EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0804

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-politika tal-familja fil-proċess tat-tibdil demografiku: skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri” (opinjoni esploratorja)

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 7–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-politika tal-familja fil-proċess tat-tibdil demografiku: skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri”

(opinjoni esploratorja)

2011/C 218/02

Relatur ġenerali: is-Sur BUFFETAUT

Korelatur ġenerali: is-Sinjura OUIN

F'ittra datata l-15 ta’ Novembru 2010, is-Sur Péter GYÖRKÖS, Ambaxxatur, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f'isem il-Presidenza Ungeriża u b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jfassal opinjoni esploratorja dwar

Ir-rwol tal-politika tal-familja fil-proċess tat-tibdil demografiku: skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri.

Fis-7 ta’ Diċembru 2010, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett (relatur: is-Sur BUFFETAUT, korelatur: is-Sinjura OUIN).

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu tal-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-4 ta’ Mejju), li jaħtar lis-Sur Stéphane BUFFETAUT bħala relatur ġenerali u lis-Sinjura Béatrice OUIN bħala korelatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b'183 vot favur, 3 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-politiki tal-familja fl-Ewropa għandhom bażi u kontenut differenti, iżda għandhom għan komuni: l-appoġġ tal-familji. Il-politiki nazzjonali u reġjonali iktar ġenerali, il-politiki tal-investiment u tat-taħriġ, tad-djar u tax-xogħol jistgħu jagħmlu Stat Membru jew reġjun territorju attraenti għall-familji u jikkostitwixxu ambjent favorevoli għalihom.

1.2

It-tqabbil tas-sistemi eżistenti huwa interessanti għax jippermetti l-identifikazzjoni ta’ prattiki tajba iżda, biex ikun effettiv bis-sħiħ, jeħtieġ li l-offerta tas-servizzi u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ jissodisfaw l-istennijiet tal-familji u tal-ġenituri jew tal-ġenituri futuri. Dawn l-istennijiet jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor skont il-kultura nazzjonali, it-tradizzjonijiet u d-drawwiet soċjali. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-awtoritjiet pubbliċi jevitaw suppożizzjonijiet ideoloġiċi u jipproponu miżuri li verament jagħtu lill-individwi l-opportunità li jibnu familja u li jkollhom l-ammont ta’ tfal li jixtiequ.

1.3

Għad li l-politiki tal-familja ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea, hija tista' tilleġisla fl-oqsma li jikkonċernaw il-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol, l-ugwaljanza fix-xogħol bejn l-irġiel u n-nisa, u l-ħarsien u l-iżvilupp tat-tfal.

1.4

L-UE tista' taqdi rwol utli wkoll fir-rigward tal-għarfien dwar is-sitwazzjonijiet u t-tibdil tad-demografija u l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri.

1.5

Illum il-ġurnata, għadd ta’ inizjattivi u finanzjamenti relatati qed jiġu żviluppati taħt it-tmexxija tal-Unjoni Ewropea u l-fondi strutturali jew il-Fond Soċjali Ewropew jistgħu u diġà qed jappoġġjaw il-politiki favur il-familji.

1.6

Ikun opportun li dawn l-inizjattivi jiġu integrati aħjar u li jitqiegħdu taħt l-awtorità, jew tal-anqas taħt il-koordinazzjoni, ta’ korp inkarigat li jiddefinixxi politika ġenerali u li jiddetermina l-prijoritajiet għall-azzjoni u r-riċerka. Dan ir-rwol ta’ kunduttur u ta’ koordinatur jista' jinqasam bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-iktar bis-saħħa tal-Alleanza Ewropea għall-Familji, għall-aspetti ta’ natura aktar politika u ta’ ġestjoni, u l-Eurofound għall-aspetti aktar xjentifiċi.

1.7

Tkun ħaġa tajba li l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-familji jiġu involuti fit-tfassil tal-politiki tal-familja jew li għandhom impatt fuq il-familji, kemm fil-livell tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri.

1.8

Il-biċċa l-kbira tal-politiki fil-livell Ewropew għandhom impatt dirett fuq il-ħajja tal-familji. F'dawn il-kundizzjonijiet, il-KESE jirrakkomanda li d-dimensjoni tal-familja tiġi integrata b'mod trasversali fil-politiki Ewropej kollha, b'mod partikolari fit-twettiq tal-istudji tal-impatt li issa huma neċessarji għal kwalunkwe leġislazzjoni Ewropea (1), u integrata f'kull valutazzjoni tal-politiki eżistenti li jridu jiġu riveduti.

1.9

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-idea li l-2014 tkun is-Sena Ewropea tal-Familji.

2.   Introduzzjoni: is-sitwazzjoni demografika attwali

2.1

Il-familji Ewropej għaddejjin minn perjodu ta’ tibdil sħiħ: rata tat-twelid ferm aktar baxxa mir-rata tat-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet għal bosta għexieren ta’ snin (2), nisa li jkollhom l-ewwel tarbija aktar tard f'ħajjithom, żieda fir-rata ta’ separazzjonijiet, żieda fil-persentaġġ ta’ familji b'ġenitur wieħed u familji mingħajr sors ta’ dħul stabbli, żieda fl-istennija tal-ħajja li tfisser ukoll żieda fl-għadd ta’ anzjani dipendenti, l-iktar minħabba l-wirt demografiku. L-evoluzzjoni tal-istrutturi tal-familja qajmet sfidi ġodda li jridu jiġu kkunsidrati fit-tfassil u l-koordinazzjoni tal-politiki tal-familja, u mbagħad fl-implimentazzjoni tagħhom.

