EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0330

Konklużjonijiet tas-Samit tal-G20 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta’ April 2009 dwar is-Samit tal-G20 ta’ Londra tat- 2 ta’ April 2009

ĠU C 184E, 8.7.2010, p. 94–100 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/94


Il-Ġimgħa, 24 ta’ April 2009
Konklużjonijiet tas-Samit tal-G20

P6_TA(2009)0330

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2009 dwar is-Samit tal-G20 ta’ Londra tat-2 ta’ April 2009

2010/C 184 E/20

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Mexxejja (Pjan Globali għall-Irkupru u r-Riforma) maħruġ wara is-Samit tal-Grupp ta’ Għoxrin (G20) ta’ Londra kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar “It-tisħiħ tas-Sistema Finanzjarja” u dwar “L-għoti ta’ riżorsi permezz tal-Istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali”, tat-2 ta’ April 2009,

wara li kkunsidra r-rapport ta’ progress dwar il-ġurisdizzjonijiet sorlveljati mill-forum globali tal-OECD fl-implimentazzjoni tal- istandard miftiehem internazzjonalment, li jirrikjedi l-iskambju ta’ informazzjoni fuq domandi dwar il-kwistjonijiet kollha tat-taxxa għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġi dwar it-taxxa domestika, tat-2 ta’ April 2009,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-19 u tas-20 ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2009, bl-isem “Nixprunaw l-Irkupru Ewropew” (COM(2009)0114),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Superviżjoni Finanzjarja tal-UE, immexxi minn Jacques de Larosière, tal-25 ta’ Frar 2009,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 2008 bit-titolu “Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2008)0706),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ April 2009 dwar “Appoġġ lill-Pajjiżi li qed jiżviluppaw biex dawn ikampaw mal-kriżi” (COM(2009)0160),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) bit-titolu “Il-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja dinjija għal pajjiżi bi dħul baxx”, ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidra L-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju (MDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti u l-impenji tal-Istati Membru tal-UE li jipprovdu assistenza biex jindirizzaw il-problemi tal-ġuħ u l-faqar,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Programm Għall-Ambjent tan-NU, bit-titolu “Barra mill-Kriżi – Opportunità” tas-16 ta’ Frar 2009, li ħeġġeġ lill-G20 biex jippreżentaw “Ftehim Ġdid Aħdar Globali”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Organiżżazzjoni internazzjonali tax-xogħol (ILO) u l-Istitut Internazzjonali għall-Istudju dwar ix-Xogħol, bit-titolu “Il-Kriżi Finanzjarja u Ekonomika: Perspettiva ta’ Xogħol Diċenti” tal-24 ta’ Marzu 2009, li jħeġġeġ lill-G20 biex iressqu pakkett ikkoordinat ta’ stimuli li jkun orjentat lejn il-protezzjoni soċjali u l-ħolqien tal-impjiegi,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi d-dinja qegħda tiżżerżaq aktar f’reċessjoni li l-effetti tagħha l-ebda pajjiż u l-ebda settur ma għandu jistenna li jista’ jevita, u billi l-prestazzjoni ekonomika dinjija qed tiddeterjora malajr matul l-2009, u l-aktar tbassiriet ottimisti qed ibassru biss irkupru bil-mod il-mod fl-2010,

B.

billi l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali rriżultaw f’ċirkustanzi ekonomiċi eċċezzjonali li jeħtieġu miżuri f’waqthom, immirati, temporanji u proporzjonali u deċiżjonijiet bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet għal sitwazzjoni globali bla preċedenti fil-qasam tal-ekonomija u tal-impjiegi,

C.

billi l-isfidi ewlenin li jridu jiġi indirizzati biex tiġi miġġielda l-qalba għall-agħar fl-ekonomija internazzjonali u Ewropea huma n-nuqqas ta’ kunfidenza fis-swieq finanzjarji u kapitali, kif ukoll il-qgħad li qed jiżdied u t-tnaqqis fil-kummerċ internazzjonali,

D.

