EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0257

Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' April 2009 dwar Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, Azzjonijiet u Għodod (2008/2331(INI))

ĠU C 184E, 8.7.2010, p. 23–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/23


L-Erbgħa, 22 ta’ April 2009
Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa

P6_TA(2009)0257

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2009 dwar Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, Azzjonijiet u Għodod (2008/2331(INI))

2010/C 184 E/06

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2008 intitolata “Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, azzjonijiet u strumenti” (COM(2008)0359),

wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa tas-26 ta' Novembru 2008 (1),

wara li kkunsidra l-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil, adottat mill-Kunsill Ewropew fit-15 u l-16 ta' Ottubru 2008 (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta' Timijiet ta' Intervent Rapidu fil-Fruntieri (4),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (riformolata) (COM(2008)0820),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2008 intitolata “Sena wara Liżbona: Il-partenarjat bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni” (COM(2008)0617),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2008 intitolata “It-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea” (COM(2008)0069);

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan tal-UE dwar l-aħjar prattiċi, standards u proċeduri fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-prevenzjoni tiegħu” (COM(2008)0657),

wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE u l-Ewwel Pjan ta' Azzjoni (2008-2010) - l-Isħubija Strateġika – tagħha, miftiehem fis-Samit ta' bejn l-Afrika u l-UE li seħħ bejn it-8 u d-9 ta' Diċembru 2007 f'Liżbona (5),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2006 bit-titolu “L-Approċċ Globali dwar il-Migrazzjoni sena wara: Lejn politika Ewropea komprensiva dwar il-migrazzjoni” (COM(2006)0735),

wara li kkunsidra l-“Programm ta' the Hague dwar it-Tisħiħ tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja fl-Unjoni Ewropea”, adottat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-4 u l-5 ta' Novembru 2004,

wara li kkunsidra l-Programm ta' Tampere adottat mill-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999 li stabilixxa approċċ koerenti fil-qasam tal-imigrazzjoni u l-ażil,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 dwar “Il-Futur tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil” (6),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi għal dispożizzjonijiet kontra min iħaddem illegalment iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi (7),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar l-implimentazzjoni fl-Unjoni Ewropea tad-Direttiva 2003/9/KE dwar il-kundizzjonijiet biex jintlaqgħu r-refuġati u dawk li jitolbu ażil: żjarat tal-Kumitat għal-LIBE mill-2005 sal-2008 (8),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija FRONTEX u tas-Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) (9),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' impjieg bi kwalifiki għoljin (10),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta' applikazzjoni għal permess uniku għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru kif ukoll dwar ġabra komuni ta' drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fi Stat Membru (11),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-2 ta' Settembru 2008 dwar l-evalwazzjoni tas-sistema ta' Dublin (12),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta' April 2008 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/109/KE għall-estensjoni tal-kamp tal- applikazzjoni tagħha għall-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali (13),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 dwar il-programm ta' azzjoni fuq il-Migrazzjoni Legali (14),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 dwar il-prijoritajiet tal-politika fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (15),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar strateġiji u mezzi għall-integrazzjoni ta' immigranti fl-Unjoni Ewropea (16),

wara li kkunsidra t-Trattat ta' Amsterdam, li jagħti lill-Komunità setgħat u responsabilitajiet fl-oqsma tal-immigrazzjoni u tal-ażil, u l-Artikolu 63 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0251/2009),

A.

billi l-migrazzjoni lejn l-Ewropa ser tkun dejjem parti mir-realtà sakemm ikun hemm differenzi kunsiderevoli fil-ġid u l-kwalità tal-ħajja bejn l-Ewropa u reġjuni oħra tad-dinja,

B.

billi huwa essenzjali li tintuża strateġija komuni dwar l-immigrazzjoni fl-UE, l-aktar f'żona komuni mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, fejn l-azzjoni jew in-nuqqas ta' azzjoni ta' Stat Membru għandha impatt dirett fuq stati oħra u fuq l-UE kollha,

C.

billi l-migrazzjoni mmaniġġjata b'mod dgħajjef tista' tisfratta l-koeżjoni soċjali tal-pajjiżi destinatarji u tista' tkun ukoll detrimentali għall-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll għall-migranti stess,

D.

billi l-migrazzjoni regolari tippreżenta opportunità li minnha jgawdu il-migranti, il-pajjiż ta' oriġini tagħhom (li jgawdu mill-flus li jibagħtu lejn arthom il-migranti) kif ukoll l-Istati Membri; billi, madankollu, il-progress fil-qasam tal-migrazzjoni regolari jrid jimxi id f'id ma’ azzjoni effettiva biex tiġġieled l-immigrazzjoni irregolari, ifakkar b'mod partikolari li tali immigrazzjoni tinkoraġġixxi l-eżistenza ta' ċrieki kriminali tat-traffikar tal-bnedmin,

E.

billi politika ġenwina komuni tal-migrazzjoni għall-Komunità għandha tkun ibbażata mhux biss fuq il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari iżda wkoll fuq il-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ pajjiżi ta' tranżitu u fuq politika adegwata għall-integrazzjoni tal-migranti,

F.

billi l-politiki ta' migrazzjoni Ewropej iridu jirrispettaw ir-regoli tal-liġi internazzjonali, l-aktar dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil,

G.

billi l-Unjoni Ewropea hija u għandha tkompli tkun ambjent li jilqa' lil dawk li jkunu ngħataw id-dritt li jibqgħu, sew jekk ikunu immigranti li jfittxu x-xogħol, membri tal-familja, studenti jew persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali,

H.

billi l-migranti kellhom rwol essenzjali fl-iżvilupp tal-UE u tal-proġett Ewropew f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, u hu essenzjali li jiġu rikonoxxuti kemm l-importanza tagħhom u kemm il-fatt li l-Unjoni se tkompli jkollha bżonn ix-xogħol tal-migranti,

I.

billi, skont il-Eurostat, l-avvanz fl-età tal-popolazzjoni tal-UE se tkun realtà fuq medda ta' żmien medju, it-tnaqqis ta' kważi 50 miljun tal-popolazzjoni attiva li hija prevista sal-2060; billi l-immigrazzjoni jista' jkollha l-irwol ta' katalista biex ittejjeb ir-riżultati ekonomiċi tal-UE,

J.

billi l-aspetti tat-tkabbir u l-impjiegi tal-Istrateġija ta' Liżbona, jistgħu jkunu mfixkla min-nuqqas ta' ħaddiema, li jista' jwassal biex ma jinkisbux l-objettivi tagħha, u billi l-qgħad bħalissa qiegħed jiżdied; billi dan in-nuqqas jista' jiġi indirizzat fuq medda qasira ta' żmien permezz ta' amministrazzjoni adegwata u strutturata tal-immigrazzjoni ekonomika,