2.2

Il-bidla minn familja estiża lejn familja “nukleari”, fost raġunijiet oħra, minħabba l-urbanizzazzjoni u t-tibdil fl-istil tal-ħajja, seħħet flimkien mal-fatt li feġġu gruppi soċjali ġodda li jinsabu f'riskju akbar ta’ esklużjoni soċjali iktar frekwenti. Dawn jinkludu l-persuni qiegħda għal perjodu twil ta’ żmien, il-familji b'ġenitur wieħed, il-ħaddiema foqra u t-tfal foqra jew mhedda mill-faqar. Sfortunatament, dawn il-fenomeni jolqtu lis-soċjetajiet kollha fl-Ewropa. Huwa stmat li 17 % tal-Ewropej huma milquta mill-faqar u l-esklużjoni soċjali u dan għandu impatt fuq il-politiki tal-familja.

2.3

Għalkemm ir-rata tat-twelid hija inqas mir-rata ta’ tiġdid tal-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha, jeżistu differenzi kemm fil-livell tas-sitwazzjoni demografika tal-Istati Membri u d-diversi reġjuni tagħhom, kif ukoll fil-politiki tal-familja. Ta' min jinnota wkoll li d-densità demografika stess tvarja sew f'kull Stat Membru, ċerti reġjuni għandhom densità ta’ popolazzjoni kbira filwaqt li oħrajn huma abbandunati, u b'hekk tinħoloq il-kwistjoni tal-ġestjoni tat-territorju u taż-żamma tas-servizzi pubbliċi, inklużi dawk għall-familji. Għalhekk, il-motto tal-Unjoni Ewropea, “magħqudin fid-diversità”, huwa partikolarment iġġustifikat f'dan ir-rigward. It-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea, jiġifieri ż-żieda fil-proporzjon ta’ anzjani, għandu aspett pożittiv: żieda fl-istennija tal-ħajja u tal-ħajja b'saħħitha għall-anzjani. Għandu wkoll aspett negattiv: it-tnaqqis qawwi fir-rata tat-twelid li jwassal għal sitwazzjoni fejn mhux qed ikun hemm tiġdid tal-popolazzjoni.

2.4

L-ebda Stat Membru ma laħaq ir-rata ta’ tiġdid tal-popolazzjoni (3), għalkemm tnejn minnhom, Franza u l-Irlanda, mhumiex wisq'il bogħod. Ir-rata tat-twelid tal-Istati Uniti tal-Amerika kważi laħqet din ir-rata ta’ tiġdid tal-popolazzjoni filwaqt li r-rata tat-twelid tal-Ewropa hija madwar kwart inqas.

2.5

F'dan il-qafas ġenerali, hemm differenzi kbar. Fi tmintax-il Stat Membru hemm żieda naturali, jiġifieri r-rata tat-twelid tisboq ir-rata tal-imwiet, filwaqt li f'disa' Stati Membri hemm tnaqqis naturali, jiġifieri r-rata tal-imwiet tisboq ir-rata tat-twelid (f'ordni axxendenti: il-Portugall, l-Estonja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Ġermanja).

2.6

Kwalunkwe tibdil f'din it-tendenza jiddependi l-iktar minn titjib nett fir-rata ġenerali tat-twelid (total fertility rate). Il-flussi tal-migrazzjoni jista' jkollhom impatt ukoll però dan mhuwiex biżżejjed għaliex l-immigranti mhux bilfors jibqgħu jgħixu fejn ir-rata tat-twelid tkun iktar baxxa u dawn jixjieħu wkoll. Barra minn hekk, l-immigrazzjoni tirrikjedi politiki attivi ta’ integrazzjoni biex jiġu evitati problemi ta’ koabitazzjoni bejn il-komunitajiet, problemi li jinħassu aktar f'pajjiżi ospitanti b'dinamika demografika dgħajfa.

3.   L-impatt tal-kriżi fuq il-familji

3.1

Il-kriżi ekonomika kellha sensiela ta’ effetti li laqtu l-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ ċerti familji u għamluha aktar diffiċli li jiġu indirizzati t-talbiet għal appoġġ li kienu neċessarji. Is-sitwazzjoni ekonomika laqtet l-ewwel nett l-impjiegi u r-riżorsi ta’ bosta familji.

3.2

Din il-kriżi u s-sitwazzjoni kritika tal-finanzi pubbliċi f'għadd ta’ Stati Membri jistgħu jwasslu wkoll biex il-gvernijiet ibiddlu jew jipposponu l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-politiki tal-familja.

3.3

Il-maġġoranza tal-politiki tal-intern tal-Istati Membri jikkonċernaw direttament lill-familji jew għandhom impatt fuqhom. Dawn jinkludu l-politiki tal-ġlieda kontra l-esklużjoni, il-politiki tat-taħriġ, tad-djar, tat-trasport pubbliku, tal-enerġija, tal-assistenza soċjali, l-edukazzjoni, l-impjieg, eċċ. Dan joħroġ fid-dieher il-ħtieġa li jkun hemm segwitu trasversali ta’ dawn il-politiki mil-lat tal-impatt tagħhom fuq il-familji (family main-streaming) (4).

4.   Politiki favur tipi differenti ta’ familji

4.1

Politika tal-familja komprensiva tinkludi miżuri fiskali u benefiċċji għall-familji, azzjonijiet favur l-ugwaljanza fix-xogħol bejn l-irġiel u n-nisa, is-servizzi ta’ akkoljenza u appoġġ għat-tfal u l-persuni dipendenti oħra, id-drittijiet tal-familja fis-sistemi tal-assigurazzjoni għat-tixjiħ u l-possibbiltà tal-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol, bħal-leave tal-ġenituri, u l-għażla ta’ xogħol part-time. Il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea għandhom politiki bħal dawn għalkemm l-enfasi fuq aspett jew ieħor tista' tvarja bejn il-pajjiżi u dawn il-politiki jistgħu jkunu maħsuba aktar bħala politiki soċjali milli bħala politiki tal-familja. Din id-diversità mhijiex sorprendenti peress li t-tradizzjonijiet, il-bżonnijet u l-approċċi soċjali u saħansitra filosofiċi jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, bħalma jvarjaw l-istennijiet tal-familji.