Billi r-reċessjoni ta’ bħalissa għandha tintuża bħala opportunità biex jiġu promossi l-miri ta’ Liżbona-Göteborg u l-impenn globali biex jiġu miġġielda l-qgħad u l-bidla fil-klima u jitnaqqas il-konsum tal-enerġija,

E.

billi l-Pjan Dinji għall-Irkupru u r-Riforma (Pjan Dinji) jinkludi l-għanijiet li ġejjin: (1) it-tiġdid tal-fiduċja, it-tkabbir u l-impjiegi; (2) it-tiswija tas-sistema finanzjarja biex jerġa’ jinbeda t-tislif; (3) it-tisħiħ tar-regolamenti finanzjarji u l-bini mill-ġdid tal-fiduċja; (4) il-finanzjament u r-riforma tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex tingħeleb il-kriżi u jiġu evitati kriżijiet futuri; (5) il-promozzjoni tal-kummerċ dinji u tal-investiment, tisħiħ tal-prosperità, u it-tiċħid tal-protezzjoniżmu; u (6) il-bini ta’ ekonomija inklużiva, favur l-ambjent u sostenibbli,

F.

billi l-koordinazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-ħidma tal-irkupru u tal-bini mill-ġdid tal-ekonomija dinjija,

G.

billi s-sħubija fiż-żona tal-Euro wriet li ssaħħaħ l-istabilità ekonomika fl-Istati Membri rilevanti, b’riżultat tal-isforzi tagħhom li jikkonformaw mal-kriterji ta’ Maastricht u mad-dispożizzjonijiet tal-Patt għall-Istabilità u t-Tkabbir, kif ukoll tal-protezzjoni tal-ekonomiji tagħhom mill-varjazzjonijiet tal-kambju,

H.

billi bosta Stati Membri ffaċċjaw bilanċ iebes ta’ problemi fil-ħlasijiet, u billi xi Stati Membri kellhom jirrikorru għall-għajnuna mill-IMF u mill-UE,

I.

billi l-MDGs, b’mod partikolari l-qirda tal-faqar u tal-ġuħ estrem, għandhom isaħħu l-koperazzjoni bejn l-UE u l-ACP fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou,

J.

billi, bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja, xi pajjiżi donaturi naqqsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u pperikolaw l-isforzi li jintlaħqu l-MDGs,

K.

billi l-pajjiżi tal-ACP huma dipendenti fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti bażiċi li jikkostitwixxu ’l fuq minn 50 % tad-dħul f’munita barranija, u billi l-kriżi finanzjarja qed twassal għal tnaqqis fl-esportazzjonijiet minn pajjiżi li qed jiżviluppaw u fil-flussi ta’ flus mibgħuta lejn dawn il-pajjiżi, għal aċċess imnaqqas għal kreditu u tnaqqis fl-investiment dirett barrani, kif ukoll għal tnaqqis kbir fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi,

L.

billi l-offshore centres jagħmlu possibbli li jkun hemm evitar u evażjoni tat-taxxa u tar-regolamenti finanzjarji,

M.

billi t-tkabbir fil-kummerċ internazzjonali qed ibatti minħabba n-nuqqas ta’ kreditu u finanzi u minħabba t-tnaqqis ġenerali fl-ekonomija dinjija,

N.

billi jeħtieġ li jkun hemm koperazzjoni multilaterali biex tiġġieled il-miżuri protezzjonisti li l-kriżi finanzjarja/ekonomika tista’ twassal għalihom,

Rimarki ġenerali

1.

Jilqa’ l-Pjan Dinji tal-G20 għall-Irkupru u r-Riforma; jinnota li l-Pjan Globali huwa konformi mal-isforzi li diġà twettqu fi ħdan l-Unjoni Ewropea, sabiex jiġu evitati politiki konfliġġenti li l-effetti tagħhom jikkanċellaw lil xulxin; jilqa’ l-fatt li G-20 għarrfu li kriżi globali teħtieġ soluzzjoni globali u strateġija integrata biex jinġiebu lura l-fiduċja, it-tkabbir u l-impjiegi; jikkunsidra li tali-għarfien jeħtieġ segwitu serju fil-laqgħa li jmiss tal-G20 li se ssir fil-bidu tal-ħarifa tal-2009;

2.

