EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AP0288

Azzjoni Ewropea fil-qasam tal-mard rari * Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar azzjoni Ewropea fil-qasam tal-mard rari (COM(2008)0726 – C6-0455/2008 – 2008/0218(CNS))

ĠU C 184E, 8.7.2010, p. 404–412 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/404


Il-Ħamis, 23 ta’ April 2009
Azzjoni Ewropea fil-qasam tal-mard rari *

P6_TA(2009)0288

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar azzjoni Ewropea fil-qasam tal-mard rari (COM(2008)0726 – C6-0455/2008 – 2008/0218(CNS))

2010/C 184 E/75

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2008)0726),

wara li kkunsidra l-Artikolu 152(4), it-tieni subparagrafu tat-Trattat KE, skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0455/2008),

wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0231/2009),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skond l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

TEST PROPOST MILL-KUMMISSJONI

EMENDA

Emenda 1

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 1

(1)

Mard rari huwa theddida għas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej minħabba li dan hu ta' theddida għall-ħajja jew mard kronikament debilitanti bi prevalenza baxxa u livell għoli ta' kumplessità.

(1)

Mard rari huwa theddida għas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej minħabba li dan hu ta' theddida għall-ħajja jew mard kronikament debilitanti bi prevalenza baxxa u livell għoli ta' kumplessità, iżda billi jeżistu ħafna tipi differenti ta' mard rari, it-total ta' persuni affettwati huwa pjuttost għoli .

Emenda 2

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 2

(2)

Programm ta' Azzjoni tal-Komunità dwar il-Mard Rari, inkluż il-mard ġenetiku, kien adottat għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 1999 u l-31 ta' Diċembru 2003. Dan il-programm iddefinixxa l-prevalenza għal mard rari bħala mard li jaffettwa mhux aktar minn ħamsa f'kull 10 000 persuna fl-Unjoni Ewropea.

(2)

Programm ta' Azzjoni tal-Komunità dwar il-Mard Rari, inkluż il-mard ġenetiku, kien adottat għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 1999 u l-31 ta' Diċembru 2003. Dan il-programm iddefinixxa l-prevalenza għal mard rari bħala mard li jaffettwa mhux aktar minn ħamsa f'kull 10 000 persuna fl-Unjoni Ewropea, numru li għandu jiġi deċiż fuq il-bażi ta' statistika li tkun suġġetta għal reviżjoni xjentifika .

Emenda 3

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 2 a (ġdida)

 

(2a)

Fuq il-bażi tal-inċidenza statistika, mard rari għandu jiġi kkatalogat bir-reqqa u rivedut regolarment minn kumitat xjentifiku sabiex tiġi determinata l-ħtieġa ta' żidiet possibbli.

Emenda 4

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 4

(4)

Huwa stmat li bejn 5 000 u 8 000 mard rari distint jeżisti llum, li jaffettwa bejn 6% u 8% tal-populazzjoni tul ħajjithom. Fi kliem ieħor, bejn 27 u 36 miljun persuna fl-Unjoni Ewropea. Ħafna minnhom isofru minn mard inqas frekwenti li jaffettwa wieħed minn kull 100 000 persuna jew inqas.

(4)

Huwa stmat li bejn 5 000 u 8 000 mard rari distint jeżisti llum, li jaffettwa bejn 6% u 8% tal-populazzjoni tul ħajjithom. Fi kliem ieħor, minkejja li mard rari huwa kkaratterizzat minn prevalenza baxxa għal kull marda, it-total ta' persuni affettwati huwa pjuttost għoli u jvarja bejn 27 u 36 miljun persuna fl-Unjoni Ewropea Ħafna minnhom isofru minn mard inqas frekwenti li jaffettwa wieħed minn kull 100 000 persuna jew inqas.

Emenda 5

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 5

(5)

Minħabba l-prevalenza baxxa u l-ispeċifiċità tiegħu, il-mard rari jirrikjedi approċċ globali bbażat fuq sforzi speċjali u kkombinati biex jipprevjenu l-morbidità b'mod sinifikanti jew mortalità qabel iż-żmien li tista' tiġi evitata, u biex titjieb il-kwalità tal-ħajja u l-potenzjal soċjo-ekonomiku ta' persuni affettwati.