K.

billi l-migranti ħafna drabi jkunu esposti għal impjieg f'xogħol każwali, impjiegi ta' kwalità baxxa, jew impjiegi ta' taħt il-livell tagħhom ta' kwalifiki,

L.

billi l-UE għandha żżid ukoll l-isforzi tagħha sabiex tindirizza problemi ta' nuqqas ta' ħaddiema u ta' ħiliet internament, billi ddur għal setturi ta' persuni f'xogħol mhux adegwat għalihom, bħal nies b'diżabilitajiet u bi żvantaġġ edukattiv jew dawk ir-residenti li qed ifittxu l-ażil li ilhom qiegħda għal żmien twil,

M.

billi n-numru ta' immigranti nisa qiegħed jiżdied b'mod kostanti fl-UE, u jkopri bejn wieħed u ieħor 54 % tan-numru totali tal-immigranti,

N.

billi l-parti l-kbira tal-immigranti nisa jsibu problemi sinifikanti biex jintegraw u biex ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol minħabba l-livell baxx ta' edukazzjoni tagħhom u l-isterjotipi u prattiki negattivi li nġiebu mill-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, kif ukoll tal-isterjotipi negattivi u d-diskriminazzjoni li jeżistu fl-Istati Membri; billi, madankollu, ħafna nisa żgħażagħ b'livell għoli ta' edukazzjoni jaslu fl-UE biex jieħdu xogħlijiet li relattivament ma jirrikjedux kwalifiki,

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

Jappoġġja bis-sħiħ it-twaqqif ta' politika komuni Ewropea għall-immigrazzjoni msejsa fuq livell għoli ta' solidarjetà politika u operazzjonali, fiduċja reċiproka, trasparenza, sħubija, responsabilità maqsuma u sforzi konġunti permezz ta' prinċipji komuni u azzjonijiet konkreti, kif ukoll il-valuri minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

2.

Itenni li l-immaniġġjar tal-flussi ta' migrazzjoni għandu jkun ibbażat fuq approċċ koordinat waqt li titqies is-sitwazzjoni demografika u ekonomika tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

3.

Jikkunsidra li l-iżvilupp ta' politika komuni dwar l-immigrazzjoni jista' jibbenefika sostanzjalment minn konsultazzoni ikbar u regolari ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, bħalma huma organizzazjonijiet li jaħdmu għall-komunitajiet tal-migranti jew li jaħdmu magħhom;

4.

Jiddispjaċih li, sa issa, sar ftit wisq biex tiġi stabbilita politika komuni tal-immigrazzjoni legali u jilqa’ b'sodisfazzjon l-istrumenti leġiżlattivi ġodda adottati fi ħdan il-qafas tal-politika komuni Ewropea għall-immigrazzjoni legali;

5.

Jenfasizza li politika Ewropea komuni dwar l-immigrazzjoni li tkun koerenti u bbilanċjata żżid fil-kredibilità tal-UE fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi;

6.

Itenni li l-immaniġġjar effettiv tal-migrazzjoni jeħtieġ l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u sħubija u koperazzjoni ġenwina mal-pajjiżi terzi ta' oriġini u ta' tranżitu, li spiss jieħdu l-impressjoni li xi deċiżjonijiet jiġu imposti fuqhom b'mod unilaterali; jenfasizza li tali koperazzjoni tista' tinkiseb biss meta l-pajjiż terz jirrispetta l-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni, u jkun firmatarju tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati tal-1951;

7.

Iqis li l-immigrazzjoni lejn l-UE mhix is-soluzzjoni biex jingħelbu l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandha topera id f'id ma’ politika effettiva għall-iżvlupp tal-pajjiżi tal-oriġini;

8.

Jilqa’ b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil imsemmi hawn fuq u l-azzjonijiet, għodod u proposti mressqa mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq dwar Politika Komuni Ewropea dwar l-Immigrazzjoni: Prinċipji, Azzjonijiet u Għodod; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex mingħajr dewmien jimxu għall-fażi ta' implimentazzjoni ta' dawn l-impenji;

9.

Jilqa’ b'sodisfazzjon l-implikazzjonijiet istituzzjonali tat-Trattat ta' Liżbona, b'mod partikulari l-estensjoni ta' kodeċiżjoni u l-votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata għall-politiki kollha tal-immigrazzjoni, il-kjarifika tal-kompetenza tal-UE dwar il-viżi u l-kontrolli fuq il-fruntieri, l-estensjoni tal-kompetenza tal-UE dwar l-ażil, kif ukoll dwar l-immigrazzjoni legali u irregolari;

10.

Iqis li politika komuni għall-immigrazzjoni teħtieġ ukoll it-twaqqif ta' politika komuni għall-ażil u jfakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq dwar il-ġejjieni ta' Sistema Komuni Ewropea għall-Ażil (CEAS) u l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi Uffiċċju ta' Appoġġ Ewropew fil-qasam tal-Ażil;

Prosperità u Immigrazzjoni

Migrazzjoni Legali

11.

Jikkunsidra li l-migrazzjoni legali tibqa’ meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet demografiċi, il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet ta' kompetenzi tal-Ewropa minħabba l-effett li għandhom fuq l-ekonomija t-tnaqqis demografiku u l-fatt li l-popolazzjoni tixjieħ; hija tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ta' pajjiżi terzi permezz taċ-ċiklu ta' skambju ta' għarfien u know how u permezz tat-trasferiment tal-flus li jintbagħtu lura lejn art l-immigranti; jitlob għall-implimentazzjoni ta' sistemi sikuri li jiffaċilitaw dawn it-trasferimenti finanzjarji lejn pajjiżi terzi;

12.

Iqis li l-migrazzjoni regolari għandha tkun l-alternattiva għall-immigrazzjoni irregolari peress li din toffri dħul legali, sikur u organizzat għall-Unjoni Ewropea;

13.

Ifakkar li l-projezzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni jistmaw il-ħtieġa ta' 60 miljun ħaddiem migrant sal-2050 u dan jeħtieġ il-ftuħ ta' kanali għall-migrazzjoni legali;

14.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' evalwazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet ta' kompetenzi u tal-ħtiġijiet tas-suq tal-UE; iqis, madankollu, li kull Stat Membru għandu jibqagħlu l-kontroll fuq in-numru ta' persuni meħtieġa għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol tiegħu u jqis il-prinċipju ta' Preferenza Komunitarja sakemm il-miżuri tranżitorji japplikaw;

15.

