EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AR0013

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-pakkett tal-ħalib”

ĠU C 192, 1.7.2011, p. 36–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 192/36


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-pakkett tal-ħalib”

2011/C 192/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-produzzjoni tal-ħalib hija importanti ħafna fl-Unjoni Ewropea. F'ħafna Stati Membri u reġjuni, il-produzzjoni tal-ħalib hija pilastru importanti tal-ekonomija reġjonali u tal-valur miżjud agrikolu. F'dan il-kuntest, il-produzzjoni tal-ħalib għandha kompiti ekoloġiċi importanti, għandha effett sostenibbli fuq il-pajsaġġi kultivati u hija sors ta’ impjiegi importanti fir-reġjuni rurali;

jemmen li l-proċess ta’ riforma għandu jirrispetta d-differenzi reġjonali u strutturali tat-trobbija tal-bhejjem għall-ħalib u tas-settur tal-imħaleb. F'bosta reġjuni, il-ħalib jipproduċuh l-aktar l-intrapriżi tal-familja ż-żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li f'żoni oħra l-produzzjoni tal-ħalib hija ddominata mill-intrapriżi agrikoli l-kbar. Għalhekk, ir-riformi fis-settur tal-ħalib m'għandhomx jipperikolaw dawn l-istrutturi, speċjalment dawk li jikkontribwixxu għat-tkabbir sostenibbli;

jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni tal-UE li tintroduċi ċerti regoli uniformi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-ħalib fl-UE, sabiex il-produtturi tal-ħalib ikollhom il-possibbiltà li jingħaqdu flimkien, anke b'mod transkonfinali, fir-reġjuni kollha;

għalhekk, jaħseb li l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirrikonoxxu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-ħalib skont il-leġislazzjoni nazzjonali u b'konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet tal-liġi tal-UE;

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni tal-UE li jiġu permessi l-organizzazzjonijiet interprofessjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib bil-għan li jingħataw impulsi importanti fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp, tal-appoġġ ta’ produzzjoni ekoloġika u tal-promozzjoni tal-bejgħ;

jinnota li, biex l-UE jkollha produzzjoni tal-ħalib orjentata lejn il-futur, hemm bżonn ta’ sistema ta’ protezzjoni affidabbli li tkun tista’ tirreaġixxi b’mod rapidu u effettiv għall-bidliet straordinarji fis-suq u fil-prezzijiet.

Relatur

Emilia MÜLLER (DE/PPE), Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Federali u Ewropej tal-Freistaat Bayern

Dokumenti ta’ referenza

Rapport mill-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib

COM(2010) 727 finali

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib

COM(2010) 728 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-iżvilupp politiku u l-importanza reġjonali tas-settur tal-ħalib

1.

jinnota li s-settur tal-ħalib jinsab f’wieħed mill-aktar proċessi qawwija ta’ liberalizzazzjoni fl-UE. It-tnaqqis fil-livell ta’ appoġġ intern, id-diżakkoppjar tal-pagamenti diretti u l-primjums tal-ħalib, it-tneħħija gradwali tal-protezzjoni esterna kif ukoll il-pjan li s-sistema tal-kwoti tal-ħalib tintemm fl-2015 jirrappreżentaw sfidi kbar għall-produtturi tal-ħalib u l-imħaleb (dairies);

2.

jistenna li l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-ħalib twassal għal aktar volatilità tal-prezzijiet u, b’hekk, għal inċertezzi kbar fl-ippjanar operattiv tal-produtturi tal-ħalib;

3.

jinsisti fuq il-ħtieġa li titrażżan l-ispekulazzjoni fis-swieq agrikoli dinjija u jenfasizza r-rwol li l-politika tal-kummerċ estern tal-Unjoni Ewropea għandha taqdi f’dan ir-rigward; ifakkar li l-PAK il-ġdida għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tal-awtosuffiċjenza alimentari u li l-kwistjoni tal-ftuħ tas-suq Ewropew għal importazzjonijiet irħas għandha tkun marbuta mad-diskussjonijiet fuq il-proposti dwar ir-regolazzjoni tas-suq Ewropew;

