EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0809

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewopew dwar “L-impatt tal-kriżi konomika u finanzjarja fuq id-distribuzzjoni tal-forza tax-xogħol fost is-setturi produttivi, b’mod partikolari l-SMEs” (opinjoni esploratorja)

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewopew dwar “L-impatt tal-kriżi konomika u finanzjarja fuq id-distribuzzjoni tal-forza tax-xogħol fost is-setturi produttivi, b’mod partikolari l-SMEs”

(opinjoni esploratorja)

2011/C 218/01

Relatur: is-Sur PEZZINI

Korelatur: is-Sur HAVLÍČEK

Nhar il-15 ta’ Novembru 2010, is-Sur Péter Györkös, Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika tal-Ungerija għall-Unjoni Ewropea, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f’isem il-Presidenza futura Ungeriża, iħejji opinjoni esploratorja dwar

l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq id-distribuzzjoni tal-forza tax-xogħol fost is-setturi produttivi, b’mod partikolari l-SMEs.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ April 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-4 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’153 vot favur, 5 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-attenzjoni li l-Presidenza Ungeriża qed tagħti lil kwistjoni kruċjali għas-soċjetà ċivili organizzata, jiġifieri l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali fuq il-forza tax-xogħol u fuq id-distribuzzjoni tagħha fost is-setturi produttivi diversi, u b’mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

1.2   Il-Kumitat ifakkar ukoll li kemm-il darba tenna l-fehmiet tiegħu dwar il-problemi li jiffaċċjaw l-SMEs li jirrappreżentaw, flimkien mas-settur pubbliku u dak tal-ekonomija soċjali, l-istruttura tal-ekonomija u tal-impjieg fl-Ewropa.

1.3   L-SMEs batew ħafna minħabba l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija, anke jekk ta’ spiss irreaġixxew permezz ta’ żieda fil-flessibbiltà u soluzzjonijiet innovattivi.

1.4   Fil-fehma tal-KESE, l-UE tista’ tħabrek iżjed biex tappoġġja lill-SMEs u mhux biss permezz ta’ stqarrijiet ta’ prinċipju. Issa, hemm verament bżonn ta’ azzjoni Komunitarja koerenti u kkoordinata fuq firxa ta’ prijoritajiet, bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet operattivi fis-suq intern u bil-għan li l-SMEs jiġu internazzjonalizzati.

1.4.1   Fost l-azzjonijiet prijoritarji, il-KESE jidentifika: l-iżvilupp tal-potenzjal tal-intraprenditorija l-ġdida, b’mod partikolari fost in-nisa, l-impjieg taż-żgħażagħ u l-appoġġ lill-inizjattiva ewlenija “Żgħażagħ attivi”.

1.4.2   Jirrakkomanda li tiġi organizzata b’mod regolari konferenza annwali tal-SMEs immirata għat-tħejjija ta’ rendikont tas-sitwazzjoni Ewropea tal-SMEs, b’mod partikolari fir-rigward tal-impjieg. Din il-konferenza, li tista’ sservi ta’ mudell, għandha tlaqqa’ diversi organizzazzjonijiet professjonali nazzjonali u Ewropej u mill-istituzzjonijiet Ewropej kollha.

1.5   B’mod partikolari, il-KESE jitlob għat-tnedija ta’ pjan direzzjonali mill-iżjed fis bil-għan li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp ta’ intrapriżi innovattivi ġodda u għall-appoġġ tal-SMEs attwali biex jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, li huma meħtieġa biex noħorġu mill-kriżi, u bil-għan li nerġgħu lura għat-tkabbir sostenibbli. Il-miżuri previsti għandhom ikunu programmati fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, u għandhom jinkludu kemm l-intrapriżi kummerċjali u mhux kummerċjali, kif ukoll dawk tal-ekonomija soċjali. Flimkien ma’ dan il-pjan direzzjonali għandu jiġi previst taħriġ għall-persuni qiegħda u għaż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jsibu impjiegi ġodda.

1.5.1   L-UE tista, bi ftehim mal-Istati Membri, tappoġġja l-użu tal-Fondi Strutturali fir-reġjuni ta’ konverġenza bil-għan li jingħata appoġġ lill-SMEs.

1.6   Fil-fehma tal-KESE, għandu jitħaffef il-proċess tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs bil-għan li jiżdied l-aċċess tagħhom għas-swieq ġodda u, għalhekk, il-kapaċità tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi.