(5)

Minħabba l-prevalenza baxxa, l-ispeċifiċità tiegħu u n-numru għoli ta' każijiet , il-mard rari jirrikjedi approċċ globali bbażat fuq sforzi speċjali u kkombinati, inkluż fi sħubija ma pajjiżi terzi bħal ma huma l-Istati Uniti, biex jipprevjenu l-morbidità b'mod sinifikanti jew mortalità qabel iż-żmien li tista' tiġi evitata, u biex titjieb il-kwalità tal-ħajja u l-potenzjal soċjo-ekonomiku ta' persuni affettwati f'pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw .

Emenda 6

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 8

(8)

Sabiex titjieb il-koordinazzjoni u l-koerenza ta' inizzjattivi nazzjonali, reġjonali u lokali li jindirizzaw il-mard rari, kull azzjoni relevanti nazzjonali fil-qasam tal-mard rari għandha tkun integrata fil-pjanijiet nazzjonali għal mard rari.

(8)

Sabiex titjieb il-koordinazzjoni u l-koerenza ta' inizzjattivi nazzjonali, reġjonali u lokali u l-koperazzjoni bejn iċ-ċentri ta' riċerka li jindirizzaw il-mard rari, kull azzjoni relevanti nazzjonali fil-qasam tal-mard rari għandha tkun integrata fil-pjanijiet nazzjonali għal mard rari.

Emenda 7

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 13

(13)

Il-valur miżjud Komunitarju tan-netwerks Ewropej ta' referenza huwa partikolarment għoli għal mard rari minħabba r-rarità ta' dawn il-kundizzjonijiet, li jimplika kemm in-numru limitat ta' pazjenti kif ukoll l-iskarsezza ta' nies imħarrġa f'pajjiż wieħed. Għalhekk huwa importanti ħafna li jinġabru nies imħarrġa f'livell Ewropew għall-assigurazzjoni tal-aċċess ugwali għal kura ta' kwalità għolja għal pazjenti b'mard rari.

(13)

Il-valur miżjud Komunitarju tan-netwerks Ewropej ta' referenza huwa partikolarment għoli għal mard rari minħabba r-rarità ta' dawn il-kundizzjonijiet, li jimplika kemm in-numru limitat ta' pazjenti kif ukoll l-iskarsezza ta' nies imħarrġa f'pajjiż wieħed. Għalhekk huwa importanti ħafna li jinġabru nies imħarrġa f'livell Ewropew għall-assigurazzjoni tal-aċċess ugwali għal informazzjoni preċiża, għal dijanjożi adattata u f'waqtha u għal kura ta' kwalità għolja għal pazjenti b'mard rari..

Emenda 8

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 14 a (ġdida)

 

(14a)

Fit-12 ta' Ottubru 2008 l-Forum Farmaċewtiku adotta r-rapport finali tiegħu, li jipproponi linji gwida biex l-Istati Membri, il-partijiet interessati u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jiggarantixxu aċċess aktar faċli u aktar mgħaġġel għal prodotti mediċinali orfni fl-Unjoni Ewropea.

Emenda 9

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 20

(20)

Il-pazjenti u r-rappreżentanti tagħhom għalhekk għandhom ikunu involuti f'kull pass tal-politika u l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet. L-attivitajiet tagħhom għandhom ikunu promossi u appoġġjati, inkluż b'mod finanzjarju, f'kull Stat Membru.

(20)

Il-pazjenti u r-rappreżentanti tagħhom għalhekk għandhom ikunu involuti f'kull pass tal-politika u l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet. L-attivitajiet tagħhom għandhom ikunu promossi u appoġġjati, inkluż b'mod finanzjarju, f'kull Stat Membru, iżda wkoll fil-livell tal-Unjoni Ewropea permezz ta' netwerks pan-Ewropej ta' għajnuna lill-pazjenti li jbatu minn mard rari speċifiku .

Emenda 10

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 1 - parti introduttorja

1.

Jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali għal mard rari sabiex ikun assigurat l-aċċess universali għal pazjenti b'mard rari għal kura ta' kwalità għolja, inklużi d-dijanjostiċi, it-trattamenti u l-mediċini orfni fit-territorju nazzjonali tagħhom kollu abbażi tal-ekwità u s-solidarjetà fl-UE kollha, u b'mod partikolari:

1.

Jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali għal mard rari sabiex ikun assigurat l-aċċess universali għal pazjenti b'mard rari għal kura ta' kwalità għolja, inklużi d-dijanjostiċi, it-trattamenti u l-mediċini orfni, kif ukoll ir-rijabilitazzjoni u r-rijedukazzjoni u l-fatt li wieħed jitgħallem jgħix bil-marda, fit-territorju nazzjonali tagħhom kollu abbażi tal-ekwità u s-solidarjetà fl-UE kollha, u b'mod partikolari:

Emenda 11

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 1 – punt 1

(1)

jelaboraw u jadottaw strateġija komprensiva u integrata, sal-aħħar tal- 2011 , immirata biex tiggwida u tistruttura l-azzjonijiet kollha relevanti fil-qasam tal-mard rari fil-forma ta' pjan nazzjonali għal mard rari;

(1)

jelaboraw u jadottaw strateġija komprensiva u integrata, sal-aħħar tal- 2010 , immirata biex tiggwida u tistruttura l-azzjonijiet kollha relevanti fil-qasam tal-mard rari fil-forma ta' pjan nazzjonali għal mard rari;

Emenda 12

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 1 – punt 3

(3)

jiddefinixxu numru limitat ta' azzjonijiet ta' prijorità fil-pjan nazzjonali għal-mard rari, b'għanijiet konkreti, dati ta' skadenza ċari, strutturi ta' ġestjoni u rapporti regolari;

(3)

jiddefinixxu numru limitat ta' azzjonijiet ta' prijorità fil-pjan nazzjonali għal-mard rari, b'għanijiet konkreti, dati ta' skadenza ċari, finanzjamenti sustanzjali u identifikati b'mod ċar , strutturi ta' ġestjoni u rapporti regolari;

Emenda 13

Proposta għal rakkomandazzjoni

Paragrafu 1 – punt 3 a (ġdid)

 

(3a)

Jiddikkjaraw jekk għandhomx xi ċentri speċjalizzati u jiġbru katalogu ta' esperti;

Emenda 14

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 1 – punt 5

(5)

jinkludu dispożizzjonijiet fil-pjanijiet nazzjonali mfassla biex ikun assigurat l-aċċess ugwali għal kura ta' kwalità għolja, inkluż id-dijanjostiċi, it-trattamenti u l-mediċini orfni, lill-pazjenti b'mard rari, fit-territorju nazzjonali tagħhom bl-għan li jkun żgurat l-aċċess ugwali għal kura ta' kwalità abbażi tal-ekwità u s-solidarjetà fl-UE kollha.

(5)

jinkludu dispożizzjonijiet fil-pjanijiet nazzjonali mfassla biex ikun assigurat l-aċċess ugwali għal kura ta' kwalità għolja, inkluż id-dijanjostiċi, il-miżuri ta' prevenzjoni primarja, it-trattamenti u l-mediċini orfni, kif ukoll ir- rijabilitazzjoni u r-r ijedukazzjoni għal dawk li jgħixu bil-marda għall-benefiċċju tal- pazjenti b'mard rari, fit-territorju nazzjonali tagħhom bl-għan li jkun żgurat l-aċċess ugwali għal kura ta' kwalità abbażi tal-ekwità u s-solidarjetà fl-UE kollha, skont il-prinċipji maqbula fil-paper tal-Forum Farmaċewtiku ta' Livell Għoli bl-isem “Aċċess imtejjeb għall-mediċini orfni għaċ-ċittadini kollha tal-UE kkonċernati”.

Emenda 15

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 1 – punt 5 a (ġdid)

 

(5a)

li jiġu inkuraġġiti l-isforzi biex jiġi evitat mard rari li jkun ereditarju, permezz ta':

(a)

pariri ġenetiċi lill-ġenituri li jkunu jbatu mill-marda; u

(b)

meta dan ikun xieraq, u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti u dejjem fuq bażi volontarja, għażla ta' embriji b'saħħithom qabel jiddaħħlu.