4.

jassumi, mill-banda l-oħra, li l-ftuħ tas-swieq u l-liberalizzazzjoni tal-produzzjoni joffru l-possibbiltà li jiġu identifikati aħjar is-sinjali tas-suq u li tiġi sfruttata d-domanda potenzjalment disponibbli;

5.

jenfasizza li l-produzzjoni tal-ħalib hija importanti ħafna fl-Unjoni Ewropea. F’ħafna Stati Membri u reġjuni, il-produzzjoni tal-ħalib hija pilastru importanti tal-ekonomija reġjonali u tal-valur miżjud agrikolu. F’dan il-kuntest, il-produzzjoni tal-ħalib għandha kompiti ekoloġiċi importanti, għandha effett sostenibbli fuq il-pajsaġġi kultivati u hija sors ta’ impjiegi importanti fir-reġjuni rurali;

6.

jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-ħalib m’għandhiex taffettwa ħażin is-sigurtà tal-provvista tal-ikel fis-suq intern jew twassal għal bidliet mhux ġustifikati fil-preferenzi attwali tal-konsumatur. Fl-oqsma tal-produzzjoni u l-konsum, din lanqas m’għandha twassal għal distorsjonijiet ġodda tas-suq fl-Istati Membri u bejniethom, bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, bejn il-Lvant u l-Punent u mal-pajjiżi terzi;

7.

jemmen li l-proċess ta’ riforma għandu jirrispetta d-differenzi reġjonali u strutturali tat-trobbija tal-bhejjem għall-ħalib u tas-settur tal-imħaleb. F’bosta reġjuni, il-ħalib jipproduċuh l-aktar l-intrapriżi tal-familja ż-żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li f’żoni oħra l-produzzjoni tal-ħalib hija ddominata mill-intrapriżi agrikoli l-kbar. Għalhekk, ir-riformi fis-settur tal-ħalib m’għandhomx jipperikolaw dawn l-istrutturi, speċjalment dawk li jikkontribwixxu għat-tkabbir sostenibbli;

8.

huwa tal-fehma li għandhom jitqiesu wkoll l-istrutturi eteroġeni tas-settur tal-imħaleb għaliex dawn huma importanti immens għall-provvista ta’ prodotti tal-ħalib ta’ kwalità għolja, siguri u sani fl-Unjoni Ewropea minħabba l-firxa wiesgħa ta’ speċjalitajiet reġjonali u prodotti innovattivi li jkunu maħsuba biex jinbiegħu;

9.

jistenna li t-tneħħija gradwali tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib ser iżżid ir-rilokazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib lejn postijiet aktar favorevoli, u dan ser joħloq sfidi kbar għar-reġjuni milquta;

10.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ħalib, b’mod partikolari, huma karatterizzati minn investimenti kbar u proċessi tal-produzzjoni u tal-ipproċessar b’ħafna xogħol, u għalhekk jinvolvu ċikli twal u jeħtieġu ċerta ċertezza fl-ippjanar;

11.

jenfasizza li l-produtturi tal-ħalib qed joqogħdu aktar attenti għas-sinjali tas-suq u qed jibbażaw l-operat tagħhom fuqhom, però għad hemm bżonn sforzi kbar sabiex dawn il-produtturi jirnexxilhom isalvaw f’suq tal-ħalib liberalizzat;

12.

fid-dawl tal-benefiċċji nutrittivi, jixtieq jinkoraġġixxi lill-UE u lill-awtoritajiet fi ħdan l-Istati Membri biex jippromovu b’mod attiv l-Iskema tal-Ħalib fl-Iskejjel Ewropej sabiex jinkoraġġixxu fost it-tfal drawwiet tal-ikel li huma tajbin għas-saħħa;