Jemmen li l-ħidma li għandhom quddiemhom il-mexxejja tad-dinja m’huwiex li jraqqgħu s-sistema finanzjarja u ekonomika preżenti, imma li jirrikonoxxu li jeħtieġ li jinstab bilanċ ġdid fil-qafas regolatorju li jagħti konsiderazzjoni lis-sostenibilità ambjentali u soċjali, l-opportunitajiet, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi msaħħa kif ukoll il-ġustizzja soċjali u l-partiċipazzjoni; jappella biex tiġi żviluppata regolamentazzjoni aħjar u li tkopri l-ambiti kollha u superviżjoni għal qafas regolatorju u ta’ governanza ġdid; jikkunsidra li l-G20 kellhom jindirizzaw il-problema ta’ żbilanċi globali fil-kummerċ u l-finanzi li kellhom rwol fundamentali fil-kriżi ekonomika attwali;

3.

Jenfasizza l-fatt li l-impenji kollha meħuda għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ, għandhom jiġu implimentati malajr u jingħataw sustanza, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali, sabiex terġa’ tinbena fiduċja u biex tinkiseb l-ogħla effettività possibbli; jieħu nota tal-arranġamenti magħmula mill-Bord ta’ Stabbilita’ (FSB) u tal-IMF li jissorveljaw il-progress magħmul fuq il-Pjan Dinji miftiehem u jistedinhom jippreżentaw ir-rapport tagħhom lill-Parlament;

4.

Jisħaq li l-prijorità immedjata għandha tkun li l-ekonomija reali terġa’ tibda timxi, li jkun żgurat li s-swieq tal-kapital u s-self jaħdmu sewwa, li l-impjiegi jiġu sostnuti u promossi, u li n-nies jitħarsu mill-impatt negattiv tal-kriżi, b’attenzjoni speċjali għal dawk li huma l-ifqar u l-aktar vulnerabbli;

5.

Ifaħħar il-G20 talli bosta drabi għażlu soluzzjonijiet ibbażati fuq self u garanziji, fattur li ser jimmassimizza l-effetti ekonomiċi filwaqt li jgħin fit-tnaqqis tal-impatt fit-tul fuq it-teżor tal-gvern tal-pakkett ta’ miżuri li jiswa aktar minn 1 triljun dollaru Amerikan;

Lura għat-tkabbir u l-impjiegi

6.

Jilqa’ l-ftehim li jingħataw EUR 832 biljun f’aktar riżorsi finanzjarji għall-IMF, istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn u finanzi tal-kummerċ, flimkien mal-impenn li jitwettaq l-isforz fiskali sostnut tal-iskala meħtieġa biex jinġiebu lura l-kreditu, it-tkabbir u l-impjiegi fl-ekonomija dinjija filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibilità fiskali fuq żmien fit-tul; jinnota, madankollu, li ma ġie miftiehem l-ebda stimolu fiskali Ewropew ieħor; jagħraf li l-marġini għall-azzjoni huwa differenti għal kull pajjiż, imma li kull wieħed jeħtieġ li jaġixxi fil-limiti tal-possibilitajiet tiegħu;

7.

Jagħraf l-irwol essenzjali tal-banek ċentrali f’dan il-kompitu u t-tnaqqis malajr tar-rati tal-interessi min-naħa tagħhom, u jilqa’ l-impenn tal-G20 li tiġi evitata żvalutazzjoni kompetittiva tal-muniti nazzjonali, li twassal għal ċirku vizzjuż; jilqa’ t-tnaqqis suċċessiv fir-rati tal-interessi min-naħa tal-Bank Ċentrali Ewropew sabiex jissaħħaħ it-tkabbir, u l-provvista ta’ malajr, min-naħa tiegħu, ta’ faċilitajiet finanzjarji fuq medda qasira ta’ żmien bil-għan li jerġa’ jitqawwa s-self bejn il-banek; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet li jiffaċilitaw il-mogħdija tat-tnaqqis fir-rati tal-interessi lil min jissellef; jitlob li tittieħed kull miżura li tippermetti li s-swieq finanzjarji jiffunzjonaw tajjeb mill-ġdid, inklużi miżuri biex irawmu mill-ġdid is-self domestiku u l-flussi kapitali internazzjonali;

8.

