EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0308

Pjan ta' Azzjoni tas-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' April 2009 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tas-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (2008/2216(INI))

ĠU C 184E, 8.7.2010, p. 50–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/50


Il-Ħamis, 23 ta' April 2009
Pjan ta' Azzjoni tas-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti

P6_TA(2009)0308

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tas-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (2008/2216(INI))

2010/C 184 E/10

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 intitolata “Pjan ta' Azzjoni għall-Varar ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fl-Ewropa” (COM(2008)0886),

wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-varar ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport (COM(2008)0887),

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2001 intitolata “Politika Ewropea tat-Trasport għall-2010: wasal iż-żmien li niddeċiedu” (COM(2001)0370),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta' Lulju 2008 intitolata “Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku” (COM(2008)0433),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta' Lulju 2008 intitolata “Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni” (COM(2008)0435),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-25 ta' Settembru 2007 intitolata “Lejn kultura ġdida għall-mobiltà urbana” (COM(2007)0551),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-22 ta' Ġunju 2006 intitolata “Inżommu lill-Ewropa miexja – Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna: reviżjoni ta' nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport tal-2001 tal-Kummissjoni Ewropea” (COM(2006)0314),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2007 intitolata “Lejn Mobilità aktar Sikura, aktar Nadifa u aktar Effiċjenti madwar l-Ewropa: L-Ewwel Rapport dwar il-Karozzi Intelliġenti” (COM(2007)0541),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' Frar 2007 intitolata “Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21 – Pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport Finali tal-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21; Kontribuzzjoni għall-Iżvilupp tal-UE u l-Istrateġija tal-Impjiegi” (COM(2007)0022),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2006 intitolata “Dwar l-Inizjattiva għall-Karozzi Intelliġenti: Inqajmu Kuxjenza dwar il-KIT għal vetturi iktar intelliġenti, sikuri u nodfa” (COM(2006)0059),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2006 intitolata “Il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa – il-muftieħ għall-mobilità sostenibbli” (COM(2006)0336),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' Ottubru 2007 intitolata “Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija” (COM(2007)0607),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta' Jannar 2006 intitolata “Rigward Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban” (COM(2005)0718),

wara li kkunsidra l-proposti u l-linji gwida tal-Kummissjoni u l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar il-fondi strutturali, il-fondi ta' koeżjoni u s-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-proposta riveduta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta' vetturi għat-trasport tat-triq li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li ma jniġġsux (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2008 rigward l-Istrateġija ta' Liżbona (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2008 dwar politika Ewropea tat-trasport sostenibbli li tqis il-linji politiċi Ewropej dwar l-enerġija u l-ambjent (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2008 dwar CARS 21: Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar Lejn Mobilità aktar Sikura, Aktar Nadifa u Effiċjenti fl-Ewropa Kollha: L-Ewwel Rapport dwar il-Karozzi Intelliġenti (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar Inżommu lill-Ewropa miexja – Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Settembru 2007 dwar il-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija fl-Ewropa – is-soluzzjoni għal mobilità sostenibbli (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2007 dwar il-Programm ta' Azzjoni Ewropew għas-Sikurezza tat-Toroq – reviżjoni ta' nofs iż-żmien (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2006 dwar l-istrateġija tematika dwar l-ambjent urban (9),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0227/2009),

A.

billi s-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (STI) huma applikazzjonijiet avvanzati li jużaw it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (TIK) għat-trasport u jipprovdu servizzi innovattivi fil-modi tat-trasport u l-ġestjoni tat-traffiku,

B.

billi s-STI għandhom potenzjal kbir għall-aktar użu effiċjenti tal-modi kollha tat-trasport li jistgħu jilħqu l-ħtiġijiet u l-isfidi tal-politika Ewropea tat-trasport,

C.