Jappoġġja l-iżilupp ta' “Profili tal-Immigrazzjoni” nazzjonali bl-iskop li jagħti stampa integrata tas-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fi ħdan kull Stat Membru f'kull ħin, u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol għandhom ikunu l-aspett ċentrali ta' dawn il-profili;

16.

Itenni l-ħtieġa li l-UE ssir aktar attraenti għall-ħaddiema bi kwalifiki għolja, anki permezz tad-disponibilità ta' informazzjoni dwar id-destinazzjoni u s-swieq tax-xogħol ospitanti, filwaqt li jitqiesu l-implikazzjonijiet li dan jista' jkollu fuq it-tluq tal-aħjar imħuħ mill-pajjiżi ta' oriġini; iqis li t-telf tal-aħjar imħuħ jista' jittaffa permezz ta' migrazzjoni temporanja jew ċirkolari, billi jiġi pprovdut taħriġ fil-pajjiżi ta' oriġini sabiex jiġu ppreservati postijiet tax-xogħol f'setturi ewlenin, b'mod partikolari l-edukazzjoni u s-saħħa, u billi jiġu ffirmati ftehimiet ta' koperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini; jitlob lill-Istati Membri biex ma jagħmlux reklutaġġ attiv tal-persunal f'pajjiżi li qed jiżviluppaw li jsofru min-nuqqas ta' riżorsi umani fis-setturi fundamentali bħal dak tas-saħħa u l-edukazzjoni;

17.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw mekkaniżmi, linji gwida u strumenti oħra li jiffaċilitaw il-migrazzjoni ċirkolari u temporanja kif ukoll miżuri, b'koperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini, biex jikkumpensaw għat-telfien tar-riżorsi umani, filwaqt li joffru appoġġ konkret għat-taħriġ ta' professjonisti f'setturi fundamentali li jonqsu minħabba dan it-telf ta' kapaċitajiet;

18.

Jilqa’ b'sodisfazzjon l-approċċ imniedi mid-dokument dwar il-“karta blu” għal Politika Komuni għall-Immigrazzjoni legali, iżda jitlob lill-Istati Membri biex jersqu iktar lejn regoli komuni għal politika tal-immigrazzjoni li ma tillimitax ruħha għal ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati biss;

19.

Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-adozzjoni tal-karta blu dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' impjieg bi kwalifiki għolja u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta inizjattivi għall-kategoriji oħra tal-impjieg kemm jista' jkun malajr, anki bil-għan li ssir reazzjoni kontra l-immigrazzjoni irregolari u l-isfruttament tal-immigranti mhux reġistrati;

20.

Jitlob għal miżuri ġodda biex jiffaċilitaw aktar l-akkoljenza ta' studenti u riċerkaturi u l-moviment tagħhom fl-UE;

21.

Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tar-rikonoxximent tal-kompetenzi tal-immigranti, b'mod partikolari billi tingħata attenzjoni partikulari għall-kwalifiki formali, mhux formali u informali miksuba fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom; iqis li dan ir-rikonoxximent se jeħodha kontra l-ħela tal-ħiliet li ta' sikwit qed jidher fost l-immigranti, primarjament in-nisa, li jispiċċaw f'impjiegi li għalihom huma kkwalifikati żżejjed;

22.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis, fid-dokumenti futuri dwar is-suġġett, il-kwistjoni tar-rikonoxximent tal-kompetenzi, kif ukoll l-inċentiv għat-tagħlim tul il-ħajja, filwaqt li tiżgura wkoll li l-Istati Membri jipprovdu lill-immigranti b'opportunitajiet biex jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż biex tkun żgurata l-integrazzjoni soċjali, professjonali u kulturali tagħhom fl-Unjoni Ewropea u jagħtuhom kompetenza aħjar sabiex jgħinu fl-iżvilupp tat-tfal tagħhom; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tagħmel użu mir-riżultati tad-deliberazzjonijiet dwar l-edukazzjoni lingwistika ta' tfal immigranti u t-tagħlim fl-Istat Membru ta' residenza tal-lingwa u l-kultura tal-pajjiż ta' oriġini u jitlob li l-qafas li se jkun propost jirrispetta l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità;

23.

Jirrijafferma li n-netwerk EURES huwa wieħed mill-istrumenti adegwati biex ilaqqa’ l-provvista u d-domanda tas-suq tax-xogħol b'mod trasparenti, responsabbli u effiċjenti; għaldaqstant jirrakkomanda l-firxa tal-kunċett tan-netwerk EURES sabiex jiffaċilita l-kuntatt bejn l-Ewropej li jimpjegaw li jfittxu ħaddiema bi kwalifiki preċiżi u kandidati għall-impjieg li ġejjin minn pajjiżi terzi; jipproponi li Ċentri Speċjali (li jeżistu jew li jridu jitwaqqfu) jew ir-rappreżentazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi terzi jintużaw bħala pjattaforma ta' dan it-tixrid tan-netwerk EURES, u li tkun żgurata l-kontinwità u t-tixrid tiegħu fir-rigward tal-istrumenti u tal-appoġġ għal min jaħdem għal rasu jew għall-użu tal-mikrokreditu; jenfasizza li l-bżonn tal-Ewropa għal ħaddiema speċjalizzati m'għandux iwassal għat-telf tal-aħjar imħuħ (“brain drain”) ta' pajjiżi terzi, b'konsegwenza ta' danni lill-ekonomiji emerġenti u lill-infrastruttura soċjali tagħhom;

24.

Huwa tal-opinjoni li immigranti mill-hekk imsejħa pajjiżi terzi għandhom ikunu mogħtija d-dritt għal mobiltà fl-UE, sabiex – bħala residenti legali fi Stat Membru – ikunu jistgħu jaħdmu bħala ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkunu meħtieġa li japplikaw għal permess tax-xogħol, u li dawn l-immigranti għandhom ikunu mogħtija moviment ħieles u totali bħala ħaddiema wara perjodu ta' ħames snin ta' residenza legali fi Stat Membru;

25.

Jenfasizza l-importanza tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandhom responsabilità partikolari għat-taħriġ, u l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol, b'konformità mal-prinċipju tal-preferenza tal-Komunità; jenfasizza li koperazzjoni bħal din hija fundamentali għall-implimentazzjoni effettiva ta' politika dwar l-immigrazzjoni li tista' ttaffi n-nuqqas tal-ħaddiema li nstab f'ċerti setturi u fl-Istati Membri, u għall-integrazzjoni effiċjenti u adegwata tal-immigranti;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi għad-dispożizzjoni fil-pajjiżi ta' oriġini tagħrif dwar il-possibiliatjiet tal-migrazzjoni legali kif ukoll dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-migranti ġaladarba jkunu waslu fl-UE;

27.

