EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AP0282

It-terminu ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-terminu ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati (COM(2008)0464 – C6-0281/2008 – 2008/0157(COD))
P6_TC1-COD(2008)0157 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit- 23 ta’ April 2009 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva 2009/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/116/KE dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati

ĠU C 184E, 8.7.2010, p. 331–337 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/331


Il-Ħamis, 23 ta' April 2009
It-terminu ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati ***I

P6_TA(2009)0282

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-terminu ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati (COM(2008)0464 – C6-0281/2008 – 2008/0157(COD))

2010/C 184 E/69

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0464),

wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikoli 47(2), 55 u 95 tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0281/2008),

wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0070/2009),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


Il-Ħamis, 23 ta’ April 2009
P6_TC1-COD(2008)0157

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta’ April 2009 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva 2009/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/116/KE ║dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 47(2), 55 u 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni║,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati (3), it-terminu ta’ protezzjoni għal artisti u produtturi ta’ fonogrammi huwa ta’ 50 sena.

(2)

Fil-każ tal-artisti dan il-perjodu jibda bil-prestazzjoni jew, meta l-iffissar tal-prestazzjoni tagħhom jiġi ppubblikat jew ikkomunikat lill-pubbliku fi żmien 50 sena wara li ssir il-prestazzjoni, bl-ewwel pubblikazzjoni bħal din jew bl-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, skont liema tkun l-ewwel.

(3)

Għal produtturi ta’ fonogrammi l-perjodu jibda bl-iffissar tal-fonogramma jew mill-pubblikazzjoni tagħha fi żmien 50 sena wara li tiġi ffissata, jew, jekk ma tkunx ippubblikata, mill-komunikazzjoni tagħha lill-pubbliku fi żmien 50 sena wara li tiġi ffissata.

(4)

L-importanza soċjalment rikonoxxuta tal-kontribuzzjoni kreattiva tal-artisti jeħtieġ li tkun riflessa f’livell ta’ protezzjoni li tagħraf il-kontribuzzjonijiet kreattivi u artistiċi tagħhom.

(5)

L-artisti ġeneralment jibew il-karrieri tagħhom ta’ età żgħira u t-terminu attwali ta’ protezzjoni ta’ 50 sena applikabbli fir-rigward tal-iffissar tal-prestazzjonijiet ħafna drabi ma jipproteġix il-prestazzjonijiet tagħhom matul ħajjithom kollha. Għaldaqstant, xi artisti jħabbtu wiċċhom ma’ differenza fl-introjtu fl-aħħar snin ta’ ħajjithom. Ħafna drabi dawn lanqas ikunu jistgħu jiddependu fuq id-drittijiet tagħhom li jipprevjenu jew jirrestrinġu l-użu oġġezzjonabbli tal-prestazzjonijiet tagħhom li jistgħu jseħħu matul ħajjithom.

(6)

Id-dħul li ġej mid-drittijiet esklużivi tagħhom ta’ riproduzzjoni u disponibbiltà, kif stipulat fid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (4), kif ukoll il-kumpens ġust għal riproduzzjonijiet għal użu privat skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva, u mid-drittijiet esklużivi ta’ distribuzzjoni u kiri skont it-tifsira tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar id-dritt ta’ kiri u d-dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-kamp tal-proprjetà intellettwali (5), għandu jkun disponibbli għall-artisti għall-inqas matul ħajjithom.

(7)

It-terminu ta’ protezzjoni għall-iffissar ta’ prestazzjonijiet u għall-fonogrammi għandu għalhekk jiġi estiż għal 70 sena wara l-avveniment rilevanti .

( 8 )

Id-drittijiet ▐ fl-iffissar tal-prestazzjoni għandhom jerġgħu lura għand l-artist jekk il-produttur ta’ fonogrammi jżomm lura milli joffri għall-bejgħ, fi kwantità suffiċjenti, fit-termini tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Artisti, il-Produtturi tal-Fonogrammi u l-Organizzazzjonijiet tax-Xandir, kopji ta’ fonogramma li, fin-nuqqas ta’ estensjoni tat-terminu, tkun fid-dominju pubbliku jew milli jagħmel din il-fonogramma disponibbli għall-pubbliku. Din l-għażla għandha tkun disponibbli wara l-iskadenza ta’ perjodu raġonevoli ta’ żmien li jibqa’ għall-produttur ta’ fonogrammi biex iwettaq dawn iż-żewġ atti ta’ sfruttament. Għaldaqstant, id-drittijiet tal-produttur ta’ fonogrammi fil-fonogramma għandhom jiskadu, biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn dawn id-drittijiet ikunu jeżistu flimkien ma’ dawk tal-artist fl-iffissar tal-prestazzjoni filwaqt li d-drittijiet tal-aħħar ma jibqgħux jiġu trasferiti jew assenjati lill-produtturi ta’ fonogrammi.