1.6.1   L-aċċess għas-swieq ġodda għandu jkun preċedut minn ftehimiet kummerċjali sodi li jiġbru fihom protokolli proċedurali sempliċi li jistgħu jintużaw immedjatament mill-SMEs.

1.7   Fil-fehma tal-KESE, it-tixrid ta’ kultura intraprenditorjali u tas-sens tal-inizjattiva f’ambjent li jappoġġja l-intraprendituri, jifhem ir-riskji tas-suq u jagħti importanza lill-kapital uman huwa fundamentali.

1.8   It-taħriġ, it-trasferiment tal-għarfien u l-kwalifiki, il-metodi ta’ ħidma ġodda u l-iżvilupp ta’ attitudnijiet favur it-tibdil għandhom jiġu inkoraġġuti, l-iktar matul din il-kriżi, biex jiġi żgurat li l-impjiegi ma jintilfux u li jissaħħaħ ir-rwol li jaqdu l-ħaddiema fit-tisħiħ tal-intrapriżi tagħhom.

1.9   Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-akkwist pubbliku, b’konformità mal-istandards soċjali u ambjentali, bħala mezz biex jappoġġja s-sopravivenza tal-intrapriżi u l-impjiegi lokali. Il-prinċipju “L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir” (“Think Small First”) għandu jkun obbligatorju waqt kriżi, peress li għadd kbir ta’ impjiegi jkunu fil-periklu li jintilfu. L-użu korrett, responsabbli u intelliġenti tad-domanda pubblika għandu jħeġġeġ kompetizzjoni miftuħa u l-innovazzjoni.

1.10   Fil-fehma tal-KESE, jinħtieġ jissaħħaħ l-iżvilupp tal-“clusters” u tal-gruppi settorjali tal-SMEs. L-iskambju ta’ kuntratti u ta’ għarfien bejn l-intrapriżi l-kbar u ż-żgħar jista’ jwassal għal impetu innovattiv, permezz ta’ sistemi ta’ netwerks, anke dawk settorjali.

1.11   Il-KESE jirrakkomanda li sabiex isir l-aħjar użu mill-inizjattivi settorjali ewlenin, l-iżvilupp tagħhom mil-lat tat-teknoloġija, l-impjieg, l-investiment u l-aħjar użu tar-riżorsi umani għandu jittejjeb.

1.12   Il-bżonn li jiġu żviluppati strumenti finanzjarji ġodda għandu jiġi rikonoxxut. Fil-fehma tal-KESE, l-isfida finanzjarja u l-aspetti l-oħrajn tal-kriżi li qed jiffaċċjaw l-SMEs kienu aggravati minħabba l-inkapaċità li jiġu żviluppati miżuri ġodda. Strumenti bħal JEREMIE, JASPERS u JESSICA għandhom jissaħħu.

1.13   Fil-fehma tal-KESE, il-Kummissjoni għandha tħaffef il-pass tal-“fitness checks” tal-leġislazzjoni eżistenti, u b’hekk tagħti eżempju lill-Istati Membri, bil-għan li jitnaqqsu l-effetti kumulattivi tal-leġislazzjoni, l-obbligi marbuta mal-konformità u l-ispejjeż.

1.14   Fil-fehma tal-Kumitat, għandha ssir analiżi preventiva tal-proposti leġislattivi l-ġodda, bil-għan li jiġi stabbilit l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, bis-saħħa ta’ valutazzjonijiet tal-impatt operattivi, Komunitarji u nazzjonali.

1.15   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tisħaq fuq u żżid l-interventi tagħha fil-promozzjoni tat-teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, li huma sors ta’ impjiegi ġodda u ta’ kwalità aħjar.

1.16   Ikun utli, fil-fehma tal-Kumitat, li jiġi appoġġjat u mħeġġeġ it-tixrid ta’ netweks internazzjonali u settorjali għall-protagonisti fil-qasam tal-kreattività u l-innovazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda f’dan ir-rigward li l-“Enterprise Europe Network” minbarra funzjonijiet ġenerali ta’ informazzjoni u parir ikollu wkoll funzjoni settorjali u b’hekk funzjonijiet amministrattivi komprensivi.

1.17   Il-KESE jitlob li l-Istatut Ewropew tal-SMEs jiġi adottat u li jiġi implimentat is-Small Business Act fil-livell tal-Istati Membri mill-iżjed fis, kif diġà osserva qabel.