Jitlob lill-Istati Membri biex jużaw b'mod sodisfaċenti l-mekkaniżmi ta' finanzjament tal-Komunità li jirrigwardaw il-politika tal-immigrazzjoni sabiex joħolqu iktar impjiegi u impjiegi aħjar għall-immigranti;

Integrazzjoni

28.

Jenfasizza li l-integrazzjoni tkattar id-diversità kulturali fl-UE u għandha tkun ibbażata fuq l-inklużjoni soċjali, l-anti-diskriminazzjoni u l-opprtunitajiet ugwali, bil-possibilità ta' aċċess għas-saħħa, l-edukazzjoni, it-taħriġ fil-lingwa u l-impjieg; iqis li l-politiki ta' integrazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq programmi innovattivi u jirrikonoxxi s-sehem ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-għaqdiet tal-ħaddiema, l-organizzazzjonijiet tal-immigranti, il-federazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet professjonali fl-integrazzjoni tal-immigranti;

29.

Jappoġġja l-isforzi ta' integrazzjoni magħmula mill-Istati Membri, kif ukoll mill-migranti regolari u dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jitqiesu l-identità u l-valuri tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għall-istat tad-dritt, għad-demokrazija, għat-tolleranza u għall-ugwaljanza, għal-libertà ta'opinjoni u l-iskola obbligatorja għat-tfal; ifakkar li l-integrazzjoni hija proċess minn żewġ naħat li jinvolvi aġġustamenti kemm min-naħa tal-immigranti kif ukoll mill-popolazzjoni ospitanti kif stabbilit mill-prinċipji bażiċi komuni (CBPs) adottati mill-Kunsill, u tista' tibbenefika mill-iskambju tal-aħjar prattiki; jagħraf li l-integrazzjoni hija aktar diffiċli li tintlaħaq fl-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma’ pressjonijiet sostanzjali ta' migrazzjoni minħabba s-sitwazzjoni ġeografika partikolari tagħhom, iżda li m'għandhomx, madankollu, jiġi abbandunati bħala għan; jistieden lil Stati Membri oħra jikkontribwixxu biex jittaffew pressjonijiet bħal dawn fi spirtu ta' solidarjetà, billi tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali li huma fi ħdan l-Istati Membri tal-UE, b'mod parallel mal-promozzjoni tal-migrazzjoni legali;

30.

Jenfasizza li proċess tajjeb ta' integrazzjoni huwa l-aqwa għodda biex jelimina n-nuqqas ta' fiduċja u s-suspett bejn iċ-ċittadini nattivi u l-migranti u huwa fundamentali biex jitneħħew l-ideat u l-azzjonijiet ksenofobiċi kollha;

31.

Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aqwa prattiki bejn l-Istati Membri sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiżi ospitanti li jimmaniġġjaw id-diversità li dejjem qed tikber u anke sistema ta' indikaturi komuni u kapaċità statistika adattata biex tiġi użata mill-Istati Membri biex jevalwaw ir-riżultati tal-politika dwar l-immigrazzjoni;

32.

Ifakkar li l-parteċipazzjoni politika u ċivika tal-migranti għandha tkun imtejba bħala parti mill-proċess tal-integrazzjoni, notament billi tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni politika u ċivika, u l-parteċipazzjoni u rappreżentazzjoni tal-immigranti fl-oqsma kollha tat-tmexxija, soċjeta ċivili u t-teħid ta' deċiżjonijiet u ta' tfassil tal-politika;

33.

Jilqa’ b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki ta' integrazzjoni bl-implimentazzjoni tal-Forum Ewropew ta' Integrazzjoni li għandu l-parteċipzzjoni u l-involviment tal-organizzazzjonijiet soċjali u tal-assoċjazzjonijiet tal-immigranti u li għandu bħala għan l-iskambju tal-esperjenzi u t-tfassil ta' rakkomandazzjonijiet; jitlob lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom fl-integrazzjoni bl-iskambju tal-aqwa prattiki li jinsabu fil-pjanijiet nazzjonali ta' integrazzjoni tagħhom;

34.

Jitlob lill-Kummissjoni tagħti appoġġ finanzjarju li jkun xieraq skont l-integrazzjoni strutturali u kulturali tal-immigranti ukoll permezz ta' programmi tal-Unjoni Ewropea, pereżempju t-“Tagħlim Tul il-ħajja”, iċ-“Ċittadini għall-Ewropa”, iż-“Żgħażagħ Attivi” u l-“Kultura 2007-2013”; jinnota li bosta drabi l-għalliema qajla huma mħejjija għal għadd kbir ta' tfal immigranti fil-klassijiet u jitlob li jkun hemm taħriġ aħjar għall-għalliema u sostenn finanzjarju xieraq;

35.

Jinnota li l-programmi skolastiċi u ta' tagħlim tul il-ħajja għandhom rwol essenzjali fil-proċess ta' integrazzjoni fl-iżvilupp tal-ħiliet, b'mod partikulari dawk lingwistiċi; iqis ukoll li l-parteċipazzjoni mingħajr xkiel f'dawn il-programmi ta' taħriġ u ta' tagħlim tul il-ħajja għandhom ikunu jedd u opportunità għall-immigranti li jkunu għadhom kemm waslu;

36.

Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex ikomplu jippromovu politiki kontra d-diskriminazzjoni, inkluż dawk implimentati mill-awtoritajiet pubbliċi;

37.

Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw u jappoġġjaw id-direttivi relevanti: id-Direttivi tal-Kunsill 2000/78/KE (17), 2000/43/KE (18) u 2004/113/KE (19), fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;

38.

Jistieden lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Immigranti Kollha u tal-Membri tal-Familja Tagħhom adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 1990 (20);

39.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiġbor data relatata mas-sessi rigward l-immigrazzjoni fl-UE, u sabiex tħejji għall-analiżi ta' din id-data mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza Bejn is-Sessi sabiex jiġu enfasizzati aktar il-ħtiġijiet u l-problemi partikolari tal-immigranti nisa u l-miżuri l-aktar xierqa biex dawn jiġu integrati fis-soċjetajiet tal-pajjiżi li qed jospitawhom;

40.

Jistieden l-Istati Membri biex iqisu b'mod korrett, fid-definizzjoni tal-politiki tagħhom dwar l-integrazzjoni, id-dimensjoni tas-sessi u dwar is-sitwazzjoni speċifika u l-bżonnijiet tan-nisa migranti;

41.