L-isfidi f’suq tal-ħalib liberalizzat

13.

jistenna li jsiru sett ta’ riformi biex jirrazzjonalizzaw is-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u joħolqu kundizzjonijiet trasparenti, b’regoli li jkunu aċċettatati b’mod komuni mill-atturi tas-suq li jkunu f’pożizzjoni ugwali;

14.

huwa tal-fehma li l-volatilità dejjem akbar tal-prezzijiet tirrappreżenta waħda mill-akbar sfidi tal-produzzjoni tal-ħalib fir-reġjuni. Minħabba l-produzzjoni kontinwa tagħhom li tinvolvi ċikli ta’ produzzjoni twal, għall-produtturi tal-ħalib huwa importanti immens li jkollhom garanzija tal-likwidità u li jkunu jistgħu jegħlbu l-kriżijiet tas-suq;

15.

għaldaqstant, jemmen li l-miżuri u l-possibbiltajiet li jiġi limitat ir-riskju tad-dħul huma komponenti importanti tal-proċess ta’ riforma fis-settur tal-ħalib. Bil-għajnuna ta’ mekkaniżmi settorjali, reġjonali u Komunitarji għall-ġestjoni tar-riskju, għandu jkun possibbli li l-produtturi tal-ħalib jingħataw biżżejjed ċertezza fl-ippjanar. Għas-settur tal-ipproċessar tal-ħalib, il-mekkaniżmi li jiggarantixxu l-prezzijiet jistgħu jkunu importanti daqs il-possibbiltà li jiġi bbilanċjat ir-riskju ta’ settur jew ta’ kooperattiva ta’ produtturi;

16.

jinnota li l-innovazzjoni u r-riċerka ser ikunu fatturi prinċipali għall-iżvilupp b’suċċess u sostenibbli tas-settur; iżda, b’rabta ma’ dan, jenfasizza wkoll il-bżonn li l-konsumatur jingħata informazzjoni affidabbli;

17.

huwa konvint li l-ftuħ tas-swieq u l-liberalizzazzjoni tal-produzzjoni ser joħolqu l-potenzjal għall-esportazzjoni ta’ prodotti adattati għas-swieq ta’ pajjiżi terzi kif ukoll ta’ speċjalitajiet reġjonali u ta’ prodotti ta’ kwalità għolja;

18.

jemmen li dan il-potenzjal jista’ jinħoloq biss permezz ta’ impenn kbir, u li l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, li huma determinanti għall-produzzjoni reġjonali tal-ħalib fl-UE, u s-settur tal-ħalib ser ikollhom bżonn appoġġ addizzjonali f’dan ir-rigward u fl-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur fil-livell reġjonali;

19.

jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-ħalib u l-promozzjoni tal-esportazzjonijiet jistgħu jwasslu għal żviluppi mhux ikkontrollati u bidliet fil-bilanċ attwali tas-suq; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea teżamina x’effetti ser ikollhom il-ftuħ tas-swieq u l-liberalizzazzjoni tas-swieq tax-xogħol fuq il-ktajjen tal-produzzjoni u l-provvista u x’konsegwenzi jista’ jkun hemm b’rabta mal-bidliet fil-konsum domestiku;

L-iżviluppi tas-suq

20.

jieħu nota tar-rapport tal-Kummissjoni dwar is-suq tal-ħalib li jiċċara l-influwenza qawwija tal-iżviluppi tas-suq madwar id-dinja fuq is-settur tal-ħalib Ewropew, u juri kemm kienu importanti l-miżuri tas-suq (l-interventi, il-ħżin privat u r-rifużjoni tal-esportazzjoni) matul l-2009 biex il-prezz tal-ħalib jibqa’ baxx b’mod stabbli;

21.

jirrikonoxxi li l-prezzijiet tal-ħalib straordinarjament għoljin fl-2007 rriżultaw b’mod speċjali minn provvista baxxa fil-livell dinji flimkien ma’ domanda għolja;

