EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1474

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni. Metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ COM(2009) 200 finali

ĠU C 318, 23.12.2009, p. 113–120 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/113


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni. Metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ”

COM(2009) 200 finali

2009/C 318/22

Relatur: is-Sur SIBIAN

Nhar is-27 ta’ April 2009, il-Kumissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni Metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Settembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur SIBIAN.

Matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-30 ta’ Settembru 2009 u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tal-1 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’133 voti favur, 0 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jidhirlu li għandha tiġi żviluppata strateġija f’dan il-qasam, mhux biss GĦAŻ-żgħażagħ iżda wkoll MAŻ-żgħażagħ, u li dawn għandhom jagħmlu parti mill-proċess tat-tfassil tal-politika kif ukoll fl-implimentazzjoni tagħha.

1.2

Minħabba li japplika l-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-politiki taż-żgħażagħ jaqgħu l-aktar fir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Madankollu, bosta mill-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ fis-soċjetà tal-lum, ma jistgħux jintlaħqu mingħajr politika mfassla b’mod globali u olistiku. Għaldaqstant, l-istrateġija ta’ politika Ewropea integrata dwar iż-żgħażagħ hija milqugħa.

1.3

L-oqsma kollha ta’ azzjoni magħżula huma transsettorjali u mhumiex indipendenti minn xulxin. Huma interrelatati u jinfluwenzaw lil xulxin. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod orizzontali skont il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ.

1.4

Il-KESE jqis li l-punti li ġejjin huma kruċjali sabiex ikun żgurat is-suċċess tal-istrateġija tal-futur:

il-proċess ta’ koordinazzjoni;

il-prijoritizzazzjoni tal-oqsma ta’ azzjoni;

il-kointeress ta’ dawk kollha involuti;

l-allokazzjoni tar-riżorsi meħtieġa;

l- appoġġ għall-ħidma maż-żgħażagħ u l-istrutturi taż-żgħażagħ.

Għaldaqstant, il-KESE qed jipproponi dan li ġej:

1.5

Il-ħidma maż-żgħażagħ u l-istrutturi taż-żgħażagħ għandhom ikunu l-ħolqa prinċipali għas-sensibilizzazzjoni u l-amministrazzjoni, permezz ta’ approċċ transsettorjali, l-oqsma kollha ta’ azzjoni proposti fl-istrateġija tal-UE dwar iż-żgħażagħ.

1.6

Minħabba li t-tagħlim jista’ jirriżulta minn ambjenti differenti, it-tagħlim mhux formali li jikkumplementa l-edukazzjoni formali għandu jkun appoġġjat aktar.

1.7

Il-ħolqien ta’ rabtiet bejn l-iskola, ix-xogħol, l-assoċjazzjonijiet u l-attivitajiet volontarji għandhom ikunu indirizzati aktar fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

1.8

L-appoġġ għall-attivitajiet intraprenditorjali permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament huwa sfida. Madankollu, dan huwa meħtieġ. L-intraprenditorija m’għandhiex tkun ristretta biss għat-tifsira ekonomika tagħha, iżda jeħtieġ li nħarsu lejha b’mod aktar wiesa’.

1.9

Jeħtieġ li ż-żgħażagħ isiru protagonisti fis-soċjetà, minħabba li l-parteċipazzjoni tagħhom fl-oqsma kollha ta’ ħajjithom hija prerekwiżit għall-iżvilupp tal-politika fil-qasam taż-żgħażagħ.

1.10

Sabiex jiġi evitat li jkun hemm min ikun emarġinat, madwar l-Ewropa għandu jkun hemm għażliet mifruxa ta’ sistemi ta’ ħidma maż-żgħażagħ, attivitajiet u servizzi tajba ta’ kooperazzjoni. L-attivitajiet kollha mmirati lejn iż-żgħażagħ li jinsabu fir-riskju li jiġu esklużi soċjalment m’għandhomx iħarsu lejhom bħala riċevituri passivi tas-servizzi soċjali iżda aktar bħala atturi attivi.

1.11

Ir-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba permezz tal-attivitajiet volontarji huwa essenzjali (dan għandu japplika wkoll fl-edukazzjoni formali). Ħiliet u kompetenzi mhux formali jistgħu jintużaw kemm fis-suq tax-xogħol, kif ukoll sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fil-ħajja ċivili.

