EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AP0225

L-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq l-injam u prodotti tal-injam ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' April 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (COM(2008)0644 – C6-0373/2008 – 2008/0198(COD))
P6_TC1-COD(2008)0198 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit- 22 ta’ April 2009 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (KE)Nru…/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq tal-Komunità l-injam u prodotti tal-injam
ANNESS

ĠU C 184E, 8.7.2010, p. 145–161 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/145


L-Erbgħa, 22 ta' April 2009
L-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq l-injam u prodotti tal-injam ***I

P6_TA(2009)0225

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (COM(2008)0644 – C6-0373/2008 – 2008/0198(COD))

2010/C 184 E/39

(Proċedura ta' kodeċiżjoni:l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM (2008)0644),

wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 175(1) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0373/2008),

wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0115/2009),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


L-Erbgħa, 22 ta’ April 2009
P6_TC1-COD(2008)0198

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-22 ta’ April 2009 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (KE)Nru…/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq tal-Komunità l-injam u prodotti tal-injam

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni║,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Huma u jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Il-foresti jipprovdu varjetà wiesgħa ta’ benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali inklużi prodotti tal-foresta mill-injam u mhux mill-injam u servizzi ambjentali u habitats għall-komunitajiet lokali .

(2)

L-ambjent tal-foresta huwa patrimonju prezzjuż li għandu jiġi mħares, ippreservat u, fejn dan ikun prattiku, iġġenerat mill-ġdid bil-għan aħħari li jinżammu l-bijodiversità u l-funzjonijiet tal-ekosistemi, filwaqt li titħares il-klima u jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali u ta’ dawk li jiddependu mill-foresti.

(3)

Il-foresti huma sors ekonomiku, u l-kultivazzjoni tagħhom tiġġeneraprosperità u impjiegi.Il-kultivazzjoni tal-foresti għandha wkoll effetti pożittivi fuq il-klima billi l-prodotti tagħhom jistgħu jissostitwixxu prodotti li jikkunsmaw aktar enerġija.

(4)

Huwa importanti ħafna, b'mod partikolari mill-aspett tal-klima, li subkuntratturi li joperaw fis-suq Komunitarjujagħmlu l-kummerċ biss f'injam maħsud b'mod legali billi injam bħal dan jiżgura li l-funzjoni importanti tal-foresti bħala bjar tad-dijossidu tal-karbonju ma tiġix imfixkla.Barra minn hekk, l-użu ta’ injam maħsud b'mod legali bħala materjal tal-bini, pereżempju fi djar tal-injam, jgħin biex id-dijossidu tal-karbonju jinqabad fuq perijodu fit-tul.

(5)

Il-forestrija tikkontribwixxi għall-biċċa 'l kbira tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u hija s-sors primarju ta’ dħul għal ħafna persuni f'dawn il-pajjiżi.Huwa għalhekk importanti li dan l-iżvilupp u s-sors ta’ dħul ma jitrażżanx, iżda li jkun hemm emfasi fuq kif l-iżvilupp aktar sostenibbli tal-forestrija f'dawkir-reġjuni ikun promoss.

(6)

Minħabba d-domanda dejjem tiżdied għall-injam u l-prodotti tal-injam mad-dinja kollha flimkien man-nuqqasijiet istituzzjonali u ta’ governanza li jinsabu fis-settur tal-foresta f'għadd ta’ pajjiżi li jipproduċu l-injam, il-qtugħ illegali u l-kummerċ marbut miegħu saru kwistjoni dejjem aktar ta’ tħassib.

(7)

Huwa evidenti li l-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali tal-foresti u d-domanda għall-injam u l-prodotti tal-injam sikwit tkun qawwija u li l-Komunità teħtieġ li tnaqqas l-impatt tagħha fuq l-ekosistemi tal-foresti, indipendentement minn fejn jidhru l-effetti tagħhom.

(8)

Il-qtugħ illegali , flimkien man-nuqqasijiet istituzzjonali u ta’ governanza fis-settur tal-foresti f'numru sinifikanti ta’ pajjiżi li jipproduċu l-injam, huwa problema ta’ tħassib internazzjonali ewlieni. Il-qtugħ illegali huwa ta’ theddida sinifikanti għall-foresti għax jikkontribwixxi għall-proċess ta’ deforestazzjoni u deġenerazzjoni tagħhom , li huwa responsabbli għal madwar 20 % tal-emissjonijiet ta’ CO2, jinfluwenza d-deżertifikazzjoni u l-proċess tal-formazzjoni tal-isteppi, iżid l-erożjoni tal-ħamrija u jħarrax il-fenomeni klimatiċi estremi u l-għargħar li jista’ jsegwi, jhedded il-bijodiversità, jagħmel ħsara fil-habitats tal-popli indiġeni u jimmina l-ġestjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-foresti. Barra minn hekk, għandu wkoll implikazzjonijiet soċjali, politiċi u ekonomiċi , u sikwit ifixkel il-progress lejn l-għanijiet ta’ governanza tajba, u jhedded il-komunitajiet lokali li jiddependu mill-foresti, kif ukoll id-drittijiet tal-popli indiġeni .

(9)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jwaqqaf il-kummerċ tal-injam maħsud b'mod illegali u ta’ prodotti magħmula minnu fl-UE u biex jikkontribwixxi għall-waqfien tad-deforestazzjoni u d-deġenerazzjoni tal-foresti u għall-emissjonijiet tal-karbonju u t-telfien fil-bijodiversità globali marbuta magħhom, filwaqt li jippromwovi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-iżvilupp uman sostenibbli u r-rispett għall-popli indiġeni u tal-post.Dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi biex jiġu ssodisfati l-obbligi u l-impenji li hemm, fost l-oħrajn, fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tal-1992 (CBD); il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Ispeċi fil-Periklu ta’ Fawna u Flora Selvaġġi tal-1973 (CITES); il-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali (ITTA) tal-1983, l-1994 u l-2006; il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima tal-2002 (UNFCCC); il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni tal-1994; id-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992; id-Dikjarazzjoni ta’ Johannesburg u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni kif adottati mis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-4 ta’ Settembru 2002; il-proposti għal azzjoni tal-PanelIntergovernattiv dwar il-Foresti tal-NU, endorsjat mis Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (Ungass) tal-1997, u tal-Forum Internazzjonali dwar il-Foresti tal-NU; l-istqarrija awtoritarja iżda mhux legalment vinkolanti tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (UNCED) dwar il-prinċipji għall-Qbil Globali dwar il-Ġestjoni, il-Konservazzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli tat-Tipi Kollha ta’ Foresti tal-1992; l-Aġenda 21 kif adottata mill-UNCED f'Ġunju 1992; ir-Riżoluzzjoni tal- Ungass dwar “Programm għat-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 21” tal-1997; id-Dikjarazzjoni tal-Millennju tal-2000; il-Karta Dinjija għan-Natura tal-1982; id-Dikjarazzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent Uman tal-1972; il-Pjan ta’ Azzjoni tal-1972 għall-Ambjent Uman, ir-Riżoluzzjoni 4/2 tal-Forum tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Foresti; il-Konvenzjoni dwar il-Ħajja Selvaġġa u l-Habitats Ewropej tal-1979 u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni tal-2003 (UNCAC).