4.2

Il-motivazzjoni għal dawn il-politiki tvarja wkoll: xi kultant tkun ta’ natura morali u ċivika, u f'xi każijiet tkun aktar ekonomika jew politika, filwaqt li f'każijiet oħra dawn il-politiki jkunu intiżi biex iżidu r-rata tat-twelid. Tkun xi tkun il-motivazzjoni, il-benesseri morali, tas-saħħa u edukattiva tat-tfal huwa element kruċjali bħalma huwa l-fatt li l-ġenituri jkunu jistgħu jrabbu l-għadd ta’ tfal li jixtiequ u jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet tal-familja tagħhom mal-ħajja tax-xogħol u l-ħajja soċjali tagħhom.

4.3

Il-pajjiżi Skandinavi ilhom mis-snin 1970 jagħtu attenzjoni partikolari lill-ugwaljanza bejn il-missirijiet u l-ommijiet kemm fil-ħajja tax-xogħol tagħhom kif ukoll fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħhom fid-dar u introduċew politiki soċjali u ta’ taħriġ vokazzjonali li jippermettu bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja u jagħmluha faċli għall-ġenituri biex jerġgħu lura għax-xogħol wara perjodu ta’ leave tal-ġenituri. Fl-Isvezja, dawn il-politiki kienu bbażati fuq riformi importanti fil-qasam tal-leave tal-ġenituri, tas-servizzi pubbliċi tal-kura għat-tfal, tal-miżuri fiskali speċifiċi għall-familji (it-tneħħija tat-taxxa konġunta fl-1971) u tal-liġi tal-familja. Il-politika tal-familja li ġiet introdotta għandha tliet dimensjonijiet: għajnuna diretta għall-familji, għajnuna għall-ġenituri li jaħdmu fil-forma ta’ leave tal-ġenituri mħallas, u l-qsim tad-dritt għal leave tal-ġenituri mħallas bejn il-missier u l-omm. Dan wassal għal livell għoli ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol, parteċipazzjoni akbar min-naħa tal-missirijiet fil-kura tat-tfal iż-żgħar, rati tat-twelid relattivament ogħla mill-medja u tnaqqis tal-faqar fost it-tfal. Fl-1988, il-Finlandja introduċiet benefiċċju għal dawk li jieħdu ħsieb it-tfal id-dar. Fl-1998, in-Norveġja introduċiet benefiċċju simili bil-għan li l-ġenituri li jrabbu t-tfal tagħhom mingħajr ma jaħdmu jingħataw rikonoxximent u xi riżorsi.

4.4

Fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-aspett fundamentali huwa ż-żieda fix-xogħol part-time biex jiġi allokat aktar ħin għat-trobbija tat-tfal; din il-possibbiltà intużat mill-missirijiet aktar minn bnadi oħra. Madankollu, 73,2 % tal-irġiel għandhom impjieg full-time meta mqabbel ma’ 45,9 % tan-nisa. 19 % tal-missirijiet jagħżlu li jużaw il-possibbiltà tal-part-time, persentaġġ li huwa ħafna ogħla meta mqabbel mal-bqija tal-Ewropa, filwaqt li l-persentaġġ fost l-ommijiet huwa ta’ 41 %. Din il-possibbiltà tista' tintuża sakemm it-tfal jagħlqu tmien snin u hija akkumpanjata wkoll minn tnaqqis tat-taxxa ta’ EUR 704 fix-xahar. Id-dritt għal-leave huwa 26 darba iktar min-numru ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa, għal kull tifel/tifla, u huwa kumulattiv. Għaldaqstant, is-servizzi ta’ kura tat-tfal jistgħu jintużaw fuq bażi part-time.

4.5

Fi Franza, il-politika tal-familja ilha teżisti ħafna u baqgħet stabbli ħafna maż-żmien, irrispettivament minn liema partit politiku jkun fil-gvern, u tinkludi benefiċċji finanzjarji għall-familji, sistema fiskali ekwitabbli għall-familji, dispożizzjonijiet fis-sistemi tal-irtirar, fil-liġi tax-xogħol li tistabbilixxi tipi speċifiċi ta’ leave mħallas, sistema ta’ kura tat-tfal sal-età ta’ tliet snin u nurseries bla ħlas minn tliet snin'il fuq. L-importanza tagħha tintwera billi jittieħed impenn kemm mill-Istat kif ukoll mid-dipartimenti u l-bliet, irrispettivament mit-tendenzi politiċi tagħhom. Id-dipartimenti u l-bliet jikkomplementaw il-politika nazzjonali permezz ta’ bosta politiki lokali tal-familja, ibbażati fuq is-sistema ta’ kura jew għajnuna għall-familji. Il-benefiċċji tal-familji huma intiżi bħala kumpens għall-piż li jġarrbu l-familji għal kull tifel/tifla u jiffavorixxu l-familji b'ħafna tfal. B'konformità mal-prinċipju ta’ universalità, l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji ma jiddependix mill-mezzi tal-familji. Huma mmirati lejn it-tfal u huwa dan li jiddistingwi politika tal-familja minn politika soċjali. B'riżultat ta’ dan, Franza hija wieħed mill-pajjiżi Ewropej bl-ogħla rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u bl-ogħla rata tat-twelid. Il-kwistjoni tal-libertà tal-għażla tal-kura tat-tfal hija essenzjali fil-politika tal-familja Franċiża iżda biex ikun hemm libertà tal-għażla l-ewwel u qabel kollox irid ikun hemm għażla, jiġifieri provvista biżżejjed ta’ forom differenti ta’ kura.

4.6

Fir-Renju Unit, il-politiki huma aktar iffokati, b'mod effettiv, fuq il-ġlieda kontra l-faqar fost il-familji u t-tfal u b'mod ġenerali huwa aċċettat li l-Istat ma jindaħalx fl-għażliet tal-ħajja personali. Dawn il-politiki jidħlu f'kuntest fejn il-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol tippermetti li l-ommijiet jerġgħu jsibu xogħol, mingħajr diffikultajiet kbar, u tagħmilha wkoll possibbli li jiġu indirizzati l-istennijiet eteroġenei ħafna tal-familji. Fost in-nisa li huma aktar iffokati fuq il-ħajja tal-familja, ir-rata tat-twelid hija madwar id-doppju tar-rata fost in-nisa li huma aktar involuti fil-ħajja tax-xogħol.