1.12

Il-proġetti u l-attivitajiet għandhom jiżviluppaw fiż-żgħażagħ sens ta’ solidarjetà globali, għarfien u responsabbiltà lejn il-komunità dinjija. Sabiex jiġu evitati l-perikli fi triqthom, iż-żgħażagħ iridu jkunu kapaċi jaspiraw li jkollhom pagi deċenti fil-futur immedjat tagħhom, bħala frott tal-ħidma tagħhom li jmiss, bis-saħħa tal-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jinkoraġġixxu politiki dwar pagi deċenti.

1.13

Il-KESE jiddispjaċih li l-istrateġija proposta ma tispeċifikax metodi konkreti dwar l-implimentazzjoni u l-modi kif għandu jitkejjel il-progress fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Madankollu, huwa mistenni li l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (MMK) se jibqa’ l-mekkaniżmu prinċipali. Il-KESE jemmen li dan għandu jkun kumplementat minn patt Ewropew imġedded għaż-żgħażagħ. Il-KESE jappella wkoll lill-imsieħba soċjali u lill-Kummissjoni Ewropea biex jadottaw ftehim għat-titjib fil-mobilità u l-impjiegi taż-żgħażagħ.

1.14

Iż-żgħażagħ għandhom ikunu fil-qalba tal-istrateġija. Il-ħidma maż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni fl-istrutturi taż-żgħażagħ huma l-aktar mod effettiv sabiex jintlaħqu. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni u t-titjib fil-kwalità tal-ħidma maż-żgħażagħ għandha tkun prijorità.

1.15

Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ l-Istati Membri sabiex jintroduċu miżuri li jżidu l-opportunitajiet għall-impjiegi u li jagħtu ċ-ċans liż-żgħażagħ li jsiru indipendenti, bħalma huma:

l-appoġġ matul it-taħriġ tal-bidu (għajnuna finanzjarja, alloġġ, għoti ta’ pariri, trasport, eċċ.),

indennizz tal-integrazzjoni għal dawk li jkunu qed ifittxu l-ewwel impjieg tagħhom,

apprendistat u programmi ta’ taħriġ intern ta’ kwalità għolja,

il-konverżjoni ta’ programmi ta’ taħriġ intern f’kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-qafas ta’ kooperazzjoni attwali fil-qasam taż-żgħażagħ, li huwa msejjes fuq il-White Paper għaż-Żgħażagħ, il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ (2005), il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (MMK) u l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet taż-żgħażagħ f’politiki oħra, filwaqt li mhux dejjem laħaq mal-aspettattivi, kien maħsub sabiex jiskadi fl-2009. Minħabba f’hekk, wara proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni fl-2008, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet bi proposta dwar qafas ġdid ta’ kooperazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea sejħet il-komunikazzjoni tagħha li tnediet f’April tal-2009, Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni.

2.2

Il-proposta l-ġdida dwar l-strateġija hija msejsa fuq tliet miri ġenerali u interrelatati, fejn kull mira tinkludi tnejn jew tliet oqsma ta’ azzjoni:

Mira: Il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ fl-edukazzjoni u l-impjiegi –

Oqsma ta’ azzjoni: l-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kreattività u l-intraprenditorija.

Mira: It-titjib tal-aċċess u l-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ kollha fis-soċjetà –

Oqsma ta’ azzjoni: is-saħħa u l-isport, il-parteċipazzjoni.

Mira: It-trawwim tas-solidarjetà reċiproka bejn is-soċjetà u ż-żgħażagħ –

Oqsma ta’ azzjoni: l-inklużjoni soċjali, l-volontarjat, iż-żgħażagħ fid-dinja.

F’kull qasam ta’ azzjoni, qed tkun proposta lista ta’ għanijiet speċifiċi u azzjonijiet għall-Kummissjoni u l-Istati Membri.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Tinħtieġ koordinazzjoni aħjar

3.1.1

Sfidi soċjali importanti bħalma huma n-nuqqas ta’ sigurtà soċjali, ż-żieda fil-ksenofobija, l-ostakli għall-impjiegi u l-edukazzjoni, faċilment jaqsmu l-fruntieri u jheddu l-mudell soċjali Ewropew. Aktar minn qatt qabel, minħabba l-kriżi ekonomika, dawn il-kwistjonijiet jeħtieġu risposta Ewropea koerenti. Minkejja li dawn il-kwistjonijiet soċjali mhumiex esklużivament taż-żgħażagħ, din il-kategorija hija waħda mill-aktar vulnerabbli.

