EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AR0015

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Lejn rispons Ewropew aktar b’saħħtu għad-diżastri”

ĠU C 192, 1.7.2011, p. 15–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 192/15


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Lejn rispons Ewropew aktar b’saħħtu għad-diżastri”

2011/C 192/04

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza l-importanza tal-governanza fil-livelli lokali u reġjonali fil-qasam tar-rispons għad-diżastri. Ħafna drabi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu minn ta’ quddiem nett fil-ġlieda kontra d-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem u għalhekk dawn għandhom jiġu involuti fl-iżviluppi li jsiru fil-qasam b’mod partikolari abbażi tal-fatt li f’ħafna Stati Membri, il-kompetenzi legali fil-qasam jaqgħu taħt il-livelli lokali u reġjonali;

jenfasizza kemm huwa importanti l-impenn tal-UE li tappoġġja l-miżuri li jieħdu l-Istati Membri. Id-danni li ħolqu fil-passat id-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem juru li għad hemm bżonn ta’ xi titjib fl-Istati Membri u anki l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi għandha tissaħħaħ. F’dan il-kuntest, l-UE, l-aktar billi ttejjeb il-koordinazzjoni, tista’ tagħti kontribut ta’ valur għal kooperazzjoni iktar effettiva u effiċjenti;

ifakkar, madankollu, li l-protezzjoni ċivili hija oriġinarjament kompitu tal-Istati Membri u l-livelli reġjonali u lokali tagħhom u l-kompetenzi tagħhom m’għandhomx jiġu ostakolati;

jenfasizza li t-TFUE jistabbilixxi rwol supplimentari, ta’ appoġġ u ta’ koordinazzjoni fil-qasam tar-rispons għad-diżastri. Għalhekk iċ-ċentri ta’ monitoraġġ tal-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili għandhom rwol ta’ koordinazzjoni, filwaqt li l-UE la għandha l-kompetenzi fir-rigward tat-twaqqif tal-unitajiet tagħha u lanqas ma tista’ tmexxi l-unitajiet u r-riżorsi l-oħra pprovduti mill-Istati Membri. Kull pjan u miżura għalhekk għandhom jiġu aġġustati u jsiru b’konformità mar-rekwiżiti li jippermettu lill-Istati Membri jimplimentaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

jesprimi l-impenn tiegħu favur il-prinċipji tas-solidarjetà, il-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-appoġġ bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li hemm bżonn ta’ iktar koerenza, effiċjenza u viżibilità sabiex jintlaħaq l-għan ta’ kapaċità msaħħa u integrata tar-rispons għad-diżastri tal-UE.

Relatur

Is-Sur Norbert KARTMANN (DE/PPE), Membru tal-Landtag ta’ Hessen

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Lejn rispons Ewropew aktar b’saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja

COM(2010) 600 finali.

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ l-għan tal-Kummissjoni li ttejjeb il-koerenza tal-politika tar-reazzjoni għad-diżastri u li tfassal kunċett ġenerali bilanċjat u uniku tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni ċivili hekk kif diġà talab li jsir il-KtR (1);

2.

jenfasizza l-importanza tal-governanza fil-livelli lokali u reġjonali fil-qasam tar-rispons għad-diżastri. Ħafna drabi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu minn ta’ quddiem nett fil-ġlieda kontra d-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem u għalhekk dawn għandhom jiġu involuti fl-iżviluppi li jsiru fil-qasam b’mod partikolari abbażi tal-fatt li f’ħafna Stati Membri, il-kompetenzi legali fil-qasam jaqgħu taħt il-livelli lokali u reġjonali;

3.