22.

jinnota li l-kriżi fis-suq tal-ħalib fl-2009, bi prezzijiet mill-aktar baxxi fl-istorja tal-Ewropa, kienet influwenzata mid-domanda baxxa fl-esportazzjoni minħabba, fost affarijiet oħrajn, il-kriżi ekonomika dinjija, u mill-provvista eċċessiva tal-ħalib; fl-istess waqt, jilqa’ b’sodisfazzjon l-investigazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fatturi li jinfluwenzaw il-prezz tal-bejgħ bl-imnut tal-ħalib;

23.

jenfasizza li l-kriżi fis-suq tal-ħalib kellha impatti differenti fuq ir-reġjuni, però heddet b’mod partikolari l-eżistenza tal-produtturi tal-ħalib madwar l-Ewropa kollha li investew fin-negozju tagħhom;

24.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-konsenja tal-ħalib fl-UE ser tkompli tikber, b’enfasi partikolari fuq l-ipproċessar dejjem akbar ta’ prodotti tal-ġobon u tal-ħalib frisk, li jistgħu kemm jinbiegħu fl-Unjoni Ewropea kif ukoll jiġu esportati;

25.

jirrikonoxxi li f’xi Stati Membri l-kwoti tal-ħalib nazzjonali diġà ma jkollhomx aktar effett vinkolanti meta d-dħul mill-ħalib ikun relattivament tajjeb, u li f’dawn ir-reġjuni qed jiġu identifikati aħjar is-sinjali pożittivi tas-suq;

26.

jaqbel mal-Kummissjoni li s-swieq tal-prodotti dinjija għandhom impatt kbir fuq il-prezzijiet u fuq l-iżvilupp tas-suq fl-UE, u li proprju għas-segmenti tal-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni, il-kapaċità tal-UE li tassorbi r-rilaxx tal-ħażniet ta’ intervent hija importanti għall-istabbiltà tas-suq; madankollu, jistenna wkoll il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-miżuri l-ġodda li ser ikunu ta’ benefiċċju għar-reġjuni kollha tal-UE;

27.

ifakkar li, matul il-kriżi fis-suq tal-ħalib, l-intervent ikkonċerna biss 4,5 % tal-produzzjoni tal-butir u 27,4 % tal-produzzjoni tal-ħalib xkumat, u li, bis-saħħa tal-għajnuna għall-esportazzjoni, ħlisna minn, fost affarijiet oħra, madwar 262 miljun kilo ġobon, madwar 559 miljun kilo ħalib sħiħ tat-trab u kważi 133 miljun kilo butir;

It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-produtturi tal-ħalib fis-suq u kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni

28.

jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Esperti (HLG) dwar il-Ħalib fir-rigward tal-analiżi tal-isfidi li ser ikollu s-settur tal-ħalib f’perjodu medju u twil ta’ żmien u d-deskrizzjoni komprensiva tal-organizzazzjoni u l-istruttura tal-katina tal-valur miżjud fil-pajjiżi tal-UE;

29.

jenfasizza l-konklużjonijiet tal-HLG dwar il-Ħalib fir-rigward tal-eteroġenità u l-ispeċifiċitajiet reġjonali tal-organizzazzjoni tal-produtturi tal-ħalib u tal-istrutturi fl-ipproċessar tal-ħalib;

30.

jinnota li l-produtturi joffru aktar minn nofs il-produzzjoni Ewropea tal-ħalib lil kooperattiva tal-ipproċessar sabiex tqegħidha fis-suq;

31.

jinnota li f’ħafna reġjuni tal-UE l-kumpaniji privati u l-kooperattivi tal-imħaleb, b’mod partikolari, jappoġġjaw il-produzzjoni reġjonali tal-ħalib, jiftħu s-swieq futuri u jiżviluppaw prodotti ta’ suċċess, innovattivi u orjentati lejn is-suq;

32.