4.7

Il-Ġermanja, li qed tiffaċċja sitwazzjoni demografika kritika, nediet politika ambizzjuża ftit tas-snin ilu biex jintlaħaq bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja fil-prattika u fl-ispirtu għax ma kenitx meqjusa bħala ħaġa tajba li taħdem meta jkollok it-tfal. Ġew implimentati kemm sistemi ta’ kura iktar żviluppati bi skedi adattati, kif ukoll leave għall-ġenituri ta’ erbatax-il xahar imħallsa b'iktar minn żewġ livelli tas-salarju. Dawn il-miżuri kienu akkumpanjati minn għajnuniet speċifiċi u mmirati għall-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal billi jikkomplementaw id-dħul.

4.8

Fi kwalunkwe każ, minn studji li twettqu joħroġ ċar li rata għolja ta’ nisa fis-suq tax-xogħol sikwit timxi id f'id ma’ rata tat-twelid għolja jew relattivament għolja meta jiġu offruti possibbiltajiet ta’ bilanċjar bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja. Jidher li wara perjodu ta’ transizzjoni demografika, fejn ir-rati ta’ mortalità – l-iktar fost it-tfal, it-tfal-adoloxxenti u l-ommijiet – tbaxxew sew u l-imġiba iġjenika marret għall-aħjar, u iktar nies setgħu jagħżlu meta jkollhom it-tfal, il-perjodu posttransizzjonali huwa karatterizzat miż-żewġ ġenituri li jaħdmu barra mid-dar. Madankollu, ir-rata tal-impjieg full-time fost il-missirijiet hija ogħla minn dik fost in-nisa, b'mod partikolari meta l-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-servizzi u l-leave tal-ġenituri mħallas ma jkunux sodisfaċenti.

5.   Xenarji differenti

5.1

Fis-sitwazzjoni demografika attwali tal-Unjoni Ewropea, huwa importanti ħafna li jiġi identifikat l-impatt tal-politiki implimentati fuq ir-rata tat-twelid. Fil-fatt, bħalissa jeżistu bosta xenarji tat-tibdil demografiku.

5.2

L-ewwel xenarju jikkonsisti f'bidla abbażi tat-tendenzi attwali. L-Unjoni Ewropea ser tibqa' f'sitwazzjoni b'rata tat-twelid inqas mir-rata tat-tiġdid tal-popolazzjoni u b'inugwaljanza bejn Stat Membru u ieħor, iżda ser ikun hemm żieda żgħira fil-popolazzjoni minħabba l-effetti tal-inerzja demografika, effetti li madankollu mhux ser ikunu ċari, apparti miż-żieda fl-istennija tat-tul tal-ħajja tal-anzjani u apparti minn bilanċ pożittiv tal-migrazzjoni. F'każ bħal dan, l-UE tista' tesperjenza tixjiħ qawwi tal-popolazzjoni minkejja l-immigrazzjoni (“effett strutturali”), żieda qawwija fl-għadd ta’ anzjani, l-hekk imsejjaħ “tkabbir ġerontoloġiku” (effetti ta’ “tendenza”), flimkien ma’ tnaqqis potenzjali fil-forza tax-xogħol minkejja ż-żieda fl-età tal-irtirar. Barra minn hekk, madwar nofs il-pajjiżi Ewropej jistgħu jesperjenzaw tnaqqis fil-popolazzjoni.

5.3

Din is-sitwazzjoni tista' twassal biex tkabbar id-disparitajiet demografiċi kbar bejn l-Istati Membri u hemm il-periklu li ddgħajjef il-koeżjoni tal-Unjoni Ewropea peress li l-politiki li jridu jiġi implimentati u l-bżonnijiet tal-popolazzjoni jistgħu jkunu differenti ħafna minn pajjiż għal ieħor minħabba l-karatteristiċi demografiċi tagħhom.

5.4

Ix-xenarju “katastrofiku” huwa dak fejn ix-xitwa demografika ssir iktar ħarxa, b'rata tat-twelid li tkun ġeneralment iktar baxxa mir-rata tal-imwiet! F'dan il-każ, ser takkumula rata qawwija ħafna tat-tixjiħ, minħabba rata baxxa ħafna tat-twelid, li tkun inqas minn nofs il-limitu ta’ tiġdid tal-popolazzjoni, rata tat-twelid diġà inċerta f'ċerti reġjuni tal-Unjoni Ewropew u forsi tixjiħ minħabba ż-żieda fl-istennija tal-ħajja'l fuq minn 65 sena. Din is-soċjetà daqshekk imxejħa ma jibqgħalhiex il-mezzi biex tiżgura l-finanzjament tad-dħul u l-kura tas-saħħa meħtieġa għall-anzjani.

5.5

Dawn iż-żewġ elementi tax-xenarju “katastrofiku” jwasslu biex iż-żgħażagħ kwalifikati jemigraw u jħallu Unjoni Ewropea li qed tixjieħ biex imorru lejn pajjiżi aktar intraprenditorjali u jwasslu wkoll għal tnaqqis fl-immigrazzjoni. B'hekk, l-Ewropa ssir anqas attraenti għax tkun anqas dinamika, ifqar u jkollha tiffaċċja diffikultajiet baġitarji kbar kif ukoll diffikultajiet biex issib bilanċ tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

5.6

Ir-riżultat ta’ sitwazzjoni bħal din ikun li l-Unjoni Ewropea jkollha piramida tal-età tal-popolazzjoni żbilanċjata sew, b'ħafna iktar anzjani milli żgħażagħ u b'popolazzjoni attiva li tkun qed tonqos b'rata mgħaġġla u li tkun qed tixjieħ.