billi l-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq taffettwa 10 % tan-netwerk tat-toroq u f'sena tiġi tiswa 1 % ta-PGD tal-UE, il-fatalitajiet fit-toroq għadhom jammontaw għal 42 953 (2006), ħafna ogħla mill-mira maħsuba tat-tnaqqis għal 25 000 sa 2010 u t-trasport bit-toroq jgħodd għal 72 % tal-emissjonijiet tas-CO2 relatati mat-trasport kollu filwaqt li 40 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tat-trasport bit-toroq fl-Ewropa huma kkawżati mit-traffiku urban,

D.

billi s-STI wrew li huma essenzjali fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u t-trasport iktar ekoloġiku,

E.

billi l-applikazzjonijiet intelliġenti ġew żviluppati għal modi differenti ta' trasport bħal pereżempju t-trasport bil-ferrovija (ERTMS u TAF-TSI), it-trasport fl-ilmijiet interni u t-trasport marittimu (LRITS, SafeSeaNet, VTMIS, RIS), it-trasport bl-ajru (SESAR) u t-trasport fuq l-art, bħat-trasport tal-bhejjem,

1.

Jenfasizza li s-STI huma strument importanti sabiex isir użu effikaċi tal-infrastruttura eżistenti, it-trasport ikun aktar effiċjenti, bla periklu, sikur u li jħammeġ inqas l-ambjent, u b'dan il-mod jingħata kontribut favur l-iżvilupp ta' mobilità sostenibbli għaċ-ċittadini u l-ekonomija;

2.

Jenfasizza l-effett pożittiv fuq l-iżvilupp sostenibbli li s-STI għandhom fit-titjib tar-rendiment ekonomiku tar-reġjuni kollha, inklużi z-zoni urbani, jiddeterminaw il-kondizzjonijiet ta' aċċessibilità reċiproka, iżidu l-attività tal-kummerċ lokali u interreġjonali, jiżviluppaw is-suq intern tal-Unjoni Ewropea u x-xogħol marbut mal-attivitajiet ġejjin mill-implimentazzjoni tas-STI;

3.

iqis li s-STI jistgħu jtejbu l-kondizzjonijiet ta' ħajja taċ-ċittadini Ewropej, b'mod partikolari ta' dawk li jgħixu f'zoni urbani, u se jikkontribwixxu wkoll biex ikun hemm aktar sikurezza fit-toroq, jitnaqqsu l-emissjonijiet dannużi u t-tniġġis ambjentali, iżidu l-effiċjenza tat-traffiku, jitjieb l-aċċess għaz-zoni periferiċi, u titħaddem il-politika tat-tnaqqis tat-traffiku;

4.

Jilmenta dwar id-dewmien fl-istabbiliment ta' qafas komuni għall-implimentazzjoni tas-STI fl-UE u n-nuqqas ta' varar koordinat tas-STI b'miri speċifiċi l-iktar minħabba l-barrieri għall-interoperabiltà, nuqqas ta' koperazzjoni effiċjenti bejn l-atturi kollha, u l-privatezza ta' data mhux solvuta u kwistjonijiet ta' responsabilità;

5.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar s-STI (“il-pjan ta' azzjoni”) bħala qafas komuni ta' azzjonijiet u programmi b'dati ta' skadenza ċari għall-għoti tar-riżultati;

6.

Jemmen ħafna li huwa meħtieġ l-istabbiliment ta' strument fil-politika tat-trasport li jrawwem l-użu tas-STI; jappoġġja strument leġiżlattiv biex jiffissa l-qafas għall-varar tas-STI u jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi tagħrif aħjar dwar is-sitwazzjoni kurrenti għal dawk li huma azzjonijiet, il-fondi u l-ipprogrammar tal-pjan tal-azzjoni sabiex jassigura li sett ta' azzjonijiet ċari b'dati ta' skadenza jkunu stabbiliti fid-Direttiva li tistipula l-qafas għall-varar tas-STI;

7.

Huwa konxju tal-limitazzjoni ta' għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità (fl-2008) lill-azzjoni EasyWay, li huwa proġett għall-varar tas-STI fuq skala Ewropea fil-kurituri l-iktar importanti tan-netwerk Trans-Ewropew tat-toroq (NTET) f'21 Stat Membru tal-UE mmexxija mill-awtoritajiet nazzjonali tat-toroq u operaturi bi msieħba assoċjati mill-pubbliku u partijiet interessati privati;

Kwistjonijiet orizzontali

8.