jappoġġja l-viżjoni tal-HLG dwar il-Ħalib li matul il-proċess gradwali tal-liberalizzazzjoni tas-suq għandha tiġi eżaminata u msaħħa l-pożizzjoni kompetittiva tal-produtturi tal-ħalib;

33.

f’dan ir-rigward josserva li jeżistu differenzi reġjonali kbar fl-organizzazzjoni tal-produtturi tal-ħalib. Filwaqt li f’xi reġjuni l-intrapriżi l-kbar jiddominaw is-suq, f’reġjuni oħra l-intrapriżi privati ta’ daqs medju u l-kooperattivi tal-imħaleb jikkomplementaw lil xulxin. Madankollu, f’xi reġjuni għad fadal xi jsir biex jittejbu l-istrutturi marbutin mal-provvista;

34.

jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni tal-UE li jiġi appoġġjat l-użu ta’ kuntratti dwar il-konsenja tal-ħalib hija opportunità reali biex il-produtturi tal-ħalib jingħataw aktar ċertezza għall-ippjanar u ċarezza għall-konsenja tal-ħalib tagħhom;

35.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-obbligu li jitfasslu kuntratti dwar il-konsenja tal-ħalib m’għandux ixekkel is-suq intern u/jew iwassal għal distorsjonijiet tas-suq b’rabta mall-kummerċ transkonfinali tal-ħalib;

36.

għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni toqgħod attenta ħafna li l-kuntratti jiġu negozjati b’mod ħieles għalkollox skont ir-regoli tal-UE;

37.

jenfasizza l-vantaġġi li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-ħalib joffru lill-produtturi u lill-kumpaniji tal-ipproċessar meta jiġbru flimkien il-ħalib u meta jinnegozzjaw il-kuntratti dwar il-konsenja tal-ħalib;

38.

jirrikonoxxi l-iżbilanċ fil-katina tal-valur miżjud, speċjalment meta l-produtturi tal-ħalib ma jkollhomx il-possibbiltà li jingħaqdu flimkien sabiex iqiegħdu l-ħalib tagħhom fis-suq;

39.

jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-provvista fil-katina tal-valur miżjud, l-aktar f’suq tal-ħalib fejn il-prezzijiet jiġu stabbiliti mingħajr miżuri ta’ regolazzjoni statali;

40.

jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni tal-UE li tintroduċi ċerti regoli uniformi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-ħalib fl-UE, sabiex il-produtturi tal-ħalib ikollhom il-possibbiltà li jingħaqdu flimkien, anke b’mod transkonfinali, fir-reġjuni kollha;

41.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li f’ċerti Stati Membri u reġjuni jeżistu esperjenzi twal b’rabta mal-kooperattivi tal-produtturi tal-ħalib li jqiegħdu l-konsenji tal-ħalib tagħhom fis-suq b’mod kollettiv;

42.

jilqa’ l-organizzazzjoni tal-produtturi tal-ħalib fil-livell Ewropew, iżda jinnota li din l-organizzazzjoni għandha tqis l-ispeċifiċitajiet reġjonali;

43.

għalhekk, jaħseb li l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirrikonoxxu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-ħalib skont il-leġislazzjoni nazzjonali u b’konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet tal-liġi tal-UE;

44.

jirrikonoxxi li l-organizzazzjonijiet transnazzjonali tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom għandhom bżonn regoli uniformi fil-livell tal-UE;

45.

barra minn hekk, huwa favur li r-regoli l-ġodda li għandhom jiddaħħlu għan-negozjar tal-kuntratti tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom ikunu konformi mas-sistema armonizzata;

46.

jemmen li hemm bżonn li r-regoli dwar l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi m’għandhomx jiġu stabbiliti f’atti delegati billi jolqtu oqsma essenzjali tal-organizzazzjoni komuni tas-suq;

47.