jafferma mill-ġdid, b’mod partikolari fid-dawl tad-diżastru fil-Ġappun, l-importanza ta’ sistema effettiva ta’ appoġġ u rispons rapidu għall-ħarsien tal-popolazzjoni, li jista’ jiġi garantit biss fil-livell lokali u reġjonali; jenfasizza t-talba li għamel fir-Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-konsegwenzi tal-katastrofi naturali fil-Ġappun u l-konsegwenzi tad-diżastru nukleari: tagħlimiet għall-Unjoni Ewropea” (CdR 123/2011) li jsir dibattitu dwar kwistjonijiet ċentrali tas-sigurtà abbażi tal-evidenza li toħroġ mill-Ġappun u li jitqiesu l-aħħar riżultati tar-riċerka fil-qasam; jitlob lill-Istati Membri u lir-reġjuni sabiex jeżaminaw l-ippjanar atttwali tagħhom fir-rigward tal-prevenzjoni tad-diżastri skont din l-evidenza u li fejn hemm bżonn jaġġornawh;

4.

jilqa’ l-kjarifika tal-Kummissjoni li t-tisħiħ tal-kapaċità Ewropea ta’ rispons għad-diżastri għandu jsir permezz tal-unitajiet u l-forzi li jipprovdu l-Istati Membri. Il-KtR japprova l-Istrateġija tal-Kummissjoni li tibni fuq l-istrutturi li diġà jeżistu, li timmira r-riżorsi b’mod iktar effettiv u li tikkoordina l-użu tagħhom mingħajr ma toħloq iktar strutturi amministrattivi. Permezz ta’ koordinazzjoni mtejba jistgħu jinkisbu riżultati iktar effettivi għal dawk milquta mid-diżastri;

5.

fil-ħidma li ssir fil-qasam tar-rispons għad-diżastri, jimpenja ruħu favur il-prinċipji tas-solidarjetà, is-sussidjarjetà u l-prevenzjoni;

6.

jenfasizza kemm huwa importanti l-impenn tal-UE li tappoġġja l-miżuri li jieħdu l-Istati Membri. Id-danni li ħolqu fil-passat id-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem juru li għad hemm bżonn ta’ xi titjib fl-Istati Membri u anki l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi għandha tissaħħaħ. F’dan il-kuntest, l-UE, l-aktar billi ttejjeb il-koordinazzjoni, tista’ tagħti kontribut ta’ valur għal kooperazzjoni iktar effettiva u effiċjenti;

7.

jenfasizza kemm hija importanti din it-tema fid-dawl tat-tibdil fil-klima – il-frekwenza u s-severità tad-diżastri naturali huma allarmanti u l-għargħar, in-nixfiet u n-nirien fil-foresti, kif ukoll il-ħsara kkawżata mill-kesħa u s-silġ, b’mod partikolari huma theddida li qed tkompli tikber;

8.

jenfasizza wkoll l-importanza ta’ din il-kwistjoni fil-kuntest ta’ katastrofi naturali oħrajn. Eżempju ta’ dan huma l-eruzzjonijiet tal-vulkani u t-terremoti li, kif turi l-istatistika, qegħdin jaffettwaw u ser jaffettwaw lin-nofsinhar tal-Ewropa u t-Turkija u anki l-Ewropa Ċentrali, f’temp ta’ żmien varjabbli;

9.

jindika li t-Trattat ta’ Lisbona introduċa klawsola ta’ solidarjetà (Artikolu 222 TFUE), li tistabbilixxi li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jgħinu lil xulxin fil-każ ta’ diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem fit-territorju tal-UE. Barra minn hekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa’ b’sodisfazzjon it-tisħiħ tar-rwol ta’ koordinatur tal-UE skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 6(2)(f), u l-Artikoli 2(5) TFUE u 196 TFUE;

L-evalwazzjoni tan-nuqqasijiet

10.

jispjega li l-punt tat-tluq għal iktar azzjoni fil-qasam tat-tisħiħ tar-rispons għad-diżastri u l-kriżijiet għandha tkun analiżi strutturata tas-sitwazzjoni u ta’ kwalunkwe nuqqasijiet sabiex b’hekk ikunu jistgħu jiġu żviluppati soluzzjonijiet speċifiċi għal kull sitwazzjoni;

11.

