’ djalogu soċjali settorjali li jqiegħdu l-iskambji kummerċjali fl-aġenda tagħhom. Id-diskussjonijiet diretti mal-imsieħba soċjali jagħtu leġittimità akbar lir-riżultati tal-istudju tal-impatt.

4.6   Barra minn hekk, l-impenji volontarji u/jew negozjati ta’ responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji ta’ kumpaniji multinazzjonali kif ukoll il-ftehimiet qafas internazzjonali progressivament għandhom isiru elementi ta’ informazzjoni għall-VIS.

4.7   Ir-riżorsi finanzjarji u umani ddedikati għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-pajjiżi msieħba (għarfien espert b’mod partikolari ambjentali u soċjali, mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni) huma kruċjali għall-kwalità tal-VIS u l-bidu tal-grupp ta’ segwitu. Il-koordinazzjoni f’dan il-qasam bejn id-DĠ għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni u d-DĠ għall-Kummerċ għandha tissaħħaħ u tiġi żviluppata biex tiġi kkunsidrata l-programmazzjoni tas-Servizz Ewropew il-ġdid għall-Azzjoni Esterna.

4.8   L-impatt tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles fuq il-pajjiżi li mhumiex fil-ftehim kummerċjali jew fuq ir-reġjuni l-aktar imbiegħda għandu jiġi integrat b’mod gradwali mal-kontribut tal-esperti lokali u tas-soċjetà ċivili bil-għan li jiġu valutati l-konsegwenzi ekoloġiċi u soċjali tal-bidla fil-flussi kummerċjali.

4.9   Dan l-approċċ ta’ dijanjosi utli għan-negozjaturi kif ukoll għal assessuri futuri għandu jissarraf f’reviżjoni tal-gwida prattika tal-VIS imfassla mill-Kummissjoni fl-2006 (6) billi l-esperti tad-DĠ għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni, id-DĠ għall-Impjieg, id-DĠ għall-Ambjent, id-DĠ għall-Klima u d-DĠ SANCO jiġu involuti ħafna f’din ir-reviżjoni kif ukoll fl-implimentazzjoni tagħha.

5.   Ir-reviżjoni tal-proċess għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili

5.1   Ħafna minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet jindirizzaw ix-xewqat ta’ dawk li kkontribwixxew għall-konsultazzjoni pubblika li tnediet mid-DĠ għall-Kummerċ fl-2010 dwar il-politika kummerċjali l-ġdida u li esprimew kritika matul din il-konsultazzjoni. Bl-istess mod kif il-VIS għandhom jiddaħħlu f’ċiklu koerenti ta’ valutazzjoni tal-politiki, il-konsultazzjoni għandha tiġi riveduta b’mod dinamiku, bħal proċess adatt għall-fażijiet differenti taċ-ċiklu, u għandha tiġi bbażata fuq għadd ta’ prattiki tajbin.

5.2   Fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet istituzzjonali, il-KESE jista’ jinvolvi ruħu aktar minn stadju bikri fit-tfassil ta’ VIS partikolari, billi jfassal opinjoni dwar l-għażla tal-indikaturi soċjali jew ambjentali, jidentifika miżuri ta’ appoġġ kif ukoll billi jipproponi l-aktar mekkaniżmi adatti ta’ konsultazzjoni.

5.3   Fl-“analiżi tal-konsegwenzi” li għandha titressaq lill-Parlament Ewropew, is-soċjetà ċivili tistenna li l-Kummissjoni tinnota l-mod kif il-konklużjonijiet tal-VIS ġew integrati min-negozjaturi u l-modifiki li saru f’ċerti kapitoli biex jiġu evitati l-problemi identifikati.

5.4   Jeħtieġ li l-istudju inizjali jiddaħħal f’sistema ta’ segwitu u ta’ valutazzjoni minn kmieni (sentejn sa tliet snin) biex, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili, ikunu jistgħu jiġu speċifikati u, jekk ikun hemm il-bżonn, riveduti l-impatti osservati, kif ukoll jiġu identifikati riskji ġodda. Is-segwitu u l-valutazzjoni għandhom jiffokaw fuq ir-riskji u t-tibdil tar-riskji maż-żmien kif ukoll fuq l-effikaċja tal-miżuri ta’ appoġġ.

5.5   Għall-finijiet ta’ ċiklu ġdid ta’ valutazzjoni li jkopri l-VIS, il-KESE għandu disponibbli netwerk ta’ relazzjonijiet stabbiliti ma’ partijiet kbar tas-soċjetà ċivili f’pajjiżi terzi. Għaldaqstant jista’ jaqdi rwol ta’ intermedjarju għall-konsultazzjonijiet. Diġà kiseb esperjenza f’ċerti fażijiet tan-negozjati biex jorganizza djalogu mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi msieħba.

