EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AR0408

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Politika tal-iżvilupp tal-UE għall-appoġġ ta’ tkabbir inklussiv u żvilupp sostenibbli – żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE”

ĠU C 192, 1.7.2011, p. 10–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 192/10


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Politika tal-iżvilupp tal-UE għall-appoġġ ta’ tkabbir inklussiv u żvilupp sostenibbli – żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE”

2011/C 192/03

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jaqbel mal-Kummissjoni li, minkejja l-avvanzi f'ċerti oqsma soċjali, għad hemm ħafna xi jsir biex jitwettqu l-impenji tal-iżvilupp stabbiliti mill-komunità internazzjonali iktar minn għaxar snin ilu fid-Dikjarazzjoni tal-Millennju;

iqis li għandha tingħata iktar attenzjoni lill-fatturi relatati mar-riżorsi disponibbli għall-finanzjament tal-iżvilupp, filwaqt li jinżammu l-impenji tal-għajnuna, b'appoġġ għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi jsaħħu s-sistemi fiskali tagħhom, tiġi miġġielda l-korruzzjoni, tiġi promossa l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, kontra t-tluq tal-kapital u l-flussi finanzjarji illegali u jiġi appoġġjat it-tiftix ta’ sorsi ġodda ta’ finanzjament;

jiddispjaċih li għalkemm il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi r-rwol fundamentali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tal-għajnuna għall-iżvilupp u l-programmi ta’ kooperazzjoni, il-Green Paper ma ssemmix ir-rwol dejjem ikbar li dawn l-awtoritajiet jaqdu f'politika ta’ kooperazzjoni tal-UE li taspira li tkun effettiva u li jkollha l-appoġġ tas-soċjetà kollha. Għalhekk, jappella biex jitqies b'mod iktar importanti r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni ta’ żvilupp ta’ bażi soċjali usa’, fil-ħolqien ta’ istituzzjonijiet ta’ governanza effikaċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fit-twaqqif ta’ mudell sostenibbli għall-enerġija u l-ambjent;

iqis li r-reviżjoni tal-politika Ewropea għall-iżvilupp u l-ftehim Ewropew għandhom isegwu d-direzzjoni li diġà ġiet stabbilita fil-Komunikazzjoni “L-awtoritajiet lokali: atturi għall-iżvilupp”, li tenfasizza l-post, ir-rwol u l-valur miżjud ta’ dawn l-awtoritajiet f'dawn l-oqsma u politiki; f'dan ir-rigward, u sabiex jitħeġġu l-iskambji u jiġi offrut forum għall-espressjoni politika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tal-kooperazzjoni u l-iżvilupp, il-KtR ser ikompli jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea fl-organizzazzjoni tal-konferenza annwali dwar il-kooperazzjoni deċentralizzata.

Relatur

Jesús GAMALLO ALLER (ES/PPE), Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni mal-Unjoni Ewropea, Gvern Reġjonali ta’ Galicia

Dokument ta’ referenza

Green Paper – Politika tal-iżvilupp tal-UE għall-appoġġ ta’ tkabbir inklussiv u żvilupp sostenibbli – Żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE

COM(2010) 629 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jaqbel mal-Kummissjoni li, minkejja l-avvanzi f'ċerti oqsma soċjali, għad hemm ħafna xi jsir biex jitwettqu l-impenji tal-iżvilupp stabbiliti mill-komunità internazzjonali iktar minn għaxar snin ilu fid-Dikjarazzjoni tal-Millennju;

2.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li jeħtieġ li tittejjeb il-kapaċità tal-impatt u l-valur miżjud tal-politika tal-iżvilupp tal-UE sabiex jitwettqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju; u jqis li dan il-kompitu huwa meħtieġ iktar u iktar fil-kuntest tal-kriżi ekonomika serja bħal dik li għaddejjin minnha l-biċċa l-kbira tad-donaturi;

3.

jiddispjaċih li l-Green Paper ma tidħolx fid-dettall dwar il-kriterji meħtieġa biex jiġi identifikat il-valur miżjud tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni tal-UE, li ma tagħtix iżjed attenzjoni lill-bżonn ta’ valutazzjoni iktar dettaljata tal-impatt tat-twettiq u li ma tipproponix passi għas-segwitu tal-Aġenda ta’ Pariġi, il-Programm ta’ Azzjoni ta’ Accra u l-impenji li jwasslu għal Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE;

4.