(9)

Kif jibdew relazzjoni kuntrattwali ma’ produttur ta’ fonogrammi, l-artisti normalment ikollhom jittrasferixxu lill-produtturi ta’ fonogrammi d-drittijiet esklużivi tagħhom ta’ riproduzzjoni, distribuzzjoni, kiri u disponibbiltà tal-iffissar tal-prestazzjonijiet tagħhom. Bħala bdil ma’ dan, xi artisti jitħallsu ħlas bil-quddiem fuq id-drittijiet u jibbenefikaw biss mill-ħlasijiet ladarba l-produttur ta’ fonogrammi jkun irkupra l-ħlas inizjali bil-quddiem u jkun wettaq kull tnaqqis previst mill-kuntratt. Artisti oħrajn jittrasferixxu jew jassenjaw id-drittijiet esklużivi tagħhom bi ħlas ta’ darba (rimunerazzjoni li ma tirrepetix ruħha). Dan iseħħ fil-każ partikolari meta artisti li jaħdmu fl-isfond ma jissemmewx fil-kredits (“atturi mhux magħrufa”) iżda xi drabi wkoll fil-każ ta’ artisti li jissemmew fil-kredits (“artisti magħrufa”) .

(10)

Biex jiġi żgurat li l-artisti li trasferew id-drittijiet esklużivi tagħhom lil produtturi ta’ fonogrammi ▐ tassew jibbenefikaw minn l-estensjoni tat-terminu, għandha tiġi introdotta sensiela ta’ miżuri ▐ ta’ akkumpanjament. ▐.

(11)

L-ewwel miżura ▐ ta’ akkumpanjament għandha tkun li l-produtturi ta’ fonogrammi jkollhom l-obbligu li jwarrbu, għall-inqas darba fis-sena, somma li tikkorrispondi għal 20 % tad-dħul mid-drittijiet esklużivi ta’ distribuzzjoni, riproduzzjoni u disponibbiltà ta’ fonogrammi. “Dħul” tfisser id-dħul miksub mill-produttur ta’ fonogrammi qabel inaqqas l-ispejjeż. .

(12)

Dawn il-ħlasijiet għandhom jitwarrbu biss għall-benefiċċju ta’ artisti li l-prestazzjonijiet tagħhom jinsabu ffissati fuq fonogramma u li trasferew jew assenjaw id-drittijiet tagħhom lill-produttur ta’ fonogramma bi ħlas ta’ darba. Il-ħlasijiet imwarrba b’dan il-mod għandhom jitqassmu lil artisti mhux magħrufa mill-inqas darba fis-sena fuq bażi individwali. Distribuzzjoni bħal din għandha tiġi fdata lis-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva, u r-regoli nazzjonali dwar dħul li ma jistax jiġi distribwit jistgħu jiġu applikati. Sabiex jiġi evitat piż sproporzjonat fil-ġbir u l-amministrazzjoni ta’ dan id-dħul, l-Istati Membri jistgħu jirregolaw il-punt safejn il-mikrointrapriżi jkunu suġġetti għall-obbligu li jikkontribwixxu meta ħlasijiet bħal dawn ma jidhrux li jkunu raġonevoli meta jitqabblu mal-ispejjeż tal-ġbir u l-amministrazzjoni ta’ dħul bħal dan.

(13)

Madankollu, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115/KE ║ diġà jagħti lill-artisti d-dritt irrevokabbli għal rimunerazzjoni ġusta għall-kiri, inter alia, ta’ fonogrammi. Bl-istess mod, fil-prassi kuntrattwali l-artisti normalment ma jittrasferux lil produtturi ta’ fonogrammi d-drittijiet tagħhom li jitolbu rimunerazzjoni ġusta u unika għax-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE u għal kumpens ġust għal riproduzzjonijiet għal użu privat skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE. Għaldaqstant, fil-kalkolu tal-ammont globali li għandu jiġi ddedikat minn produttur ta’ fonogrammi għal ħlasijiet tar-rimunerazzjoni supplimentari, ma għandux jitqies id-dħul li l-produttur ta’ fonogrammi jkun kiseb mill-kiri ta’ fonogrammi jew mir-rimunerazzjoni ġusta u unika għax-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku jew mill-kumpens ġust li jingħata għal kopja privata.