(10)

Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali  (4) identifikat bħala attività ta’ prijorità l-eżami tal-possibiltà li jittieħdu miżuri attivi biex jiġi evitat u jingħeleb il-kummerċ fl-injam maħsud b'mod illegali, kif ukoll it-tkomplija tal-parteċipazzjoni attiva tal-Komunità u tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet globali u reġjonali u ta’ ftehimiet dwar kwistjonijiet marbuta mal-foresti.

(11)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Mejju 2003 bit-titolu “Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, il-Governanza u l-Kummerċ (FLEGT): Proposta għall-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE” ipproponiet pakkett ta’ miżuri biex jappoġġjaw l-isforzi internazzjonali biex tinstab soluzzjoni għall-problema tal-qtugħ illegali ta’ siġar u l-kummerċ marbut miegħu (5) u biex jagħtu kontribut għall-għan aktar wiesa' tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti .

(12)

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew filwaqt li jagħrfu l-ħtieġa li l-Komunità tagħti sehemha fl-isforz globali biex tiġi indirizzata l-problema tal-qtugħ illegali u biex ikun appoġġjat il-qtugħ legali b'mod sostenibbli fil-qafas tal-iżvilupp sostenibbli, tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u tat-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll tal-ugwaljanza soċjali u s-sovranità nazzjonali, laqgħu din il-Komunikazzjoni.

(13)

Skont l-għan ta’ din il-Komunikazzjoni, jiġifieri li jiġi żgurat li jidħlu biss fil-Komunità prodotti tal-injam li ġew manifatturati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż produttur, il-Komunità qed tinnegozja Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja (VPAs) ma' pajjiżi li jipproduċu l-injam (pajjiżi msieħba), li jimponu obbligu li jorbot legalment fuq l-imsieħba li jimplimentaw skema ta’ liċenzjar u li jirregolaw il-kummerċ fl-injam u l-prodotti tal-injam identifikati fil-VPAs.

(14)

Il-Komunità għandha tagħmel pressjoni wkoll, f'taħditiet bilaterali ma' pajjiżi ewlenin li jikkunsmaw l-injam bħall-Istati Uniti, iċ-Ċina, ir-Russja u l-Ġappun, biex isiru diskussjonijiet marbuta mal-problema tal-qtugħ illegali, biex ikun hemm konverġenza dwar obbligi xierqa u armonizzati fuq l-operaturi fis-swieq tagħhom tal-injam, u biex tinħoloq sistema indipendenti ta’ twissija kif ukoll reġistru globali tal-qtugħ illegali magħmula, pereżempju, mill-Interpol u minn korp xieraq tan-Nazzjonijiet Uniti, li tibbenefika mill-aħħar teknoloġiji għall-ittraċċar bis-sattelliti.

(15)

Operaturi minn pajjiżi b'foresti ta’ importanza ekoloġika internazzjonali għandu jkollhom responsabilità partikulari għall-isfruttar sostenibbli tal-injam.

(16)

Minħabba l-kobor u l-urġenza tal-problema, jeħtieġ li tkun appoġġjata b'mod attiv il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali u l-kummerċ marbut miegħu, jitnaqqas l-impatt tal-Komunità fuq l-ekosistemi tal-foresti, tkun ikkomplementata u msaħħa l-inizjattiva tal-VPA u jittejbu s-sinerġiji bejn il-politika li għandha l-għan li tnaqqas il-faqar, tħares il-foresti u l-kisba ta’ livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent, inkluża l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità.

(17)

Meta wieħed iqis il-prinċipju tal-azzjoni preventiva, il-parteċipanti kollha fil-katina tal-forniment għandhom jaqsmu r-responsabilità għat-tneħħija tar-riskju li jitqiegħed fis-suq injam maħsud illegalment u prodotti ġejjin minnu.

(18)

L-isforzi magħmula mill-pajjiżi li kkonkludew VPAs FLEGT mal-Komunità u l-prinċipji inkorporati fihom, b'mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni ta’ njam prodott legalment, għandhom isibu għarfien. Jeħtieġ ukoll li jitqies li skont l-iskema ta’ liċenzjar tal-FLEGT l-injam u l-prodotti tal-injam biss maħsuda skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti jiġu esportati fil-Komunità. Għal dan il-għan, il-prodotti tal-injam imniżżla fl-Annessi II u III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar it-twaqqif ta’ skema ta’ liċenzjar tal-FLEGT għal importazzjonijiet ta’ njam fil-Komunità Ewropea (6), li joriġinaw fil-pajjiżi msieħba elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 għandhom jitqiesu li huma maħsuda legalment sakemm ikunu konformi ma' dan ir-Regolament u kull dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni. Il-prinċipji stipulati fil-VPAs, b'mod partikolari rigward id-definizzjoni ta’ “injam prodott b'mod legali” għandhom jinkludu u jiggarantixxu l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, iż-żamma tal-bijodiversità, il-ħarsien tal-komunitajiet lokali dipendenti mill-foresti u tal-popli indiġeni, kif ukoll is-salvagwardja tad-drittijiet ta’ dawn il-komunitajiet u l-popli.

(19)

Irid jitqies ukoll il-fatt li l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Ispeċi tal-Fawna u l-Flora fil-Periklu (CITES) titlob mill-partijiet fil-Konvenzjoni biex jagħtu biss permess CITES għall-esportazzjoni meta speċi li tkun elenkata fis-CITES tkun ġiet maħsuda, fost l-oħrajn, b'konformità mal-leġiżlazzjoni domestika fil-pajjiż ta’ esportazzjoni. Għal dan il-għan, il-prodotti tal-injam tal-ispeċijiet elenkati fl-Annessi A, B u C tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet ta’ fawna u flora fin-natura billi jiġi rregolat il-kummerċ fihom (7) għandhom jitqiesu li huma legalment maħsuda sakemm ikunu konformi ma' dan ir-Regolament u kull dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni.