2.   Introduzzjoni

2.1   Meta faqqgħet il-kriżi ekonomika fl-2008, it-tendenza pożittiva li kienet reġistrata bejn l-2002 u l-2008 fis-settur tal-SMEs waqfet għal għarrieda, bil-konsegwenza li ġie previst telf ta’ 3,25 miljun post tax-xogħol fil-perjodu 2009-2010 (1).

2.2   Ir-rata tal-qgħad fl-UE kienet 9,6 % fl-2010, u kienet ogħla fis-setturi tal-amministrazzjoni pubblika, it-trasport u t-telekomunikazzjoni. Kien hemm espansjoni żgħira fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut u tal-manifattura, mentri s-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ – bejn il-15 u l-24 sena – baqa’ batut, u l-qgħad kien madwar 21 %, jiġifieri l-ogħla rata minn mindu faqqgħet il-kriżi.

2.2.1   Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika u fatturi bħall-globalizzazzjoni, il-progress teknoloġiku, it-tixjiħ demografiku u l-bidla gradwali lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u ta’ partikoli taw spinta qawwija għal tibdil rapidu fil-kwalifiki u l-kompetenzi meħtieġa fis-suq tax-xogħol, bi tkabbir qawwi fil-professjonijiet ġodda.

2.3   Fil-livell settorjali, jidher li r-reċessjoni aċċellerat ix-xejra attwali li l-postijiet tax-xogħol fis-setturi tal-manifattura primarji u bażiċi jiġu ttrasferiti għas-settur tas-servizzi, bi previżjonijiet ta’ tnaqqis sostanzjali fl-impjieg fl-industrija primarja u s-settur tal-biedja, kif ukoll telf ta’ impjiegi mistenni fis-setturi tal-manifattura u l-produzzjoni fil-perjodu 2010-2020. Minn naħa oħra, hija prevista żieda fl-impjieg fis-settur tas-servizzi, b’mod partikolari fis-servizzi lill-industrija u dawk tas-suq. Huma previsti wkoll żidiet fid-distribuzzjoni u t-trasport, u fis-setturi tal-lukandi, tal-forniment tal-ikel u t-turiżmu, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tas-sigurtà.

2.4   Rigward il-profili tax-xogħol, it-tendenza li għandha tiġi kkonsolidata u tiżdied sal-2020 hija dik tal-maniġment intermedju u superjuri (40 %), jiġifieri d-diriġenti, il-professjonisti u t-tekniċi, li jirrappreżentaw l-hekk imsejħa “knowledge and skill-intensive jobs” (impjiegi intensivi fl-għarfien u l-ħiliet speċjalizzati).

2.4.1   L-iżjed tnaqqis sostanzjali huwa mistenni fin-numru tal-ħaddiema bi kwalifiki formali ta’ livell baxx jew b’inqas kwalifiki. Ħareġ fid-dieher li l-impjieg fis-setturi li jipproduċu prodotti kapitali huwa iżjed vulnerabbli għall-kriżijiet ekonomiċi ġenerali minħabba l-importanza partikolari tal-kompetenzi, peress li dawn is-setturi spiss jiġu assoċjati ma’ kompetenzi speċifiċi.

2.5   Il-Kumitat kemm-il darba tenna (2) li “ir-rwol kruċjali li jaqdu l-SMEs fl-ekonomija tal-UE jingħaraf minn kulħadd” u enfasizza (3) li “peress li l-produzzjoni ekonomika, l-innovazzjoni u l-impjieg qed jiddependu dejjem iktar mill-SMEs, waħda mill-prijoritajiet għandha tkun l-iżvilupp tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ”.

2.6   Hemm ’il fuq minn 20 miljun intrapriża indipendenti fl-UE, u 'l fuq minn 99 % minnhom huma SMEs b’inqas minn 250 impjegat. Il-biċċa l-kbira (92 %) huma mikrointrapriżi b’inqas minn 10 impjegati. Barra minn hekk, l-SMEs jirrappreżentaw ’il fuq minn 67 % tal-impjieg fl-UE (4). Ħafna mill-SMEs li baqgħu fuq saqajhom minkejja l-kriżi rnexxilhom jagħmlu dan bis-saħħa tal-impenn tal-persunal tagħhom.

