EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0331

Il-konsolidazzjoni tal-istabilità u l-prosperità fil-Balkani tal-Punent Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta' April 2009 dwar il-konsolidazzjoni tal-istabilità u l-prosperità fil-Balkani tal-Punent (2008/2200(INI))

ĠU C 184E, 8.7.2010, p. 100–106 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/100


Il-Ġimgħa, 24 ta’ April 2009
Il-konsolidazzjoni tal-istabilità u l-prosperità fil-Balkani tal-Punent

P6_TA(2009)0331

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2009 dwar il-konsolidazzjoni tal-istabilità u l-prosperità fil-Balkani tal-Punent (2008/2200(INI))

2010/C 184 E/21

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-21 u t-22 ta' Ġunju 1993,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni magħmula fis-samit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f'Thessaloniki fil-21 ta' Ġunju 2003,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Jannar 2006 bit-titolu “Il-Balkani tal-Punent fi triqithom lejn l-UE: it-tisħiħ tal-istabilità u t-tkattir tal-prosperità” (COM(2006)0027),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, li ġiet approvata b'mod unaminu mill-Ministri Barranin tal-Istati Membri kollha u mill-Ministri Barranin tal-Istati Balkani tal-Punent f'Saliżburgu fil-11 ta' Marzu 2006,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2007 u tad-19-20 ta' Ġunju 2008, kif ukoll id-Dikjarazzjoni dwar il-Balkani tal-Punent li huma annessi magħhom, u l-konklużjonijiet tal-Kunsilli tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tal-10 ta' Diċembru 2007, tat-18 ta' Frar 2008 u tat-8-9 ta' Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2008 bit-titolu “Il-Balkani tal-Punent: Tissaħħaħ tal-perspettiva Ewropea” (COM(2008)0127),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Brdo: Fokus ġdid fuq il-Balkani tal-Punent, magħmula mill-Presidenza tal-UE fid-29 ta' Marzu 2008, li tenfasizza l-ħtieġa li jiġi mogħti impetus innovativ lill-aġenda ta' Thessaloniki u lid-Dikjarazzjoni ta' Saliżburgu,

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni għat-Tkabbir u r-rapporti dwar il-progress tal-pajjiżi individwali ta' Novembru 2008,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-perspettivi ta' żvilupp għall-bini tal-paċi u għall-bini tan-nazzjon fil-fażijiet ta' wara l-kunflitt (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-Balkani tal-Punent (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0212/2009),

A.

billi wieħed ma jistax jiċħad li l-Balkani tal-Punent jiffurmaw parti mill-Ewropa, u billi l-futur tal-pajjiżi kollha tar-reġjun jinsab fl-integrazzjoni sħiħa tagħhom bħala Stati Membri tal-Unjoni Ewropea,

B.

billi l-prospett ta' sħubija futura fl-UE u l-benefiċċji assoċjati magħha huma garanzija ewlenija ta' stabilità u l-forza ewlenija għar-riformi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, reġjun tal-Ewropa li fil-passat distanti u reċenti bata mill-gwerer, tindif etniku u tmexxija awtoritarja,

C.

billi l-wirt tal-gwerer tas-snin disgħin għadu impediment sinifikanti għat-twaqqif ta' sigurtà u stabilità politika dejjiema fir-reġjun; billi dan joħloq sfidi ġodda u uniċi għall-politika tat-tkabbir tal-UE u billi għandu jkun hemm rikors għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (CFSP) / Politika tas-Sigurtà u u d-Difiża Ewropea (ESDP) għad-dispożizzjoni tal-Unjoni bħala parti minn strateġija ġenerali għall-bżonnijiet ta' soċjetajiet fil-fażi ta' wara l-kunflitt,

D.

billi għadd ta' msieħba reġjonali tal-UE jkomplu jgħaddu minn kwistjonijiet mhux solvuti mal-ġirien tagħhom; billi l-pajjiżi tal-UE u tal-Balkani tal-Punent ftehmu li r-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien u l-koperazzjoni reġjonali se jibqgħu jkunu fatturi ewlenin biex jimxu lejn is-sħubija fl-UE,

1.