Emenda 16

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 1 – punt 5 b (ġdid)

 

(5b)

jistipulaw, fil-pjanijiet nazzjonali, miżuri eċċezzjonali sabiex il-mediċini li ma jkunux awtorizzati li jitpoġġew fis-suq ikunu disponibbli meta jkun hemm ħtieġa reali ta' saħħa pubblika. Fin-nuqqas ta' alternattivi terapewtiċi xierqa disponbbli fi Stat Membru, u meta l-bilanċ bejn il-benefiċċju u r-riskju jkun jidher pożittiv, għandu jingħata l-aċċess għal dawn il-mediċini lill-pazjenti li jbatu minn mard rari.

Emenda 17

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 1 – punt 5 c (ġdid)

 

(5c)

jitwaqqfu fil-livell nazzjonali gruppi konsultattivi pluralisti li jgħaqqdu l-partijiet kollha kkonċernati sabiex jorjentaw lill-gvernijiet fit-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali fil-qasam tal-mard rari. Dawn għandhom jiżgurawli l-gvernijiet ikunu informati sew u li d-deċiżjonijiet meħuda fil-livell nazzjonali jirriflettu l-perspettivi u l-bżonnijiet tas-soċjetà.

Emenda 18

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 1 – punt 5 d (ġdid)

 

(5d)

jħeġġu l-finanzjament tat-trattament tal-mard rari fuq livell nazzjonali. Meta l-Istati Membri ma jkunux jixtiequ jew ma jkunx jista' jkolhom Ċentri ta' Eċċellenza, dan il-fond ċentrali nazzjonali għandu jintuża biex jiġi garantit li l-pazjenti jkunu jistgħu jmorru f'Ċentru ta' pajjiż ieħor. Madankollu, huwa wkoll fundamentali li dan il-baġit separat jiġi rivedut u adattat fuq bażi annwali skont l-għarfien miksub dwar pazjenti li jkunu jeħtieġu trattament matul dik is-sena preċiża, u dwar terapiji ġodda li jkunu disponibbli. Dan għandu jsir permezz tal-kontribut tal-kumitati konsultattivi pluralisti.

Emenda 19

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 2 – punt 1

(1)

jimplimentaw definizzjoni komuni tal-Unjoni Ewropa tal-mard rari bħala dak li jaffettwa mhux aktar minn ħamsa f'kull 10 000 persuna;

(1)

jimplimentaw definizzjoni komuni tal-Unjoni Ewropa tal-mard rari bħala dak li jaffettwa mhux aktar minn ħamsa f'kull 10 000 persuna, bħala numru għall-Unjoni Ewropea kollha, iżda huwa importanti ħafna li tkun magħrufa d-distribuzzjoni preċiża għal kull Stat Membru ;

Emenda 20

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 2 – punt 4

(4)

jappoġġjaw netwerks ta' informazzjoni, registri u bażijiet ta' dejta dwar mard speċifiku f'livell nazzjonali jew reġjonali.

(4)

jappoġġjaw, partikularment b'mod finanzjarju, f'livell Ewropew, nazzjonali jew reġjonali, netwerks ta' informazzjoni, registri u bażijiet ta' dejta dwar mard speċifiku, inkluża informazzjoni aġġornata regolarment li tkun aċċessibbli għall-pubbliku permezz tal-internet .

Emenda 21

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 3 – punt 3

(3)

ikabbru l-parteċipazzjoni ta' riċerkaturi nazzjonali u laboratorji f'proġetti ta' riċerka dwar mard rari ffininzjati f'livell Komunitarju;

(3)

ikabbru l-parteċipazzjoni ta' riċerkaturi nazzjonali u laboratorji f'proġetti ta' riċerka dwar mard rari ffininzjati f'livell Komunitarju u jisfruttaw il-possibilitajiet li joffri r-Regolament (KE) Nru 141/2000 dwar il-prodotti mediċinali orfni;

Emenda 22

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 3 – punt 3 a (ġdid)

 