3.1.2

Il-KESE huwa tal-fehma li l-livelli Ewropej u nazzjonali għandhom ikunu koordinati aħjar filwaqt li r-rwol tagħhom ikun definit b’mod iktar ċar. Id-differenzi li hemm bejn l-Istati Membri, aktar milli ostakli, għandhom ikunu kkunsidrati u meqjusa bħala sors ta’ sinerġiji li jagħtu l-frott. Fir-rigward tal-kooperazzjoni maż-żgħażagħ, il-Kummissjoni Ewropea għandha taħdem sabiex ikun hemm rabta iktar b’saħħitha bejn il-livelli Ewropej u nazzjonali, filwaqt li għandha tfittex li ssaħħaħ u ttejjeb l-implimentazzjoni tal-għanijiet Ewropej fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-proċess ta’ konsultazzjoni li kien hemm qabel it-tnedija tal-proposta dwar l-istrateġija kien il-prova li l-politika taż-żgħażagħ saret aktar prominenti mhux biss fil-livell Ewropew iżda wkoll fil-livell nazzjonali.

3.1.3

Il-KESE jidhirlu li din l-istrateġija proposta tirrappreżenta pass ieħor ‘il quddiem. Sabiex tirnexxi, il-KESE jirrakkomanda li jkunu indirizzati dawn l-isfidi:

Il-livell ta’ rappreżentanza. Minkejja li l-MMK u d-djalogu strutturat huma mekkaniżmi utli, hemm il-ħtieġa li dawn jiġu evalwati b’mod kostanti u tittejjeb l-implimentazzjoni tagħhom sabiex ikunu żviluppati aktar strumenti ta’ konsultazzjoni li jkunu jinvolvu l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-korpi governattivi, iż-żgħażagħ innifishom u l-partijiet l-oħra interessati fit-tfassil tal-politika (1).

Is-sensibilizzazzjoni dwar il-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ Aktar viżibbiltà tad-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew tkun ta’ benefiċċju sabiex iż-żgħażagħ isiru konxji tal-opportunitajiet li hemm fiċ-ċiklu ta’ kooperazzjoni taż-żgħażagħ (bħalma huma l-iskambji taż-żgħażagħ) u li joħorġu mill-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ.

Id-differenzi bejn il-pajjiżi. Il-koordinazzjoni u l-konsolidazzjoni tas-27 approċċ nazzjonali fil-qafas ta’ kooperazzjoni Ewropew huma kompitu ta’ sfida. F’xi pajjiżi, id-diversi oqsma ta’ azzjoni adottati għandhom tradizzjoni twila u l-istrateġija tal-UE tista’ tibbenefika mill-esperjenza tagħhom, filwaqt li f’xi każi oħra, dawn l-oqsma ta’ azzjoni għadhom kif ġew implimentati. Minkejja dan, l-istrateġija l-ġdida għandha ġġib valur miżjud lil kull Stat Membru.

L-isfidi tal-komunikazzjoni. Għandu jkun hemm approċċ komuni sabiex titqassam u tinġabar data li tkun tista’ tiġi mqabbla b’mod strutturat sabiex ikun hemm titjib fejn jidħol ir-rappurtaġġ tal-progress u l-analiżi. Għandhom jiġu miftiehma indikaturi komuni orjentati lejn ir-riżultati.

L-implimentazzjoni. Hemm ukoll differenzi kbar bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kapaċitajiet tagħhom li jimplimentaw il-politiki Ewropej. Xi pajjiżi għandhom sistemi żviluppati tajjeb, li jilħqu l-livelli reġjonali u lokali, filwaqt li pajjiżi oħra għandhom ftit riżorsi li huma ddedikati għall-kooperazzjoni Ewropea fil-kwistjonijiet taż-żgħażagħ.

3.1.4

Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex tuża l-poteri u l-awtorità tagħha biex tħeġġeġ u tiggwida l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-istrateġija. Il-Kummissjoni għandha tassumi b’mod ċar ir-rwol tagħha fil-proċess tal-koordinazzjoni tal-istrateġija.