(14)

It-tieni miżura ta’ akkompanjament sabiex jerġa’ jinstab bilanċ f’kuntratti li bihom l-artisti jittrasferixxu d-drittijiet esklużivi tagħhom, fuq il-bażi ta’ ħlas ta’ drittijiet, lil produttur ta’ fonogrammi, għandu jkun hemm kundizzjoni ta’ “rekord nadif” marbuta mal-estensjoni tat-terminu għal dawk l-artisti li jkunu assenjaw id-drittijiet esklużivi tagħhom imsemmija hawn fuq lill-produtturi ta’ fonogrammi għal ħlas ta’ drittijiet jew rimunerazzjoni. Sabiex l-artisti jiksbu benefiċċju sħiħ mit-terminu estiż ta’ protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-ftehimiet bejn il-produtturi ta’ fonogrammi u l-artisti, titħallas lill-artisti rata ta’ ħlas ta’ drittijiet jew rimunerazzjoni ħielsa minn kull pagament bil-quddiem jew minn tnaqqis skont il-kuntratt waqt il-perjodu estiż.

(15)

Għall-fini ta’ ċertezza legali għandu jkun previst li fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet ċari għall-kuntrarju fil-kuntratt , it-trasferiment kuntrattwali jew it-trasferiment tad-drittijiet fl-iffissar tal-prestazzjoni, konkluż qabel id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri li jimplimentaw din id-direttiva, għandu jkompli jipproduċi l-effetti tiegħu għat-terminu estiż.

(16)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddisponi li ċerti pattijiet f’dawk il-kuntratti li jipprovdu għal rimunerazzjoni mtennija jkunu jistgħu jiġu rinegozjati għall-benefiċċju tal-artisti. L-Istati Membri għandu jkollhom proċeduri lesti f’każ li r-rinegozjazzjoni tfalli.

(17)

Billi l-għanijiet tal-miżuri proposti ta’ akkumpanjament ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, billi l-miżuri nazzjonali f’dan il-kamp jew iwasslu għal tgħawwiġ ║ ta’ kompetizzjoni jew jaffettwaw l-ambitu tad-drittijiet esklużivi tal-produttur ta’ fonogrammi li huma definiti mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità, u li għalhekk ║ jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawn l-għanijiet.

(18)

Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli u l-ftehmiet nazzjonali li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tagħha, bħal per eżempju l-ftehimiet kollettivi konklużi fl-Istati Membri bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-artisti u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-produtturi.

(19)

F’ċerti Stati Membri, jiġi mogħti terminu uniku ta’ protezzjoni għal kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem, ikkalkolat mill-mewt tal-aħħar awtur li jkun baqa’ ħaj, filwaqt li fi Stati Membri oħra, termini separati ta’ protezzjoni japplikaw għall-mużika u l-lirika. Il-kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem ta’ spiss jinkitbu minn diversi awturi. Pereżempju, ▐ opra, ħafna drabi tkun ix-xogħol ta’ librettist u kompożitur . Barra minn hekk, fil-ġeneri mużikali bħall-mużika ġazz, rokk u pop, il-proċess kreattiv ħafna darbi huwa kollaborattiv fin-natura tiegħu.

(20)

Għaldaqstant, l-armonizzazzjoni tat-terminu ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem li l-lirika u l-mużika tagħhom inħolqu biex jintużaw flimkien mhijiex kompluta, filwaqt li twassal għal xkiel għall-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi, bħal servizzi ta’ ġestjoni kollettiva transkonfinali. Sabiex tiġi żgurata t-tneħħija ta’ dan it-tip ta’ xkiel, ix-xogħlijiet kollha ta’ dan it-tip li jinsabu protetti sad-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva mill-Istati Membri, huma rikjesti jkollhom l-istess terminu armonizzat ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha.

(21)

Id-Direttiva 2006/116/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

(22)

Skont il-punt 34 tal-Ftehima Interistituzzjonali dwar Leġiżlazzjoni Aħjar, l-Istati Membri huma mħeġġin jirrediġu għalihom infushom u fl-interessi tal-Komunità, it-tabella tagħhom stess li jillustraw il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2006/116/KE

Id-Direttiva 2006/116/KE għandha b’ dan tiġi emendata kif ġej:

(1)

Il-paragrafu li ġej għandu għandu jiżdied mal-Artikolu:

“7.   It-terminu ta’ protezzjoni ta’ kompożizzjoni mużikali bil-kliem għandu jiskadi 70 sena wara l-mewt tal-aħħar mill-persuni li ġejjin li tkun baqgħet ħajja, sew jekk dawn il-persuni huma nominati bħala ko-awturi sew jekk le: l-awtur tal-lirika u l-kompożitur tal- kompożizzjoni mużikali, sakemm iż-żewġ kontributi jkunu nħolqu speċifikament għall-kompożizzjoni mużikali rispettiva bil-kliem.