2.7   Barra minn hekk, jeħtieġ niftakru li bosta ostakli, bħal pereżempju:

ambjent li mhuwiex adattat għall-iżvilupp tal-intraprenditorija,

aċċess diffiċli għall-kreditu,

diffikultajiet marbuta mal-internazzjonalizzazzjoni u l-aċċess għas-swieq,

fluss tal-għarfien jew tal-kapaċità tal-ġestjoni insuffiċjenti,

ħarsien insuffiċjenti tal-proprjetà intellettwali,

jistgħu jxekklu l-ħolqien ta’ intraprenditorija ġdida u l-ħolqien u l-iżvilupp rapidu ta’ SMEs innovattivi, u jistgħu jagħmlu mod ukoll li ma tiġix implimentata bis-sħiħ il-politika favur livell massimu ta’ impjiegi.

2.8   Fl-2009, in-numru tal-intrapriżi l-kbar li rreġistraw tnaqqis fil-livelli tal-impjieg kien id-doppju ta’ dak fir-rigward tal-intrapriżi ż-żgħar u aktar mit-triplu fir-rigward tal-mikrointrapriżi. Dawn iċ-ċifri jikkonfermaw il-kapaċità tal-mikrointrapriżi li jservu ta’ stabbilizzaturi fir-rigward taċ-ċikli ekonomiċi.

2.9   Madankollu, it-tendenzi tas-suq tax-xogħol Komunitarju għadhom ikkaratterizzati minn żbilanċi sostanzjali minn pajjiż għal ieħor, b’livelli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ inaċċettabbli: jekk huwa minnu li r-rata medja tal-UE għall-2010-2011 tilħaq il-livell kritiku ta’ 'l fuq minn 10 %, id-distribuzzjoni tal-forza tax-xogħol fost is-setturi, ir-reġjuni u, fuq kollox, fost il-kategoriji differenti tal-età, hija ferm iżjed preokkupanti.

2.9.1   L-iżjed edizzjoni reċenti tal-pubblikazzjoni “Employment in Europe 2010” turi li ż-żgħażagħ huma l-vittmi prinċipali tal-kriżi, b’impatt qawwi fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena, li jilħaq u jaqbeż it-30 % f’ċerti Stati Membri.

2.10   L-analiżi tat-tendenzi fid-distribuzzjoni tal-forza tax-xogħol Ewropea fis-setturi differenti (5) – skont il-kategorija tal-età, il-ġeneru u t-tip tal-intrapriża – tindika li:

ir-rata tal-qgħad globali tal-UE-27 (6) żdiedet minn 62,2 % fl-2000 għal 64,6 % fl-2009;

ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ (7) fl-istess perjodu naqset minn 37,5 % għal 35,2 %;

ir-rata globali tal-qgħad fost in-nisa żdiedet minn 53,7 % għal 58,6 %, mentri għan-nisa żgħażagħ naqset minn 34,1 % għal 33,1 %;

ir-rata tal-qgħad fl-UE-27 fis-settur industrijali naqset minn 26,8 % fl-2000 għal 24,1 % fl-2009;

ir-rata tal-qgħad fis-settur tas-servizzi żdiedet minn 65,9 % fl-2000 għal 70,4 % fl-2009;

ir-rata tal-qgħad fis-settur tal-agrikoltura żdiedet minn 7,3 % fl-2000 għal 5,6 % fl-2009.

2.11   Id-data disponibbli għall-UE-15 turi sitwazzjoni kemxejn aħjar, kemm fir-rigward tar-rata tal-qgħad globali (63,4 %-65,9 %) kif ukoll fir-rigward tal-qgħad fost in-nisa (54,1 %-59,9 %).

2.12   Huwa wieħed mill-għanijiet tal-programm Komunitarju “Żgħażagħ attivi” li ż-żgħażagħ – kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa – jingħataw kompetenzi u kwalifiki ġodda, allavolja dan il-programm jidher limitat, fid-dawl tal-enormità tal-problema u tal-bżonn li din l-inizjattiva tiġi integrata ma’ oħrajn bil-għan li jinħolqu attivitajiet u intrapriżi ġodda.

2.13   Il-Kumitat, fost l-oħrajn permezz tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), diġà esprima fehmtu dwar l-impatt tal-kriżi fuq l-impjieg fis-settur tal-manifattura, is-settur tal-karozzi, l-industrija tat-tessuti, l-industriji tax-xogħol tal-metall, l-indutrija ajrunawtika, l-industriji kulturali u kreattivi, l-industriji tat-tbaħħir u tal-bini tal-bastimenti, l-industriji tal-faħam u l-azzar, l-industrija tat-tagħmir domestiku u oħrajn fis-setturi tal-forestrija, il-biedja u s-servizzi.