Jindika li s-STI għandhom jintużaw fil-mezzi kollha ta' trasport u mill-vjaġġaturi kollha fl-Ewropa, f'approċċ koordinat mal-applikazzjonijiet Galileo; jappoġġa bis-sħiħ l-applikazzjoni immedjata ta' dawn is-sistemi biex tiżdied l-intermodalità bejn is-settur pubbliku u dak privat u fit-trasport pubbliku għal titjib fl-informazzjoni ġenerali u żieda fil-kapaċità ta' ġestjoni;

9.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kwistjoni ta' responsabilità li tikkostitwixxi ostaklu kbir fl-iżvilupp bla xkiel u koerenti tas-STI fl-Ewropa;

10.

Jikkunsidra li l-interoperabiltà fl-iżvilupp tas-STI hija ta' importanza kbira biex ikun hemm varar effettiv u koerenti tas-STI fl-Ewropa; jenfasizza li fil-każ ta' investimenti fl-NTET (bini jew manutenzjoni ta' toroq) jeħtieġ li jsiru sforzi għall-varar meħtieġ ta' servizzi tas-STI;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni – peress li diġà hemm firxa importanti fis-suq Ewropew tas-STI – biex tistabbilixxi speċifikazzjonijiet għal livell minimu ta' applikazzjonijiet u servizzi ta' STI li jista' jintlaħaq mill-Istati Membri kollha u li huwa neċessarju għall-varar, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni effiċjenti tas-STI;

12.

Jikkonsidra li huwa importanti li ssir evalwazzjoni tat-talba li hemm fis-suq li tevalwa l-ħtiġijiet reali – lil hinn mil-livell minimu stabbilit għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI – kif ukoll li jissaħħu l-aspetti tas-swieq interni tas-STI permezz ta' standardizzazzjoni u qafas regolatorju xieraq;

13.

Jisħaq fuq kemm hi siewja l-koperazzjoni transkonfinali fil-fruntieri esterni tal-UE f'livell kemm tekniku u kemm amministrattiv, peress li hija ta' importanza kbira għall-varar effikaċi tas-STI fl-UE;

L-aħjar użu tat-data dwar it-toroq, it-traffiku u l-ivjaġġar (azzjoni nru 1)

14.

Jenfasizza li hemm bżonn li jinkiseb ammont kbir ta' data u ta' informazzjoni mill-inqas fil-ħames oqsma bażiċi li ġejjin għall-varar effettiv tas-STI: informazzjoni fil-ħin reali tat-traffiku u tal-ivvjaġġar; data dwar in-netwerk tat-toroq; data pubblika għall-mapep diġitali; data għal servizzi ta' informazzjoni universali minimi dwar it-traffiku u sistemi multimodali ta' pjanifikazzjoni tal-vjaġġi tat-tip “minn bieb għal bieb”;

15.

Jitlob li s-servizzi ta' informazzjoni universali minimi jkopru n-Netwerk trans-Ewropew (TEN-T);

16.

Jenfasizza li għall-adozzjoni u l-varar tas-STI fuq firxa wiesgħa jeħtieġ li jiġu kkunsidrati kemm l-informazzjoni dwar it-traffiku u kemm l-orarju stabbilit għad-diversi mezzi tat-trasport;

17.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġi pprovdut tagħrif fil-ħin reali lill-vjaġġaturi u għall-infrastruttura u l-importanza li dan it-tagħrif ikun aktar preċiż, affidabbli u uniformi, filwaqt li jiġu rispettati l-speċifiċitajiet Ewopej (geografiċi, kulturali u lingwistiċi) u li tiġi aċċertata l-kontinwità geografika;

18.