Jitlob lill-Istati Membri biex jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet fundamentali tan-nisa immigranti, irrispettivament minn jekk ikollhomx status legali;

42.

Jitlob lill-Istati Membri biex jappoġġjaw kampanji ta' informazzjoni mmirati lejn nisa migranti, maħsubin biex jinformawhom dwar id-drittijiet tagħhom, il-possibilitajiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-lingwi, it-taħriġ professjonali u l-aċċess għall-impjiegi, u biex jipprevjenu ż-żwiġijiet irranġati, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u forom oħra ta' sfurzar mentali jew fiżiku;

Sigurtà u Immigrazzjoni

Immaniġġjar Integrat tal-Fruntieri

43.

Jenfasizza l-bżonn ta' pjan komprensiv (master plan) li jistabbilixxi l-objettivi ġenerali u l-arkitettura tal-istrateġija għall-immaniġġjar tal-fruntieri tal-UE, inklużi d-dettalji li juru kif il-programmi u l-iskemi kollha relatati f'dan il-qasam jistgħu jiġu ottimizzati aħjar; huwa tal-fehma li, meta titqies l-arkitettura tal-istrateġija għall-immaniġġjar tal-fruntieri tal-UE, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-ewwel l-effikaċja tas-sistemi tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-Istati Membri li diġà jeżistu, sabiex jinkisbu s-sinerġiji ottimali bejniethom u biex tipprovdi aktar informazzjoni dwar l-effettività tas-sistemi ġodda proposti meta mqabbla mal-ispiża: Dħul/Ħruġ, Sistema ta' Awtorizzazzjoni Elettronika tal-Ivvjaġġjar, Kontroll Awtomatizzat tal-Fruntieri u Programm tal-Vjaġġatur Reġistrat, fi ħdan il-qafas tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri tal-UE;

44.

Jenfasizza li l-immaniġġjar integrat tal-fruntieri jeħtieġ li jilħaq bilanċ tajjeb bejn l-assigurazzjoni tal-moviment ħieles tul il-fruntieri ta' numru ta' nies li dejjem jiżdied u l-assigurazzjoni ta' sigurtà ikbar għaċ-ċittadini tal-UE; ma jiċhadx li l-użu tad-dejta joffri vantaġġi ċari; fl-istess ħin, huwa tal-opinjoni li l-fiduċja pubblika fl-azzjoni tal-gvern tista' tinżamm biss jekk jiġu pprovduti ħarsien suffiċjenti tal-protezzjoni tad-dejta, superviżjoni u mekaniżmi ta' rimedju;

45.

Jitlob għal evalwazzjoni tal-vijabilità ta' approċċ integrat b'erba’ livelli, fejn il-kontrolli jistgħu jsiru b'mod sistematiku f'kull stadju li fih l-immigranti jkunu qed jivvjaġġjaw fl-Unjoni;

46.

Jenfasizza l-fatt li l-istrateġija tal-fruntieri tal-UE għandha tkun kumplimentata wkoll b'miżuri konkreti mmirati għat-tisħiħ tal-fruntieri tal-pajjiżi terzi fi ħdan il-qafas tas-Sħubija Afrika-UE u l-Politika Ewropea tal-Viċinat (Is-Sħubija tal-Lvant, EUROMED);

47.

Jitlob sabiex il-viżi ta' Schengen nazzjonali attwali jinbidlu b'viżi ta' Schengen Ewropej li jkunu uniformi, sabiex jitħalla li jkun hemm trattament ugwali ta' dawk kollha li japplikaw għall-viża; jixtieq li jiġi infurmat dwar l-iskeda preċiża u d-dettalji kemm tal-istudju dwar il-politika kif ukoll l-istudju tekniku tal-Kummissjoni li se janalizza l-vijabilità, l-implikazzjonijiet prattiki u l-impatt ta' sistema li tirrikjedi li ċittadini ta' pajjiżi terzi jiksbu awtorizzazzjoni elettronika għas-safar qabel ma jsiefru lejn territorju tal-UE (Sistema ta' Awtorizzazzjoni Elettronika tal-Ivvjaġġjar, ESTA); jappella għat-titjib tal-koperazzjoni bejn il-konsulati tal-Istati Membri u servizzi konsulari konġunti għall-viżi jiġu stabbiliti gradwalment;

48.

Jitlob lill-Kunsill biex jadotta mekkaniżmi bbażati fuq s-solidarjetà bejn l-Istati Membri b'tali mod li jiġu allokati l-obbligi li ġejjin mill-kontroll tal-fruntieri u biex jikkoordina l-politiki nazzjonali tal-istess Stati Membri;

Migrazzjoni irregolari

49.

Jikkunsidra l-ġlieda effikaċi kontra l-immigrazzjoni irregolari bħala parti kruċjali mill-politika komprensiva tal-UE dwar il-migrazzjoni, u għaldaqstant jiddispjaċih li t-teħid effettiv tad-deċiżjonijiet f'dan il-qasam huwa limitat minħabba l-kapaċità insuffiċjenti tal-Istati Membri li jaħdmu tassew flimkien fl-interessi reċiproċi tagħhom;

50.

Jesprimi x-xokk tiegħu dwar it-traġedja umana li hija kkawżata mir-rotot illegali migratorji bil-baħar, l-aktar fil-fruntieri tal-baħar tan-nofsinhar tal-Unjoni, li jsegwu dawk li jitilqu mix-xtut Afrikani u jwettqu qasma perikoluża bil-baħar lejn l-Ewropa; jappella bil-qawwa għal azzjoni urġenti sabiex tintemm darba għal dejjem din it-traġedja umana u biex jissaħħu d-djalogu u l-koperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini;

51.

Ifakkar li l-immigrazzjoni irregolari ħafna drabi hija organizzata minn netwerks kriminali, li s'issa wrew li kienu aktar effettivi mill-azzjoni komuni Ewropea; jinsab konvint li tali netwerks huma responsabbli għall-mewt ta' mijiet ta' persuni li jitilfu ħajjithom fil-baħar kull sena; ifakkar li l-Istati Membri, f'konformità mal-obbligazzjonijiet internazzjonali, għandhom responsabilità komuni fis-salvataġġ tal-ħajjiet fil-baħar; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirdoppjaw l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin u l-kontrabandu li jseħħu f'partijiet varji tal-UE, u b'mod partikolari biex jippruvaw iżarmaw in-netwerks, billi jitrattaw mhux biss il-kuntrabandisti tal-bnedmini, li mhumiex għajr il-pern viżibbli, iżda għal dawk li, fil-quċċata tal-iskala, jagħmlu l-aktar profitt minn dawn l-attivitajiet kriminali;

52.

Jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-programmi ta' kuxjenza f'pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini dwar il-perikli tal-immigrazzjoni irregolari;

53.

Jilqa’ b'sodisfazzjon l-adozzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar is-sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali u jqis li din hi għodda effettiva li tikkontrolla l-isfruttament ta' ħaddiema migranti u li tnaqqas l-attrazzjoni ta' wieħed mill-fatturi ewlenin li jimmotiva l-immigrazzjoni irregolari;

54.

Iħeġġeġ l-Istati Membri biex ma jdewmux it-traspożizzjoni tad-Direttiva l-ġdida li tipprevedi sanzjonijiet għal min iħaddem lill-immigranti li jinsabu f'sitwazzjoni illegali;

55.

Jemmen li huwa essenzjali li jiġu msaħħa l-mezzi ta' djalogu mal-pajjiżi ta' oriġini u li jiġu stabbiliti ftehimiet dwar il-koperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi, bil-għan li l-fenomenu inuman u katastrofiku tal-migrazzjoni irregolari jiġi eliminat;

56.

Iqis li minkejja ż-żidiet kontinwi fil-mezzi finanzjarji li dwarhom insista l-Parlament, l-Aġenzija Ewropea għall-Immaniġġjar tal-Koperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) għadha mhix kapaċi tipprovdi koordinazzjoni suffiċjenti tal-isforzi għall-kontroll fuq il-fruntieri esterni tal-Unjoni, minħabba l-mandat limitat tagħha u minħabba nuqqas ta' sforz fl-involviment ta' pajjiżi terzi speċjalment fejn jikkonċerna operazzjonijiet marittimi;

57.

Jilqa’ b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal proposta biex issir reviżjoni tal-mandat tal-FRONTEX u jqis li hemm ħtieġa urġenti li din tissaħħaħ, l-aktar billi tiżdied il-kapaċità ta' koordinazzjoni tagħha u l-kapaċità tagħha li tikkoordina missjonijiet permanenti f'żoni li jħabbtu wiċċhom ma’ pressjonijiet migratorji kbar fuq talba tal-Istati Membri kkonċernati u l-kapaċità tagħha li tinvolvi pajjiżi terzi; jemmen li għandu jkun hemm enfażi fuq iż-żieda tal-analiżi ta' riskju tal-FRONTEX u l-kapaċità ta' ġbir ta' informazzjoni;

58.

Iqis li, sabiex tissodisfa l-mandat tagħha b'mod effikaċi, il-FRONTEX teħtieġ riżorsi adegwati, u mhux biss finanzjarji, u jħajjar l-użu ta' teknoloġiji ġodda għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari, lill-Istati Membri sabiex jaqsmu aktar il-mezzi tekniċi, u lill-Kummissjoni biex tressaq proposti leġiżlattivi sabiex tistabbilixxi solidarjetà obligatorja għall-Inventarju Ċentralizzat tat-Tagħmir Tekniku Disponibbli (CRATE) fuq l-istess bażi ta' dak maħsub għat-Timijiet ta' Intervent Rapidu fil-Fruntieri (RABITs);

59.

Jistieden lill-FRONTEX u lill-Kummissjoni sabiex iwettqu studju, li jkun jinkludi stimi, dwar il-possibilità li l-FRONTEX ikollha t-tagħmir tagħha u dwar ir-rekwiżiti għall-possibilità li l-FRONTEX minn operazzjonijiet fil-baħar issir gwardja tax-xtut tal-UE mingħajr ma jitnaqqar il-kontroll tal-Istati Membri fuq il-fruntieri tagħhom;

60.

Iqis li l-FRONTEX tista' tkun biss effettiva bis-sħiħ jekk jiżdiedu l-isforzi dwar l-azzjonijiet kumplimentari, bħall-ammissjoni mill-ġdid u l-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-FRONTEX f'dan ir-rigward;

61.

jjappoġġja l-ħolqien ta' uffiċċji speċjalizzati tal-FRONTEX biex dawn iqisu u jevalwaw aħjar is-sitwazzjonijiet speċifiċi fil-fruntieri ta' sensittività partikulari, speċjalment għall-fruntieri tal-art fil-Lvant u fruntieri tal-baħar fin-Nofsinhar;

62.

Jinnota li differenzi fl-interpretazzjoni ta' termini legali, fl-interpretazzjoni tal-liġijiet internazzjonali tal-baħar u differenzi fil-leġiżlazzjoni u fil-proċeduri nazzjonali, kollha kemm huma fixklu l-operazzjonijiet tal-FRONTEX; jitlob li jsiru studji komprensivi biex jinstab approċċ komuni u jiġu solvuti d-differenzi konfliġġenti bejn il-leġiżlazzjonijiet u l-proċeduri nazzjonali;

63.

Jitlob għal aktar koperazzjoni u koperazzjoni kostanti bejn il-FRONTEX u l-korpi u l-aġenziji nazzjonali;

64.

Jitlob għal aktar żviluppi tal-kunċett ta' EUROSUR kif ukoll billi tiġi mtejba l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri;

65.

Jinnota li s-sajjieda, il-bastimenti privati u l-ħaddiema privati ta' fuq il-baħar ħafna drabi jħabbtu wiċċhom ma’ immigranti illegali quddiem il-forzi navali tal-pajjiż; jenfasizza l-bżonn li tali partijiet jiġu infurmati b'mod aktar ċar dwar l-obbligi tagħhom fir rigward tal-liġi internazzjonali biex jiġu megħjuna l-immigranti meta jkunu fil-periklu u jitlob għal mekkaniżmu ta' kumpens għall-ħin ta' xogħol mitluf minħabba l-operazzjonijiet ta' salvataġġ;

66.

Jenfasizza l-fatt li hemm ħtieġa ċara għal statistika affidabbli sabiex jiġu stabbiliti għodod konkreti għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari fil-livell ta' UE u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tipprovdi dik l-istatistika;

Ritorn

67.

Iqis li l-migranti li mhumiex intitolati għal protezzjoni internazzjoanli jew li qed joqogħdu b'mod irregolari fit-territorju tal-Istati Membri jeħtieġ li jħallu t-territorju tal-Unjoni Ewropea; jinnota, f'dan ir-rigward, l-adozzjoni ta' Direttiva għar-Ritorn u jitlob sabiex l-Istati Membri, fil-qafas tat-traspożizzjoni tagħha, jiżguraw li jżommu d-dispożizzjonijiet l-aktar vantaġġużi diġà previsti fil-liġi nazzjonali tagħhom; jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li r-ritorn jitwettaq b'rispett tal-liġi u d-dinjità tal-persuni involuti, filwaqt li tingħata preferenza għar-ritorn volontarju;

68.