3.2   Nagħmlu suċċess mill-approċċ intersettorjali

3.2.1

L-oqsma ta’ azzjoni proposti skont il-proposta tal-istrateġija (ara l-Artikolu 2.2) ikopru parti kbira mill-oqsma soċjali u ekonomiki. L-ebda waħda mill-oqsma ta’ azzjoni ma hija marbuta direttament ma’ kategorija ta’ età speċifika, iżda huma ta’ rilevanza kbira għaż-żgħażagħ. Madankollu, xi wħud mill-oqsma ta’ azzjoni huma żviluppati aktar fir-rigward tal-għanijiet li jridu jintlaħqu filwaqt li l-oħrajn huma pjuttost ġenerali.

3.2.2

Il-Kumitat jidhirlu li hija sfida ambizzjuża li jiġu segwiti tmien oqsma tematiċi ta’ azzjoni fl-istess ħin, u għaldaqstant jirrakkomanda li jkunu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin:

it-twaqqif ta’ korp ta’ koordinazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea bi proċeduri ċari fir-rigward tal-koordinazzjoni sħiħa tal-proċess, sabiex jiggwida, imexxi, isegwi, iħares u jevalwa l-proċess tal-implimentazzjoni flimkien ma’ dawk kollha interessati kemm fuq livell Ewropew kif ukoll nazzjonali (inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ) flimkien ma’ korpi oħra li huma inkarigati mill-oqsma ta’ azzjoni (pereżempju organizzazzjoni differenti fi ħdan l-istituzzjonijiet l-oħra Ewropej li tinkludi wkoll il-Kunsill tal-Ewropa) permezz ta’ laqgħat regolari tal-gruppi ta’ ħidma konġunta, attivitajiet ta’ tagħlim mill-pari kif ukoll il-kunsiderazzjoni tal-patt Ewropew imġedded għaż-żgħażagħ;

ikunu stabbiliti miri ċari f’perijodu ta’ żmien li jkun miftiehem. Għandu jkun stabbilit ukoll pjan ta’ direzzjoni għal kull waħda minnhom;

il-prijoritizzazzjoni tal-oqsma ta’ azzjoni u l-assigurazzjoni li kollha jkunu segwiti mill-qrib;

il-kointeress ta’ dawk kollha involuti (bħalma huma dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-professjonisti, r-riċerkaturi, l-esperti, l-imsieħba soċjali, l-politiċi eċċ.) u l-involviment taż-żgħażagħ u l-istrutturi tagħhom fi djalogu strutturat imtejjeb u kontinwu;

it-twaqqif ta’ approċċ affidabbli, trasparenti u sistematiku fl-implimentazzjoni tal-istrateġija;

l-inklużjoni tad-dimensjoni taż-żgħażagħ fl-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010, bħala mekkaniżmu sabiex tkun faċilitata l-integrazzjoni soċjali u professjonali tal-ġuvinturi u t-tfajliet;

l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-mezzi meħtieġa, billi jinħolqu strumenti ġodda jew l-adattar tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri ta’ programmi bħalma huma Żgħażagħ f’Azzjoni (Youth in Action), il-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja, PROGRESS, MEDIA, Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ, il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, il-Fondi Strutturali. Dawn il-mekkaniżmi għandhom ikunu kkoordinati u jikkumplementaw lil xulxin;

it-tnaqqis tal-burokrazija u l-assigurazzjoni ta’ aktar trasparenza fil-ġestjoni tal-proġetti u l-attivitajiet li jindirizzaw l-oqsma ta’ azzjoni;

l-appoġġ għall-ħidma maż-żgħażagħ u l-istrutturi taż-żgħażagħ għandhom jitqiesu bħala pilastru prinċipali u prinċipju li jindirizza l-oqsma tematiċi ta’ azzjoni u l-parteċipazzjoni fis-setturi kollha.