jitlob lill-Kummissjoni biex, fi kwalunkwe każ, ma tipperikolax l-eżistenza tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-ħalib li diġà jeżistu, u biex teżamina bir-reqqa liema regoli u kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-ħalib hemm bżonn sabiex dawn ikunu jistgħu jqiegħdu l-ħalib fis-suq b’suċċess fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tas-settur u tad-differenzi strutturali bejn ir-reġjuni;

48.

jemmen li jista’ jkun hemm bżonn regoli tranżitorji għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-ħalib diġà rikonoxxuti;

49.

jaħseb li jagħmel sens li l-limiti għall-akkomunament tal-ħalib mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-ħalib ma jiġux applikati għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-ħalib integrati vertikalment li jipproċessaw il-ħalib;

50.

jitlob li jkun hemm il-possibbiltà li jiġu eżaminati mill-ġdid il-limiti massimi għall-akkomunament sabiex jiġi żgurat li ma tiġix limitata jew eliminata l-kompetizzjoni fis-suq tal-ħalib;

51.

f’dan ir-rigward, jilqa’ bis-sħiħ il-possibbiltà li l-limiti massimi nazzjonali jitnaqqsu għal livell adegwat sabiex tiġi garantita l-kompettizzjoni reġjonali u nazzjonali b’rabta mal-ħalib. Il-protezzjoni tal-imħaleb iż-żgħar u ta’ daqs medju eżistenti mill-ostakli tal-kompetizzjoni hija importanti immens għall-eżistenza tagħhom u, b’hekk, għall-iżgurar ta’ produzzjoni tal-ħalib reġjonali ta’ suċċess;

52.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni tal-UE li jiġu permessi l-organizzazzjonijiet interprofessjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib bil-għan li jingħataw impulsi importanti fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp, tal-appoġġ ta’ produzzjoni ekoloġika u tal-promozzjoni tal-bejgħ;

53.

jimmira li jkun hemm kompetizzjoni sana li bis-saħħa tagħha tiġi żgurata parti adegwata mill-valur miżjud għall-operaturi kollha tas-suq;

54.

jitlob lill-Kummissjoni tal-UE li tipprevedi reviżjoni regolari tar-regoli dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u dawk interprofessjonali, sabiex il-parteċipanti fil-katina tal-valur miżjud tal-ħalib ikollhom bażi affidabbli għall-akkomunament u direzzjoni tas-suq fit-tul;

55.

jagħraf il-bżonn għall-Kummissjoni tal-UE li tingħata informazzjoni tajba dwar is-suq fil-ħin, però huwa mħasseb dwar l-użu u s-siwi ta’ din l-informazzjoni, billi din jista’ jkollha impatt fuq suq volatili li huwa suxxettibbli wkoll għall-ispekulazzjonijiet;

Il-miżuri tas-suq

56.

jinnota li, biex l-UE jkollha produzzjoni tal-ħalib orjentata lejn il-futur, hemm bżonn ta’ sistema ta’ protezzjoni affidabbli li tkun tista’ tirreaġixxi b’mod rapidu u effettiv għall-bidliet straordinarji fis-suq u fil-prezzijiet;

57.

għalhekk, jitlob li l-interventi ma jkunux limitati għal perjodu speċifiku sabiex ikun jista’ jkun hemm rispons effettiv u rapidu għall-kriżijiet;

58.

jitlob li, għall-każijiet ta’ kriżi, terġa’ tiddaħħal il-promozzjoni tal-ħżin privat tal-ġobon fl-UE sabiex ikun hemm sistema ta’ protezzjoni adegwata wkoll għall-fatt li l-produzzjoni qed tibbaża dejjem aktar fuq il-ġobon;

59.

jenfasizza l-importanza kbira tal-miżuri maħsuba biex jistabbilizzaw is-suq tal-ħalib, u jitlob lill-Kummissjoni żżomm il-possibbiltà li f’każ ta’ kriżi tingħata l-għajnuna għall-esportazzjoni taħt kundizzjonijiet stretti;