iqis li għandha tingħata iktar attenzjoni lill-fatturi relatati mar-riżorsi disponibbli għall-finanzjament tal-iżvilupp, filwaqt li jinżammu l-impenji tal-għajnuna, b'appoġġ għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi jsaħħu s-sistemi fiskali tagħhom, tiġi miġġielda l-korruzzjoni, tiġi promossa l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, kontra t-tluq tal-kapital u l-flussi finanzjarji illegali u jiġi appoġġjat it-tiftix ta’ sorsi ġodda ta’ finanzjament;

5.

jinsab konvint li l-miżuri mmirati ta’ għajnuna, li jiġu segwiti u evalwati b'mod sistematiku huma investiment utli għall-maġġoranza tad-donaturi; investiment fil-libertà u l-ġustizzja, fil-livell li jikkontribwixxu biex jibnu soċjetajiet iktar ġusti u li jħaddnu b'iktar qawwa r-rikonoxximent tad-Drittijiet tal-Bniedem; investiment f'opportunitajiet għall-progress u għall-benesseri, għax f'dinja interdependenti, l-iżvilupp huwa sors ta’ stabbiltà u dinamiżmu għall-oħrajn; u fl-aħħar mill-aħħar hija investiment fis-sigurtà, għax jonqsu t-tensjonijiet u tittejjeb il-governabbiltà tas-sistema internazzjonali;

6.

jisħaq li l-għajnuna internazzjonali hija biss element wieħed fil-qafas tal-fatturi li jistgħu jixprunaw il-proċess tal-iżvilupp fl-iktar pajjiżi fqar, li jeħtieġ li tittejjeb il-koerenza tal-politiki użati mill-pajjiżi donaturi u s-sussidji agrikoli tal-pajjiżi għonja b'tali mod li l-opportunitajiet ta’ progress li toffri l-globalizzazzjoni jitqassmu bl-iktar mod ekwitabbli possibbli. Madankollu, jiddispjaċih li dawn l-aspetti ma ġewx trattati sew fil-Green Paper, għad li ġew diskussi fil-laqgħat tal-mexxejja internazzjonali fin-Nazzjonijiet Uniti u fil-G-20;

7.

jiddispjaċih li għalkemm il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi r-rwol fundamentali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tal-għajnuna għall-iżvilupp u l-programmi ta’ kooperazzjoni, il-Green Paper ma ssemmix ir-rwol dejjem ikbar li dawn l-awtoritajiet jaqdu f'politika ta’ kooperazzjoni tal-UE li taspira li tkun effettiva u li jkollha l-appoġġ tas-soċjetà kollha. Għalhekk, jappella biex jitqies b'mod iktar importanti r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni ta’ żvilupp ta’ bażi soċjali usa’, fil-ħolqien ta’ istituzzjonijiet ta’ governanza effikaċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fit-twaqqif ta’ mudell sostenibbli għall-enerġija u l-ambjent;

8.

iqis li r-reviżjoni tal-politika Ewropea għall-iżvilupp u l-ftehim Ewropew għandhom isegwu d-direzzjoni li diġà ġiet stabbilita fil-Komunikazzjoni “L-awtoritajiet lokali: atturi għall-iżvilupp”, li tenfasizza l-post, ir-rwol u l-valur miżjud ta’ dawn l-awtoritajiet f'dawn l-oqsma u politiki; f'dan ir-rigward, u sabiex jitħeġġu l-iskambji u jiġi offrut forum għall-espressjoni politika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tal-kooperazzjoni u l-iżvilupp, il-KtR ser ikompli jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea fl-organizzazzjoni tal-konferenza annwali dwar il-kooperazzjoni deċentralizzata;

9.

ifakkar fl-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (CdR 116/2010) dwar “Il-Pakkett tar-Rebbiegħa: Pjan ta’ Azzjoni tal-UE biex jitwettqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju”, fejn ingħad li “tista' tiġi maħsuba wkoll il-possibilità li kull waħda mill-100 000 awtorità lokali u reġjonali Ewropea tkun tista' tiddeċiedi, b'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħha, li b'mod volontarju tiddedika mill-inqas euro għal kull abitant kull sena għall-assistenza għall-iżvilupp. L-awtoritajiet lokali u reġjonali li ma jagħmlux azzjonijiet ta’ kooperazzjoni deċentralizzata direttament jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom f'fond fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jagħtu l-għajnuna għall-Iżvilupp, kif qed isir bħalissa fi Spanja. Inizjattivi li jikkontribwixxu b'mod indirett għall-iżvilupp (pereżempju miżuri il-pubblika jiġi sensibilizzat dwar il-faqar dinji) jistgħu jiġu promossi wkoll f'dan il-kuntest”;

Żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE

10.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-għajnuna għandha tiffoka fuq “żoni fejn valur miżjud ċar jista' jidher”. Madankollu, iqis li m'hemmx kriterji, u lanqas indikaturi, li jippermettu li b'mod ċar jindikaw il-valur miżjud tal-UE fi ħdan il-politika tagħha ta’ kooperazzjoni;

11.

jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li ssir enfasi fuq it-titjib tal-proċeduri tal-valutazzjoni tal-impatt tal-kooperazzjoni tal-UE u jissuġġerixxi li l-UE tinkorpora proċeduri ta’ valutazzjoni tal-impatt iktar sodi u innovattivi bħal dawk li joħorġu mill-applikazzjoni tal-valutazzjoni tal-inzertaturi (randomized evaluation) li qed tiġi esplorata mill-UE. Dan l-isforz għandu jiġi applikat ukoll fil-qasam tal-kooperazzjoni deċentralizzata;

12.

jaqbel mal-Kummissjoni li għandha tingħata prijorità lill-għan tat-tkabbir għall-iżvilupp tal-bnedmin, tal-inqas għal dawn ir-raġunijiet: i) l-ewwel nett, għax b'dan il-mod jiġi koreġut l-iżbilanċ tal-għajnuna fl-aħħar snin, li kienet tiċċentra fuq id-dimensjonijiet soċjali tal-iżvilupp, li huma diffiċli li jiġu sostnuti mingħajr progress ekonomiku inklussiv; ii) it-tieni nett, għax il-kriżi qed taffettwa l-kapaċità għat-tkabbir, għat-tnaqqis tal-faqar u għall-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomiji ta’ ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw;

13.

madankollu, ifakkar li t-tkabbir u l-iżvilupp huma affarijiet differenti u li barra minn hekk l-iżvilupp ifisser it-tisħiħ tal-kapaċitajiet produttivi, il-promozzjoni tal-kisbiet soċjali u t-tqassim tal-ġid fit-territorju permezz ta’ żvilupp lokali u reġjonali sostenibbli, mifruxa ġeografikament u aċċessibbli għall-ifqar setturi;

14.

ifakkar li sabiex ikun hemm żvilupp fattibbli fil-livell reġjonali l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (ALR) hija essenzjali billi jaqdu rwol fundamentali fit-tkabbir endoġenu u sostenibbli;

15.

jaqbel mal-Kummissjoni li t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-pajjiżi msieħba u t-titjib fl-effikaċja u l-leġittimità jikkostitwixxu wieħed mill-oqsma ċentrali tal-istrateġija sħiħa tal-iżvilupp, u jtejbu l-kondizzjonijiet tal-governanza tal-proċess tal-iskambju ekonomiku u soċjali;

16.

madankollu, jappella lill-Kummissjoni biex tagħti iktar attenzjoni lill-effett negattiv li jinħoloq mid-dipendenza mill-għajnuna fuq il-kwalità tal-istituzzjonijiet u biex tagħti iktar importanza lill-oqsma relatati mal-ġlieda deċiżiva kontra l-korruzzjoni u mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fiskali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-istituzzjonijiet tagħhom u fl-istess ħin titnaqqas id-dipendenza fuq l-għajnuna u tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi;

17.

barra minn hekk, jinsisti li l-proċessi tad-deċentralizzazzjoni għandhom rwol kruċjali għal istituzzjonijiet iktar leġittimi u effettivi, pereżempju billi jqarrbu l-gvern maċ-ċittadini u billi jippromovu l-valuri demokratiċi fis-soċjetà. Fil-promozzjoni ta’ dawn il-proċessi l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom rwol kruċjali: aspett li, madankollu, ma jissemmiex fil-Green Paper;