(3a)

jinkoraġġixxu l-iskambju tal-għarfien u l-koperazzjoni bejn ir-riċerkaturi, il-laboratorji u l-proġetti ta' riċerka fl-Unjoni Ewropea u f'istituzzjonijiet simili f'pajjiżi terzi, biex jinġiebu benefiċċji globali mhux biss għall-Unjoni Ewropea imma wkoll għall-pajjiżi aktar fqar u għal pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li huma inqas f'pożizzjoni li jipprovdu riżorsi għar-riċerka fil-mard rari;

Emenda 23

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 3 – punt 4

(4)

jinkludu dispożizzjonijiet fil-pjan nazzjonali għal mard rari mmirati biex irawmu r-riċerka, inkluża dik dwar is-saħħa pubblika u soċjali, fil-qasam tal-mard rari, speċjalment bl-għan li jiġu żviluppati għodod bħal infrastrutturi trasversali kif ukoll proġetti dwar mard speċifiku.

(4)

jinkludu dispożizzjonijiet fil-pjan nazzjonali għal mard rari mmirati biex irawmu r-riċerka, inkluża dik dwar is-saħħa pubblika u soċjali, fil-qasam tal-mard rari, speċjalment bl-għan li jiġu żviluppati għodod bħal infrastrutturi trasversali kif ukoll proġetti dwar mard speċifiku, u programmi ta' rijabilitazzjoni u rijedukazzjoni għal matul il-marda rari kif ukoll riċerka dwar testijiet u għodod dijanjostiċi;

Emenda 24

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 3 – punt 4 a (ġdid)

 

(4a)

jsir provvediment għal finanzjament adegwat u fuq medda twila ta' żmien, pereżempju permezz ta' sħubiji pubbliċi/privati, sabiex jiġu appoġġjati l-isforzi ta' riċerka fil-livelli nazzjonali u Ewropej, u sabiex tiġi garantita l-vijabilità tagħhom;

Emenda 25

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri – paragrafu 4 – punt 1

(1)

jidentifikaw ċentri ta' kompetenza nazzjonali jew reġjonali fit-territorju nazzjonali tagħhom kollu sal-aħħar tal-2011, u jrawmu l-ħolqien ta' ċentri tal-kompetenza fejn dawn ma jeżistux, notevolment billi jinkludu dispożizzjonijiet fil-pjan nazzjonali tagħhom għal mard rari dwar il-ħolqien ta' ċentri tal-kompetenza nazzjonali jew reġjonali;

(1)

jidentifikaw ċentri ta' kompetenza nazzjonali jew reġjonali fit-territorju nazzjonali tagħhom kollu sal-aħħar tal-2011, u jrawmu l-ħolqien ta' ċentri tal-kompetenza fejn dawn ma jeżistux, notevolment billi jinkludu dispożizzjonijiet fil-pjan nazzjonali tagħhom għal mard rari dwar il-ħolqien ta' ċentri tal-kompetenza nazzjonali jew reġjonali; jgħinu fil-ġbir ta' katalogi ta' mard rari u ta' esperti dwar mard rari;

Emenda 26

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 4 – punt 3

(3)

jorganizzaw metodi ta' kura tas-saħħa għal pazjenti permezz ta' ħolqien ta' kooperazzjoni ma' esperti relevanti fil-pajjiż jew minn barra meta dan ikun neċessarju; il-kura tas-saħħa transkonfinali, inkluż il-mobbiltà tal-pazjenti, il-professjonisti tas-saħħa u l-fornituri u l-provvediment ta' servizzi permezz tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-kommunikazzjoni għandhom jiġu appoġġjati fejn neċessarju sabiex ikun żgurat l-aċċess universali għal kura tas-saħħa speċifika li tkun meħtieġa;

(3)

jorganizzaw metodi Ewropej ta' kura tas-saħħa għal dawk il- pazjenti li jbatu minn mard rari permezz ta' ħolqien ta' kooperazzjoni ma' esperti relevanti fil-pajjiż jew minn barra meta dan ikun neċessarju; il-kura tas-saħħa transkonfinali, inkluż il-mobbiltà tal-pazjenti u tal-għarfien espert permezz ta' appoġġ għall-mobilità tad-data , il-professjonisti tas-saħħa u l-fornituri u l-provvediment ta' servizzi permezz tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-kommunikazzjoni għandhom jiġu appoġġjati fejn ikun neċessarju sabiex ikun żgurat l-aċċess universali għal kura tas-saħħa speċifika li tkun meħtieġa;

Emenda 27

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 4 – punt 5

(5)

jassiguraw li ċentri ta' kompetenza nazzjonali jew reġjonali jimxu skont l-istandards għal mard rari kif iddefiniti min-netwerks Ewropej ta' referenza fejn jittieħdu inkonsiderazzjoni l-bżonnijiet u l-aspettattivi tal-pazjenti u l-professjonisti.