(20)

Filwaqt li titqies il-komplessità tal-qtugħ illegali fir-rigward tal-fatturi ta’ bażi u l-impatti, l-inċentivi għall-aġir illegali għandhom jitnaqqsu billi jiġi mmirat l-aġir tal-operaturi. It-tisħiħ tar-rekwiżiti u tal-obbligi kif ukoll it-titjib tal-mezzi legali biex issir prosekuzzjoni tal-operaturi għall-pussess tal-injam u l-prodotti tal-injam illegali u għat-tqegħid u disponibbilita’ fis-suq Komunitarju ta’ tali injam u prodotti tal-injam huma fost l-aktar soluzzjonijiet effikaċi biex l-operaturi ma jitħajrux jagħmlu kummerċ ma' fornituri illegali.

(21)

Fin-nuqqas ta’ definizzjoni bi qbil internazzjonali l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn l-injam jinħasad għandha tkun il-bażi biex ewlenija jiġi ddefinit x'jikkostitwixxi qtugħ illegali. L-applikazzjoni tal-istandards ta’ legalità ġġib magħha l-konsiderazzjoni ta’ aktar standards internazzjonali li jinkludu, fost l-oħrajn, dawk tal-Organizzazzjoni Afrikana tal-Injam, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Injam Tropikali, il-Proċess ta’ Montreal dwar il-Kriterji u l-Indikaturi għall-Konservazzjoni u l-Ġestjoni Sostenibbli ta’ Foresti Temporali u Boreali, u l-Proċess Pan-Ewropew dwar il-Kriterji u l-Indikaturi għall-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti.Tali applikazzjoni ta’ standards ta’ legalita’ għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ impenji, prinċipji u rakkomandazzjonijiet internazzjonali, inklużi dawk rigward il-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima, it-tnaqqis tat-telfien tal-bijodiversità, it-taffija tal-faqar, it-tnaqqis tad-deżertifikazzjoni u l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali u ta’ dawk li jiddependu mill-foresti.Il-pajjiż li jaħsad l-injam għandu jipprovdi inventarju tal-qtugħ legali kollu, b'dettalji dwar l-ispeċijiet tas-siġar u l-produzzjoni massima tal-injam.

(22)

Ħafna prodotti tal-injam jgħaddu minn għadd ta’ proċessi qabel u wara li jitqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba. Sabiex jiġi evitat li jkun hemm piż amministrattiv impost għalxejn dawk l-operaturi biss li jqiegħdu l-injam u prodotti tal-injam fis-suq għall-ewwel darba, aktar milli l-operaturi kollha involuti fil-katina ta’ distribuzzjoni, għandhom jiġu soġġetti għar-rekwiżit li jistabilixxu sistema sħiħa ta’ miżuri u proċeduri (is-sistema ta’ diliġenza meħtieġa) li tnaqqas ir-riskju li jitqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam maħsud b'mod illegali. Madankollu l-operaturi kollha fil-katina ta’ forniment għandhom ikunu marbuta mal-projbizzjoni prinċipali li l-injam jew prodotti tal-injam minn sorsi illegali ma jkunux disponibbli fis-suq, u għandhom joqogħdu attenti sew biex dan ma jsirx.

(23)

L-operaturi kollha (kummerċjanti u produtturi) fil-katini ta’ forniment tal-injam u prodotti tal-injam fis-suq tal-Komunità għandhom jindikaw b'mod ċar fuq il-prodotti għall-bejgħ, is-sors jew il-fornitur minn fejn joriġina l-injam.

(24)

L-operaturi li jqiegħdu għall-ewwel darba njam u prodotti tal-injam fis-suq tal-Komunità għandhom jeżerċitaw id-diliġenza meħtieġa permezz ta’ sistema ║ta’ diliġenza meħtieġa║ biex jonqos kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ tqegħid ta’ njam u prodotti tal-injam maħsuda illegalment.

(25)

Is-sistema ta’ diliġenza meħtieġa għandha tipprovdi aċċess għall-għejun u l-fornituri tal-injam u l-prodotti tal-injam li jitqiegħdu fis-suq tal-Komunità u għal tagħrif dwar konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

(26)

Fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b'mod speċjali l-vulnerabilità partikolari u r-riżorsi limitati tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).Huwa importanti ħafna li SMEs bħal dawn ma jitgħabbewx b'regoli kkumplikati li jfixklu l-iżvilupp tagħhom.Il-Kummissjoni għandha, għalhekk, sa fejn huwa possibbli u fuq il-bażi tal-mekkaniżmi u l-prinċipji stabbiliti fl-Att dwar in-Negozji Żgħar li għad irid jidħol fis-seħħ, toħloq sistemi simplifikati rigward l-obbligi tal-SMEs skont dan ir-Regolament, mingħajr ma tipperikola l-għanijiet u l-iskopijiet tiegħu, u toffri lill-SMEs alternattivi validi biex ikunu jistgħu joperaw skont il-leġiżlazzjoni tal-Komunità.

(27)

▐Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jsir kontribut għall-iżvilupp ta’ prassi tajba huwa xieraq li jkun hemm għarfien ta’ organizzazzjonijiet li żviluppaw rekwiżiti adattati u effikaċi għat-twettiq tas-sistemi tad-diliġenza meħtieġa. Lista ta’ organizzazzjonijiet magħrufa bħal dawn għandha tiġi ppubblikata▐.

(28)

Għall-istess għan, l-Unjoni Ewropea għandha tinkoraġġixxi l-organizzazzjonijiet imsemmija hawn fuq biex jikkoperaw mal-organizzazzjonijiet tal-ambjent u mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem biex jappoġġjaw sistemi ta’ diliġenza u l-monitoraġġ tagħhom.

(29)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaraw li l-operaturi jissodisfaw l-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament. Għal dak il-għan l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali , fosthom kontrolli tad-dwana, u jeħtieġu mill-operaturi li jieħdu miżuri ta’ korrezzjoni fejn meħtieġ.

(30)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu dokumentazzjoni tal-kontrolli u jqegħduha fil-qosor għad-disponibilità tal-pubbliku skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess tal-pubbliku għal informazzjoni ambjentali (8).

(31)

Minħabba n-natura internazzjonali tal-qtugħ illegali u l-kummerċ marbut miegħu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw bejniethom u mal-organizzazzjonijiet tal-ambjent, mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u mal-awtoritajiet amministrattivi ta’ pajjiżi terzi u/jew mal-Kummissjoni.

(32)

L-Istati Membri għandhom jaraw li ksur ta’ dan ir-Regolament jiġi kkastigat b'penalitajiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(33)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lil-Kummissjoni (9).