2.14   L-SMEs, flimkien mal-intrapriżi l-kbar, għandhom preżenza importanti fis-setturi kollha, fosthom is-settur tal-manifattura (minn 2 376 000 intrapriża Ewropea, 2 357 000 huma SMEs), is-settur tal-bini (2 914 000 minn 2 916 000), is-setturi tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, it-tiswija tal-karozzi u l-muturi u l-prodotti għall-konsum tal-familji (total ta’ 6 491 000 minn 6 497 000), biex ma nsemmux is-servizzi relatati mal-bejgħ tal-proprjetà u l-beni immobbli, is-settur tal-forniment tal-ikel, tal-lukandi u tat-trasport.

2.15   Il-KESE jenfasizza li l-intrapriżi l-kbar, ta’ daqs medju u dawk żgħar jikkomplementaw lil xulxin bis-sħiħ, u dan sikwit joħroġ fid-dieher fil-kwalità tas-sottokuntrattar, l-effiċjenza tal-outsourcing u l-ħolqien ta’ spin-offs innovattivi.

2.16   Jeżistu għadd ta’ possibbiltajiet li jinħolqu impjiegi ġodda – bħala mezz għall-ġlieda kontra l-kriżi u favur tkabbir ekonomiku sostenibbli u kompetittiv – permezz tal-SMEs fis-settur pubbliku u dak privat u fis-settur tal-ekonomija soċjali, b’mod partikolari f’dawn is-setturi (8):

spin-offs fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp,

is-settur tal-IT u attivitajiet relatati miegħu,

l-attivitajiet tal-manutenzjoni u r-ristrutturar tal-patrimonju tal-bini,

l-attivitajiet awżiljarji għall-intermedjazzjoni finanzjarja,

is-settur tal-lukandi u tal-forniment tal-ikel,

is-settur tat-turiżmu u l-kultura,

is-settur tal-posta u tat-telekomunikazzjoni u tat-trasport,

is-settur tal-elettriku, il-gass u l-ilma, u

is-setturi fl-hekk imsejħa lead markets (swieq ġodda): is-servizzi elettroniċi fil-qasam tas-saħħa, il-bini sostenibbli, it-tessuti intelliġenti, il-prodotti fuq bażi bijoloġika, ir-riċiklaġġ, l-enerġija rinnovabbli u l-ekonomija ekoloġika.

2.17   Fir-rigward tad-distribuzzjoni reġjonali tal-kontribut tal-SMEs għall-valur miżjud u l-impjieg tal-UE, jidher li, fil-perjodu 2002-2007, ma tantx kien hemm differenzi mil-lat tal-impjieg, iżda l-kontribut tal-SMEs mil-lat tal-valur miżjud jindika differenzi sostanzjali bejn l-UE-12 u l-UE-15, peress li d-differenza ta’ produttività tax-xogħol bejn l-SMEs u l-intrapriżi l-kbar fl-Istati Membri ġodda hija ogħla minn dik fl-Istati Membri l-antiki.

2.18   Barra minn hekk, minbarra l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, l-SMEs, li huma mezz importanti biex jikkonvertu l-għarfien xjentifiku u teknoloġiku f’applikazzjonijiet, jikkontribwixxu bil-bosta għad-dinamiżmu u l-prestazzjoni innovattiva tal-ekonomija, permezz tat-trasferiment u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ideat u s-sejbiet. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, fil-livell Ewropew, l-approċċi l-ġodda msejsa fuq il-prinċipju “L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir” u s-Small Business Act għadhom ma ġewx implimentati kompletament, speċjalment fil-livell reġjonali u nazzjonali.

2.19   Fil-fehma tal-Kumitat, għandu jissaħħaħ l-iżvilupp ta’ gruppi (“clusters”) innovattivi tal-SMEs b’kapaċità għolja ta’ żvilupp, bħala oriġinaturi ta’ “qabżiet innovattivi” (“innovative leaps”), permezz ta’ sistemi ta’ netwerks li huma kapaċi jqiegħdu prodotti ta’ kwalità għolja li jkunu aċċessibbli għall-utenti fis-suq b’mod rapidu.