(2)

L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

a)

Fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Madankollu,

jekk l-iffissar ta’ prestazzjoni b’mod ieħor milli fuq fonogramma jkun ippubblikat legalment jew ikkomunikat legalment lill-pubbliku f’dan il-perjodu, id-drittijiet għandhom jiskadu 50 sena mid-data tal-ewwel pubblikazzjoni bħal din jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, liema minnhom tkun l-ewwel,

jekk l-iffissar ta’ prestazzjoni fuq fonogramma jkun ippubblikat legalment jew ikkomunikat legalment lill-pubbliku f’dan il-perjodu, id-drittijiet għandhom jiskadu 70 sena mid-data tal-ewwel pubblikazzjoni bħal din jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, liema minnhom tkun l-ewwel.”

b)

Fil-paragrafu 2, fit-tieni u t-tielet sentenza, in-numru“50”għandu jinbidel bin-numru “70”.

c)

Għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin :

“2a.     Jekk, 50 sena wara li l-fonogramma tkun ġiet ippubblikata legalment, jew fil-każ li din ma tiġix ippubblikata, 50 sena wara li ġiet komunikata mal-pubbliku b’mod leġittimu, il-produttur tal-fonogramma ma joffrix kopji tal-fonogramma għall-bejgħ fi kwantità suffiċjenti jew ma jagħmiliex disponibbli għall-pubbliku, b’mezzi bil-wajer jew mingħajr, b’mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għaliha minn post u ħin individwalment magħżul minnhom, l-artist jista’ jittermina l-kuntratt li bih ittrasferixxa jew assenja d-drittijiet fl-iffissar tar-rappreżentazzjoni tiegħu għall-produttur tal-fonogrammi (minn hawn ‘il quddiem magħruf bħala ‘kuntratt ta’ trasferiment jew assenjazzjoni’). Id-dritt li jittermina l-kuntratt jista’ jiġi eżerċitat jekk il-produttur, fi żmien ta’ sena min-notifika mill-artist tal-intenzjoni tiegħu li jittermina l-kuntratt skont is-sentenza preċedenti, ma jwettaqx iż-żewġ atti ta’ esplojtazzjoni msemmija f’dik is-sentenza. Id-dritt li jittermina ma jistax ikun ċedut mill-artist. Fejn fonogramma jkun fiha l-iffissar ta’ prestazzjonijiet ta’ pluralità ta’ artisti, dawn jistgħu jtemmu l-kuntratti tagħhom ta’ trasferiment jew assenjazzjoni b’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli. Jekk il-kuntratt ta’ trasferiment jew assenjazzjoni jintemm skont dan il-paragrafu, id-drittijiet tal-produttur ta’ fonogrammi fuq il-fonogramma għandhom jiskadu.

2b.     Fejn kuntratt dwar trasferiment jew assenjazzjoni jagħti dritt lill-artist biex jirrikjedi rimunerazzjoni mhux rikorrenti, l-arist ikollu d-dritt li jikseb rimunerazzjoni annwali supplimentari mill-produttur tal-fonogramma għal kull sena sħiħa immedjatament wara l-50 sena wara li ġiet ippubblikata leġittimament il-fonogramma, jew jekk ma kienx hemm pubblikazzjoni, il-50 sena ta’ wara li ġiet komunikata leġittimament lill-pubbliku. Id-dritt li tinkiseb tali rimunerazzjoni annwali supplimentari ma tistax tkun miċħuda mill-artist.