(34)

B'mod partikolari l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta regoli fid-dettall għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ diliġenza meħtieġa u b'mod partikolari għall-evalwazzjoni tar-riskju li jitqiegħed injam u prodotti tal-injam maħsud illegalment fis-suq, li tistabbilixxi kriterji ta’ għarfien ta’ sistemi ta’ diliġenza meħtieġa żviluppati minn organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ u li tadatta l-lista ta’ njam u prodotti tal-injam li għaliha japplika dan ir-Regolament fejn il-karatteristiċi tekniċi, l-użi aħħarija jew il-proċessi ta’ produzzjoni tal-injam u l-prodotti tal-injam jeħtieġu dawn l-adattamenti. Billi dawn il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh b'elementi mhux essenzjali ġodda, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(35)

L-iżvilupp fil-forestrija sostenibbli huwa proċess ma jaqta’ xejn u dan ir-Regolament għandu, għalhekk, jiġi evalwat, aġġornat u emendat fuq bażi regolari skont ir-riżultati ta’ riċerka ġdida.Il-Kummissjoni għandha, għalhekk, tanalizza regolarment l-aħħar riċerka u żviluppi disponibbli u tippreżenta l-konklużjonijiet tal-analiżi tagħha kif ukoll l-emendi proposti minnha f'rapport lill-Parlament Ewropew.

(36)

Sabiex jiġi żgurat li s-suq intern tal-prodotti tal-foresti jopera bla xkiel, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-impatt ta’ dan ir-Regolament kontinwament. B'mod partikulari għandhom jitqiesu l-implikazzjonijiet tar-Regolament għall-SMEs li joperaw fis-suqKomunitarju.Il-Kummissjoni għandha, għalhekk, kif jixraq u fuq bażi regolari, twettaq studju u analiżi tal-impatt tal-effetti tar-Regolament fuq is-suq intern, b'referenza partikolari għall-SMEs, barra mill-impatti tiegħu fuq il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti.Il-Kummissjoni għandha sussegwentement tippreżenta rapport tal-analiżi tagħha, tal-konklużjonijiet tagħha u l-proposti għal miżuri lill-Parlament Ewropew.

(37)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li l-qafas ta’ politika attwali jiġi kkomplementat u mirfud u jingħata appoġġ għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali u l-kummerċ marbut miegħu, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista’ għaldaqstant, minħabba l-iskala tiegħu jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif imniżżel f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u għan

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu jew jagħmlu disponibbli fis-suq injam u prodotti tal-injam.

L-operaturi għandhom jiżguraw li jitqiegħdu fis-suq biss injam u prodotti tal-injam maħsuda b'mod legali.

L-operaturi li jqiegħdu injam u prodotti tal-injam fis-suq għandhom jużaw is-sistema ta’ diliġenza meħtieġa.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“injam u prodotti tal-injam” tfisser l-injam u l-prodotti tal-injam stabbiliti fl-Anness mingħajr eċċezzjoni ;

(b)

“jagħmlu disponibbli fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ injam u prodotti tal-injam fis-suq Komunitarju għad-distribuzzjoni jew l-użu waqt attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk bla ħlas;

(c)

“jqiegħdu fis-suq” tfisser it-tqegħid għall-ewwel darba fis-suq tal-Komunità ta’ injam jew prodotti tal-injam ; l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-injam sussegwenti ma jikkostitwixxux “tqegħid fis-suq”;

(d)

“operatur” tfisser kull persuna naturali jew legali li tqiegħed jew tagħmel disponibbli fis-suq injam jew prodotti tal-injam;

(e)

“maħsud legalment” tfisser maħsud skont il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiż ta’ ħsad;

(f)

“riskju” tfisser funzjoni tal-probabilità li l-injam u l-prodotti tal-injam li jkunu ġejjin minn sors illegali jiġu importati, esportati jew ikkummerċjalizzati fit-territorju Komunitarju u l-gravità ta’ dik l-eventwalità;

(g)

“ġestjoni tar-riskju” tfisser l-identifikazzjoni sistematika tar-riskji u l-implimentazzjoni ta’ sett ta’ miżuri u proċeduri ▐biex jonqos kemm jista’ jkun ir-riskju li jitqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam maħsuda illegalment;

(h)

“leġiżlazzjoni applikabbli” tfisser leġiżlazzjoni, kemm jekk nazzjonali , reġjonali jew internazzjonali, b'mod partikulari dik li tirrigwarda l-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika, il-ġestjoni tal-foresti, id-drittijiet tal-użu tar-riżorsi u l-minimizzazzjoni tal-impatti ħżiena fuq l-ambjent ; għandhom jitqiesu wkoll iż-żamma tal-proprjetà, id-drittijiet tal-popli indiġeni, il-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol u l-benesseri tal-komunità, it-taxxi, id-dazji fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni, ir-royalties jew it-tariffi relatati mal-ħsad, it-trasportazzjoni u l-ikkummerċjalizzar ;

(i)

“Ġestjoni sostenibbli tal-foresti” tfisser il-ġestjoni u l-użu tal-foresti u tal-artijiet imsaġġra, b'mod u b'rata li jiġu ppreservati d-diversità bijoloġika, il-produttività, il-kapaċità riġenerattiva, il-vitalità u l-potenzjal tagħhom li jaqdu, kemm issa u kemm fil-ġejjieni, funzjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali, fil-livelli lokali, nazzjonali u globali, mingħajr ma ssir l-ebda ħsara lil ekosistemi oħrajn;

(j)

“pajjiż ta’ ħsad” tfisser il-pajjiż fejn jinħasad l-injam jew l-injam imqiegħed fil-prodotti tal-injam;

(k)

“organizzazzjoni ta’ monitoraġġ” tfisser entità ġuridika jew assoċjazzjoni fuq bażi ta’ sħubija ▐li għandha l-kapaċità legali u l-kompetenza xierqa li tissorvelja u tiżgura l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ diliġenza meħtieġa mill-operaturi ċċertifikati bħala li qed jagħmlu użu minn dawn is-sistemi , u li tkun indipendenti legalment mill-operaturi li tiċċertifika;

(l)

“traċċabilità” tfisser l-abilità li jiġu traċċati u segwiti l-injam u l-prodotti tal-injam fil-fażijiet kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni.

Artikolu 3

Obbligi tal-operaturi

1.   L-operaturi għandhom jiżguraw li jqiegħdu jew jagħmlu disponibbli fis-suq biss injam u prodotti tal-injam maħsuda b'mod legali .