Jinnota bi tħassib iż-żidiet b’ħeffa li kien hemm fid-dejn pubbliku u fid-defiċits baġitarji; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti finanzi Statali b’saħħithom mill-aktar fis u li tiġi żgurata sostenibilità fiskali fuq medda twila ta’ żmien sabiex jiġi evitat li jitpoġġa piż eċċessiv fuq il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, filwaqt li jinnota li, b’bażi ta’ kull pajjiż għalih, dan għandu jitqies fil-kuntest tad-dejn totali;

9.

Jiddeplora l-fatt li l-iżbilanċi globali, li huma l-għerq tal-kriżi finanzjarja, ma ġewx indirizzati mis-samit tal-G20; ifakkar li biex tiġi evitata kriżi finanzjarja oħra fil-ġejjieni, għandhom jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin (i.e. il-finanzjament tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Uniti mill-bilanċi favorevoli eċċessivi taċ-Ċina), li l-implikazzjonijiet tagħhom imorru lil hinn mill-qasam tar-regolamentazzjoni bankarja u finanzjarja u mit-tmexxija istituzzjonali; jikkunsidra li risposta multilaterali effettiva għall-kriżi trid tinvolvi li l-kawżi tal-iżbilanċi tar-rati tal-kambju u tal-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi jkunu indirizzati fi ħdan l-oqsfa multilaterali; għalhekk iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex jadotta pożizzjoni komuni sabiex jittratta dawn il-kwistjonijiet qabel is-samit tal-G20 li jmiss li ser isir f’New York;

It-Tisħiħ tas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarji

10.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ komuni għar-regolamentazzjoni aħjar tas-settur finanzjarju u għas-superviżjoni finanzjarja mtejba fuq il-bażi ta’ konsistenza u koperazzjoni sistematika akbar bejn il-pajjiżi; iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha biex jaġixxu skont l-impenji li għamlu matul il-laqgħa tal-G20; jikkunsidra li d-deċiżjonijiet meħuda u l-impenji mogħtija fis-Samit tal-G20 jirrappreżentaw minimu u mhux massimu; jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Unjoni Ewropea hija aktar ambizzjuża rigward l-ambitu u r-rekwiżiti tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni;

11.

Jenfasizza l-importanza li terġa’ tinbena l-fiduċja fis-settur finanzjarju li huwa fundamentali biex jerġa’ jiġi għal li kien is-self lill-ekonomija reali kif ukoll għall-flussi ta’ kapital internazzjonali; jinsisti fuq il-bżonn li, b’mod urġenti, jiġu affrontati l-assi bankarji mdgħajfa li qed jikkostrinġu s-self; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw żvelar komplet u trasparenti min-naħa tal-banek rigward id-dannu tal-karti tal-bilanċ, filwaqt li jikkunsidraw l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Trattament tal-Assi Danneġġati fis-Settur Bankarju Komunitarju (2) u biex jaġixxu b’mod koordinat filwaqt li jirrispettaw ir-regoli tal-kompetizzjoni jistieden lill-gvernijiet tal-G20 biex jikxfu l-mod kif jaħdmu l-programmi tal-assi danneġġati tagħhom u x’riżultati qed jinkisbu minnhom; jirrakkomanda li l-koperazzjoni internazzjonali tiġi massimizzata u li l-protezzjoniżmu finanzjarju u regolatorju jiġi mwarrab;

12.

Jilqa’ d-deċiżjoni li jiġu rregolalati u ssorveljati l-istituzzjonijiet, is-swieq, u l-istrumenti sistematikament imporanti kollha (inklużi l-hedge funds), imma jemmen li huma meħtieġa aktar miżuri biex jixxejnu l-eċċessi spekulattivi u li r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni għandhom jinkludu dawk l-attivitajiet li d-daqs tagħhom individwalment jista’ jkun iġġudikat bħala non-sistemiku, imma li kollettivament jirrappreżentaw riskju potenzjali għall-istabilità finazjarja; jinsisti fuq il-bżonn li jiġu żviluppati mekkaniżmi effiċjenti ta’ koperazzjoni u ta’ qsim ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali biex tiġi żgurata superviżjoni transkonfinali effettiva filwaqt li jinżammu l- iswieq miftuħa;

13.