Jirrimarka li s-saħħa tal-Unjoni Ewropea u l-ħila tagħha li taħdem bħala aġent ta' stabbiltà u forza ta' riforma fil-Balkani tal-Punent tiddependi mill-kredibilità tal-impenn tagħha li tagħti ċ-ċans lil dawk l-Istati fir-reġjun li jissodisfaw bis-sħiħ il-kriterji ta' Kopenħagen sabiex isiru membri sħaħ tal-UE; jenfasizza għalhekk li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iżommu impenn sod għal tkabbir futur li jinkludi l-Balkani tal-Punent;

2.

Jirrimarka l-ħtieġa għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jassumu r-responsabilità tat-tqarrib tagħhom lejn l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-proċess ta' integrazzjoni għandu jkun immexxi internament u li adeżjoni b'suċċess tiddependi fuq l-eżistenza ta' soċjetà ċivili b'saħħitha, fuq livell baxx ta' korruzzjoni u fuq bidla ġenerali għal soċjetà u ekonomija bbażati fuq l-għarfien;

3.

Jirrimarka li, sakemm jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona, it-Trattati attwali għandhom teknikament jippermettu l-aġġustamenti istituzzjonali rekwiżiti meħtieġa għal tkabbir ulterjuri; jemmen madankollu li r-ratifika tat-Trattat ta' Liżbona hija ta' importanza kruċjali;

4.

Jenfasizza li l-Istati Membri m'għandhomx idewmu bla bżonn il-preparazzjoni tal-opinjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-pajjiżi kandidati potenzjali li ssottomettew applikazzjoni għall-adeżjoni, u jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu ħsieb l-applikazzjonijiet għall-adeżjoni reċenti u li għad iridu jsiru bi premura xierqa;

5.

Jenfasizza li l-proċess ta' adeżjoni għandu jkun ibbażat fuq applikazzjoni ġusta u dixxiplinata tal-prinċipju ta' kundizzjonalità fejn kull pajjiż jiġi ġġudikat biss fid-dawl tal-ħila tiegħu li jissodisfa l-kriterji ta' Kopenħagen, il-kundizzjonijiet tal-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u l-punti ta' riferiment stipulati rigward fażi speċifika tan-negozjati u, konsegwentement, li l-proċess ta' adeżjoni m'għandux jixxekkel jew jiġi mblukkat għal pajjiżi li ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti minn qabel;

6.

Jirrimarka li l-proċess ta' adeżjoni għandu jżomm perspettiva reġjonali ċara, u li jridu jsiru sforzi biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn id-differenzi fil-pass ta' integrazzjoni jwasslu għall-ħolqien ta' ostakoli ġodda fir-reġjun, b'mod partikolari fir-rigward tal-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viża; jappoġġja l-irwol tal-Kunsill tal-Koperazzjoni Reġjonali fit-tisħiħ tal-pussess reġjonali u biex iservi bħala l-interlokutur ewlieni għall-UE fil-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-koperazzjoni reġjonali fl-Ewropa tax-Xlokk;

7.

Jitlob lill-Parlamenti tal-Istati Membri biex jagħtu l-kunsens tagħhom fil-pront lil dawk il-ftehimiet ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li huma attwalment fil-proċess ta' ratifika;

8.

Jenfasizza li l-partijiet kollha kkonċernati għandhom jagħmlu sforzi serji biex jinstabu soluzzjonijiet li jkunu aċċettabbli b'mod reċiproku għal kwistjonijiet bilaterali pendenti bejn l-Istati Membri u pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u bejn pajjiżi tal-Balkani tal-Punent innifishom; jisħaq f'dan il-kuntest li relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u aċċettazzjoni tal-wirt kulturali u storiku rispettivi huma importanti ħafna biex tinżamm il-paċi u jiżdiedu l-istabilità u s-sigurtà; jemmen li l-ftuħ tan-negozjati għall-adeżjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-ftuħ u l-għeluq ta' kapitoli individwali tan-negozjati m'għandhomx jiġu mfixkla jew miżmuma minħabba mistoqsijiet dwar kwistjonijiet bilaterali u li, għal din ir-raġuni, il-pajjiżi għandhom jaqblu fuq proċeduri biex jissolvew kwistjonijiet bilaterali qabel il-bidu tan-negozjati għall-adeżjoni;

9.