5.7

Fl-aħħar nett, it-tielet xenarju, li huwa aktar feliċi, huwa t-tiġdid demografiku, l-hekk imsejħa “rebbiegħa demografika”. F'dan il-każ, ir-rata tat-twelid terġa' tiżdied biex kważi tilħaq ir-rata sempliċi ta’ tiġdid. Iż-żieda fir-rata tat-twelid tixpruna għadd ta’ setturi ekonomiċi. B'hekk, il-popolazzjoni attiva, li kienet qed tonqos, terġa' tibda tiżdied fil-ġenerazzjoni ta’ wara. Din id-dinamika demografika tissarraf f'dinamika ekonomika li tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-protezzjoni soċjali. L-Unjoni Ewropea terġa' ssir attraenti għaċ-ċittadini tagħha li ma jibqgħux imħajra jemigraw u ssir attraenti għall-immigranti kkwalifikati.

5.8

Naturalment, dawn ix-xenarji mhumiex previżjonijiet iżda sempliċi ipotesijiet li jippermettu t-tfassil ta’ politiki adatti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali u jiġi evitat l-agħar xenarju possibbli.

6.   Il-politiki favur il-familji jistgħu jispjegaw id-differenzi fir-rati tat-twelid?

6.1

L-Istati Membri kollha għandhom sensiela ta’ politiki li, flimkien, jagħmlu politika tal-familja li tista' tkun espliċitament msemmija hekk jew le (5). Il-politiki għandhom objettivi differenti:

it-tnaqqis tal-faqar u ż-żamma tad-dħul tal-familji;

appoġġ fl-ewwel snin tat-tfulija u għall-iżvilupp tat-tfal;

il-promozzjoni tal-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja;

li jindirizzaw il-bżonn tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

li jagħmluha possibbli li l-ġenituri jew il-ġenituri futuri jkollhom l-ammont ta’ tfal li jixtiequ u meta jixtiquhom u b'hekk tiżdied ir-rata tat-twelid.

6.2

Jekk irridu nikklassifikaw il-pajjiżi abbażi tal-politiki tagħhom u niddefinixxu l-kategoriji, nistgħu ngħidu li hemm:

pajjiżi b'politika tal-familja dgħajfa u fejn ir-rata tat-twelid hija anqas mill-medja Ewropea;

pajjiżi b'politika tal-familja mhux adattata għall-bżonnijiet tal-familji u fejn ir-rata tat-twelid hija anqas mill-medja Ewropea;

pajjiżi fejn l-appoġġ għall-familji f'termini ta’ PDG jidher anqas jew daqs il-medja tal-Unjoni Ewropea iżda fejn madankollu r-rata tat-twelid hija ogħla mill-medja;

pajjiżi b'politika tal-familja b'saħħitha u fejn ir-rata tat-twelid hija ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea (6).

Għaldaqstant, jidher li dawn il-politiki għandhom effett fuq ir-rata tat-twelid li tvarja skont l-elementi li fuqhom huma bbażati dawn il-politiki.

6.3

It-tqabbil tal-politiki tal-familja huwa interessanti għax jippermetti l-identifikazzjoni ta’ prattiki tajba iżda, biex ikun effettiv bis-sħiħ, jeħtieġ li l-offerta tas-servizzi u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ, b'mod partikolari finanzjarju u/jew fiskali, tissodisfa l-istennijiet tal-familji u tal-ġenituri jew tal-ġenituri futuri. Dawn l-istennijiet jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor skont il-kultura nazzjonali, it-tradizzjonijiet u d-drawwiet soċjali. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-awtoritjiet pubbliċi jevitaw is-suppożizzjonijiet ideoloġiċi u jipproponu miżuri li verament jagħtu lill-individwi l-opportunità li jibnu familja u li jkollhom l-ammont ta’ tfal li jixtiequ. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu adattati wkoll għad-diversi popolazzjonijiet skont it-territorji. Minn din l-informazzjoni u fil-kuntest ta’ dawn id-differenzi, isir possibbli li tiġi żviluppata sistema ta’ informazzjoni u ta’ skambju tal-aħjar prattiki. Min-naħa l-oħra, l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi huwa ġġustifikat għalkollox għax il-familja, fejn jinħoloq il-kapital uman (7), tikkostitwixxi l-bażi fundamentali tan-nisġa soċjali. Dan ħareġ fid-dieher matul il-kriżi, fejn il-familja sikwit qdiet rwol biex ittaffi l-problemi soċjali.

7.   L-elementi ewlenin li jiddeterminaw is-suċċess tal-politiki tal-familja

7.1

Il-politiki favur il-familji jvarjaw però dawk il-politiki li jirnexxu għandhom punti komuni, fosthom:

l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jippermettu li jinstab bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-ħajja tal-familja (bħal pereżempju akkoljenza ta’ kwalità għat-tfal, b'mod partikolari l-infrastruttura pubblika għall-kura tat-tfal iż-żgħar, il-flessibbiltà fl-organizzazzjoni tax-xogħol, leave speċifiku), fid-dawl tal-fatt li dawn il-miżuri għandhom jiġu adattati għall-kundizzjonijiet nazzjonali u għandhom jissodisfaw l-istennijiet tal-missirijiet u l-ommijiet kif ukoll il-bżonnijiet emozzjonali, psikoloġiċi u fiżiċi tat-tfal;

il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar fost il-familji;

il-fatt li l-politiki jiġu implimentati fil-perjodu fit-tul, taħt gvernijiet differenti u li huma universali. Dawn isiru fl-interess tat-tfal, irrispettivament mid-dħul tal-familja. Dan l-aspett ta’ stabbiltà huwa element importanti ħafna għax il-familji jippjanaw il-futur tagħhom fit-tul. Politika tal-familja adatta u fit-tul hija element ta’ żvilupp sostenibbli;

il-fatt li jirrikonoxxu l-familja u jenfasizzaw ir-rwol tagħha kif ukoll il-valur ta’ ħajja tal-familja ta’ suċċess. Fis-soċjetà kontemporanja, is-suċċess huwa prinċipalment definit f'termini individwali u professjonali; però hemm forom oħra ta’ suċċess personali, jiġifieri b'rabta mar-relazzjonijiet ta’ individwu mal-oħrajn u l-benesseri komuni, li jinkludu s-suċċess fil-familja, fil-komunità jew fil-ħajja kulturali u dan għandu jingħata aktar importanza fil-mezzi tax-xandir (8) u fis-sistemi edukattivi nazzjonali;

il-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tal-familji b'ħafna tfal.