3.3   Il-Ħidma maż-żgħażagħ bħala strument għall-implimentazzjoni tal-istrateġija

3.3.1

Il-Kumitat jilqa’ l-enfasi fuq ir-rwol importanti tal-ħidma maż-żgħażagħ. Il-politiki taż-żgħażagħ għandhom ikunu mfassla u implimentati għall-benefiċċju taż-żgħażagħ KOLLHA. Il-qasam taż-żgħażagħ sar mezz importanti għall-bidla soċjali (2) li jiżviluppa ħiliet trasferibbli li jagħmlu tajjeb għal dawk id-diplomi neqsin (l-aktar għal dawk il-kategoriji żvantaġġjati). Madankollu, għandu jkun hemm aktar impenn lejn ir-rikonoxximent tal-ħiliet li jkunu akkwistati permezz tal-ħidma maż-żgħażagħ. Għandu jssaħħaħ u jiġi rikonoxxut aktar ir-rwol tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li jwaslu għar-responsabilizzazzjoni taż-żgħażagħ, minħabba li dawn jipprovdu l-ispazju għall-iżvilupp personali, it-tagħlim dwar il-parteċipazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet.

3.3.2

Il-ħidma maż-żgħażagħ hija marbuta mal-attivitajiet li jfittxu intenzjonalment li jolqtu liż-żgħażagħ, u din tista’ ssir f’numru ta’ strutturi u oqsma (bħalma huma l-organizzazzjonijiet ta’ voluntiera żgħażagħ, iċ-ċentri taż-żgħażagħ fil-komunità, l-postijiet imwaqqfa għal dan l-iskop li huma mmexxija mill-knisja jew mill-istituzzjonijiet pubbliċi). Madankollu, hemm il-ħtieġa ta’ definizzjoni ċara ta’ dan it-terminu.

3.3.3

Il-ħidma maż-żgħażagħ għandha ssir element trasversali integrat fl-oqsma kollha ta’ azzjoni li jridu jintlaħqu mill-istrateġija. Għaldaqstant, il-kwalità tal-ħidma maż-żgħażagħ għandha tkun il-mira espliċita jekk l-istrateġija l-ġdida fit-tul għall-politika taż-żgħażagħ trid tilħaq il-kategoriji kollha taż-żgħażagħ. Programmi bħal Żgħażagħ f’Azzjoni u l-programm settorjali Leonardo da Vinci, għandhom iħarsu sabiex jiżviluppaw, jappoġġjaw u jħarrġu aħjar lil dawk involuti fil-ħidma maż-żgħażagħ, fosthom professjonisti, filwaqt li jkunu qed jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ta’ aktar ħiliet professjonali fil-ħidma maż-żgħażagħ.

3.3.4

Hemm it-tendenza li fil-ħidma maż-żgħażagħ ikunu involuti persuni li jkunu f’dik il-fażi fil-ħajja tagħhom ta’ “qabel ma jsibu impieg”; minn dawk li għadhom adoloxxenti sa dawk bi bżonnijiet speċjali; migranti ekonomiċi; gruppi b’diżabilità u l-iżvantaġġjati fil-komunitajiet foqra. Minkejja li mhijiex strument għall-aċċess dirett lejn ix-xogħol, il-ħidma maż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni fl-istrutturi taż-żgħażagħ joffru aktar għall-integrazzjoni soċjali u jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni aktar mill-qrib tas-servizzi tat-taħriġ vokazzjonali u ż-żieda tal-viżibbiltà tal-kontribut tagħha fir-rigward tal-kapaċità taż-żgħażagħ għall-impjieg.

4.   Kummenti speċifiċi dwar l-oqsma ta’ azzjoni

4.1   Il-KESE jikkummenta fuq il-kontenut tat-tmien oqsma ta’ azzjoni proposti minkejja l-fatt li jista’ jkun hemm aktar proposti għal prijoritajiet oħra, jew dawk proposti jistgħu jkunu prijoritizzati.

4.2   L-edukazzjoni

4.2.1

L-edukazzjoni minn dejjem kienet element essenzjali fl-iżvilupp personali, kif ukoll bħala fattur ta’ żvilupp tal-istess soċjetà. Il-Kumitat saħaq li l-edukazzjoni tal-għalliema u t-taħriġ professjonali huma marbuta mill-qrib ma’ politiki oħra prinċipali, fosthom il-politika taż-żgħażagħ. (3)

4.2.2

It-tagħlim mhux formali jista’ jikkumplementa l-edukazzjoni formali u jgħin sabiex jipprovdi l-ħiliet meħtieġa li jistgħu jiġu żviluppati aħjar f’sistema inqas formali filwaqt li l-edukazzjoni formali tista’ tintegra l-metodi mhux formali billi tapplika l-prinċipji tat-tagħlim tul il-ħajja.