Jinnota, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni minn ċerti pajjiżi tal-Balkan tal-Punent li jressqu l-ilmenti tagħhom jew ifittxu opinjonijiet konsultattivi mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar tilwim bilaterali; huwa tal-opinjoni li l-UE għandha tagħmel kull sforz biex tgħin u tiffaċilita ftehim komprensiv u fit-tul tal-kwistjonijiet pendenti;

10.

Iqis li huwa neċessarju li jitkompla t-tħeġġiġ tad-djalogu interetniku u interkulturali sabiex jingħelbu kemm il-piż tal-passat kif ukoll it-tensjonijiet fir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tar-reġjun tal-Balkani; jemmen li organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) u kuntatti bejn il-popli (kemm bejn pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kif ukoll bejn dawk il-pajjiżi u l-UE) huma strumentali biex jimxu 'l quddiem ir-rikonċiljazzjoni, l-iffaċilitar tal-fehim reċiproku u t-tħeġġiġ tal-koabitazzjoni interetnika paċifika; b'konsegwenza, jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni ikbar lill-inizjattivi li jħeġġu r-rikonċiljazzjoni, it-tolleranza u d-djalogu bejn gruppi etniċi differenti, u biex tipprovdi ffinanzjar miżjud għalihom, u biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-ftehimiet interetniċi;

11.

Jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-missjonijiet tal-ESDP u lir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE (EUSRs) mibgħuta fir-reġjun, li għad għandhom rwol ewlieni fiż-żamma tal-istabilità u l-garanzija tal-progress fil-proċess tal-bini ta' stati li jiffunzjonaw u li kapaċi jilħqu l-kriterji ta' Kopenħagen; jisħaq illi l-missjonijiet tal-ESDP jew l-uffiċċji tal-EUSR ma jistgħux jingħalqu qabel ma l-mandati rispettivi tagħhom ikunu twettqu mingħajr ambigwità;

12.

Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi mmirati biex sa l-2010 jitwaqqaf Qafas ta' Investiment komprensiv għall-Balkani tal-Punent għall-koordinazzjoni ta' għotjiet u self offruti mill-Kummissjoni, mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u minn pajjiżi donaturi individwali; jilqa' l-Faċilità għall-Proġetti ta' Infrastruttura (IPF) u jirrimarka li l-proġetti tal-IPF fl-oqsma tat-trasport, l-ambjent, l-enerġija u s-settur soċjali għandhom jiġu żviluppati u jitwettqu f'perspettiva reġjonali ċara; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni mill-qrib biex tiġi żgurata komplementarjetà effikaċi, assistenza koerenti u effiċjenza fl-għajnuna lill-Balkani tal-Punent; jemmen li dawn il-faċilitajiet ta' self/għoti għandhom ikunu diretti b'mod partikulari lejn dawk il-pajjiżi kandidati potenzjali li ma jkollhomx aċċess għall-fondi mill-ħames komponenti kollha tal-Istrument għal Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (3) (IPA ); jisħaq fuq l-importanza tal-koperazzjoni reġjonali fil-qasam tal-aqwa prattika fir-rigward tal-aċċess għall-fondi ta' qabel l-adeżjoni;

13.

Ifakkar li l-kwistjoni tal-provvista tal-gass bejn ir-Russja u l-Ukraina f'Jannar 2009 ikkawżat interuzzjonijiet serji tal-provvista tal-enerġija lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jitlob li jkun hemm diversifikazzjoni fir-rotot ta' tranżitu u interkonnessjoni aħjar tan-netwerks tal-enerġija fir-reġjun bl-għajnuna tal-fondi tal-UE;

14.

Ifakkar li l-infrastruttura tat-trasport hija importanti għall-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali; b'konsegwenza, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja t-twaqqif ta' sistema intermodali xierqa tat-trasport bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi fiz-zona tal-Balkani tal-Punent, u fi ħdan dik iz-zona, biex tippromwovi l-moviment ħieles u veloċi tal-prodotti u n-nies, b'mod partikulari permezz tal-iżvilupp ta' Kuritur VII ta' Trasport Pan-Ewropew;

15.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili ġdida stabbilita taħt l-IPA, u l-ittriplikar konsegwenti ta' fondi disponibbli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ is-sjieda lokali tal-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u toħloq opportunitajiet għal interazzjoni regolari u konsultazzjoni ma' CSOs lokali bil-ħsieb li tqis il-fehmiet u l-ħtiġijiet tagħhom fl-istadji tal-ippjanar u l-ipprogrammar ta' assistenza taħt l-IPA; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkuraġġixxi l-ħolqien ta' forum ta' diskussjoni reġjonali li tikkonsisti f'CSOs, bħala mezz ta' tixrid tal-aqwa prattika fir-rigward tal-aċċess għall-fondi ta' qabel l-adeżjoni;

16.