2.20   L-element fundamentali għat-tisħiħ tal-iżvilupp u l-kompetittività tal-SMEs huwa li jingħata appoġġ lill-internazzjonalizzazzjoni tagħhom fis-swieq globali u li jiġi żviluppat il-potenzjal tagħhom fis-suq intern billi jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs fir-rigward tal-kompetizzjoni u kwistjionijiet operattivi.

2.21   Filwaqt li, inġenerali, l-SMEs huma responsabbli għal iżjed minn 50 % tal-PDG nazzjonali, huma responsabbli biss għal 30 % tal-esportazzjonijiet, allavolja l-kontribut tagħhom ta’ spiss ikun fi ħdan il-katini globali tal-valur.

2.22   Barra minn hekk, saret enfasi kbira fuq aċċess iżjed sempliċi għall-kreditu: l-UE appoġġjat lill-gvernijiet, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-intrapriżi l-kbar matul il-kriżi, mentri xejn, jew ftit li xejn, mhu qed isir biex jiġu appoġġjati l-SMEs u l-ħolqien ta’ impjieg produttiv u sostenibbli fil-livell lokali. Ikun utli li jissaħħu l-istrumenti JEREMIE, JESSICA u JASPERS.

2.23   Fil-fehma tal-KESE, il-gvernijiet tal-UE għandhom jappoġġjaw bl-akbar qawwa:

il-programmi nazzjonali u reġjonali għall-promozzjoni tal-intraprenditorija,

l-istrumenti biex l-SMEs jibqgħu attivi,

l-iżvilupp ta’ attivitajiet ġodda, marbuta mal-prodotti u s-servizzi intelliġenti,

it-tnaqqis tal-burokrazija,

it-taħriġ tal-persuni qiegħda u taż-żgħażagħ biex ikollhom aċċess għal impjiegi ġodda,

it-titjib tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja tal-forza tax-xogħol,

id-djalogu soċjali,

it-titjib tal-aċċess għall-programmi Komunitarji, b’enfasi partikolari fuq il-finanzjament tal-SMEs,

il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u x-xogħol mhux iddikjarat,

it-tnaqqis u s-semplifikazzjoni tal-burokrazija, permezz tat-tisħiħ tal-one-stop shops u n-netwerks settorjali.

2.24   B’mod partikolari, il-KESE jirrakkomanda li titħaffef ir-reviżjoni li għaddejja bħalissa, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-programmi Komunitarji fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp.

2.25   Il-falliment tas-suq li jippromovi impjiegi sostenibbli, l-iżvilupp tal-ispirtu intraprenditorjali, l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli għandu jiġi indirizzat permezz ta’ pakketti ta’ azzjonijiet dinamiċi, li jkunu jistgħu jindirizzaw u jappoġġjaw il-ħolqien, it-tkabbir u l-ħruġ mis-suq tal-intrapriżi, taħt kundizzjonijiet adegwati, ċari u trasparenti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Din l-opinjoni esploratorja tħejjiet wara li saret talba mill-Presidenza Ungeriża għal opinjoni dwar l-effett tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq il-forza tax-xogħol u d-distribuzzjoni tagħha fost is-setturi produttivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-SMEs.

3.2   Il-KESE huwa tal-fehma li, jekk nixtiequ noħorġu mill-kriżi u naqdu rwol ewlieni fil-globalizzazzjoni, neħtieġu azzjoni Komunitarja immedjata, koerenti u kkoordinata, li ma tissejjisx biss fuq l-intenzjonijiet biss iżda fuq l-implimentazzjoni fil-prattika ta’ firxa sħiħa ta’ prijoritajiet li għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet operattivi fis-suq intern u s-swieq globali. Din l-azzjoni għandha tappoġġja l-innovazzjoni fi ħdan l-SMEs, tagħti ħajja ġdida lill-ispirtu intraprenditorjali, tkun kapaċi tidentifika mezzi ġodda għat-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet tal-persunal u tadatta s-suq tax-xogħol għall-isfidi l-ġodda.