60.

jiddubita kemm huwa effettiv li l-produzzjoni tal-ħalib fl-UE titnaqqas b’bejn 1 % u 2 % filwaqt li jingħata kumpens;

61.

għandu dubju dwar it-tfassil u l-fattibbiltà ta’ tnaqqis volontarju tal-produzzjoni filwaqt li jingħata kumpens, minħabba li miżura ta’ dan it-tip tippromovi l-ispekulazzjonijiet u tiftaħ il-possibbtilà li jkun hemm l-abbużi. Barra minn hekk, miżura ta’ dan it-tip tmur kontra l-adattament tal-produzzjoni għall-iżvilupp tas-suq min-naħa tal-produtturi.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Premessa (6)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(6)

Hemm problema ta’ trażmissjoni tal-prezz tul il-katina, b’mod partikolari rigward il-prezzijiet meta l-prodott jitlaq mir-razzett. Min-naħa l-oħra, matul l-2009, il-provvista tal-ħalib ma weġbitx għal domanda aktar baxxa. Fil-fatt, f’xi Stati Membri produtturi kbar, bħala reazzjoni għal prezzijiet aktar baxxi, ir-raħħala pproduċew aktar milli fis-sena preċedenti. Il-valur miżjud fil-katina sar dejjem aktar ikkonċentrat fis-setturi fi tmiem il-katina, b’mod partikolari fl-imħaleb.

(6)

Hemm problema ta’ trażmissjoni tal-prezz tul il-katina, b’mod partikolari rigward il-prezzijiet meta l-prodott jitlaq mir-razzett. Min-naħa l-oħra, matul l-2009, il-provvista tal-ħalib għal domanda aktar baxxa. Fil-fatt, f’xi Stati Membri produtturi kbar, bħala reazzjoni għal prezzijiet aktar baxxi, ir-raħħala pproduċew aktar milli fis-sena preċedenti. Il-valur miżjud fil-katina sar dejjem aktar ikkonċentrat fis-setturi fi tmiem il-katina.

Raġuni

Ir-risposta tar-raħħala għall-kriżi fis-suq tal-ħalib kienet varjata madwar l-Istati Membri. Skont ir-rapport tal-Kummissjoni, kien hemm tnaqqis ġenerali ta’ 0.6 % fil-kunsinni tal-ħalib fl-2009 meta mqabbel mal-2008.

F’termini ta’ sehem fil-valur miżjud, in-naħa tad-domanda (il-kummerċ) kellha l-vantaġġ fuq in-naħa tal-provvista (il-produtturi u dawk li jipproċessaw).

Emenda 2

Artikolu 122

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, il-punt li ġej jiġi miżjud wara l-punt (iii):

“(iiia)

ħalib u prodotti tal-ħalib;”

Artikolu 122:

Raġuni

L-inklużjoni tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib fl-Artikolu 122(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 tista’ twassal għal regolament definittiv u komplet, taħt l-Artikolu 124(1) tar-Regolament, li jfixkel is-sistemi regolatorji operattivi eżistenti fil-livell nazzjonali. Bil-għan li niżguraw li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jibqgħu jiġu rikonoxxuti taħt il-liġi nazzjonali u b’konformità mal-liġi tal-UE, is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib għandu jiġi regolat mhux, kif propost, taħt l-Artikolu 122(a) tar-Regolament iżda pereżempju f’paragrafu 5 ġdid tal-Artikolu 122. B’hekk jitqiesu d-differenzi nazzjonali u jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Jista’ jkun hemm bżonn regoli standard fil-livell tal-UE għall-organizzazzjonijiet transnazzjonali tal-produtturi, u għaldaqstant il-proposta tawtorizza lill-Kummissjoni tadotta dispożizzjonijiet komuni ta’ implimentazzjoni għal dan is-settur.

Madankollu, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent. B’hekk jitqiesu d-differenzi nazzjonali u jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija li jistabbilixxu kwalunkwe kundizzjoni oħra għar-rikonoxximent.