2c.     L-ammont globali li għandu jiġi riservat mill-produttur ta’ fonogrammi għal ħlas tar-rimunerazzjoni supplimentari msemmija fil-paragrafu 2b għandu jikkorrispondi għal 20 % tad-dħul li hu jkun kiseb, matul is-sena ta’ qabel dik li għaliha titħallas ir-rimunerazzjoni msemmija, mir-riproduzzjoni, mid-distribuzzjoni u mid-disponibbiltà tal-fonogramma konċernata, wara l-50 sena minn meta ġiet ippubblikata leġittimament, jew jekk ma kinitx ippubblikata, il-50 sena wara li ġiet komunikata leġittimament lill-pubbliku.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi ta’ fonogrammi ikunu meħtieġa, fuq talba, li jfornu lill-artisti, li jkollhom dritt għar-rimunerazzjoni annwali supplimentari skont il-paragrafu 2b, kwalunkwe tagħrif li jista’ jkun meħtieġ sabiex jiġi skurat il-ħlas ta’ dik ir-remunerazzjoni.

2d.     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dritt li tinkiseb rimunerazzjoni annwali supplimentari kif imsemmija fil-paragrafu 2b jiġi amministrat mis-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva.

2e.     Fejn artist huwa intitolat għal ħlasijiet rikorrenti, m’għandhomx jitnaqqsu la ħlasijiet minn qabel u lanqas xi tnaqqis miftiehem b’kuntratt mill-ħlasijiet lill-artist wara il-50 sena wara li l-fonogramma ġiet ippublikata legalment, jew meta ma tkunx ġiet ippubblikata il-50 sena wara li ġiet komunikata leġittimament lill-pubbliku.”

(3)

Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-Artikolu 10║:

“5.   L-Artikolu 3 (1) u (2 e) fil-verżjoni ▐ kif previst mid-Direttiva …/…/KE (6) għandu ▐ japplika ▐ għall-iffissar tal-prestazzjonijiet u l-fonogrammi li fir-rigward tagħhom l-artist u l-produttur ta’ fonogrammi għadhom protetti, permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fil- … (7). u għall-iffissar tal-prestazzjonijiet u tal-fonogrammi li saru wara dik id-data.

6.     L-Artikolu 1(7), kif miżjud mid-Direttiva …/…/KE (6) , għandu japplika għall-kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem, li minnhom mill-inqas il-kompożizzjoni mużikali jew il-kliem ikunu protetti f’mill-inqas wieħed mill-Istati Membri qabel …  (7) u għal kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem li saru wara dik id-data.

L-ewwel subparagrafu għandu jkunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att ta’ sfruttament li jseħħ qabel … (7). L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji biex jipproteġu b’mod partikolari d-drittijiet akkwiżiti tal-partijiet terzi.

(4)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu ║ li ġej:

Artikolu 10a

Il-miżuri tranżitorji marbuta mat-traspożizzjoni tad-direttiva …/…/KE  (8)

1.   Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet kuntrattwali ċari għall-kuntrarju, il-kuntratt, dwar it-trasferiment jew assenzjazzjoni konkluż qabel … (9) , għandu jitqies li jibqa’ jipproduċi l-effetti tiegħu lilhinn mill-waqt li fih, permezz tal-Artikolu 3 (1) ▐ fil-verżjoni ▐ qabel l-emenda mid-Direttiva …/…/KE  (8), l-artist ▐ ma jibqgħux ikunu protetti ▐.

2.     L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li kuntratti b’trasferiment jew assenjazzjonili jintitolaw artist għal ħlasijiet rikorrenti u li jiġu konklużi qabel …  (9) jistgħu jiġu modifikati 50 sena wara li l-fonogramm ikun ġie ppubblikat skont il-liġi, jew jekk din il-pubblikazzjoni ma tkunx saret, 50 sena wara li jkun ġie komunikat lill-pubbliku skont il-liġi.

Artikolu 2

Rapport

Il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku sa mhux iktar tard minn …  (10) rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fid-dawl tal-iżvilupp tas-suq diġitali u, meta jkun xieraq, għandha tressaq proposta sabiex temenda ulterjorment id-Direttiva 2006/116/KE.

Artikolu 3

Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-bżonn eventwali għal estensjoni tat-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-artisti u tal-produtturi fis-settur awdjoviżiv, u għandha tirrapporta dwar ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2010. Jekk dan ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta sabiex temenda ulterjorment id-Direttiva 2006/116/KE.

Artikolu 4

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ, sa…  (11) mhux iktar tard minn, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ▐.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi ║,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Opinjoni tal-14 ta’ Jannar 2009 (għada mhix ippubblikata fil-ĠU).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2009.

(3)  ĠU L 372, 27.12.2006, p. 12.

(4)  ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

(5)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28.

(6)  ĠU L …

(7)   Sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva ta’ emenda.

(8)   Sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva ta’ emenda.

(9)   Ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva ta’ emenda.

(10)   Ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva ta’ emenda.

(11)   Sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva ta’ emenda.


Top