jenfasizza li punti importanti fil-qasam huma l-identifikazzjoni u l-inventarju tar-riżorsi disponibbli fl-Istati Membri. Apparti miżuri għat-titjib tal-koordinazzjoni u d-disponibbiltà, pass ieħor għandu jkun, li abbażi tar-riżorsi identifikati, jiġi analizzat liema nuqqasijiet jeżistu u fejn hemm bżonn konkret ta’ appoġġ fl-Istati Membri sabiex jottimizzaw il-provvisti tagħhom. Il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu bbażati biss fuq riżultati affidabbli tal-evalwazzjoni;

Moduli ta’ rispons Ewropew għad-diżastri

12.

jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tiżviluppa sistema ta’ ppjanar minn qabel li tmur lil hinn mill-kunċett attwali ta’ għajnuna ad hoc għall-Istati Membri;

13.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-iżvilupp ta’ xenarji ta’ referenza, l-identifikazzjoni u l-ippjanar tar-riżorsi nazzjonali disponibbli abbażi ta’ dawn ix-xenarji kif ukoll l-implimentazzjoni tal-eżerċizzji huma miżuri tajba li jwasslu sabiex ir-riżorsi disponibbli jkunu jistgħtu jintużaw b’mod iktar effettiv u effiċjenti għall-ħarsien taċ-ċittadini u jkunu jistgħu jiġu kkontrollati jew ikkomplementati fil-ħin. Il-pjani ta’ emerġenza jistgħu jkunu strumenti utli wkoll;

14.

jagħraf l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tkompli ttejjeb il-kapaċità ta’ rispons għad-diżastri. Dan għandu jsir billi jkompli jiġi żviluppat il-prinċipju stabbilit fil-mekkaniżmu Komunitarju;

Prinċipji tar-rispons għad-diżastri: is-solidarjetà, is-sussidjarjetà u l-prevenzjoni

15.

jesprimi l-impenn tiegħu favur il-prinċipju tas-solidarjetà u tal-għajnuna reċiproka f’sitwazzjonijiet ta’ diżastru hekk kif imfissra f’bosta ftehimiet transnazzjonali u bilaterali u l-ftehimiet ta’ għoti ta’ għajnuna bejn ir-reġjuni. Il-forom ta’ kooperazzjoni bejn ir-reġjuni li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali juru li huma preċiżament ir-reġjuni li jagħtu kontribut sinifikanti għal rispons għad-diżastri rapidu. Din il-kooperazzjoni b’suċċess tinkludi wkoll l-għan komuni li jinħolqu mapep tar-riskju kif ukoll li ssir analiżi tat-theddidiet potenzjali. Hawnhekk ir-reġjuni jaqdu rwol ċentrali peress li huma partikolarment milqutin fir-rigward tad-diżastri naturali u għalhekk nedew servizzi ta’ protezzjoni ċivili u kisbu l-esperjenzi li jistgħu jiġu esportati lejn il-pajjiżi terzi ġirien; b’mod partikolari r-reġjuni ultraperiferiċi kisbu esperjenzi prezzjużi li jistgħu jiġu trasferiti lejn ir-reġjuni tal-madwar;

16.

jenfasizza r-responsabbiltà individwali tal-Istati Membri f’dan il-qasam u l-kompetenzi legali tal-UE skont l-Artikolu 196 tat-TFUE hekk kif urew il-Konlużjonijiet tal-KAĠRE tal-14 ta’ Diċembru 2010 (2);

17.

jerġa’ jisħaq li jeħtieġ li jiġu appoġġjati wkoll l-Istati Membri u r-reġjuni li ta’ spiss jintlaqtu minn diżastri naturali sabiex dawn ikunu iktar kapaċi jirrispondu għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza b’mod rapidu u effettiv;

18.

huwa tal-fehma li l-appoġġ li jingħata mill-UE għall-eliminazzjoni tan-nuqqasijiet f’oqsma individwali għandu jingħata b’tali mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżidu u jestendu l-kapaċitajiet tagħhom għall-prevenzjoni tad-diżastri b’konformità mal-istandards u r-rekwiżiti adottati mill-UE;

19.