2.   L-operaturi li jqiegħdu injam u prodotti tal-injam fis-suq għandhom jistabbilixxu sistema ta’ diliġenza meħtieġa li jkun fiha l-elementi msemmija fl-Artikolu 4 ║jew jagħmlu użu minn sistema ta’ diliġenza meħtieġa ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ b'għarfien kif imsemmi fl-Artikolu 6(1).

Superviżjoni nazzjonali leġiżlattiva eżistenti u kull katina volontarja ta’ mekkaniżmu ta’ kustodja li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jistgħu jintużaw bħala bażi għal sistema ta’ diliġenza meħtieġa.

3.     Operaturi li jagħmlu injam u prodotti tal-injam disponibbli fis-suq għandhom, matul il-katina ta’ forniment, ikunu jistgħu:

(i)

jidentifikaw l-operatur li jkun fornixxa l-injam u l-prodotti tal-injam, u l-operatur li jkun ġie fornut bl-injam u l-prodotti tal-injam;

(ii)

jipprovdu, meta jintalbu, informazzjoni dwar l-isem tal-ispeċi, il-pajjiż/i fejn ikun inħasad u, fejn ikun possibbli, il-konċessjoni tal-oriġini;

(iii)

jiċċekkja, fejn ikun meħtieġ, li l-operatur li jkun qiegħed l-injam u l-prodotti tal-injam fis-suq ikun issodisfa l-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament.

4.   Il-prodotti tal-injam elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005 li joriġinaw f'pajjiżi msieħba elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament u li jkunu f'konformità ma' dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu għandhom jitqiesu li huma maħsuda b'mod legali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

5.   Il-prodotti tal-injam tal-ispeċijiet elenkati fl-Annessi A, B u C tar-Regolament (KE) Nru 338/97 u li jkunu f'konformità ma' dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu għandhom jitqiesu li huma maħsuda b'mod legali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Sistemi ta’ diliġenza meħtieġa

1.   Is-sistema ta’ diliġenza meħtieġa msemmija fl-Artikolu 3(2) għandha:

(a)

jiżguraw li fis-suq jitqiegħdu biss l-injam u l-prodotti tal-injam maħsuda b'mod legali, permezz ta’ sistema ta’ traċċabilità u ta’ verifika minn parti terza mill-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ;

(b)

jinkludu miżuri biex jaċċertaw:

(i)

il-pajjiż tal-oriġini, il-foresta tal-oriġini u, fejn ikun fattibbli, il-konċessjoni tal-ħsad ;

(ii)

l-isem tal-ispeċi, inkluż l-isem xjentifiku ;

(iii)

il-valur ;

(iv)

il-volum u/jew il-piż ;

(v)

li l-injam jew l-injam imqiegħed fil-prodotti tal-injam ikun inħasad b'mod legali ;

(vi)

l-isem u l-indirizz tal-operatur li jkun fornixxa l-injam u l-prodotti tal-injam;

(vii)

il-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-ħsad;

(viii)

l-operatur li jkunu ġie fornut bl-injam jew bil-prodotti tal-injam;

Dawn il-miżuri għandhom ikunu appoġġjati b'dokumentazzjoni adegwata li għandha tinżamm f'bażi tad-data mill-operatur jew mill-organizzazzjoni tal-monitoraġġ.

(c)

tinkludi proċedura ta’ ġestjoni tar-riskju li għandha tkun magħmula minn dawn li ġejjin:

(i)

identifikazzjoni sistematika tar-riskji, fost l-oħrajn, permezz tal-ġbir tad-data u tal-informazzjoni kif ukoll tal-użu tas-sorsi internazzjonali, Komunitarji u nazzjonali;

(ii)

l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa għal-limitazzjoni tal-espożizzjoni għar-riskji;

(iii)

l-istipular ta’ proċeduri li għandhom isiru regolarment biex issir verifika li l-miżuri msemmija fil-punti (i) u (ii) ikunu qed jaħdmu b'mod effikaċi u biex jiġu riveduti fejn ikun hemm bżonn;

(iv)

l-istipular ta’ dokumentazzjoni li turi l-applikazzjoni effikaċi tal-miżuri msemmija mill-punti (i) sa (iii).

(d)

tipprovdi għal verifiki biex tiżgura applikazzjoni effettiva tas-sistemi ta’ diliġenza meħtieġa.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu bil-ħsieb li tiġi żgurata l-uniformità tal-interpretazzjoni tar-regoli u l-konformità effettiva mill-operaturi . Il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari, tistabbilixxi kriterji biex jiġi evalwat jekk hemmx riskju li jitqiegħed fis-suq injam maħsud b'mod illegali u prodotti tal-injam. Meta tagħmel hekk, il-Kummissjoni għandha tikkonsidra b'mod partikolari l-pożizzjoni u l-kapaċità speċjali tal-SMEs u, sa fejn huwa possibbli, toffri lil dawn l-intrapriżi alternattivi adattati u simplifikati għal sistemi ta’ rrappurtar u kontrolli biex dawn is-sistemi ma jkunux ta’ piż kbir.

Ibbażati fuq fatturi marbuta mat-tip ta’ prodott, is-sors jew il-kumplessità tal-katina tal-forniment, ċerti kategoriji ta’ injam u ta’ prodotti tal-injam jew fornituri għandhom jitqiesu “ta’ riskju kbir” u jkunu jeħtieġu obbligi ta’ diliġenza meħtieġa addizzjonali mill-operaturi.

L-obbligi ta’ diliġenza meħtieġa addizzjonali jistgħu, fost l-oħrajn, jinkludu:

il-ħtieġa ta’ dokumenti, data jew informazzjoni addizzjonali;

il-ħtieġa ta’ verifiki minn parti terza.

Injam u prodotti tal-injam minn dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala “riskju kbir” mill-operaturi taħt dan ir-Regolament:

żoni ta’ kunflitt, jew pajjiżi/reġjuni koperti minn projbizzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-esportazzjoni tal-injam;

pajjiżi fejn ikun hemm informazzjoni konsistenti u affidabbli dwar in-nuqqasijiet sinifikattivi tal-governanza tal-foresti, livell baxx ta’ infurzar tal-liġi forestali jew livell għoli ta’ korruzzjoni;

pajjiżi li l-istatistika uffiċjali tal-Għaqda tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) turi li jkollhom tnaqqis fiż-żona tal-foresti;

provvisti, meta l-informazzjoni dwar xi irregolaritajiet potenzjali appoġġjati minn evidenza affidabbli, li ma tkunx ġiet konfutata bl-investigazzjoni, tkun tpoġġiet għad-dispożizzjoni minn klijenti jew partijiet esterni.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi reġistru ta’ sorsi ta’ riskju kbir tal-injam u tal-prodotti tal-injam jew fornituri.