Ikompli jħeġġeg lill-Kummissjoni biex tiddedika aktar attenzjoni lill-promozzjoni ta' CSOs żgħar u ta' daqs medju u dawk mhux urbani fir-reġjun, partikolarment billi talloka sehem akbar mill-assistenza tagħha lill-organizzazzjonijiet ta' dan it-tip, billi tiffaċilita l-proċeduri biex issir applikazzjoni għal finanzjament mill-UE, u billi tirrevedi r-regoli u żżid il-kofinanzjament ta' proġetti għal CSOs żgħar u ta' daqs medju;

17.

Jenfasizza l-importanza li ssir liberalizzazzjoni tas-sistema tal-viża Schengen għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bħala mezz biex il-popli tar-reġjun isiru familjari mal-Unjoni Ewropea; jilqa' d-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża u jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex imexxu l-proċess kemm jista' jkun b'mod trasparenti u b'punti ta' referiment definiti b'mod ċar, sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ estern u tiżdied ir-responsabilità pubblika tal-proċess;

18.

Jinnota li l-proċedura twila u ineffiċjenti tal-viża, li tirriżulta minn nuqqas ta' persunal ta' konsulati u ambaxxati fir-reġjun, tista' tiġġenera ostilità lejn l-UE fost in-nies tar-reġjun, fi żmien meta l-popolarità tal-Unjoni hija impliċitament l-ikbar stimulu għar-riforma;

19.

Iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jaċċeleraw l-isforzi tagħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-pjanijiet direzzjonali individwali, sabiex tiġi żgurata t-tneħħija tar-reġim tal-viżi għall-pajjiżi tagħhom kemm jista' jkun malajr; jemmen li huwa kruċjali li jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet ħalli jitħaffef il-proċess tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea; f'dan il-kuntest huwa tal-fehma li l-IPA għandu jappoġġa l-isforzi min-naħa tal-pajjiżi benefiċċjarji biex jintlaħqu r-rekwiżiti stabbiliti fil-pjan direzzjonali għal-liberalizzazjoni tal-viża;

20.

Jappoġġja bis-sħiħ iż-żieda fil-fondi u fl-għadd ta' boroż ta' studju għall-istudju u r-riċerka fl-UE li huma disponibbli għal studenti u riċerkaturi mill-Balkani tal-Punent taħt il-programm Erasmus Mundus biex in-nies u l-istituzzjonijiet tal-istati tal-Balkan jiffamiljarizzaw ruħhom mal-aġenda tal-UE u biex jippromwovu l-ħiliet edukattivi; iħeġġeġ lill-pajjiżi benefiċjarji biex jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa, inklużi l-pubbliċità u l-kampanji ta' informazzjoni, sabiex jippermettu liċ-ċittadini tagħhom jieħdu vantaġġ sħiħ minn dawn l-opportunitajiet; jitlob lill-pajjiżi kkonċernati biex jintensifikaw il-miżuri amministrattivi preparatorji biex jintlaħqu l-kriterji għad-dħul tal-programm għat-Tagħlim matul il-Ħajja;

21.

Jisħaq fuq l-irwol kruċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-ekonomiji bbażati fuq l-għarfien tal-lum; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu u jiġu stimulati l-ħiliet intraprenditorjali u innovattivi fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

22.

Jappoġġja bis-sħiħ il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fi programmi u aġenziji Komunitarji; b'mod partikolari, jirrimarka dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fit-Trattat tal-Komunità għall-Enerġija u l-parteċipazzjoni prevista tagħhom fit-Trattat Komunitarju dwar it-Trasport bħala eżempji ta' mudell ta' integrazzjoni sħiħa ta' pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali fl-istrutturi Komunitarji u l-allinjament tal-leġiżlazzjoni mal-acquis communautaire fi stadju bikri tal-proċess ta' adeżjoni;

23.