3.3   Biex ikunu jistgħu jiżguraw bis-sħiħ il-kontribut pożittiv tagħhom għall-impjieg, anke fil-kuntest ġdid tal-globalizzazzjoni, u minkejja l-kriżi dinjija attwali fil-pajjiżi industrijalizzati, l-SMEs għandhom ikunu jistgħu jikkompetu taħt l-istess kundizzjonijiet, anke mil-lat ta’ dawn l-aspetti:

it-twaqqif ta’ pjan direzzjonali għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġi żgurat li l-SMEs jistgħu jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-ħolqien tal-impjieg,

l-iżvilupp tal-kapaċità innovattiva tal-SMEs u l-appoġġ lin-netwerks, id-distretti produttivi, is-servizzi u l-parks teknoloġiċi (9);

garanziji ta’ aċċess għas-swieq barranin, għall-finanzjament u għat-tisħiħ tal-assigurazzjonijiet u tal-garanziji ta’ ħlas fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet internazzjonali;

strutturi intelliġenti li jipprovdu appoġġ ekonomiku lis-swieq (10), flimkien ma’ reċiproċità sħiħa fil-ftuħ tas-suq Ewropew u s-swieq barranin;

rispett tal-istandards soċjali u ambjentali u tal-proprjetà industrijali u intellettwali;

miżuri kontra l-informazzjoni asimmetrika fir-rigward tal-aċċess għall-kreditu, bil-għan li li tiġi żgurata provvista adegwata ta’ krediti, self u parteċipazzjoni fil-kapital ta’ riskju;

strutturi ta’ taħriġ tul il-ħajja, kemm għall-iżvilupp tal-intraprenditorija u l-ġestjoni tal-intrapriżi, kif ukoll biex tiġi żgurata forza tax-xogħol kwalifikata f’qafas ta’ flessigurtà, negozjata bejn l-imsieħba soċjali;

djalogu soċjali fil-livell nazzjonali u Ewropew li jirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet tal-SMEs, bil-għan li tiġi garantita r-rappreżentazzjoni adegwata tagħhom fil-livell Komunitarju, iżda wkoll djalogu li jagħmilha possibbli li l-imsieħba soċjali jindirizzaw b’mod adegwat l-impatt tal-kriżi;

fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, il-ġlieda kontra l-ekonomija informali u t-tisħiħ tal-politika tal-kompetizzjoni.

3.4   Fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ li l-proċeduri amministrattivi u regolatorji għat-twaqqif tal-intrapriżi, b’mod partikolari fil-livell tal-Istati Membri, jiġu razzjonalizzati u ssemplifikati biex jiġi żgurat li l-intrapriżi eżistenti jgawdu mill-opportunitajiet teknoloġiċi u kummerċjali u li s-SMEs ġodda jkunu jistgħu joħolqu impjiegi ġodda, u b’hekk japplikaw b’mod sħiħ u konkret il-prinċipju “L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir” u s-Small Business Act.

3.4.1   Barra minn hekk, jeħtieġ ukoll li jiġi adottat l-Istatut tal-SMEs Ewropej u tiġi eżaminata s-soċjetà kooperattiva Ewropea, bil-għan li tixtered iżjed.

3.5   Jeħtieġ li jiġi ffaċilitat il-proċess tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, billi tiżdied il-parteċipazzjoni tal-intrapriżi fis-sħubijiet ta’ riċerka u jiġi żgurat aċċess għas-swieq barranin.

3.5.1   Dan l-għan għandu jintlaħaq ukoll permezz ta’ strateġija li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ netwerks internazzjonali fost il-protagonisti fil-qasam tal-kreattività u l-innovazzjoni, fosthom id-diriġenti, ir-riċerkaturi u l-membri tal-professjonijiet liberali, bil-għan li jiġu promossi s-sinerġiji u tittejjeb l-internazzjonalizzazzjoni fil-professjonijiet liberali.

3.6   Jeħtieġ li tixtered il-kultura intraprenditorjali u jissaħħu s-sens tal-inizjattiva u l-intraprenditorija tan-nisa, waqt li jiġu żviluppati l-kompetenzi strateġiċi u ġestjonali u jissaħħaħ it-taħriġ.

3.6.1   Jidher utli wkoll li jiġi introdott pjan direzzjonali, bi statistika kull sitt xhur dwar il-fatturi varjabbli ekonomiċi u soċjali tal-SMEs Ewropej.