(5)

jassiguraw li ċentri ta' kompetenza nazzjonali jew reġjonali jimxu skont l-istandards għal mard rari kif iddefiniti min-netwerks Ewropej ta' referenza fejn jittieħdu inkonsiderazzjoni l-bżonnijiet u l-aspettattivi tal-pazjenti u l-professjonisti, billi jiġu involuti l-pazjenti fl-attivitajiet ta' dawn iċ-ċentri ;

Emenda 28

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri – paragrafu 4 – punt 5 a (ġdid)

 

(5a)

iħeġġeġ, possibilment b'iffinanzjar jew koiffinanzjar mill-Unjoni Ewropea, ċentri u sptarijiet ta' ħiliet esperti sabiex jinħoloq taħriġ speċifiku għal professjonisti f'ċertu mard rari u li jippermettilhom li jakkwistaw il-ħiliet esperti rilevanti.

Emenda 29

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 5 – punt 1 – sottopunt b

(b)

linji gwida Ewropej dwar l-iskrining tal-populazzjoni u testijiet dijanjostiċi;

(b)

linji gwida Ewropej dwar l-iskrining tal-populazzjoni u testijiet dijanjostiċi, inklużi t-testijiet ġenetiċi bħall-iskrijning, tal-eterozigoti u d-dijanjożi permezz tal-bijopsija tal-korp polari, li jiggarantixxu ttestjar ta' kwalità tajba u pariri ġenetiċi adattati, filwaqt li tiġi rispettata d-diversità etika fl-Istati Membri ;

Emenda 30

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - Paragrafu 5 – punt 1 – sottopunt c

(c)

it-tqassim ta' rapporti ta' valutazzjoni tal-Istati Membri dwar il-valur miżjud terapewtiku ta' mediċini orfni f'livell tal-UE, biex jitnaqqas id-dewmien għall-aċċess għal-mediċini orfni għall-pazjenti li jbatu minn mard rari;

(c)

it-twaqqif ta' rapporti ta' valutazzjoni nazzjonali dwar il-valur miżjud kliniku ta' mediċini orfni f'livell tal-Unjoni, fil-kuntest tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMEA), li jgħaqqdu l-għarfien u l-għarfien espert Ewropew rilevanti, biex jitnaqqas id-dewmien għall-aċċess għal-mediċini orfni għall-pazjenti li jbatu minn mard rari;

Emenda 31

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 5 – punt 1 – sottopunt c a (ġdid)

 

(ca)

għajnuna strutturali għal investiment favur il-bażi tad-data Orphanet li jiffaċilita l-aċċess għall-għarfien espert dwar il-mard rari;

Emenda 32

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri - paragrafu 6

6.

Awtorizzazzjoni lill-organizzazzjonijiet tal-pazjenti

6.

Awtorizzazzjoni lill-organizzazzjonijiet tal-pazjenti indipendenti

(1)

jieħdu azzjoni biex jassiguraw li l-pazjenti u r-rappreżentanti tagħhom ikunu kkonsultati kif xieraq f'kull pass tal-proċess tal-politika u t-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-mard rari, inkluż fit-twaqqif u l-ġestjoni ta' ċentri ta' kompetenza u ta' netwerks Ewropej ta' referenza u fl-elaborazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali;

(1)

jieħdu azzjoni biex jassiguraw li l-pazjenti u r-rappreżentanti indipendenti tagħhom ikunu kkonsultati kif xieraq f'kull pass tal-proċess tal-politika u t-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-mard rari, inkluż fit-twaqqif u l-ġestjoni ta' ċentri ta' kompetenza u ta' netwerks Ewropej ta' referenza u fl-elaborazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali;