Dawk il-miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 12(2).

Il-partijiet interessati rilevanti għandhom ikunu kkonsultati qabel l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni addizzjonali.

3.     Stati Membri individwali ma jistgħux ma jitħallewx, fir-rigward ta’ aċċess għas-suq tal-injam u prodotti tal-injam, jistipulaw rekwiżiti aktar stretti għall-ħsad u l-oriġini tal-injam minn dawk stipulati f'dan ir-Regolament, rigward is-sostenibilità, il-protezzjoni tal-ambjent, il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-ekosistema, il-ħarsien tal-habitats ta’ komunitajiet lokali, il-protezzjoni tal-komunitajiet dipendenti mill-foresti, il-ħarsien u d-drittijiet tal-popli indiġeni u tad-drittijiet tal-bniedem.

Artikolu 5

L-Ittikkettar

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sa…  (10) l-injam kollu u l-prodotti tal-injam kollha li jitqiegħdu u jkunu disponibbli fis-suq għandhom ikunu ttikkettati, kif jixraq, bit-tagħrif speċifikat fl-Artikolu 3(3).

Artikolu 6

Għarfien tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ

1.    Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3), tagħraf lill-entità privata jew pubblika li tkun stabbiliet sistema ta’ diliġenza meħtieġa li jkun fiha l-elementi msemmija fl-Artikolu 4(1) bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ .

2.     Entità pubblika li tapplika għall-għarfien previst skont il-paragrafu 1 għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikollha personalità ġuridika;

(b)

tkun irregolata bil-liġi pubblika;

(c)

tkun ġiet stabbilita biex twettaq funzjonijiet partikolari rigward is-settur tal-foresti ;

(d)

fil-parti l-kbira, tkun iffinanzjata mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika;

(e)

iġġiegħel lill-operaturi li tiċċertifika li jużaw is-sistema ta’ diliġenza meħtieġa tagħħa;

(f)

ikollha mekkaniżmu ta’ monitoraġġ stabbilit biex jiżgura l-użu tas-sistema ta’ diliġenza meħtieġa mill-operaturi li tkun iċċertifikat li jagħmlu użu mis-sistema ta’ diliġenza meħtieġa tagħha;

(g)

tieħu miżuri dixxiplinarji xierqa kontra kwalunkwe operatur iċċertifikat li jonqos milli jkun konformi mas-sistema ta’ diliġenza meħtieġa tal-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ tagħha ; il-miżuri dixxiplinarji għandhom jinkludu r-rappurtar tal-kwistjoni lill-awtorità nazzjonali rilevanti kompetenti;

(h)

ma jkollhiex konflitti ta’ interess mal-awtoritajiet kompetenti.

3.     Entità privata li tapplika għall-għarfien previst fil-paragrafu 1 għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikollha personalità ġuridika;

(b)

tkun irregolata bil-liġi privata;

(c)

ikollha l-kompetenza xierqa;

(d)

tkun indipendenti legalment mill-operaturi li tiċċertifika;

(e)

l-operaturi li tiċċertifika jkunu marbuta bl-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-entità biex jużaw is-sistemi ta’ diliġenza meħtieġa tagħha;

(f)

ikollha mekkaniżmu ta’ monitoraġġ stabbilit biex jiżgura l-użu tas-sistemata’ diliġenza meħtieġa mill-operaturi li tkun iċċertifikat li jagħmlu użu mis-sistema ta’ diliġenza meħtieġa tagħha;

(g)

tieħu l-miżuri dixxiplinarji xierqa kontra kull operatur iċċertifikat li ma jikkonformax mas-sistema ta’ diliġenza meħtieġa tagħha; il-miżuri dixxiplinarji għandhom jinkludu r-rappurtar tal-kwistjoni lill-awtorità nazzjonali rilevanti kompetenti.

4.   L-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ għandha tibgħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja flimkien mal-applikazzjoni tagħha għal għarfien:

(a)

l-istatut tagħha;

(b)

l-ismijiet tal-persuni awtorizzati li jaġixxu f'isimha;

(c)

dokumentazzjoni li turi l-kompetenza xierqa tagħha;

(d)

deskrizzjoni dettaljata tas-sistema ta’ diliġenza meħtieġa tagħha.

5.    Skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3), il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tagħtix għarfien lil organizzazzjoni ta’ monitoraġġ fi żmien tliet xhur minn meta tintbagħat applikazzjoni mill-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ jew rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li tkun qiegħda tirrakkomanda lill-organizzazzjoni għall-għarfien .

Id-deċiżjoni biex jingħata għarfien lill-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ għandha tkun ikkomunikata mill-Kummissjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru b'ġurisdizzjoni fuq dik l-organizzazzjoni, flimkien ma’ kopja tal-applikazzjoni, fi żmien 15-il ġurnata mid-data tad-deċiżjoni.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli , inklużi verifiki fuq il-post, f'intervalli regolari , jew fuq il-bażi ta’ tħassib issostanzjat minn partijiet terzi, biex jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1. Ir-rapporti ta’ kontroll għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Jekk, wara dawn il-kontrolli, l-awtoritajiet kompetenti jkunu ċerti li l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 u 2 jew paragrafu 1 u 3, għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni u jikkomunikawlha kull evidenza rilevanti f'dan ir-rigward.

6.    Skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3), il-Kummissjoni għandha tirtira l-għarfien ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ jekk jiġi stabbilit li r-rekwiżiti stabbiliti fil- paragrafu 1 u 2 jew il-paragrafu 1 u 3 mhumiex aktar sodisfatti.

7.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn b'kull deċiżjoni li tirrakkomanda l-għotja, iċ-ċaħda jew l-irtirar tal-għarfien ta’ kull organizzazzjoni ta’ monitioraġġ .

8.   Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Dawk il-miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplementawh għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 12(2).

Artikolu 7

Lista ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ rikonoxxuti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C, u għandha tagħmilha disponibbli fuq il-websajt tagħha. Il-lista għandha tkun aġġornata regolarment.

Artikolu 8

Miżuri ta’ monitoraġġ u kontroll

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli biex jivverifikaw jekk l-operaturi humiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1) , (2) u (2a) u l-Artikolu 4(1).

2.     Il-kontrolli għandhom isiru skont pjan annwali u/jew fuq il-bażi ta’ tħassib issostanjzjat ipprovdut minn partijiet terzi; jew f'kull każ fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tkun fil-pussess ta’ informazzjoni li titfa’ dubju dwar il-konformità tal-operatur mar-rekwiżiti tas-sistemi ta’ diliġenza meħtieġa stabbiliti f'dan ir-Regolament.