jenfasizza li t-TFUE jistabbilixxi rwol supplimentari, ta’ appoġġ u ta’ koordinazzjoni fil-qasam tar-rispons għad-diżastri. Għalhekk, iċ-ċentri ta’ monitoraġġ tal-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili għandhom rwol ta’ koordinazzjoni, filwaqt li l-UE la għandha l-kompetenzi fir-rigward tat-twaqqif tal-unitajiet tagħha u lanqas ma tista’ tmexxi l-unitajiet u r-riżorsi l-oħra pprovduti mill-Istati Membri. Kull pjan u miżura għalhekk għandhom jiġu aġġustati u jsiru b’konformità mar-rekwiżiti li jippermettu lill-Istati Membri jimplimentaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

20.

jinnota li huwa importanti li l-unitajiet u l-istituzzjonijiet fil-livelli reġjonali u lokali fl-Istati Membri jaqdu rwol ċentrali fl-istruttura tal-protezzjoni ċivili. Il-forzi nazzjonali, reġjonali u lokali huma dawk li jistgħu jagħtu l-aktar rispons effettiv u rapidu għad-diżastri. Huwa biss permezz ta’ netwerk komprensiv ta’ miżuri ta’ prevenzjoni adatti li d-diżastri jistgħu jiġu miġġielda b’mod rapidu u effettiv u li l-effetti tagħhom jitnaqqsu bl-aħjar mod possibbli. L-esperjenza fil-qasam tal-ġlieda tad-diżastri attwali (nirien fil-foresti u l-għargħar) turi kemm huwa importanti li r-rispons għad-diżastri jkun rapidu u rigoruż sabiex dan jirnexxi;

21.

jemmen li huwa indispensabbli li jkompli jkun hemm kooperazzjoni intensiva bejn ir-reġjuni u ż-żoni li huma esposti għal theddida komuni. B’rabta ma’ dan, ir-reġjuni, bħala l-korpi kompetenti u responsabbli minn rispons għad-diżastri effettiv u effiċjenti fuq il-post, jenfasizzaw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur is-solidarjetà internazzjonali. Attwalment jeżistu bosta ftehimiet transkonfinali u ta’ għajnuna li permezz tagħhom ir-reġjuni ħadu l-impenn favur għajnuna mutwa u li jiffurmaw il-bażi ta’ kooperazzjoni ta’ suċċess. Ir-reġjuni diġà wrew f’bosta każijiet li jinsabu fil-qagħda li lil dawn il-ftehimiet jagħtuhom il-ħajja. Il-bżonn li tinħoloq mappa tar-riskju kif ukoll li ssir analiżi tat-theddidiet potenzjali jista’ jkun ta’ valur kbir għall-kwistjonijiet prattiċi;

22.

jispjega li rispons għad-diżastri fil-post li jkopri ż-żona kollha u li huwa effettiv jista’ jinkiseb b’mod partikolari wkoll permezz tal-għajnuna tal-volontarji. It-tisħiħ tal-istrutturi tal-volontarjat għalhekk huwa mod effettiv ta’ kif jittejbu l-kapaċitajiet tar-rispons għad-diżastri fir-reġjuni. Il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex fil-futur tkompli tappoġġja l-bini u l-espansjoni tal-istrutturi tal-protezzjoni ċivili volontarja fir-reġjuni fejn dan huwa mixtieq. Is-Sena Ewropa tal-Volontarjat għandha tintuża sabiex jingħata appoġġ lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex jibnu l-istrutturi adegwati;

23.

jagħraf b’mod partikolari li fil-kuntest tat-tibdil fil-klima u tat-theddida tad-diżastri naturali li dejjem qed tiżdied, it-tema tal-prevenzjoni għandha sinifikat importanti ħafna. L-UE għandha ssaħħaħ l-attivitajiet tagħha f’dan ir-rigward u b’mod partikolari tappoġġja lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri neċessarju sabiex jevitaw id-diżastru u sabiex jillimitaw kemm jista’ jkun l-impatt tagħhom. L-esperjenza tan-nirien fil-foresti fin-Nofsinhar tal-Europa uriet is-suċċess li jista’ jkollhom il-miżuri ta’ prevenzjoni u s-sinifikat tagħhom;