Emenda 3

Artikolu 126a(3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Fil-Kapitolu II tat-Titolu II tal-Parti II, it-Taqsima IIa li ġejja hija miżjuda: “(…) Artikolu 126a Negozjati kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

(…)

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, referenzi għal organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom ikopru wkoll assoċjazzjonijiet ta’ dawn l- organizzazzjonijiet tal-produtturi. Sabiex jiġi żgurat li dawn l-assoċjazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu ssorveljati b’mod adegwat, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti delegati, tadotta r-regoli dwar il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ assoċjazzjonijiet bħal dawn.”

Fil-Kapitolu II tat-Titolu II tal-Parti II, it-Taqsima IIa li ġejja hija miżjuda: “(…) Artikolu 126a Negozjati kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

(…)

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, referenzi għal organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom ikopru wkoll assoċjazzjonijiet ta’ dawn l- organizzazzjonijiet tal-produtturi. Sabiex jiġi żgurat li ikunu jistgħu jiġu ssorveljati b’mod adegwat, il-Kummissjoni tista’ permezz ta’ atti delegati.”

Raġuni

L-Artikolu 126a tal-abbozz jistabbilixxi r-regoli dwar in-negozjati kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib. L-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni biex “tadotta r-regoli dwar il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ assoċjazzjonijiet bħal dawn” permezz ta’ atti delegati ma taqbilx mal-istruttura tal-Artikolu 126a tal-abbozz u għalhekk għandha titħassar.

Madankollu, ikun utli jekk jiġu stabbiliti regoli dwar il-monitoraġġ adatt kemm tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fir-rigward tan-negozjati kuntrattwali regolati fil-paragrafi 1 u 2.

Għadaqstant, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 126a(3), tadotta atti delegati f’dan ir-rigward għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom.

Emenda 4

Artikolu 126b ĠDID

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Wara l-Artikolu 126a jiżdied l-Artikolu 126b li ġej:

Raġuni

Ir-regoli dwar ir-rikonoxximent tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma aspetti essenzjali li m’għandhomx jiġu inklużi fl-atti delegati – skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 126a(3) tal-abbozz – iżda għandhom jiġu inklużi fir-Regolament stess.

Jista’ jkun hemm bżonn regoli standard fil-livell tal-UE għall-assoċjazzjonijiet transnazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, u għaldaqstant il-proposta tawtorizza lill-Kummissjoni tadotta dispożizzjonijiet komuni ta’ implimentazzjoni għal dan is-settur.

Madankollu, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent. B’hekk jitqiesu d-differenzi nazzjonali u jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija li jistabbilixxu kwalunkwe kundizzjoni oħra għar-rikonoxximent.

Emenda 5

Artikolu 204

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Fl-Artikolu 204, il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“6.   F’dak li jirrigwarda s-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, il-punt (iiia) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 u l-Artikoli 123(4), 126a, 177a, 185e u 185f għandhom japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2020.”

Fl-Artikolu 204, il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“6.   F’dak li jirrigwarda s-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, paragrafu tal-Artikolu 122 u l-Artikoli 123(4), 126a, 177a, 185e u 185f għandhom japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2020.”

Raġuni

Ara l-emendi 2 u 4.

Emenda 6

Artikolu 185f(2)(c)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

iii)

it-tul tal-kuntratt, li jista’ jinkludi żmien indefinit bi klawżoli ta’ twaqqif.

iii)

it-tul tal-kuntratt, li jista’ jinkludi żmien indefinit bi klawżoli ta’ twaqqif.

Raġuni

L-elementi bażiċi tal-kuntratti għandhom jipprovdu l-akbar flessibbiltà possibbli, għall-benefiċċju kemm tal-produtturi kif ukoll tal-kumpaniji tal-ipproċessar.

Brussell, it-12 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


Top