18.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-ksib ta’ ċertu livell ta’ sigurtà huwa rekwiżit għall-iżvilupp. Dan ifisser li d-donaturi jridu jirrevedu r-relazzjonijiet eżistenti bejn l-aġendas tas-sigurtà u tal-iżvilupp, u jqisuhom bħala aġendas relatati; u li jixprunaw it-tisħiħ tal-isituzzjonijiet, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-koeżjoni soċjali, f'dawk il-pajjiżi bi Stati fraġli, bit-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ twissija bikrija u d-diplomazija preventiva. Madankollu, jistieden lill-Kummissjoni tiċċara iktar it-tqassim tal-kompetenzi f'dawn l-oqsma bejn id-dipartimenti responsabbli għall-kooperazzjoni u dawk responsabbli għall-azzjoni esterna fi ħdan l-UE;

19.

jaqbel mal-Kummissjoni li sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-għajnuna jeħtieġ li l-koordinazzjoni bejn id-donaturi Ewropej issir “aktar sistematika u effettiva” u jqis li l-proposta tal-Kummissjoni li għandha titressaq quddiem il-Kunsill fl-2011 hija waħda f'waqtha fil-kuntest tas-sinkronizzazzjoni taċ-ċikli tal-programmazzjoni tal-pajjiżi. Barra minn hekk, ifakkar li t-titjib tal-koordinazzjoni tal-għajnuna huwa wieħed mill-prinċipji definiti fl-Aġenda ta’ Pariġi, relatat mal-effikaċja tal-għajnuna, jagħmel parti mill-Ftehim Ewropew dwar l-Iżvilupp u huwa wieħed mill-prinċipji legali tat-testijiet kostituttivi tal-UE (it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Komunità Ewropea, it-Trattat tal-Unjoni Ewropea ta’ Maastricht u t-Trattat ta’ Lisbona);

20.

madankollu, jiddispjaċih li fil-Green Paper minbarra l-koordinazzjoni ma jissemmewx oqsma oħra li għandhom potenzjal enormi u huma kumplementari, bħall-bżonn li jitmexxa 'l quddiem it-tqassim tax-xogħol bejn id-donaturi Ewropej. Barra minn hekk, it-tqassim tax-xogħol m'għandux jitqies biss fil-qafas tad-donaturi nazzjonali, jew bejnhom u d-donaturi rispettivi sottonazzjonali (reġjonali u lokali), iżda għandu jitqies ir-rwol rilevanti li għandhom fid-diversi sistemi ta’ kooperazzjoni tal-UE. Għalhekk, huwa jappella lill-Kummissjoni biex toħloq punti ta’ referenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u fid-Direttorat Ġenerali DEVCO, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi msieħba. Barra minn hekk, iqis li hija ħaġa indispensabbli li tiġi stabbilita linja ta’ finanzjament speċifika għall-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE;

21.

iqis li biex isir progress adegwat fit-tqassim tax-xogħol ikun aħjar li l-Green Paper tapoġġja l-introduzzjoni ta’ politika tal-għajnuna tal-UE, tinkludi approċċ ibbażat mhux biss fuq l-objettivi, iżda wkoll l-atturi u t-tqassim tar-responsabbiltajiet bejniethom, approċċ li jżid il-valur tal-kontribut li jistgħu jagħtu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tisħiħ u l-effikaċja tal-politika tal-kooperazzjoni;

22.

ifakkar li, madankollu, l-għajnuna hija waħda mill-elementi tal-ordni pubbliku tad-donaturi li tinfluwenza l-opportunitajiet għall-iżvilupp tal-pajjiżi msieħba. Għal dan il-għan, il-progress fil-livelli tal-koerenza tal-ordnijiet pubbliċi huwa għan ċentrali tal-politika tal-iżvilupp tal-UE. L-għajnuna hija wkoll prinċipju ġenerali fundamentali fl-UE (it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, it-Trattat tal-Unjoni Ewropea ta’ Maastricht u t-Trattat ta’ Lisbona). L-informazzjoni li ħarġet il-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni annwali tal-progress li sar mill-Istati Membri (u mill-Kummissjoni stess) dwar l-aspetti settorjali fundamentali tal-koerenza tal-politiki hija strument importanti biex jiġu xprunati l-progress u biex jiġu rrapportati r-rendikonti. F'dan ir-rigward, il-KtR jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa importanti li jsiru aktar riformi fil-Politika Agrikola Komuni, sabiex jiġi żgurat li din ma tmurx kontra l-għanijiet tal-politika tal-iżvilupp tal-UE;

23.

jixtieq jenfasizza li, permezz tar-relazzjonijiet stabbiliti bejn l-awtoritajiet lokali tal-Ewropa u l-ekwivalenti tagħhom fil-pajjiżi benefiċjarji, tista' tavvanza fil-prattika l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ appartenenza li jinsab fil-qalba tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi u li m'għandux jibqa' kwistjoni bejn l-Istati;