5.6   Dawn il-gruppi ġeografiċi permanenti tal-KESE għall-iskambju mas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi terzi jikkostitwixxu għodda ewlenija biex flimkien mal-partijiet kollha tas-soċjetà ċivili, jistabbilixxu l-pedamenti tal-kumitati ta’ segwitu tal-ftehimiet. Bl-esperjenza tagħhom fil-qasam tad-djalogu u l-konfrontazzjonijiet dwar aspetti differenti ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni jew ta’ sħubija, dawn il-korpi ta’ ħidma tal-KESE jsiru fora privileġġati għad-dibatittu dwar il-bilanċi miksuba fil-ftehimiet kummerċjali. Kull struttura konġunta tipprovdi bażi ġeografika ta’ għarfien espert prattiku dwar ir-rabtiet empiriċi bejn il-kummerċ internazzjonali u l-iżvilupp sostenibbli.

5.7   Il-mekkaniżmu ta’ segwitu fil-ftehim tal-CARIFORUM huwa risposta għall-monitoraġġ tal-ftehim kollu permezz ta’ analiżi konġunta mis-soċjetajiet ċivili dwar l-applikazzjoni tiegħu. Fil-każ tal-Korea t’Isfel dan jagħmilha possibbli li jiġi mmonitorjat il-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehim. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi ta’ segwitu tikkostitwixxi lieva deċiżiva għall-kredibbiltà tal-impenji Ewropej fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. Il-validità sussegwenti tal-monitoraġġ u l-fiduċja tal-partiti fil-proċess konsultattiv ser jiddependu mill-kwalità tal-VIS. Din hija r-raġuni għalfejn il-KESE jtenni l-interess tiegħu fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ kumitat ta’ segwitu fil-ftehimiet kummerċjali kollha.

5.8   Il-KESE jappoġġa l-approċċ kooperattiv tad-DĠ għall-Kummerċ bil-għan li f’kull ftehim jinkludi kapitolu dwar “żvilupp sostenibbli” b’impenji soċjali u ambjentali. Il-VIS għandu sehem f’dan l-approċċ ta’ inċentiv billi jindika b’mod empiriku u prattiku l-opportunitajiet offerti mill-kummerċ f’dan il-qasam, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tranżitorji jew il-miżuri ta’ aġġustament, ta’ kumpens jew ta’ salvagwardja meħtieġa bil-għan li jiġu evitati jew jitnaqqsu r-riskji soċjali u ambjentali b’konfomità mal-impenji tal-ftehim.

5.9   Bħala l-fus tas-segwitu tal-Ftehim tal-CARIFORUM, il-KESE ser jaħdem abbażi tar-rabtiet mas-soċjetà ċivili li ġew żviluppati minn qabel. Ser joħloq ukoll sħubija mas-soċjetà ċivili tal-Korea t’Isfel biex jissokta bil-monitoraġġ tal-mekkaniżmi ta’ segwitu li għandhom jiġu implimentati. Bil-għan li jirrevedi l-proċess parteċipattiv, jeħtieġ li jinsiltu tagħlimiet mill-ewwel valutazzjoni ex post tal-ftehim maċ-Ċili.

Brussell, 5 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010) 612 tad-9.11.2010.

(2)  DG Trade Civil Society Dialogue. Report of activities 2010. (Rapport ta’ attivitajiet 2010 tad-DĠ għall-Kummerċ dwar id-djalogu mas-soċjetà ċivili), (mhux disponibbli bil-Malti), http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2010/february/tradoc_145785.pdf

(3)  Rapport finali 2010 dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar il-politika kummerċjali ġdida tal-Unjoni Ewropea. http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2010/september/tradoc_146556.pdf

(4)  Anne Chetaille (2005). Les études d’impact des accords commerciaux sur le développement durable: bilan et perspectives. (Il-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ ftehimiet kummerċjali dwar l-iżvilupp sostenibbli: sinteżi u perspettivi). Gret, Pariġi.

Ruddy u Hilty (2007). Impact assessment and policy learning in the European Commission. (Valutazzjoni tal-impatt u tagħlim ta’ politika fil-Kummissjoni Ewropea). Sciencedirect.

Pascal Gabriel (2008). Problématiques environnementales, emploi et cohésion sociale. Un examen des développements politiques au niveau international. (Kwistjonijiet ambjentali, relatati max-xogħol u l-koeżjoni soċjali. Analiżi tal-iżviluppi politiċi fil-livell internazzjonali). Syndex/DĠ għall-Impjieg.

Ekins u Voituriez (2009). Trade, Globalisation and Sustainability Impact Assessment. (Kummerċ, Globalizzazzjoni u Valutazzjoni tal-Impatt Sostenibbli). Earthscan, Londra.

(5)  Rapport ta’ informazzjoni, Xogħol deċenti u żvilupp sostenibbli fil-Mediterran, KESE, Settembru 2010.

(6)  Gwida prattika dwar il-VIS, DĠ għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2006/march/tradoc_127974.pdf


Top