(2)

jappoġġjaw l-attivitajiet imwettqa mill-organizzazzjonijiet tal-pazjenti, bħal kampanji ta' żieda fl-għarfien, it-tkattir tal-kapaċità u t-taħriġ, l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prassi, netwerking, l-involviment ta' pazjenti li huma iżolati ħafna;

(2)

jappoġġjaw l-attivitajiet imwettqa mill-organizzazzjonijiet indipendenti tal-pazjenti, bħal kampanji ta' żieda fl-għarfien, it-tkattir tal-kapaċità u t-taħriġ, l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prassi, netwerking, l-involviment ta' pazjenti li huma iżolati ħafna;

 

(2a)

jiġi żgurat li jiġi pprovdut il-finanzjament għal organizzazzjonijiet tal-pazjenti li ma jkunx direttament marbut ma' soċjetà farmaċewtika partikolari;

 

(2b)

jiffaċilita l-aċċess tal-pazjent għall-informazzjoni fil-livell Ewropew li tikkonċerna l-mediċini, it-trattamenti jew iċ-ċentri ta' trattamenti fl-Istati Membri jew pajjiżi terzi li jipprovdu kura medika adattata speċifikament għall-mard tagħhom;

(3)

jinkludu fil-pjanijiet nazzjonali għal mard rari dispożizzjonijiet dwar l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u l-konsultazzjoni magħhom, kif imsemmi fil-paragrafi (1) u (2).

(3)

jinkludu fil-pjanijiet nazzjonali għal mard rari dispożizzjonijiet dwar l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet indipendenti tal-pazjenti u l-konsultazzjoni magħhom, kif imsemmi fil-paragrafi (1) u (2); jiżguraw li l-pjanijet nazzjonali jipprovdu għall-identifikazzjoni ta' ċentri nazzjonali u reġjonali ta' ħiliet esperti u għall-ġbir ta' katalogi ta' esperti dwar mard rari.

Emenda 33

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni - paragrafu -1 (ġdid)

 

(-1)

Biex ikun hemm appoġġ, b'mod sostenibbli, għall-“Orphanet”, websajt Ewropea u punt uniku ta' servizz li tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-eżistenza ta' riċerka speċifika fil-mard rari, li s-sejbiet tagħha u d-disponibilità tagħhom għall-pazjenti,

(b)

mediċini disponibbli għal kull marda rari,

(c)

it-trattament li jesżisti f'kull Stat Membru għal kull marda rari,

(d)

ċentri mediċi speċjalizzati eżistenti fl-Istati Membri jew pajjiżi terzi għal kull marda rari.

Emenda 34

Proposta għal rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni - paragrafu 1

1.

Biex tipproduċi rapport ta' implimentazzjoni dwar din ir-Rakkomandazzjoni indirizzata lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni fuq il-bażi ta' informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, mhux aktar tard mill-aħħar tal-ħames sena ta' wara d-data tal-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, biex tikkunsidra kemm il-miżuri proposti qed jaħdmu b'mod effettiv, u biex tikkunsidra l-ħtieġa għal aktar azzjoni .

1.

Il-Kummissjoni se tipproduċi rapport ta' implimentazzjoni dwar din il-Komunikazzjoni – indirizzat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, mhux aktar tard minn tmiem l-2012, is-sena li fiha ser tipproponi l-azzjoni ta' implimentazzjoni li inter alia tkopri :

a)

il-miżuri baġitarji meħtieġa biex il-Programm Komunitarju dwar il-Mard Rari jkun effettiv;

b)

il-ħolqien tan-netwerks rilevanti ta' ċentri ta' ħiliet esperti;

c)

il-ġbir ta' data epidemijoloġika dwar mard rari;

d)

il-mobilità ta' esperti u professjonisti;

e)

il-mobilità ta' pazjenti; u

f)

kunsiderazzjoni tal-ħtieġa għal azzjonijiet oħrajn biex tittejjeb il-ħajja tal-pazjenti affettwati minn mard rari u tal-ħajja tal-qraba tagħhom.


Top