Jikkunsidra li hu essenzjali għall-iżvilupp tas-STI li jkun garantit l-aċċess tas-settur privat għad-data dwar toroq, traffiku u l-ivvjaġġar waqt li tiġi rispettata l-privatezza u tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

Kontinwità ta' ġestjoni tas-servizzi tat-traffiku u tal-merkanzija tas-STI dwar kurituri u konurbazzjonijiet tat-trasport Ewropew (azzjoni nru 2)

19.

Jemmen li huwa essenzjali li jkun żgurat li s-STI jkunu armonizzati, interoperabbli u affidabbli filwaqt li titħares il-libertà tal-utent fl-għażla tas-STI;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoordinaw u jgħaqqdu s-STI mal-inizjattivi ta' mobilità urbana tal-UE għall-mobilità ta' trasport aktar effiċjenti u għall-fluwidità fil-ġestjoni tat-trasport kif ukoll, biex titnaqqas il-konġestjoni minn fuq it-toroq, kurituri TEN-T, kurituri għat-trasport tal-merkanzija u konurbazzjonijiet;

21.

Jikkunsidra li huwa meħtieġ li jkun hemm koperazzjoni transkonfinali u żvilupp ta' programmi għall-varar u l-implementazzjoni tas-STI, bħalma hu l-proġett Easy Way;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika informazzjoni ta' prijorità, tagħmir tat-trasport u standards ta' vetturi biex il-varar tas-STI kif ukoll tal-miżuri li jippromwovu infrastruttura tal-awtostradi aktar armonizzata jiġu żviluppati;

23.

Jikkunsidra li huwa essenzjali li l-istima tal-ispiża ekonomika ta' kull vettura u tal-infrastruttura li toħroġ mill-varar tas-STI tkun ibbażata fuq analiżi ta' benefiċċju meta mqabbla mal-ispiża li tkopri l-ispejjeż kollha assoċjati (ekonomiċi, soċjali u ambjentali);

STI fis-servizz tal-mobilità urbana (azzjoni nru 2a)

24.

Huwa favur l-iżvilupp ta' metodi u sistemi għall-informazzjoni tal-utenti dwar servizzi disponibbli ta' trasport urban u l-qagħda tan-netwerks ikkonċernati, b'mod partikulari bl-użu tat-teknoloġija GSM;

25.

Jissuġerixxi li ssir aktar riċerka dwar sistemi ta' tariffi komuni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' xi reġjun u b'mod partikulari dwar il-metodi tekniċi relatati;

26.

Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' tekniki intermodali li jipprovdu aċċess aħjar għall-mezzi tat-trasport u l-mobilità urbana għal persuni b'mobilità mnaqqsa;

Sigurtà u sikurezza fit-toroq (azzjoni nru 3)

27.

Jistieden lill-Kummisjoni u lill-Istati Membri biex jippreparaw għall-varar u l-integrazzjoni armonizzati tal-applikazzjoni eCall fil-pajjiżi kollha tal-UE sas-sena 2010, hekk kif jitlestew it-testijiet ta' standardizzazzjoni;

28.

Jikkunsidra li l-applikazzjoni u l-użu tas-STI għandhom:

jippromwovu s-Sistemi Avvanzati ta' Assistenza għas-Sewqan (SAAS) b'potenzjal biżżejjed biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq, bħalma huma l-Kontroll ta' Stabilità Elettronika (KSE) kif ukoll l-eCall li waħedha u jekk użata tajjeb tista' ssalva sa 500 ħajja kull sena fl-UE;

itejbu s-sikurezza tat-toroq billi jimpedixxu l-veloċità, sewqan fis-sakra u sewqan bla ċinturin tas-sigurtà;

itejbu l-kundizzjonijiet tas-saħħa u tas-sikurezza permezz ta' użu ta' postijiet ta' parkeġġ dinjitużi u sikuri u jipprovdu servizzi xierqa għas-sewwieqa tat-trakkijiet billi jużaw il-portal truckinform (10) u

itejbu l-protezzjoni tas-sewwieq u t-tagħbija fit-trasport tal-merkanzija mis-serq, il-ħtif u l-brigantaġġ u b'dan il-mod isaħħu l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, partikolarment f'zoni fil-fruntiera u fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija lejn pajjiżi terzi;

29.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'urġenza taħdem favur tnaqqis ulterjuri tal-ispejjeż tal-komunikazzjoni, sabiex ikun jista' jsir użu usa' tat-tagħmir tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni fuq il-bażi tat-telekomunikazzjoni;

30.