3.     Il-kontrolli jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn:

(a)

l-eżami tas-sistemi tekniċi u maniġerjali u tal-proċeduri tad-diliġenza meħtieġa u tal-evalwazzjoni tar-riskji li jużaw l-operaturi.

(b)

l-eżami ta’ dokumentazzjoni u rekords li juru t-tħaddim kif suppost tas-sistemi u l-proċeduri.

(c)

kontrolli għall-għarrieda, inklużi verifiki fuq il-post.

4.     L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu mgħammra b'sistema ta’ traċċabilità affidabbli biex jittraċċaw prodotti tal-injam ikkummerċjalizzat b'mod internazzjonali u b'sistemi ta’ monitoraġġ pubbliċi biex jevalwaw ir-riżultati tal-konformità tal-operaturi mal-obbligi tagħhom u biex jgħinu lill-operaturi jidentifikaw fornituri ta’ injam u prodotti tal-injam ta’ riskju kbir.

5.   L-operaturi għandhom joffru kull għajnuna meħtieġa biex jiffaċilitaw it-twettiq tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 , b'mod partikolari rigward l-aċċess għall-post u l-preżentazzjoni ta’ dokumenti jew rekords .

6.    Jekk, wara l-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 , l-operatur jitqies li jkun kiser ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu , f'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, jibdew investigazzjoni sħiħa dwar il-ksur u, f'konformità mal-liġi nazzjonali u skont il-gravità tal-ksur, jieħdu miżuri minnufih li jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn:

a)

il-waqfien immedjat tal-attivitajiet kummerċjali; kif ukoll

b)

il-konfiska tal-injam u l-prodotti tal-injam.

7.     Kull miżura li tittieħed minnufih mill-awtoritajiet kompetenti għandha tkun tali li twaqqaf it-tkomplija tal-ksur ikkonċernat u tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jtemmu l-investigazzjoni tagħhom.

8.     Meta l-awtoritajiet kompetenti jsibu li s-sistemi tekniċi u maniġerjali, il-proċeduri ta’ diliġenza meħtieġa u l-evalwazzjoni tar-riskju ma jkunux biżżejjed, għandhom jesiġu li l-operatur jieħu miżuri korrettivi.

Artikolu 9

Rekords tal-kontrolli

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu rekords tal-kontrolli msemmija fl-Artikolu 8(1), filwaqt li juru b'mod partikolari n-natura u riżultati tagħhom, inklużi xi miżuri korrettivi meħtieġa li jittieħdu. Ir-rekords tal-kontrolli kollha għandhom jinżammu sa mill-inqas 10 snin.

2.    Ir-rekords msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fl-Internet id-Direttiva 2003/4/KE.

Artikolu 10

Kooperazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma' xulxin u mal-awtoritajiet amministrattivi ta’ pajjiżi terzi u mal-Kummissjoni biex jiżguraw konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom ipartu l-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-kontrolli msemmija fl-Artikolu 8(1) mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni.

Artikolu 11

Awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti tiegħu li jkunu responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawn l-awtoritajiet iridu jingħataw biżżejjed setgħat biex jinfurzaw dan ir-Regolament billi jimmonitorjaw l-applikazzjoni tiegħu, jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ ksur f'koperazzjoni mal-awtoritajiet tad-dwana, u jirrapportaw ir-reati lill-awtorità ta’ prosekuzzjoni fil-ħin.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummisjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti sal-31 ta’ Diċembru║. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummisjoni b'xi tibdil fl-ismijiet jew l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-disponibilità tal-pubbliku fl-Internet il-lista tal-awtoritajiet kompetenti. Din il-lista għandha tinżamm aġġornata.

Artikolu12

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Injam.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

3.     Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 13

L-iżvilupp tar-rekwiżiti tas-sostenibilità

Sa…  (11) , il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar standard Komunitarju għall-injam u l-prodotti tal-injam kollha ġejjin minn foresti naturali bil-għan li jiksbu l-ogħla rekwiżiti ta’ sostenibilità.

Artikolu 14

Grupp Konsultattiv

1.     Għandu jiġi stabbilit Grupp Konsultattiv, li jkun jikkonsisti f'rappreżentanti tal-partijiet interessati inklużi, fost l-oħrajn, rappreżentanti tal-industrija bbażata fuq il-forestrija, sidien tal-foresti, NGOs u gruppi tal-konsumaturi, u li jkollu bħala chairman rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.     Rappreżentanti tal-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat jew bl-inizjattiva tagħhom stess jew permezz ta’ stedina mill-Grupp Konsultattiv.

3.     Il-Grupp Konsultattiv għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu li jsiru pubbliċi fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

4.     Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-appoġġ tekniku u loġistiku meħtieġ għall-Grupp Konsultattiv kif ukoll tipprovdi s-Segretarjat għal-laqgħat tiegħu.

5.     Il-Grupp Konsultattiv għandu jeżamina u joħrog opinjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, imqajma miċ-chairman, jew bl-inizjattiva tiegħu stess jew b'talba mill-membri tal-Grupp Konsultattiv jew tal-Kumitat.

6.     Il-Kummissjoni għandha twassal l-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv lill-Kumitat.

Artikolu 15

Emendi

Il-Kummissjoni tista’ żżid mal-lista ta’ njam u prodotti tal-injam stabbilita fl-Anness filwaqt li tqis il-karatteristiċi tekniċi, l-użu aħħari u l-proċessi ta’ produzzjoni.

Dawk il-miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplementawh għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 12(2).

Artikolu 16

Penalitajiet

L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penalitajiet stipulati jistgħu jkunu kriminali jew amministrattivi, iridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u, skont il-każ, għandhom jinkludu fost l-oħrajn :

(a)

penalitajiet finanzjarji li jirriflettu

il-livell tal-ħsara ambjentali;

il-valur tal-prodotti tal-injam milquta mill-ksur;

it-telf fit-taxxi u l-ħsara ekonomika magħmula mill-ksur;

(b)

il-konfiska tal-injam u tal-prodotti tal-injam;

(c)

il-projbizzjoni temporanja tal-ikkummerċjalizzar tal-injam u tal-prodotti tal-injam.

Fejn il-proċeduri legali jkunu pendenti, l-operaturi għandhom jissospendu x-xiri tal-injam u l-prodotti tal-injam minn dawk iż-żoni.