3.7   It-taħriġ kontinwu għad-diriġenti u l-ħaddiema għandu jwassal għal riżorsi umani kkwalifikati u aġġornati f’qafas li jinkoraġġixxi oppurtunitajiet ugwali għall-irġiel u n-nisa. Il-KESE jitlob li tittieħed azzjoni prijoritarja fil-livell Komunitarju, nazzjonali u reġjonali li tiġġieled kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ billi jinħolqu iżjed opportunitajiet ta’ apprendistat, esperjenzi prattiċi ta’ xogħol (work placements), sponsorships tal-gradwati, b’mod partikolari fil-qasam tax-xjenza, u billi titnieda kampanja li tenfasizza l-benefiċċji ta’ impjieg fis-setturi tal-industrija u l-manifattura u tal-inizjattiva intraprenditorjali, b’mod partikolari fost in-nisa.

3.8   Il-KESE huwa konvint li l-kapaċità ta’ assorbiment tal-innovazzjoni għandha tissaħħaħ: jeħtieġ li jissaħħu n-netwerks tal-kompetenzi u l-għarfien u jiġu żviluppati kemm id-distretti industrijali tal-ġenerazzjoni l-ġdida kif ukoll l-infrastruttura għat-trasferiment tat-teknoloġija u għall-mobbiltà tar-riżorsi umani bejn l-industrija, iċ-ċentri tar-riċerka u l-universitajiet, anke fi ħdan il-qafas tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), li għandu jinkorpora l-SMEs.

3.9   Fil-fehma tal-Kumitat, l-iżvilupp ta’ inizjattivi ewlenin settorjali għandu jkun ikkoordinat aħjar mill-perspettiva ta’ teknoloġija, investiment u t-taħriġ u l-iżvilupp tar-riżorsi umani.

3.10   Is-swieq tax-xogħol Ewropej ser joħorġu minn din il-kriżi mibdula bil-kbir, u għalhekk, il-ħaddiema u l-intraprendituri għandhom ikunu lesti – bis-saħħa tal-kompetenzi u l-appoġġ adegwati – li jadattaw ruħhom għal sitwazzjoni li qed tinbidel: “Il-kriżi ġabet fix-xejn ħafna mill-progress tal-imgħoddi li jfisser li għandna bżonn urġenti li nirriformaw is-swieq tax-xogħol, niżguraw li l-ħiliet ikunu konformi mad-domanda u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu tajbin għall-ħolqien tal-impjiegi.” (11)

Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Rapport dwar “European SMEs under pressure” (“SMEs Ewropej taħt pressjoni” – mhux disponibbli bil-Malti), 2010.

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Id-diversi miżuri ta’ politika, minbarra finanzjament xieraq, li jgħinu t-tkabbir u l-iżvilupp tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju”, ĠU C 27, 3.2.2009, p. 7; l-opinjoni tal-KESE dwar “Kif għandhom jiġu appoġġjati l-SMEs biex jadattaw għall-bidliet fis-swieq globali”, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 24 u l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: ‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’: ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa”, ĠU C 182, 4.8.2009, p. 30.

(3)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3.

(4)  Sors: Eurostat.

(5)  Eurostat – Labour market indicators/European Union 27-2010.

(6)  Klassifikazzjoni tal-Eurostat għall-kategorija tal-età 15-64.

(7)  Klassifikazzjoni tal-Eurostat għall-kategorija tal-età 15-24.

(8)  Ara Hartmut Schrör, “Enterprise births, survivals and deaths - employment effects” (“Il-ħolqien, is-sopravivenza u l-mewt tal-intrapriżi – l-impatt fuq l-impjieg”) (Eurostat, Statistics in Focus, 44/2008).

(9)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Iż-żoni industrijali Ewropej u n-netwerks ġodda tal-għarfien”, ĠU C 255, 14.10.2005, p. 1 (“European industrial districts and the new knowledge networks” – mhux disponibbli bil-Malti); l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-rwol tal-parks teknoloġiċi fit-trasformazzjoni industrijali tal-Istati Membri l-ġodda”, ĠU C 65, 17.3.2006, p. 51 (“The role of technology parks in the industrial transformation of the new Member States” – mhux disponibbli bil-Malti); u l-opinjoni tal-KESE dwar “Bidliet industrijali, żvilupp tat-territorju u responsabbiltà tal-intrapriżi”, ĠU C 175, 28.7.2009, p. 63.

(10)  Ara l-aċċess u l-istrutturi semplifikati tal-bażi tad-data dwar l-aċċess tas-suq (Market Access Database – MADB).

(11)  Ara László Andor, Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni – IP/10/1541, 23 ta’ Novembru 2010.


Top