Jitlob li tiġi mwaqqfa sistema ta' Servizzi ta' Pariri dwar ir-Ritorn f'ċentri ta' akkomodazzjoni magħluqin u miftħin, li jservu ta' punt ta' kuntatt għall-persuni li għandhom ix-xewqa jitgħallmu aktar dwar l-assistenza għar-ritorn;

69.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi monitoraġġ u appoġġ għall-mekkaniżmi ta' integrazzjoni soċjali u professjonali mill-ġdid fil-pajjiżi ta' oriġini għall-migranti li ġew irritornati f'pajjiżhom;

70.

Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-allinjament tal-politika tagħhom ta' ammissjoni mill-ġdid fil-qafas ta' politika komuni aktar milli ta' ftehimiet bilaterali;

71.

Jitlob, fir-rigward tal-ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid, sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kumitati kompetenti tiegħu jkunu infurmati b'mod regolari, matul id-diskussjonijiet mal-pajjiżi terzi, dwar il-progress u kwalunkwe ostakolu li sabu n-negozjaturi;

72.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jkollhom biss ftehimiet bilaterali ta' ammissjoni mill-ġdid ma’ pajjiżi terzi li jipprovdu garanzija totali li se jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem fir-rigward ta' dawk il-persuni li jkunu qed jgħaddu minn ammissjoni mill-ġdid u li ffirmaw il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951;

73.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem għall-infurzar effettiv tal-obbligu tal-pajjiżi terzi li jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom li jkunu qegħdin fit-territorju tal-UE b'mod irregolari, kif maħsub fl-Artikolu 13 tal-Ftehima ta' Cotonou tat-23 ta' Ġunju 2000; Jitlob għat-tisħiħ ta' dawn id-dispożizzjonijiet waqt in-negozjati dwar il-Ftehima l-ġdida tal-ACP (Afrika, Karibew u l-Istati tal-Paċifiku);

74.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' dimensjoni Ewropea ġenwina dwar il-politika tar-ritorn permezz tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta' ritorn; Iħeġġeġ sabiex ikun hemm aktar koperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-proċessi ta' ritorn, kif ukoll it-tisħiħ tal-irwol tal-FRONTEX f'operazzjonijiet konġunti ta' ritorn;

75.

Jitlob sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni, inkluż permezz ta' koperazzjoni bejn il-konsulati, mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu sabiex jitħaffu l-proċeduri ta' ammissjoni mill-ġdid, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-ftehimiet eżistenti ta' ammissjoni mill-ġdid bil-għan li l-implimentazzjoni tagħhom titħaffef u sabiex iservu ta' lezzjoni għall-ftehimiet fil-ġejjieni;

76.

Jistieden lill-Kunsill biex iqis il-promulgazzjoni ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi bil-għan li jitwaqqaf “Laissez Passer” Ewropew li jingħata lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali bil-għan li titħaffef l-ammissjoni mill-ġdid tagħhom f'pajjiżi terzi. għandha tittieħed azzjoni biex tinkorpora l-“Laissez Passer” Ewropew fil-Ftehimiet ta' Ammissjoni mill-Ġdid tal-Unjoni sabiex issir vinkolanti fil-Pajjiżi Terzi konċernati;

Solidarjetà u Immigrazzjoni

Koordinazzjoni bejn l-Istati Membri

77.

Jiddispjaċih ferm li l-Istati Membri m'urewx biżżejjed solidarjetà meta ffaċċjati bl-isfida dejjem tikber tal-immigrazzjoni; jitlob għal reviżjoni urġenti tal-Programm ta' Qafas fuq is-Solidarjetà u l-Amministrazzjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni għall-perjodu 2007-2013 (21) u tal-erba' strumenti finanzjarji tiegħu sabiex ikunu jistgħu jirriflettu realtajiet ġodda li jinħolqu mill-pressjonijiet dejjem jikbru tal-migrazzjoni u sabiex jintużaw biex jindirizzaw ħtiġijiet urġenti, bħal fil-każ ta' sitwazzjonijiet ta' flussi kbar ta' immigranti;

78.

Jinnota l-impenji meħuda mill-Istati Membri fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil imsemmi hawn fuq, fir-rigward tal-ħtieġa għas-solidarjetà; jilqa’, b'mod partikulari, l-inklużjoni ta' mekkaniżmu volontarju ta' qsim tal-piż li jippermetti r-rilokazzjoni fl-UE ta' dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, minn Stati Membri li jħabbtu wiċċhom ma’ pressjonijiet speċifiċi u disproporzjonati fuq is-sistemi nazzjonali tal-ażil tagħhom, partikolarment minħabba l-qagħda ġeografika u demografika tagħhom, lejn Stati Membri oħra, u jappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw dawn l-impenji; jilqa’ b'sodisfazzjon ukoll l-allokazzjoni ta' 5 miljun Euro għal dan il-għan fil-baġit tal-UE għall-2009 taħt il-Fond Ewropew għar-Refuġjati; jinsisti, madankollu, dwar l-introduzzjoni ta' strumenti vinkolanti; jistieden lill-Kummissjoni sabiex timplimenta dan il-mekkaniżmu minnufih u sabiex tipproponi bla dewmien inizjattiva leġiżlattiva sabiex tistabbilixxi dan il-mekkaniżmu fuq livell Ewropew fuq bażi permanenti;

79.

Jilqa’ b'sodisfazzjon it-tfassil mill-ġdid tar-regolament ta' Dublin u d-dispożizzjonijiet proposti għal mekkaniżmu li jissospendi t-trasferimenti ta' Dublin jekk ikun hemm dubji dwar il-fatt li t-trasferimenti ta' Dublin jistgħu jwasslu għall-fatt li l-applikanti ma jgawdux minn standards adegwati ta' protezzjoni fl-Istati Membri responsabbli, b'mod partikolari, f'termini ta' kundizzjonijiet ta' akkoljenza u ta' aċċess għall-proċedura tal-ażil, kif ukoll f'każijiet fejn dawn it-trasferimenti ta' Dublin iżidu mal-piż ta' dawk l-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma’ pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati minħabba, b'mod partikolari, il-qagħda ġeografika u demografika tagħhom; jenfasizza, madankollu, li dawn id-dispożizzjonijiet se jispiċċaw ikunu dikjarazzjoni politika minflok strument effikaċi li jappoġġja b'mod serju lil Stat Membru mingħajr l-introduzzjoni ta' strument vinkolanti minn żewġ naħat għall-Istati Membri kollha;

80.