7.2

Flimkien mal-elementi tal-politika tal-familja fil-veru sens, hemm żewġ politiki oħra li huma importanti ħafna: il-politika tal-impjieg u l-politika tad-djar (9). Mingħajr impjieg u mingħajr dar huwa diffiċli li wieħed jippjana familja. Biex wieħed jibda familja, tal-inqas irid ikollu ċertu fiduċja fil-futur. Rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u kuntratti ta’ xogħol prekarji jista' jkollhom impatt konsiderevoli fuq it-tiġdid tal-popolazzjoni għax għalkemm iż-żmien għat-trobbija tat-tfal huwa twil, il-perjodu ideali li matulu l-mara tinqabad tqila huwa qasir. Għal din ir-raġuni, jeħtieġ li tingħata attenzjoni lis-sitwazzjoni tal-istudenti u ż-żgħażagħ li huma ġenituri jew jixtiequ jsiru ġenituri.

7.3

Meta l-politiki tal-familja jiġu implimentati fit-tul u jindirizzaw ġenwinament l-istennijiet tal-familji, iħallu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tat-tfal u tal-ġenituri, l-armonija tal-ħajja soċjali u jħeġġu ritorn lejn rata ogħla tat-twelid.

7.4

Stħarriġ reċenti li sar fost 11 000 omm mill-Moviment Dinji tal-Ommijiet juri li dawn jixtiequ:

l-ewwel nett bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja;

it-tieni nett li s-soċjetà tirrikonoxxi l-importanza tar-rwol tagħhom bħala ommijiet;

it-tielet nett li jkollhom aktar ħin biex jieħdu ħsieb lil uliedhom.

7.5

Ikun interessanti li jitwettaq stħarriġ simili fost il-missirijiet peress li dawn it-tliet prijoritajiet jistgħu japplikaw għalihom ukoll, b'mod partikolari r-rikonoxximent tar-rwol tagħhom, għax dan ċertament jista' jħeġġiġhom jiddedikaw lilhom infushom aktar għall-ħajja tal-familja (10). F'dan ir-rigward, il-proposti reċenti bil-għan li jħeġġu lill-missirijiet jieħdu leave tal-ġenituri, u saħansitra li l-leave tal-missirijiet isir obbligatorju u mħallas, huma interessanti għax joħorġu fid-dieher il-bżonn li l-paternità tiġi apprezzata mill-ġdid kif ukoll għar-responsabbilizzazzjoni tant meħtieġa tal-missirijiet b'mod partikolari f'każijiet ta’ divorzju. Minn dan il-lat, ikun utli li tinġabar informazzjoni dwar il-prattiki tajba fi ħdan l-intrapriżi li jimplimentaw organizzazzjoni tax-xogħol li tkun adattata għar-responsabbiltajiet tal-ġenituri. Ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji tinkludi wkoll il-miżuri għall-għajnuna biex jinkiseb bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. Huwa fi ħdan l-intrapriżi li dawn il-miżuri jiġu implimentati b'mod konkret. Tkun ħaġa interessanti li tinħoloq “tikketta” għall-intrapriżi “favur” il-familji kif diġà hemm Spanja, bl-appoġġ tal-Ministeru tas-saħħa u l-affarijiet soċjali (11).

7.6

Il-Kumitat ippropona f'opinjoni (12) preċedenti li “jinħolqu inizjattivi sabiex in-nanniet u qraba stretti oħrajn ikunu jistgħu jieħdu ħsieb it-tfal jekk il-ġenituri li jaħdmu jkunu jixtiequ u sakemm dan ikun fl-interess tat-tifel jew tifla”. Rigward il-ħin għall-familja, il-KESE diġà adotta l-prinċipju li “Kull individwu għandu jkun jista' (…) jkollu ammont ta’ snin ta’ kreditu ta’ ħin biex jużah għall-attivitajiet tal-familja (…). Għandu jkun possibbli li persuna tagħżel li tipposponi l-età tal-irtirar tagħha jekk tixtieq tqatta' ftit ħin liberu (iffinanzjat bl-istess mod bħall-pensjoni) tul il-karriera tax-xogħol tagħha.” (13) B'hekk, jekk il-ħin tax-xogħol barra mid-dar jitwaqqaf parzjalment jew temporanjament, id-dħul, min-naħa tiegħu, ma jonqosx b'mod eċċessiv. Għandu jsir kalkolu ekonomiku preċiż, l-iktar biex jiġu determinati l-ekonomiji li jinkisbu minn sistemi kollettivi ta’ kura, li jkunu jistgħu jiġu dedikati għall-allokazzjoni tal-ħin għat-trobbija tat-tfal fil-kalkolu tal-ammonti għall-pensjonijiet. Barra minn hekk, għandhom jiġu garantiti d-drittijiet tan-nanniet fir-rigward tan-neputijiet tagħhom.

7.7

Permezz ta’ stħarriġ dwar l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ, dwar it-tibdil marbut mal-mobbiltà ikbar tal-familji, dwar ir-rabta bejn l-aċċess taż-żgħażagħ għad-djar u d-deċiżjoni li jibnu familja, jew dwar l-impatt ta’ forom ġodda ta’ familji fuq ir-rata tat-twelid, ikunu jistgħu jitfasslu politiki tal-familja adattati għall-bżonnijiet. Stħarriġ bħal dan ikun utli peress li jippermetti li jiġu identifikati aħjar l-istennijiet tal-familji, li jikkostitwixxu element ewlieni tal-politiki mwettqa s'issa.