Japprova d-deċiżjoni tal-G20 li jadottaw il-qafas ta’ kapital Basel II u l-intenzjoni tagħha li tagħmel sforzi biex jissaħħu l-istandards regolatorji prudenzjali mill-aktar fis possibbli;

14.

Huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġu implimentati b’mod urġenti f’livell għoli prinċipji għall-koperazzjoni transkonfinali dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet; fid-dawl tal-interazzjonijiet dejjem akbar bejn is-sistemi finanzjarji nazzjonali, iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti biex jikkoperaw f’livell internazzjonali bil-għan li jħejju ruħhom għall-kriżijiet finanzjarji u jimmaniġġjawhom;

15.

Jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-G20 li jiġu promossi l-integrità u t-trasparenza fis-swieq finanzjarji kif ukoll li tiżdied ir-responsabilità tal-atturi finanzjarji; jilqa’ b’sodisfazzjon il-wegħda solenni tal-G20 li jirriformaw l-iskemi ta’ rimunerazzjoni b’mod iktar sostenibbli bħala parti mir-reviżjoni regolatorja finanzjarja u jinsisti fuq l-importanza li l-inċentivi jiġu marbuta mal-prestazzjoni fit-tul, li jiġu evitati dawk l-inċentivi li jħajru għan-nuqqas ta’ responsabilità u li tkun iggarantita applikazzjoni fl-industrija kollha kemm hi tal-prinċipji l-ġodda sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet li jkunu ġusti għall-partijiet kollha interessati; se jibqa’ estremament viġilanti fejn tidħol l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji marbutin mal-pagi u mar-rimunerazzjoni fl-istituzzjonijiet finanzjarji u jitlob l-adozzjoni ta’ miżuri aktar strinġenti f’dan il-qasam;

16.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri fir-rigward tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu li jimmiraw li jżidu t-trasparenza u jsaħħu l-koperazzjoni bejn awtoritajiet superviżorji nazzjonali; għadu jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ kompetizzjoni f’dan is-settur u jitlob li jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-ostakoli għad-dħul fis-suq;

17.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni li jintlaħaq ftehim dwar sett wieħed ta’ standards tal-kontabilità, jiddeplora l-fatt li l-Bord tal-Istandards tal-Kontabilità Finanzjarja emenda d-definizzjoni tal-valur ġust għall-parteċipanti tas-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex lill-IAS 39 iġibhom konformi ma’ dan il-ftehim mingħajr ma toqgħod tistenna deċiżjoni mill- Bord tal-Istandards tal-Kontabilità Finanzjarja;

18.

Jistieden lis-Samit li jmiss tal-G20 sabiex jilħaq ftehim dwar azzjoni kkoordinata u konkreta, kemm sabiex jingħalqu l-paradisi fiskali u regolatorji, kif ukoll biex jingħalqu l-lakuni fiskali u regolatorji “onshore” li jippremettu li t-taxxa tiġi evitata b’mod l-aktar mifrux ukoll fiċ-ċentri finanzjarji l-prinċipali; jilqa’ l-istqarrija tal-G20 dwar is-segretezza tal-banek, u jfaħħar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni bħala l-għodda l-aktar effettiva biex iffaċċja l-evitar tat-taxxi, jirrakkomanda li l-Unjoni Ewropea għandha tadotta qafas leġiżlattiv adegwat għaliha fir-rigward ta’ paradisi fiskali u jitlob lis-sħab internazzjonali tagħha biex jagħmlu l-istess;

It-tisħiħ tal-istituzzjonijiet finanzjarji globali tagħna

19.

Jappoġġja bis-sħiħ id-deċiżjoni li l-irwol ċentrali ta’ koordinazzjoni tal-aġenda miftiehma jingħata lill-FSB li dan l-aħħar ingħata isem ġdid u ġie mkabbar; jappoġġja d-deċiżjoni tal-G20 li l-Bord jingħata bażi istituzzjonali iktar b’saħħitha u setgħat aqwa; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm qbil ġenerali dwar il-prinċipji komuni u li tkun żgurata l-konverġenza tar-regoli fil-qasam tas-servizzi finanzjarji biex wieħed ikun jista’ jlaħħaq mal-partijiet li għandhom irwol fis-suq globali;

20.

Jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja bis-sħiħ it-talba magħmula mill-Assemblea Parlamentari EUROLAT fit-8 ta’ April 2009 lill-pajjiżi tal-LAC-EU biex jaġixxu flimkien sabiex jeqirdu r-rifuġji fiskali kollha fit-territorju tagħhom u biex jaħdmu fuq livell internazzjonali biex jinqerdu l-bqija u favur sanzjonijiet kontra kumpaniji u individwi li jużaw is-servizzi tagħhom;

21.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-pjan tal-G20 għal riforma tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u jitlob sabiex dawn ir-riformi jinbdew mill-aktar fis possibbli; jistenna riforma applikabbli b’mod mifrux ħafna ta’ governanza ekonomika u finanzjarja globali, li trid tippromwovi d-demokrazija, it-trasparenza u l-kontabilità u tiżgura l-koerenza bejn il-politiki u l-proċeduri tal-istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali, u jħeġġeġ li jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-kundizzjonalitajiet applikati lill-biċċa l-kbira tas-self tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u tal-Bank Dinji;

22.

Barra minn hekk, jitlob li fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali r-rappreżentanza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw tittejjeb; jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn għal proċess ta’ selezzjoni miftuħ, trasparenti u bbażat fuq il-mertu għall-ħatra tal-mexxejja tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea, bħala konsegwenza ta’ dan, biex titkellem b’vuċi waħda;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel valutazzjoni taż-żieda tad-Drittijiet ta’ Ġbid Speċjali tal-FMI f’ konformita’ ma li jista’ jiġi meħtieġ u jitlob lill-BĊE biex jevalwa tal-effetti ta’ tali żieda fuq l-istabilità tal-prezzijiet madwar id-dinja kollha;

Ir-reżistenza kontra l-protezzjoniżmu u l-promozzjoni tal-kummerċ u l-investiment globali

24.

Jappoġġja l-wegħda solenni tal-G20 li jżidu r-riżorsi disponibbli għall-istituzzjonijiet finanzjari dinjija b’USD 850 biljun sabiex jiġi appoġġjat it-tkabbir fis-swieq li qed jissawru u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda sostanzjali fir-riżorsi tal-FMI, li huwa l-fornitur prinċipali ta’ assistenza finanzjarja lill-pajjiżi bi problemi ta’ bilanċi tal-ħlasijiet, inklużi l-Istati Membri tal-UE, u li jaġixxi biex jappoġġja t-tkabbir fi swieq li qed jissawru u f’pajjiżi li qed jiżviluppaw;

25.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress magħmul mill-IMF bil-Linja ta’ Kreditu Flessibbli l-ġdida tiegħu, billi resaq ’il bogħod mis-self preskrittiv u riġidu tiegħu preċedenti u mill-qafas ta’ kundizzjonalità li kellu, hekk kif muri fir- rapport tal-IMF intitolat “l-implikazzjonijiet tal-kriżi finanzjarja dinjija għall-pajjiżi bi dħul baxx”, fejn qal illi “fit-tfassil ta’ politiki ta” nfiq, il-prijorità għandha tingħata lill-protezzjoni jew l-espansjoni tal-programmi soċjali jew lit-tressiq “il quddiem ta’ investimenti approvati, u, b’mod ġenerali, liż-żamma tal-momentum kif inhu lejn il-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp”;

26.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn affermat mill-ġdid fil-Pjan Dinji lejn l-MDGs u l-wegħda li jkun hemm żieda ta’ USD 50 biljun disponibbli “għall-appoġġ tal-protezzjoni soċjali, biex tingħata spinta lill- kummerċ u għas-salvagwardja tal-iżvilupp fil-pajjiżi bi dħul baxx”; jitlob li dawk il-fondi jinħargu mhux biss bħala selft, imma wkoll fis-sura ta’ għotjiet diretti fejn ikun possibbli, sabiex tkun appoġġjata l-protezzjoni soċjali u tingħata spinta lill-kummerċ;

27.