24.

jisħaq fuq il-bżonn li jiġu rispettati r-regoli fundamentali tal-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni fis-sens li ma jkunx hemm deroga tar-rekwiżiti msemmija fir-regoli dwar l-oriġini tal-prodotti minn pajjiżi msieħba, għad li dawn jistgħu jagħmlu parti mill-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni. Għandhom jitqiesu d-danni potenzjali għat-tħaddim korrett tas-suq intern assoċjati ma’ dawn id-derogi leġislattivi u l-iżvantaġġi potenzjali għall-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn il-pajjiżi xprunati mill-produzzjoni b'oriġini esklużivament lokali;

25.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-appoġġ baġitarju mhuwiex soluzzjoni għal kollox u għalhekk għandu jiġi implimentat wara analiżi rigoruża tal-kondizzjonijiet tal-pajjiż. Madankollu, ifakkar li dan l-appoġġ baġitarju huwa strument tal-għajnuna li jiffavorixxi l-koordinazzjoni tad-donaturi u l-approprjazzjoni tiegħu mill-pajjiżi membri, żewġ għanijiet li għandhom jappoġġjaw l-użu ta’ din il-formula, dejjem taħt kondizzjonijiet adatti għalihom;

26.

itenni l-interess tiegħu li jiżviluppa l-kooperazzjoni bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-politika tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp deċentralizzat. Barra minn hekk, jisħaq fuq il-bżonn li titkompla l-ħidma biex jiġi żgurat li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE jużaw l-atlas tal-kooperazzjoni deċentralizzata li jiġbor l-attivitajiet ffinanzjati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE f'dan il-qasam; jenfasizza wkoll l-importanza tal-portal tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp deċentralizzat li ser jiffaċilita t-tlaqqigħ tal-imsieħba f'dan il-qasam, jiżgura li l-għajnuna tkun aktar effettiva u jevita d-dupplikazzjoni;

27.

iqis li, apparti l-kontribut ekonomiku tal-awtoritajiet, l-UE għandha tikkunsidra aktar il-valur miżjud importanti li jagħtu l-awtoritajiet f'ċerti oqsma speċjalizzati. L-esperjenza u l-għarfien tagħhom f'oqsma li jistgħu joffru soluzzjonijiet adatti għall-ħtiġijiet ta’ pajjiżi terzi msieħba jagħtu lil dawn ir-reġjuni valur miżjud fir-rigward tal-kooperazzjoni, f'oqsma bħat-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi, l-ippjanar tat-territorju, l-edukazzjoni, il-protezzjoni ċivili, is-sigurtà tal-ikel permezz tal-agrikoltura u s-sajd, l-enerġija rinnovabbli, l-ilma, l-ambjent, ix-xjenzi marittimi u r-riċerka u l-iżvilupp applikati għall-iżvilupp. Dan japplika b'mod partikolari għar-reġjuni l-iktar imbiegħda, bħala fruntieri u l-pjattaformi attivi tal-UE fid-dinja, li jistgħu jagħmlu l-Politika Ewropea tal-Iżvilupp iktar effettiva;

Politika li tixpruna t-tkabbir inklużiv u sostenibbli

28.

jaqbel mal-proposta li l-għajnuna għandha tippromovi tkabbir inklużiv u sostenibbli fil-pajjiżi msieħba. Madankollu, jilmenta li l-Green Paper ma ssemmix żewġ aspetti importanti biex jintlaħaq dan il-għan. L-ewwel wieħed huwa l-bżonn li jiġi promoss it-tqassim adatt tar-riżultati tal-progress, bi tqassim tad-dħul li jkun qrib il-parametri ta’ ekwità meqjusa bħala soċjalment aċċettabbli. Jeħtieġ ċertu livell ta’ ekwità biex tiġi żgurata l-istabbiltà, il-ħolqien tal-istituzzjonijiet u l-promozzjoni tat-tkabbir ta’ bażi soċjali wiesgħa. It-tieni aspett jikkonċerna l-bżonn li jissaħħu l-kapaċitajiet fiskali tal-pajjiżi u li jiġu miġġielda l-frodi, it-tluq tal-kapital u l-flussi finanzjarji illegali, li jiġbdu l-ftit riżorsi lokali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u b'hekk jillimitaw l-opportunitajiet għall-progress;