Huwa favur l-inizjattiva ssuġġerita “e-freight” (trasport elettroniku tal-merkanzija) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintroduċi l-kunċett tat-“trasport intelliġenti tal-merkanzija”, bil-għan li jittieħed approċċ multimodali għas-servizzi tas-STI fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija – b'enfasi partikulari fuq l-oġġetti perikolużi;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu importanza indaqs lit-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, biex tiġi evitata diskriminazzjoni kontra t-trasport tal-passiġġieri, li għandha impatt partikularment negattiv fuq il-mobiltà tal-persuni;

32.

Jirrakkomanda qafas regolatorju xieraq għall-interazzjoni bejn il-magna u l-bniedem (HMI) u għall-protokolli oħra tas-STI u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' responsabilità;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjoni ta' utenti tat-trasport dgħajfa, inklużi nies b'mobilità mnaqqsa u biex testendi l-azzjonijiet biex jiġi adottat il-varar tas-SAAS u ta' oħrajn bħas-STI u l-HMI għal vetturi b'żewġ roti skont is-sottoazzjonijiet proposti fil-pjan ta' azzjoni;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tisfrutta l-potenzjalità tas-STI fir-rigward tal-miżuri preventivi kontra l-ismogg u l-konċentrazzjonijiet għoljin wisq tal-ożonu u favur it-tnaqqis tat-tniġġis akustiku u tal-emissjonijiet ta' partikulati, ossidi tan-nitroġenu u diossidu tal-karbonju;

Integrazzjoni tal-vettura fl-infrastruttura tat-trasport (azzjoni nru 4)

35.

Jenfasizza l-importanza li tiġi definita arkitettura ta' pjattaforma komuni għal interkonnessjonijiet u protokolli standardizzati li jiffaċilitaw il-varar tas-STI, sistemi koperattivi u speċifikazzjonijiet ta' bejn infrastruttura u oħra (I2I), ta' bejn vettura u infrastruttura (V2I), u ta' bejn vettura u oħra (V2V);

36.

Jistieden lill-Kummissjoni biex timplementa pjan direzzjonali dwar s-STI bi pjattaformi komuni rigward l-applikazzjonijiet u l-varar tas-STI u bil-parteċipazzjoni tal-qasam privat u dak pubbliku, kif ukoll biex tistabbilixxi qafas xieraq biex jiġu solvuti kwistjonijiet ta' responabiltà rigward s-STI;

37.

Jinnota li l-istħarriġ dwar applikazzjonijiet tas-STI għandu jkun imħeġġeġ biex itejjeb il-kapaċità tal-utent fit-trasport u jiffaċilita l-interazzjoni bejn il-bniedem u l-magna;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu forum miftuħ għall-iskambju ta' informazzjoni u biex ikunu indirizzati kwistjonijiet rigward s-STI;

Sigurtà u protezzjoni tad-data u kwistjonijiet ta' responsabilità (azzjoni nru 5)

39.

Jisħaq l-ħtieġa li titħares il-privatezza u jqis li kwistjonijiet ta' privatezza u ta' sigurtà u protezzjoni tad-data mill-istadji bikrin tal-iżvilupp tad-disinn tas-STI għandhom jitqiesu meta jkunu stabbiliti l-istruttura u l-miżuri ta' implimentazzjoni (“Privacy by design”);

40.

Jistieden lill-partijiet kollha involuti fl-applikazzjonijiet tas-STI biex ikunu konformi mad-direttivi tal-KE dwar il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttivi 95/46/KE (11) u 2002/58/KE (12)) u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-użu xieraq tad-data skont l-applikazzjonijiet u l-varar tas-STI;

41.