8.   Xi rwol għandha taqdi l-Unjoni Ewropea?

8.1

Il-politiki tal-familja ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 9 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jispeċifika li l-liġi tal-familja hija regolata mil-liġi nazzjonali. Madankollu, l-Unjoni Ewropea tista' tilleġisla fl-oqsma li jikkonċernaw il-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol u l-imsieħba soċjali jistgħu jinnegozjaw ftehimiet li jsiru direttivi. Dan kien il-każ tal-leave tal-ġenituri u d-diskussjonijiet dwar it-tul tal-leave tal-maternità. L-UE tista' tilleġisla wkoll fil-qasam tal-ugwaljanza fix-xogħol bejn in-nisa u l-irġiel, wieħed mill-elementi ta’ kwalunkwe politika tal-familja kif ukoll fil-ħarsien u l-iżvilupp tat-tfal skont il-programm reċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-drittijiet tat-tfal (14).

8.2

L-Istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi objettiv ta’ rata ta’ impjieg għall-irġiel u n-nisa li ma jistax jintlaħaq jekk ma jkunx akkumpanjat minn politika tal-familja li tippermetti lill-irġiel u lin-nisa jrabbu l-ammont ta’ tfal li jixtiequ filwaqt li jibqgħu jaħdmu; attwalment, dan mhuwiex il-każ fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

8.3

L-Unjoni Ewropea tista' taqdi rwol utli wkoll fir-rigward tar-rikonoxximent tas-sitwazzjonijiet u t-tibdil fid-demografija f'kull livell ġeografiku, il-valutazzjoni tal-politiki tal-familja, li jinkludu l-politiki tal-Istati jew il-politiki tal-familja implimentati mill-awtoritajiet lokali u l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri.

8.4

L-Alleanza Ewropea għall-Familji, li tnediet taħt l-aħħar Presidenza Ġermaniża, provdiet għall-implimentazzjoni ta’ Osservatorju li qatt ma ġie stabbilit.

8.5

Illum il-ġurnata, qed jiġu żviluppati għadd ta’ inizjattivi u arranġamenti relatati ta’ finanzjament taħt it-tmexxija tal-Unjoni Ewropea:

il-grupp ta’ esperti dwar il-kwistjonijiet demografiċi;

il-forum Ewropew dwar id-demografija;

il-workshops tal-aħjar prattika;

in-netwerk dwar il-politiki tal-familja;

il-portal tal-internet tal-Alleanza Ewropea għall-Familji;

seminars reġjonali.

L-ammont globali ta’ dawn l-azzjonijiet jilħaq mal-EUR 500 000, li miegħu jiżdied il-proġett ta’ riċerka FAMILYPLATFORM, li wasal fl-aħħar, proġetti oħra ta’ riċerka li, billi jittrattaw id-demografija, huma marbuta wkoll mal-kwistjonijiet tal-familja, u l-bażi tad-data dwar il-familja tal-OECD.

8.6

Tkun ħaġa tajba li dawn l-inizjattivi jiġu integrati aħjar u li jitqiegħdu taħt l-awtorità, jew tal-anqas taħt il-koordinazzjoni, ta’ korp inkarigat li jiddefinixxi politika ġenerali u li jiddetermina l-prijoritajiet għall-azzjoni u r-riċerka. Peress li dan mhuwiex il-mument opportun li jinħolqu korpi ġodda awtonomi fl-Unjoni Ewropea, dan ir-rwol ta’ kunduttur u ta’ koordinatur jista' jinqasam bejn il-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-Alleanza Ewropea għall-Familji, għall-aspetti ta’ natura aktar politika u ta’ ġestjoni, u l-Eurofound, għall-aspetti aktar xjentifiċi. Bħala aġenzija tripartitika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurofound hija maqtugħa tajjeb ferm għal dan il-kompitu. B'hekk, bażi tad-data ġenwina tista' titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri permezz ta’ koordinazzjoni tajba tal-inizjattivi kollha li diġà jitwettqu fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-Alleanza għandha tiżviluppa kuntatti u kooperazzjoni mal-istrutturi u l-azzjonijiet tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni soċjali, li bħalissa għaddej dibattitu dwarha bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet interessati.

8.7

Il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fonda tal-Iżvilupp Reġjonali diġà taw kontribut għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-politiki tal-familja f'ċerti Stati Membri. Għandu jsir ħsieb dwar kif jista' jiġi żviluppat dan it-tip ta’ intervent. Il-politika tal-familja għandha wkoll tiġi inkorporata fil-Pjattaforma tal-ġlieda kontra l-faqar.

8.8

Bl-istess mod, jeħtieġ li fil-programm ta’ riċerka (15) u ta’ innovazzjoni jiġi previst finanzjament għall-istudji u r-riċerka fil-qasam tad-demografija, kif ukoll tas-soċjoloġija, l-antropoloġija u l-filosofija li jittrattaw kwistjonijiet tal-familja wkoll. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitwettqu studji dwar l-effikaċja u l-impatt tal-politiki tal-familji li qed jiġu implimentati. F'dan ir-rigward, tkun ħaġa tajba li l-attività tal-FAMILYPLATFORM ma tiqafx iżda, għall-kuntrarju, tiġi estiża kif ħeġġew l-assoċjazzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati kollha li jaħdmu f'dan il-qasam.

8.9

Tkun ħaġa tajba li l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-familji jiġu involuti iktar fit-tfassil tal-politiki tal-familja jew li għandhom impatt fuq il-familji, kemm fil-livell tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri.