Jisħaq li l-protezzjoni ambjentali hija element importanti tal-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun Balkan tal-Punent; għalhekk jitlob lill-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent biex jaderixxu mal-prinċipji u l-miri tal-Komunita għall-Enerġija tal-Ewropa tax-Xlokk sabiex iħeġġu politiki u strateġiji ambjentali tajbin, b'mod partikolari fiz-zona tal-enerġija rinnovabbli, f'konformità mal-istandards ambjentali tal-UE u mal-politika tal-UE dwar il-bidla fil-klima;

24.

Jappoġġa d-djalogu interparlamentari fil-livell reġjonali u jenfasizza l-importanza li l-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiġu involuti b'mod sħiħ fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea; jemmen li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE għandhom irwol importanti fid-djalogu u l-koperazzjoni mal-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jemmen li n-natura tal-laqgħat inter-parlamentari tal-Parlament Ewropew għandha tiġi mtejba sabiex dawn il-laqgħat jipprovdu sistema funzjonali u effikaċi għall-organizzazzjoni ta' dibattiti u workshops aktar iffokati u orjentati lejn il-prattika;

25.

Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm ħidma favur it-tnaqqis tal-ostakli kollha tat-tariffi, u dawk li ma jinvolvux it-tariffi, għall-kummerċ fir-reġjun u bejn il-Balkani tal-Punent u l-UE bħala prijorità ewlenija biex jiżdiedu l-iżvilupp ekonomiku, l-integrazzjoni reġjonali u l-kuntatti bejn il-popli; jenfasizza fuq l-irwol ċentrali tal-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) biex tiżdied il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fir-reġjun u jilqa' l-appoġġ finanzjarju tal-Kummissjoni lis-segretarjat tas-CEFTA;

26.

Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-pajjiżi Balkani tal-Punent fil-kriżi ekonomika globali u jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għal konsolidazzjoni ekonomika u soċjali tar-reġjun; jilqa', għalhekk, il-proposta riċenti tal-Kummissjoni biex testendi l-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew għall-Balkani tal-Punent u jħeġġiġha biex tibqa' attenta u, jekk ikun meħtieġ, tadotta miżuri adegwati biex tiġi garantita l-kontinwazzjoni bla xkiel tal-proċess ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni;

27.

Iħeġġeġ l-isforzi kontinwi min-naħa tal-partijiet tas-CEFTA favur it-tnaqqis tal-ostakli li ma jinvolvux it-tariffi u tat-tariffi u l-kwoti kollha għall-kummerċ fil-prodotti agrikoli; jitlob lill-Istati Membri tal-grupp Pan-Euro-Med biex ikomplu jaħdmu favur soluzzjoni tal-kwistjonijiet pendenti li attwalment qed iżommu estensjoni tal-iskema ta' kumulazzjoni dijagonali Pan-Euro-Med milli tinkludi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

28.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw il-miżuri xierqa kollha biex jinkoraġġixxu l-integrazzjoni iktar profonda tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fis-sistema kummerċjali u ekonomika dinjija, b'mod partikulari permezz tad-dħul fid-WTO; jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ għandha tmur id f'id mat-tnaqqis tal-faqar u tar-rati ta' qgħad, il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali u r-rispett tal-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq kif dovut għall-approvazzjoni tal-Parlament, u b'mod f'waqtu, kwalunkwe proposta ġdida bl-għan li tipprovdi għajnuna baġitarja straordinarja lill-istati tal-Balkani tal-Punent;

29.

Jitlob lill-Istati fir-reġjun biex jagħtu aktar prijorità lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, minħabba li l-korruzzjoni tfixkel serjament il-progress tas-soċjetà; jitlob lil dawk l-istati biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkumbattu l-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-persuni u d-drogi;

30.