29.

madankollu, jiġbed l-attenzjoni li l-iżvilupp huwa xi ħaġa iktar mit-tkabbir: ifisser l-użu tal-kisbiet soċjali, il-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet u t-tibdil soċjali u produttiv tal-pajjiżi. Għalhekk, l-għan għandu jkun li tingħata ħajja lil tkabbir inklużiv u sostenibbli li jixpruna proċess ta’ żvilupp adatt għar-reġjun;

30.

jisħaq fuq l-importanza tal-opportunitajiet indaqs sabiex jintlaħaq tkabbir sostenibbli fil-pajjiżi msieħba. Apparti l-fatt li din hija kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem, ir-riformi li jippermettu lill-bniet u lin-nisa jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom fis-soċjetà – mingħajr diskriminazzjoni u theddid ta’ vjolenza – huma l-aktar triq effettiva għall-pajjiżi msieħba tagħna sabiex jiżviluppaw l-ekonomiji tagħhom;

31.

iqis li l-ħolqien ta’ istituzzjonijiet sodi u leġittimi għandu jingħata iktar importanza mill-aspetti tat-tqassim, marbuta mat-tqassim tal-kisbiet tat-tkabbir, l-opportunitajiet u l-kapaċità tal-espressjoni fil-pajjiżi, li eventwalment iwasslu għall-proċess ta’ deċentralizzazzjoni li jixtiequ l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini. Għalhekk, jemmen li għandha tissaħħaħ il-kapaċità tal-ġestjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi msieħba permezz tal-programmi bħal TAIEX jew Erasmus, li jikkontribwixxu għat-titjib fl-użu tal-fondi ta’ kooperazzjoni. Min-naħa l-oħra, jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi programmi ta’ appoġġ baġitarju settorjali li jiffaċilitaw l-aċċess għar-riżorsi mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

32.

jagħraf li wieħed mill-aspetti fundamentali tal-iżvilupp huwa politika tajba tal-edukazzjoni, u jħeġġeġ lill-UE biex iddaħħal il-promozzjoni tal-edukazzjoni f'dawn il-pajjiżi fost il-prijoritajiet fil-politika tal-kooperazzjoni tagħha;

33.

ifakkar li t-twettiq ta’ dan il-għan jeħtieġ li jingħataw prijorità u jiġu appoġġjati l-proċessi tad-deċentralizzazzjoni tal-pajjiżi membri, fejn jekk ikun hemm bżonn, jiġi konfermat il-prinċipju tas-sussidjarjetà fit-tqassim tal-kompetenzi. Id-deċentralizzazzjoni hija triq adatta għad-demokratizzazzjoni tal-Istati u biex ikollhom rabta iktar soda mar-realtà soċjali u rekwiżit biex il-proċess tal-iżvilupp jilħaq lil kull reġjun u settur soċjali;

Żvilupp sostenibbli

34.

jaqbel mal-Green Paper fl-importanza li ngħataw l-aspetti relatati mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-bijodiversità f'kull strateġija tal-iżvilupp sostenibbli. Fl-istess ħin ifakkar li t-tibdil fil-klima u l-isfidi ambjentali l-oħra huma opportunità biex xi pajjiżi li qed jiżviluppaw jiltaqgħu ma’ għażliet għall-progress, b'iktar enfasi fuq ir-riżorsi naturali u ambjentali. L-impenn li ħadet l-UE f'Kopenħagen u li kkonfermat f'Cancún juri l-importanza li bih jitqies dan l-aspett tal-proċess tal-iżvilupp u l-bżonn li jiġu appoġġjati l-isforzi li qed jagħmlu l-pajjiżi msieħba fir-rigward tal-adattar u l-mitigazzjoni;

35.

jilmenta li f'dan ir-rigward, il-Green Paper ma tressaqx viżjoni li twassal għal rwol li jikkorrispondi mal-poteri sottonazzjonali (lokali u reġjonali) b'konformità ma’ strateġija ambjentali soda. Dawn l-entitajiet huma kruċjali għat-tnedija ta’ strateġija sostenibbli tal-ġestjoni tal-ilma u l-iskart, il-provvista tal-enerġija u l-protezzjoni tal-ambjent fraġli;

36.