Jilqa’ b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament imfassal mill-ġdid dwar it-twaqqif tal-“Eurodac” għat-tqabbil tal-marki tas-swaba u jfakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom li jimmarkaw is-swaba u li jibagħtu d-dejta skont ir-regolament attwali tal-Eurodac; hu tal-opinjoni li d-dejta bijometrika, bħall-marki tas-swaba, għandha tiġi sfruttata sabiex itejbu l-effikaċja ta' operazzjonijiet ta' kontroll tal-fruntieri;

Koperazzjoni ma' pajjiżi terzi

81.

Jiddispjaċih li l-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ma tatx biżżejjed riżultati, ħlief għall-koperazzjoni eċċezzjonali ta' Spanja ma’ pajjiżi terzi, bħas-Senegal u pajjiżi oħra tal-Afrika Sub-Saħarjana u tal-Afrika ta' Fuq; jitlob għal appoġġ immirat għall-pajjiżi terzi ta' tranżitu u ta' oriġini sabiex jingħataw għajnuna biex iwaqqfu kapaċitajiet ta' mmaniġġjar effettiv tal-fruntieri, li jinvolvu lill-FRONTEX f'missjonijiet ta' għajnuna fuq il-fruntieri f'dawk il-pajjiżi;

82.

Ifakkar lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri li jeħtieġ li jitkompla d-djalogu stabbilit mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu bi qbil mal-Konferenzi tal-Ministri UE-Afrika dwar l-immigrazzjoni u l-iżvilupp li saru fi Tripli, Rabat u Liżbona ;

83.

Jitlob għall-implimentazzjoni tal-istrumenti ta' politika żviluppati fil-qafas tal-“Approċċ Globali dwar il-Migrazzjoni” (22) kif ukoll fil-“Proċess ta' Rabat” tal-2006 dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp u fis-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni, il-Mobilità u l-Impjiegi li sar ftehim fuqu f'Liżbona f'Diċembru 2007;

84.

Jenfasizza l-importanza ta' politika ta' żvilupp fil-pajjiżi terzi ta' oriġini jew ta' tranżitu bħala mezz kif tiġi indirizzata f'ras il-għajn l-isfida tal-immigrazzjoni; jitlob li ikun hemm koordinazzjoni mtejba tal-politiki tal-Unjoni dwar l-immigrazzjoni u l-iżvilupp, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ l-objettivi strateġiċi bħall-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp;

85.

Josserva, madankollu, li l-politika ta' żvilupp ma tistax tkun l-unika alternattiva għall-migrazzjoni għaliex ma jistax ikun hemm żvilupp sod mingħajr mobilità permanenti;

86.

Jitlob li jsir tisħiħ tal-koperazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Emigrazzjoni (IOM) u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra fit-twaqqif ta' uffiċċji reġjonali ġodda f'żoni sensittivi fejn hi meħtieġa għajnuna prattika dwar, inter alia, il-migrazzjoni legali jew ir-ritorn volontarju tal-immigranti;

87.

Jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti Ċentri għall-Informazzjoni u l-Immaniġġjar tal-Migrazzjoni, bħal dak inawgurat fil-Mali f'Ottubru 2008; jemmen li ċentri bħal dawn għandhom ikunu kapaċi jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv biex jiġu trattati problemi ta' migrazzjoni billi jiġu indirizzati l-problemi ta' migranti potenzjali, migranti li jirritornaw lura u migranti li jgħixu fl-UE; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni neċessarja dwar il-proġetti ta' twaqqif ta' ċentri oħrajn fil-qafas tas-Sħubija UE-Afrika u jitlob lill-Kummissjoni tqis il-possibiltà li jitwaqqfu ċentri bħal dawn f'pajjiżi ġirien tal-Lvant;

88.

Jenfasizza li l-ftehimiet kollha ma’ pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu għandhom jinkludu kapitli dwar il-koperazzjoni fl-immigrazzjoni u jappella biex ikun hemm politika ambizzjuża ma’ pajjiżi terzi dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-pulizija biex jiġu miġġielda l-organizzazzjonijiet kriminali internazzjonali li jwettqu traffikar tal-bnedmin u sabiex il-persuni kkonċernati jittellgħu l-qorti, bl-involviment tal-Europol u tal-Eurojust; jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tintensifika l-appoġġ tagħha, inkluża għajnuna finanzjarja u teknika, favur il-pajjiżi terzi biex jinħolqu kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali li jiskoraġġixxu lmigrazzjoni irregolari, l-attivitajiet tad-droga u l-kriminalità organizzata;

89.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi n-negozjati ta' ftehimiet dinjin Ewropej bħal dawk iffirmati mal-Kap Verde, biex tagħmel progress fin-negozjati dinjin li għandha mal-Marokk, is-Senegal u l-Libja u biex tippromwovi l-konklużjoni ta' ftehimiet mal-pajjiżi ta' oriġini ewlenin tal-immigrazzjoni;

90.

Jitlob biex ikun hemm appoġġ għall-pajjiżi terzi biex jiżviluppaw il-qafas nazzjonali leġiżlattiv tagħhom u biex iwaqqfu sistemi ta' immigrazzjoni u ta' ażil li jkunu konformi bis-sħiħ mal-liġi internazzjonali u jappella wkoll lill-pajjiżi terzi ta' tranżitu biex jiffirmaw u biex jonoraw il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951;

91.

Jistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-kwistjoni ta' “refuġjati ambjentali”, migranti li sal-lum ma jistgħux jitqiesu bħala migranti ekonomiċi, u li mhuma lanqas rikonoxxuti bħala refuġjati kif imsemmi fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra;

*

* *

92.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 76, 31.3.2009, p. 34.

(2)  Dokument tal-Kunsill 13440/08.

(3)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.

(4)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 30.

(5)  Dok. tal-Kunsill 7204/08.

(6)  Test adottati, P6_TA(2009)0087.

(7)  Test adottati, P6_TA(2009)0069.

(8)  Test adottati, P6_TA(2009)0047.

(9)  Test adottati, P6_TA(2008)0633.

(10)  Test adottati, P6_TA(2008)0557.

(11)  Test adottati, P6_TA(2008)0558.

(12)  Test adottati, P6_TA(2008)0385.

(13)  Testi adottati, P6_TA(2008)0168.

(14)  ĠU C 219E, 28.8.2008, p. 215.

(15)  ĠU C 219E, 28.8.2008, p. 223.

(16)  ĠU C 303E, 13.12.2006, p. 845.

(17)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(18)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(19)  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

(20)  A/RES/45/158.

(21)  COM(2005)0123.

(22)  COM(2006)0735.


Top