Penalitajiet finanzjarji għandhom jirrappreżentaw mill-inqas ħames darbiet il-valur tal-prodotti tal-injam miksuba bis-saħħa ta’ ksur serju. Fil-każ ta’ ksur serju ripetut f'perjodu ta’ ħames snin, il-penalitajiet finanzjarji għandhom jiżdiedu gradwalment sa mill-inqas tmien darbiet il-valur tal-prodotti tal-injam miksuba permezz ta’ ksur serju.

Bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra stipulati fil-liġi Komunitarja li jirrigwardaw fondi pubbliċi, l-Istati Membri m'għandhomx jagħtu għajnuna pubblika minn sistemi nazzjonali ta’ għajnuna jew minn fondi Komunitarji lil operaturi ħatja ta’ ksur serju ta’ dan ir-Regolament, sakemm jittieħdu miżuri korrettivi u jiġu applikati penalit effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet dwar penali lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru … u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 17

Ir-Rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni għall-ewwel darba sa … (12) rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sentejn ta’ qabel.

2.   Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti l-Kummissjoni għandha tħejji rapport li jrid jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull sentejn.

3.     Fit-tħejjija tar-rapport li hemm referenza għalih fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tikkonsidra l-progress li sar rigward il-konklużjoni u l-operazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarji FLEGT adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 2173/2005. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk jinħtiġux xi reviżjonijiet għal dan ir-Regolament fid-dawl tal-esperjenza tal-operat tal-VPAs FLEGT u l-effikaċja tagħhom fl-indirizzar tal-problema tal-injam illegali.

Artikolu 18

Emenda għad-Direttiva 2008/99/KE

Id-Direttiva 2008/99/KE  (13) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-ħarsien tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali1 għandha tiġi emendata, b'effett minn …  (14) , kif ġej:

1.

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 3:

“(ia)

jagħmlu disponibbli fis-suq injam jew prodotti tal-injam maħsud b'mod illegali.”

2.

L-inċiż li ġej għandu jiżdied mal-Anness A:

“—

Regolament (KE) Nru …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam.”

Artikolu 19

Reviżjoni

Sa …  (15) , u kull ħames snin minn hemm “il quddiem, il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni tal-operat ta” dan ir-Regolament rigward l-għan u l-iskop tiegħu u tirrapporta l-konklużjonijiet tagħha u, fuq il-bażi tagħhom, il-proposti tagħha għal emendi lill-Parlament Ewropew.

Ir-reviżjoni għandha tiffoka fuq dan li-ġej:

analiżi dettaljata u bir-reqqa tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-forestrija sostenibbli;

l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq is-suq intern, b'referenza partikolari għas-sitwazzjoni tal-kompetittività u l-abilità ta’ parteċipanti ġodda li jistabbilixxu lilhom infushom fis-suq;

is-sitwazzjoni tal-SMEs fis-suq u kif dan ir-Regolament ikun laqat l-attivatjiet tagħhom.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn … (16).

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C , , p. .

(2)  ĠU C , , p. .

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ April 2009.

(4)   ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(5)  COM(2003)0251, 21.5.2003.

(6)  ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1.

(7)  ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.

(8)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(10)   Sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(11)   Sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(12)  Daħħal id-data 30 ta’ April ta’ kull tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(13)   ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.

(14)  Sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(15)   Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(16)   Sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

L-Erbgħa, 22 ta’ April 2009
ANNESS

Injam u prodotti tal-injam kif ikklassifikati fin-Nomenklatura Maqgħuda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1), li dan ir-Regolament japplika għalihom

1.

Il-prodotti stabbiliti fl-Annessi II u III tar-Regolament║ (KE) 2173/2005, li għalihom tapplika l-iskema ta' liċenzjar FLEGT;

2.

Polpa u karta tal-Kapitoli 47, 48 u 49 tan-Nomenklatura Magħquda (NM), għajr għal prodotti li għandhom bażi ta' bambù u rkuprati (rimi u skart);

3.

Għamara tal-injam tal-kodiċi NM 9403 30, 9403 40, 9403 50 00, 9403 60 u 9403 90 30;

4.

Bini prefabbrikat tal-kodiċi NM 9406 00 20;

5.

Injam bħala karburant, virguni, zkuk, f'qatet ta' għesieleġ jew forom bħal dawn; injam f'biċċiet jew partiċelli; serratura u rimi tal-injam u skart, kemm jekk ikunu miġbura fi zkuk, trab tal-faħam ippressat, pritkuna jew forom bħal dawn kif ukoll jekk le tal-kodiċi NM 4401;

6.

Xogħol tas-sengħa tal-mastrudaxxa u tal-karpentier fl-injam għall-bennejja, inklużi pannelli ċellulari tal-injam, pannelli mmuntati għall-art fuq ġewwa, biċċiet tal-injam imqatta'. Injam (inklużi strixxi u freġju għall-art tal-parkett, mhux immuntati) ta' forma kontinwa (mudullun, kanal, irbattut, ċanfrin, ingast-V, biż-żibeġ, iffurmat, ittundjat jew ta' dan it-tip) tul xi xifer, tarf jew wiċċ tiegħu, kemm jekk inċanat, xkatlat jew imminċottjat fit-truf kemm jekk le tal-kodiċi NM 4418;

7.

Twavel mill-frak tal-injam, dawk imsejħa “oriented strand board” (OSB) u twavel tal-injam simili kemm jekk magħqudin bir-raża jew xi sustanza organika oħra li tgħaqqad kemm jekk le tal-kodiċi NM 4410;

8.

Fibreboard tal-injam jew materjal ieħor tal-injam, kemm jekk magħqud bir-raża jew sustanzi oħra organiċi kemm jekk le tal-kodiċi NM 4411;

9.

Injam iddensifikat, fi blokki, folji, strixxi jew forom tal-profil tal-kodiċi NM 4413 00 00;

10.

Gwarniċi tal-injam għal pitturi, ritratti, mirja jew oġġetti bħal dawn tal-kodiċi NM 4414 00;

11.

Kontenituri għall-ippakkjar, kaxxi, ċestuni, tankijiet u kontenituri simili tal-injam; tankijiet tal-injam għall-kejbil; pallets, pallets forma ta' kaxxa jew twavel oħrajn għat-tagħbija, tal-injam; għenuq tal-pallets tal-injam; twiebet tal-kodiċi NM 4415;

12.

Bittiji, bramel, tankijiet, tnellijiet u prodotti oħra tal-buttar, u partijiet tagħhom, tal-injam, inkluż injam imqawwes tal-kodiċi NM 4416 00 00.

13.

Prodotti oħra tal-injam inklużi fil-kapitoliNM 94 u 95, fosthom ġugarelli tal-injam u aċċessorji tal-isports.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat- 23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana(ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


Top