Jemmen li l-użu anonimu tad-data dwar l-applikazzjonijiet tas-STI huwa neċessarju għall-varar bla xkiel tas-STI waqt li tiġi aċċertata l-privatezza u l-qbil mal-qafas legali u l-protezzjoni tad-data tal-KE;

Koperazzjoni u koordinazzjoni tas-STI Ewropej (azzjoni nru 6)

42.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw tmexxija b'saħħitha u governanza ġenwina lejn il-varar tas-STI fl-Ewropa;

43.

Jinkuraġġixxi l-promozzjoni tal-iżvilupp ta' sistemi multimodali nazzjonali u Ewropej ta' pjanifikazzjoni tal-vjaġġi tat-tip “minn bieb għal bieb”, filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-alternattivi tat-trasport pubbliku, u l-interkonnessjoni tagħhom madwar l-Ewropa kollha;

44.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża aħjar il-kapaċitajiet tal-UE bil-programmi tas-Sistema Ewropea tan-Navigazzjoni Globali bis-Satelliti (GNSS) EGNOS u Galileo, filwaqt li ttejjeb l-interkonnettività multimodali;

45.

Jenfasizza li dawn it-teknoloġiji għandhom jiġu applikati b'tali mod li tiġi evitata l-inkompatibilità bejn il-modi ta' trasport u tkun imħarsa l-libertà tal-għażla fir-rigward tal-użu ta' dawn it-teknoloġiji;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw li s-STI għandhom jinvolvu attivament fil-proċess tal-ippjanar u fil-proċess tal-implimentazzjoni lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-partijiet interessati li qed joperaw fit-territorju Ewropew;

47.

Jenfasizza l-importanza tas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPP) fl-implimentazzjoni tas-STI u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi attivi biex jippromwovu u jiffaċilitaw l-użu tagħhom;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi spjega sħiħa tal-pjan ta' azzjoni għall-finanzjament tal-programmi tagħha u jappella lill-Kunsill biex jaċċerta li jkun hemm finanzjament biżżejjed;

49.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex waqt ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu dwar l-użu tal-Fondi Strutturali jindirizzaw it-temi tal-mobilità urbana u t-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku permezz ta' STI u biex iżiduhom mal-lista tal-prijoritajiet għall-perjodu 2010 - 2013;

50.

Jindika l-ħtieġa li l-potenzjal sinifikanti taz-zoni urbani jiġi definit u sfruttat aħjar, u jenfasizza l-irwol li z-zoni rurali u periferiċi jista' jkollhom biex jinkiseb żvilupp bilanċjat u biex jintlaħqu l-objettivi għall-perjodu medju ta' żmien u għall-futur imbiegħed;

51.

Iqis li hu ta' importanza vitali li jiġu implimentati netwerks ta' trasport intelliġenti f'zoni b'potenzjal turistiku kbir bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-flussi tat-traffiku, jitnaqqsu l-inċidenti u tiżdied is-sikurezza; iqis li s-STI jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni li jinkludu zoni periferiċi;

52.

Jisħaq fuq l-importanza tal-koperazzjoni interreġjonali, transkonfinali u transnazzjonali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-STI u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema għall-iskambju tal-prattika tajba li tkun disponibbli b'mod mifrux fil-lingwi kollha tal-UE, iżda jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-aħjar prattiki jinqasmu u jiġu skambjati bejn ir-reġjunijiet infushom, bl-objettiv doppju tal-ksib tat-trasferiment tan-know-how fil-qasam tas-STI u tal-evitar tal-frammentazzjoni tas-sistema;

*

* *

53.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Testi adottati, P6_TA(2008)0509.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2008)0057.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2008)0087.

(4)  ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 1.

(5)  Testi adottati, P6_TA(2008)0311.

(6)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 556.

(7)  ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 154.

(8)  ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 220.

(9)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 182.

(10)  www.truckinform.eu

(11)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(12)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.


Top