8.10

L-Ewropej kollha huma jew kienu membri ta’ familja, irrispettivament mill-futur jew l-istorja ta’ din il-familja jew mill-evoluzzjoni ġenerali tal-familji matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin. L-ebda persuna ma titwieled mix-xejn u kull stħarriġ tal-opinjoni pubblika juri li s-solidarjetà mal-familja għadha fil-quċċata tal-lista tal-valuri fundamentali taċ-ċittadini Ewropej. Barra minn hekk, ħafna politiki li jiġu deċiżi fil-livell Ewropew għandhom impatt dirett fuq il-ħajja tal-familji (il-moviment liberu tal-persuni, l-impjieg u l-protezzjoni soċjali, il-ħarsien tal-ambjent u tal-konsumaturi, id-determinazzjoni tar-rati tal-VAT fuq il-prodotti tat-trabi (16), il-politika tal-mezzi tax-xandir kif ukoll il-programmi edukattivi, kulturali u soċjali).

8.11

F'dawn il-kundizzjonijiet, il-KESE jirrakkomanda li d-dimensjoni tal-familja tiġi integrata b'mod trasversali fil-politiki Ewropej kollha, b'mod partikolari fit-twettiq tal-istudji tal-impatt li issa huma neċessarji għal kwalunkwe leġislazzjoni Ewropea (17) u integrata f'kull valutazzjoni tal-politiki eżistenti bil-għan ta’ reviżjoni. Fi Spanja, is-sistema tat-tariffi tal-ilma kienet tipprevedi li l-ispiża għal kull metru kubiku tiżdied skont il-konsum, biex jitnaqqas il-konsum ta’ riżorsa rari. Però dan il-mekkaniżmu kien żvantaġġuż ferm għall-familji b'ħafna tfal, billi familja ta’ ħames persuni tikkonsma “awtomatikament” iktar ilma minn persuna waħidha jew familja mingħajr tfal. Wara li ttieħdet azzjoni legali, din is-sistema ta’ tariffi ġiet abbandunata (18). Għalhekk, tkun ħaġa tajba li, fil-livell Ewropew, b'mod sistematiku jsir studju ta’ impatt tal-liġijiet fuq il-ħajja tal-familja, sabiex jiġu evitati effetti potenzjalment negattivi għall-familji.

8.12

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat sa liema punt il-politiki reġjonali, il-politiki tal-investiment u tat-taħriġ, tad-djar u tal-impjieg huma relatati ma’ xulxin u jagħmlu Stat Membru jew reġjun territorju attraenti għall-familji u ż-żgħażagħ anke lil hinn mill-politiki tal-familja fis-sens strett, u b'hekk jistgħu jikkontribwixxu biex joħolqu dinamika demografika globali qawwija.

8.13

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-idea li l-2014 tkun is-Sena Ewropea tal-Familji u li jiġi ċċelebrat l-għoxrin anniversarju tas-Sena Internazzjonali tal-Familja tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-futur tas-soċjetajiet jinsab fil-ġenerazzjonijiet futuri u dawn jitwieldu fi ħdan il-familji. Iżda bħala konklużjoni għandu jiġi enfasizzat li jeżisti fattur influwenti fid-deċiżjoni li tinbeda familja: it-tama ta’ ġejjieni aħjar. Il-gvernijiet huma responsabbli għat-tama tal-popli li jiggvernaw. Dan huwa l-valur u l-piż tal-missjoni tagħhom.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet”, ĠU C 120, 16.05.2008, p. 66, punt 4.8.

(2)  Li d-demografiċi jsejħulha “x-xitwa demografika”.

(3)  Din hija ta’ 2,1 tifel u tifla għal kull mara fl-Unjoni Ewropea. Iċ-ċifra ta’ 0,1 tifel u tifla għal kull mara tiġi spjegata mill-ħtieġa li jiġi kkumpensat l-impatt tal-ammont sproporzjonat ta’ subien fir-rata tat-twelid u u l-bniet li jmutu qabel ma jkollhom it-tfal.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet”, ĠU C 120, 16.05.2008, p. 66, punt 4.8.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-familja u t-tidil demografiku”, ĠU C 161, 13.7.2007, p.66, punt 7 (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  “Komunikazzjoni lill-Grupp ta’ Riflessjoni dwar il-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea (presedut mis-Sur Felipe Gonzales)” – Gérard-François Dumont, “UE Prospective démographique” (Il-Prospetti demografiċi għall-UE) – http://www.diploweb.com/UE-Prospective-demographique.html.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-familja u t-tibdil demografiku”, ĠU C 161, 13/07/2007, p. 66, punt 6.4 u dwar “Il-Promozzjoni tas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet”, ĠU C 120, 16.05.2008, p. 66, punt 3.11.

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-familja u t-tibdil demografiku”, ĠU C 161, 13.7.2007, p. 66, punt 8.15 u dwar “Il-Promozzjoni tas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet”, ĠU C 120,16.05.2008, p. 66, punt 3.13.

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-familja u t-tibdil demografiku”, ĠU C 161, 13.7.2007, p. 66, punt 4.6.

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-familja u t-tibdil demografika”, ĠU C 161, 13.7.2007, p. 66, punt 8.11.

(11)  http://www.en.aenor.es/aenor/certificacion/resp_social/resp_efr.asp

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar “In-nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu”, ĠU C 277/102, 17.11.2009, punt. 12.

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar dwar “Ir-rabta bejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, it-tkabbir ekonomiku u r-rata tal-impjieg”, ĠU C 318/15, 23.12.2009, punt 4.2.6.2.

(14)  COM(2011) 60 finali.

(15)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-familja u t-tibdil demografiku”, ĠU C 161, 13.7.2007, p.66, punt 4.5.

(16)  Il-Kumitat ta l-opinjoni tiegħu favur tnaqqis f'din ir-rata, l-iktar għan-nappies tat-trabi. Opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet”, ĠU C 120, 16.05.2008, p. 66, punt 4.7.

(17)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet”, ĠU C 120, 16.05.2008, p. 66, punt 4.8.

(18)  http://sentencias.juridicas.com/docs/00285332.html


Top