Il-prinċipji tal-miżuri ta’ għajnuna umanitarja

24.

minħabba l-ftehimiet organizzattivi u legali bejn ir-reġjuni (partijiet), jappoġġja l-użu tal-effett tas-sinerġija li ġej mill-miżuri ppjanati għat-tisħiħ taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni (ĊMI) bħala korp li jikkoordina l-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja. Jeħtieġ madanakollu li jinżammu d-differenzi legali u strutturali bejn dawn iż-żewġ oqsma;

25.

jappoġġja l-isforz sabiex il-miżuri ta’ għajnuna umanitarja jiġu koordinati aħjar mal-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna statali u l-NGOs internazzjonali. Permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa u permezz tal-possibbiltajiet li jintużaw il-bażijiet tad-data tal-IT tal-partijiet individwali (reġjuni), għandu jkun jista’ jiġi evitat l-iżvilupp ta’ strutturi doppji. Dan jgħodd b’mod partikolari għat-twaqqif ta’ mħażen ta’ oġġetti ta’ għajnuna tal-UE stess. B’mod partikolari fil-qasam tal-assistenza materjali hemm bżonn li jinstabu sinerġiji bejn l-għajnuna li tingħata mill-Istati Membri u l-għajnuna umanitarja finanzjata mill-UE b’tentattiv biex l-isforzi jkunu kkoordinati mal-atturi l-oħra kollha, speċjalment mar-reġjuni, sabiex tiżdied l-effikaċja ta’ din l-għajnuna;

26.

ifakkar li s-sitwazzjoni ġeostrateġika ta’ xi reġjuni, bħal dik tar-reġjuni ultraperiferiċi, tagħmilhom atturi privileġġati Ewropej fil-kuntest tal-intervent umanitarju ta’ emerġenza barra l-UE, bħalma wrew l-azzjonijiet reċenti bħal pereżemju fil-każ ta’ Ħaiti;

27.

iqis li huwa kompitu ċentrali li fil-futur is-servizzi fil-qasam tar-rispons għad-diżastri u l-għajnuna umanitarja jsiru iktar viżibbli. Dan ma jservix biss sabiex il-pubbliku jirċievi informazzjoni dwar ir-rispons tal-UE għad-diżastri u biex isaħħaħ lill-Komunita politikament bħala imsieħba internazzjonali responsabbli u affidabbli, iżda wkoll sabiex ikompli jimmotiva fl-impenn tagħhom lil ħafna minn dawk li jagħtu għajnuna u li huma dawk li jagħmlu dawn l-azzjonijiet possibbli. L-iżvilupp ta’ strateġija komuni ta’ komunikazzjoni, appoġġata minn strumenti tal-IT u paġni elettroniċi (bażijiet tad-data tal-kapaċitajiet u r-riżorsi), huwa element importanti għat-titjib tal-viżibilità. Din l-istrateġija ta’ komunikazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni preċiża tal-prestazzjoni tal-mekkaniżmi u l-istrutturi ta’ għajnuna li jeżistu;

28.

jiġbed l-attenzjoni għall-esperjenzi li nkisbu mill-operazzjonijiet internazzjonali ta’ għajnuna għad-diżastri li wrew li fattur ċentrali ta’ għajnuna effettiva hija d-disponibbiltà rapida u mhux burokratika tal-kapaċitajiet tat-trasport. Fid-dawl tat-titjib tal-operazzjonijiet internazzjonali ta’ għajnuna, il-KtR jilqa’ b’mod partikolari l-proposti għat-tisħiħ tal-kofinanzjament tal-ispejjeż tat-trasport. B’rabta ma’ dan għandu jiġi analizzat kif jistgħu jittejbu l-provvista u l-koordinazzjoni tal-kapaċitajiet rilevanti tat-trasport. Hawnhekk jeħtieġ li jinstabu mezzi li jippermettu lil dawk li jagħtu l-għajnuna li jipprovduha mingħajr spejjeż addizzjonali tat-trasport, lir-reġjuni milquta malajr u mingħajr burokrazija. L-għan għandu jkun li jiġi żgurat li sa fejn hu possibbli dawk li diġà qed jipprovdu r-riżorsi neċessarji jinħelsu mill-ispejjeż tat-trasport;