Iħeġġeġ il-kontinwazzjoni tal-appoġġ tal-UE għal inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern (JHA) u sforzi immirati għall-armonizzazzjoni legali u ġuridika bħal, inter alia, il-Konvenzjoni tal-Kooperazzjoni tal-Pulizija għall-Ewropa tax-Xlokk, iċ-Ċentru tal-Infurzar tal-Liġi tal-Ewropa tax-Xlokk (SELEC), u l-Grupp ta' Pariri tal-Prosekuturi tal-Ewropa tax-Xlokk (SEEPAG); jieħu nota tal-għajnuna finanzjarja li għaddejja bħalissa u dik ippjanata għan-Netwerk tal-Prosekuturi fl-Ewropa tax-Xlokk (PROSECO) u għall-istabbiliment tal-Unitajiet tal-Koordinazzjoni tal-Infurzar tal-Liġi Internazzjonali (ILECUs), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkoordina dawn il-proġetti mal-inizjattivi msemmija;

31.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika proġetti prijoritarji u tiċċara r-rekwiżiti li timponi fuq l-istituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali varji fir-rigward tal-koperazzjoni bejn l-istati u bejn l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-JHA; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati inizjattivi fil-qasam tal-ġustizzja elettronika bħala parti mill-appoġġ tal-UE għall-inizjattivi tal-governanza elettronika biex tittejjeb il-koperazzjoni u tiżdied it-trasparenza fil-proċessi ġudizzjarji u sistemi amministrattivi interni;

32.

Jesprimi kritika għad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u/jew legali fis-seħħ fil-pajjiżi kollha tal-ex-Jugoslavja, li jipprojbixxu l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħhom li jaffaċċjaw l-akkuża fl-istati l-oħra tar-reġjun, u tal-ostakli legali li jxekklu t-trasferiment ta' proċedimenti kriminali serji bejn il-qrati f'pajjiżi differenti tar-reġjun; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħeġġu lill-pajjiżi tar-reġjun biex jieħdu passi lejn abolizzjoni koordinata tal-projbizzjonijiet u l-ostakli legali kollha ta' dan it-tip;

33.

Jirrimarka li d-dispożizzjonijiet legali li jirrestrinġu l-estradizzjoni jistgħu irawmu l-impunità għal kriminalità għolja li tinkludi kriminalità kontra l-umanità, ksur tal-liġijiet jew tradizzjonijiet tal-gwerra, kriminalità transnazzjonali organizzata, traffikar illeċitu, u terroriżmu, u li dispożizzjonijiet bħal dawn huma kawża prinċipali tal-prattika, ikkritikata ħafna iżda li għadha għaddeja, tal-persuni li jgħaddu ġuri in absentia; jappoġġja l-isforzi tal-prosekuturi nazzjonali biex jiffaċċjaw l-impedimenti legali msemmija hawn fuq permezz ta' arranġamenti pragmatiċi għall-kooperazzjoni; ifaħħar ix-xogħol tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) biex tippromwovi aktar koperazzjoni, jinkoraġġixxi l-istati fir-reġjun biex ikomplu jaffaċilitaw assistenza reċiproka legali u estradizzjoni waqt li jirrispettaw bi sħiħ l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u n-normi tal-liġi internazzjonali;

34.

Jenfasizza li l-koperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja (ICTY), fir-rigward tal-arrest u tal-estradizzjoni tal-bqija tal-akkużati maħruba, it-trasferiment tal-evidenza u l-koperazzjoni sħiħa qabel u matul il-kawża, hija rekwiżit essenzjali tal-proċess ta' adeżjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja, flimkien mal-ICTY, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u lill-gvernijiet tar-reġjun, l-inizjattivi mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità u l-effiċjenza tal-ġudikaturi nazzjonali impenjati fid-determinazzjoni tar-risponsabilità għar-reati tal-gwerra, u reati oħra inferjuri, u tiżgura li l-kawżi jiġu pproċessati b'mod indipendenti u imparzjali, u skont l-istandards u n-normi tal-liġi internazzjonali;

35.