jagħraf li l-aspetti relatati mal-mudell tal-enerġija adottat mill-pajjiżi huma kruċjali fl-istrateġija sħiħa tal-ambjent sostenibbli, osservazzjoni li twassal għall-bżonn li jiġi promoss użu iktar intensiv tal-enerġija rinnovabbli. F'dan ir-rigward, jinnota li l-esperjenza tal-UE tista' tkun utli għal xi pajjiżi li qed jiżviluppaw; fl-istess ħin iqis li xi pajjiżi għandhom kundizzjonijiet partikolari biex jiġi żviluppat dan it-tip ta’ enerġija;

37.

jipproponi li jiġi ffirmat Patt tas-Sindki u tar-Reġjuni internazzjonali bil-għan li jipprovdi l-enerġija lil kulħadd fil-kuntest tal-programmi konġunti u bi strument finanzjarju adegwat u speċifiku;

38.

jappella biex dan l-għan biex jinbidel il-mudell tal-enerġija (favur sorsi rinnovabbli) ikun akkumpanjat mit-titjib tat-tagħmir tal-infrastruttura tal-enerġija tal-pajjiż kif ukoll titjib fil-kundizzjonijiet tal-aċċess tal-enerġija b'kondizzjonijiet adegwati għal dawk il-gruppi soċjali l-iktar vulnerabbli;

L-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel

39.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-iżvilupp rurali u s-sigurtà tal-ikel huma bbażati fuq dimensjonijiet fundamentali tal-proċess tal-iżvilupp, b'tali mod li jolqtu settur importanti għall-proċessi tat-tkabbir u t-trasformazzjoni ekonomika tal-iktar pajjiżi fqar, jiddetermina l-eżerċizzju ta’ dritt bażiku, marbut mal-ikel adegwat, li jaffettwa drittijiet oħra tal-bniedem (bħas-saħħa, l-edukazzjoni u x-xogħol) u jinfluwenza l-livelli ta’ awtonomija tal-pajjiżi fil-ftehim internazzjonali;

40.

josserva li l-kriżi attwali wasslet għal żieda anomala fil-prezzijiet tal-materji primi, inklużi dawk tal-ikel, li qed taffettwa b'mod serju l-kondizzjonijiet tal-provvista lill-iktar pajjiżi fqar, b'mod partikolari tal-Afrika tan-naħa t'isfel tas-Saħħara, li ħafna minnhom huma importaturi netti tal-ikel. U jisħaq li, minħabba f'hekk, jistgħu jfixklu sew il-kisbiet soċjali li nkisbu s'issa;

41.

iqis li din is-sitwazzjoni hija riżultat ta’ erba’ fatturi: i) iż-żieda fid-domanda tal-pajjiżi bi tkabbir kbir u intensiv, li xprunaw ix-xiri internazzjonali qawwi ta’ dan it-tip ta’ prodotti; ii) is-sehem fjakk tal-pajjiżi għonja u tal-investiment pubbliku insuffiċjenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fis-snin preċedenti rigward l-investiment meħtieġ fl-iżvilupp rurali; iii) il-ħidma tal-ispekulaturi li jqisu dawn il-prodotti bħala sors ta’ dħul f'forma ta’ depożiti tal-assi; u iv) l-effetti li kellhom id-danni ambjentali fuq il-produttività tal-ħamrija u l-agrikoltura;

42.

jappella biex il-politika ta’ kooperazzjoni tal-UE ma terġax tieħu passi żbaljati u jitlob li l-iżvilupp rurali u s-sigurtà tal-ikel tal-pajjiżi msieħba jingħataw prijorità ogħla fid-definizzjoni tal-istrateġiji tagħha għall-għajnuna internazzjonali. F'dan ir-rigward, ifakkar li l-UE għandha esperjenza kbira fl-iżvilupp rurali, il-politika agrikola u l-appoġġ għas-sigurtà tal-ikel, li tista' tintuża fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

43.

jitlob li anke f'dan il-każ jitqiesu l-kapaċitajiet u l-esperjenzi tar-reġjuni. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom esperjenza fit-tfassil ta’ infrastrutturi fundamentali għad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel, fl-istudju tal-produttività tal-ħamrija u l-ġestjoni tal-kultivazzjonijiet b'rispett għall-kundizzjonijiet ambjentali u t-tfassil ta’ pjani biex tiġi żgurata l-provvista liċ-ċittadini. Għalhekk, huwa importanti li dawn l-atturi jkunu involuti, bl-importanza xierqa, fil-politika ta’ kooperazzjoni tal-UE.

Brussell, il-11 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


Top