29.

iħeġġeġ li tkompli tiġi promossa u appoġġjata l-kooperazzjoni ta’ suċċess bejn ir-reġjuni b’mod partikolari wkoll fil-qasam tal-miżuri ta’ prevenzjoni statali rispettivi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-inizjattiva INTERREG tat prova li hija effettiva ħafna fl-iskambju ta’ prattiki li kellhom suċċess fil-prattika fil-prevenzjoni ta’ diżastri naturali preċiżament fil-kuntesti transkonfinali msemmija. It-twaqqif tar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) jista’ jkompli jgħin sabiex titjieb l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-prevenzjoni tad-diżastri fl-oqsma ta’ bażi tad-data komuni, eżerċizzji, evalwazzjoni tar-riskju u sistemi ta’ twissija bikrija, kif ukoll it-trasferiment tat-teknoloġija u l-iskambju ta’ esperti;

30.

iqis b’mod pożittiv ix-xewqa tal-Kummissjoni li r-riżorsi disponibbli jintużaw bl-iktar mod effettiv possibbli u li m’għandu jinħoloq l-ebda piż finanzjarju u burokratiku addizzjonali. Dan għandu importanza partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li minkejja l-għarfien kbir tagħhom fil-qasam tal-prevenzjoni u r-rispons għad-diżastri, għandhom baġit limitat. Dan jgħodd b’mod partikolari wkoll għall-qasam tal-operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja li m’għandhomx sors partikolari għalihom fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għax dawn ma jaqgħux taħt il-kompetenzi oriġinali tagħhom;

It-tisħiħ u t-tħaddim taċ-ĊMI

31.

jilqa’ t-tisħiħ pjanat taċ-ĊMI bħala korp għall-koordinazzjoni tal-interventi kemm tal-għajnuna matul id-diżastri fiż-żoni Komunitarji kif ukoll f’interventi umanitarji barra mill-UE, b’mod partikolari f’dawk il-pajjiżi l-iktar vulnerabbli għal diżastri u li għandhom il-livell l-iktar baxx fil-hekk imsejjaħ “Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem” tan-Nazzjonijiet Uniti. Jeħtieġ madanakollu li dan ma jassumix kompiti operattivi fil-qasam. Ir-responsabbiltà operattiva għandha tibqa’ tal-provvedituri tal-għajnuna li huma fl-aħjar pożizzjoni li jagħtuha;

Konklużjoni

32.

jesprimi l-impenn tiegħu favur il-prinċipji tas-solidarjetà, il-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-appoġġ bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni ċivili (3) u jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li hemm bżonn ta’ iktar koerenza, effiċjenza u viżibilità sabiex jintlaħaq l-għan ta’ kapaċità msaħħa u integrata tar-rispons għad-diżastri tal-UE;

33.

ifakkar ukoll li l-protezzjoni ċivili hija oriġinarjament kompitu tal-Istati Membri u l-livelli reġjonali u lokali tagħhom u l-kompetenzi tagħhom m’għandhomx jiġu ostakolati;

34.

fid-dawl tal-kompiti tal-UE skont l-Artikolu 6(2f), u l-Artikoli 2(5) TFUE u 196 TFUE, jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ma laqgħetx it-talba li tistabbilixxi korp Ewropew tal-protezzjoni ċivili;

35.

jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni li tiżviluppa kunċett komuni Komunitarju sabiex tirregola l-oqsma tal-prevenzjoni, ir-rispons u l-ġestjoni tal-impatti tad-diżastri abbażi tat-Trattati.

Brussell, il-11 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 139/2009 fin.

(2)  Konklużjonijiet tal-KAĠRE, 3060. Laqgħa tal-14.12.2010.

(3)  Kif stqarr ukoll hawn: CdR 116/2006 fin


Top