Jiddeplora l-fatt li l-wegħdiet tal-G20 dwar “Aid for Trade” u għall-għajnuna barranija għall-iżvilupp (ODA) ma kinux biżżejjed; jenfasizza li, għalkemm il-Pjan Dinji jelenka miżuri finanzjarji għaż-żieda fir-riżorsi għad-dinja li qed tiżviluppa permezz tal-Bank Dinji u tal-FMI, ma kien hemm l-ebda impenn speċifiku biex jiġi żgurat li l-“Aid for Trade” jirrappreżenta finanzjament addizzjonali;

28.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-wegħda solenni li jkomplu jippromwovu l-kummerċ u l-investiment globali; jinsab allarmat, madankollu, minħabba t-tnaqqis fil-kummerċ dinji, ħaġa li qed thedded li r-reċessjoni globali tkompli tmur għall-agħar; jisħaq fuq l-importanza li tintlaħaq konklużjoni rapida u ta’ suċċess tar-Rawnd ta’ Doha li sservi biex tirrimedja l-iżbilanċi fis-sistema dinjija tal-kummerċ li kienu ta’ detriment għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

29.

Iwarrab kull forma ta’ protezzjoniżmu kemm fl-ekonomija reali u kemm fis-settur finanzjarju bħala reazzjoni għat-tnaqqis fl-attività ekonomika u għall-kummerċ dinji li qed jonqos;

30.

Jistieden lis-Samit li jmiss tal-G20 wkoll biex jindirizza r-riforma tas-sistema dinjija tal-kummerċ u l-governanza tad-WTO bil-għan li jiġi promoss kummerċ ġust, jitreġġgħu lura l-inugwaljanzi li kulma jmur qed jikbru bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, tittejjeb il-koerenza bejn il-politiki kummerċjali, soċjali u ambjentali u biex id-WTO issir aktar demokratika, trasparenti u responsabbli;

31.

Jistieden lill-Istati Membri jippreżentaw azzjonijiet u strumenti mdaħħlin b’rispons għall-kriżi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tagħmel rispons ikkoordinat; jitlob li l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet hekk identifikati tkun ivvalutati fir-rapport Monterrey li jmiss dwar l-iżvilupp tal-iffinanzjar;

32.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-kriżi persistenti tal-ikel, li teħtieġ azzjoni u riformi immedjati biex ikun żgurat li l-produzzjoni agrikola tkun waħda sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

L-iżgurar ta’ rkupru ġust u sostenibbli għal kulħadd

33.

Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-G20 tal-importanza ta’ ekonomija dinjija aktar sostenibbli; jenfasizza wkoll li huwa tassew kritiku li tintlaħaq ftehim vinkolanti dwar il-bidla fil-klima fil-konferenza ta’ Kopenħagen li se ssir ma ddumx; jenfasizza, madankollu, li l-mexxejja tal-G20 għandhom jirrikonoxxu n-natura wiesgħa tal-isfidi globali tas-sostenibilità, bħal m’huma l-pixkeriji, il-foresti, u l-kriżijiet tal-ilma, li l-iktar li jaffettwaw huma lill-persuni li jgħixu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni tniedi, fil-kuntest tar-riflessjoni dwar il-futur tal-Istrateġija ta’ Żvilupp Sostenibbli, il-proċessi neċessarji li għandhom il-għan li jikkunsidraw għalkollox l-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-klima għall-politiki kollha eżistenti;

35.

Jenfasizza l-ħtieġa li ssir l-implimentazzjoni effettiva tal-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija u li jsiru aktar investimenti fl-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, fl-ekoinnovazzjoni, fl-enerġija li tiffavorixxi l-ambjent u fl-effiċjenza tal-enerġija, li għandhom ikunu parti ċentrali mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Enerġija għall-2010-2014;

36.

Jistieden lis-Samit li jmiss tal-G20 biex jikkunsidra l-“Aġenda tax-xogħol diċenti”, kif proposta mill-ILO, li għandha tinkludi b’mod partikulari impenn lejn ir-rispett universali għad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post tax-xogħol, standards ewlenin u bażiċi tax-xogħol u t-tneħħija għalkollox tat-tħaddim tat-tfal.

*

* *

37.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal- Membri tal-G20 u lill-Fond Monetarju Internazzjonali.


(1)  Testi Adottati, P6_TA(2009)0123.

(2)  ĠU C 72, 26.3.2009, p.1.


Top