Jinnota l-irwol fundamentali tal-ipprogrammar u l-istrutturi edukattivi fit-tħeġġiġ tal-inklużività u fit-tnaqqis tat-tensjonijiet interetniċi; b'riżultat ta' dan, jitlob lill-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent biex itejbu l-kwalità tal-edukazzjoni billi jiġu inklużi d-drittijiet ċiviċi, umani u demokratiċi bħala valuri Ewropej fundamentali fil-kurrikula relevanti u biex tintemm is-segregazzjoni fl-iskejjel; jindika li t-taħriġ tal-istorja fl-iskejjel u l-universitajiet fil-Balkani tal-Punent għandu jiġi bbażat fuq riċerka dokumentata u għandu jirrifletti l-perspettivi differenti tad-diversi gruppi nazzjonali u etniċi fir-reġjun jekk jinkisbu riżultati li jdumu fiż-żmien fil-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni u fit-titjib tar-relazzjonijiet inter-etniċi; jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattivi, bħal pereżempju il-Proġett Konġunt tal-Istorja taċ-Ċentru għad-Demokrazija u r-Rikonċiljazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa, immirat għall-kitba u t-tifrix tal-materjal konġunt għat-taħriġ tal-istorja li jipprovdi rendikont ta' diversi perspettivi tal-istorja tal-Balkani, u jappella għall-ministeri kompetenti, awtoritajiet edukattivi u stabbilimenti edukattivi fir-reġjun li japprovaw l-użu ta' materjal konġunt għat-taħriġ tal-istorja; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja dan it-tip ta' inizjattivi finanzjarjament u politikament;

36.

Jenfasizza l-importanza ta' qafas effettiv għaż-żieda, għall-protezzjoni u għall-garanzija tad-drittijiet ta' minoritajiet etniċi u nazzjonali fir-reġjun li għandu karattru multietniku u li fil-passat ra vjolenza mxerrda u sistematika mmotivata mill-etniċità; jistieden lill-gvernijiet tar-reġjun sabiex isaħħu l-isforzi mmirati biex jiżguraw li l-liġijiet kollha fil-qasam tad-drittijiet tal-minoranzi u tal-bniedem jiġu rrispettati kif xieraq fil-prattika u li tittieħed azzjoni xierqa meta jinkisru dawk il-liġijiet; iħeġġeġ li jsiru aktar sforzi biex jiżguraw li l-inizjattivi biex itejbu l-inklużjoni tal-minoranzi u s-sitwazzjoni ta' gruppi minoritarji żvantaġġati (b'mod partikolari r-Roma) jiġu ffinanzjati u implimentati kif suppost;

37.

Jisħaq il-ħtieġa għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u jsaħħaħ l-irwol tal-mara fis-soċjetà bħala garanzija tal-ispirtu demokratiku u impenn lejn il-valuri Ewropej;

38.

Jirrimarka li huma meħtieġa sforzi akbar min-naħa tal-gvernijiet tar-reġjun sabiex jiġi garantit ir-ritorn sostenibbli ta' refuġjati u ta' persuni spostjati internament, inkluż ir-restituzzjoni tal-proprjetà u tad-djar li huma okkupati għal żmien temporanju, b'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo maħruġa mill-Konferenza Ministerjali Reġjonali dwar ir-Ritorn tar-Rifuġjati fil-31 ta' Jannar 2005; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinsistu li l-gvernijiet tar-reġjun jiżviluppaw u jimplimentaw programmi għal aċċess għall-akkomodazzjoni u s-servizzi soċjali għall-persuni ripatrijati, u biex isaħħu l-isforzi tagħhom immirati għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra minoranzi li rritornaw; huwa tal-opinjoni li dawn il-miżuri għandhom diġà jkunu fis-seħħ meta l-pajjiżi msemmija jilqħu l-istadju ta' status ta' kandidatura u għandhom ikunu implimentati u kompluti b'determinazzjoni matul il-proċess ta' adeżjoni;

39.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-indħil politiku li batiet il-midja fl-istati tal-Balkani tal-Punent kollha u t-taħlit tal-interessi kummerċjali, politiki u tal-midja kif ukoll il-klima ta' theddid u fastidju lejn il-ġurnalisti investigattivi; jistieden lill-Istati Balkani tal-Punent biex jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-ġurnalisti u l-midja indipendenti bħala setgħa leġittima fi stat demokratiku Ewropew;

40.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Kosovo, l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja, lill-President fil-kariga tal-OSCE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSCE, lill-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-segretarjat tal-Kunsill Reġjonali għall-Koperazzjoni, lit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja u lis-segretarjat tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali.


(1)  Testi adottati, P6_TA(2008)0639.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2009)0005.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument ta' Assistenza għall-Qabel l-Adeżjoni (IPA) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82).


Top