4.2.3

Sabiex it-tagħlim ikun aktar attraenti u effiċjenti għaż-żgħażagħ (4), kif ukoll sabiex ikun rikonoxxut ir-rwol tat-tagħlim mhux formali, jeħtieġ li jiġu indirizzati u segwiti l-kwistjonijiet li ġejjin:

l-introduzzjoni ta’ metodi ta’ tagħlim mhux formali fl-edukazzjoni formali;

il-ħolqien ta’ tranżizzjonijiet faċli bejn l-opportunitajiet ta’ tagħlim formali u mhux formali;

l-iggwidar taż-żgħażagħ sabiex jitgħallmu mill-esperjenza;

il-ħolqien ta’ rabta tal-iskejjel mal-ħidma maż-żgħażagħ fil-lokal;

iż-żgħażagħ għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-proċess tat-tagħlim;

ir-rikonoxximent tal-ħiliet li jkunu nkisbu permezz tal-attivitajiet volontarji u t-tagħlim mhux formali (iċ-ċertifikat Youthpass huwa eżempju tajjeb u dan għandu jkun estiż għal aktar azzjonijiet u attivitajiet, fosthom dawk barra l-programm iż-Żgħażagħ f’Azzjoni);

Għandu jkun hemm sistema ċara li tevalwa l-ħiliet miksuba permezz tal-edukazzjoni mhux formali u informali.

4.2.4

Il-proporzjon ta’ żgħażagħ li jkollhom jaħdmu sabiex jiffinanzjaw l-istudji tagħhom qiegħed dejjem jiżdied, u dan sar ukoll fattur prinċipali li jwassal biex ma jgħaddux mill-eżamijiet.

4.2.5

Iż-Żgħażagħ f’Azzjoni u l-programmi bħal Comenius, Erasmus u Erasmus Mundus jistgħu jaħsbu għal azzjonijiet u finanzjamenti mmirati aħjar sabiex ikunu jistgħu jwettqu dawn il-miri fil-futur. Dawn il-programmi għandhom isiru aktar aċċessibbli għall-kategoriji kollha taż-żgħażagħ.

4.3   L-impjiegi

4.3.1

Hemm rabta diretta bejn l-edukazzjoni u l-kapaċità għall-impjieg: aktar ma jkun għoli l-livell tal-edukazzjoni, anqas ikun ir-riskju tal-qgħad (5). B’mod partikolari, dawk li jabbandunaw l-edukazzjoni tagħhom qabel il-waqt jiltaqgħu ma’ diffikultajiet kbar sabiex isibu xogħol, bir-riżultat ta’ dħul baxx li jpoġġihom fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

4.3.2

L-inugwaljanza soċjali, dejjem aktar u b’mod aktar konsistenti, qed twassal lejn suċċess mhux ugwali f’dawk li huma l-istudji, l-akkwist tal-kwalifiki u l-aċċess lejn impjiegi tas-snajja. Impjegati żgħażagħ jinsabu f’qagħda inċerta, jaqilgħu pagi baxxi, b’kundizzjonijiet tax-xogħol u livell tal-għajxien mhux deċenti. Il-kwalifiki m’għadhomx il-garanzija kontra l-qgħad jew id-dekwalifikazzjoni, u s-soċjetà jeħtieġ li tagħmel il-parti tagħha sabiex tgħin lil dawk effettwati billi tindirizza dawn il-kwistjonijiet.

4.3.3

Sabiex iż-żgħażagħ kollha jingħataw prospetti sikuri għall-futur, minbarra li jkun hemm titjib fil-ħiliet, huwa importanti b'mod speċjali f’dan il-kuntest, li jissaħħu l-miżuri attivi ta’ politika tas-suq tax-xogħol immirati lejn iż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu x-xogħol u li jitneħħew il-problemi strutturali li jaffettwaw it-transizzjoni mit-taħriġ għall-impjieg.

4.3.4

Ħafna żgħażagħ iħallu pajjiżhom fit-tfittxija tagħhom għall-impjiegi li jirrendu aktar u li jkunu aktar attraenti. Din tapplika għall-kategoriji kollha edukattivi u twassal għall-migrazzjoni permanenti ta’ nies ta’ ħila (brain drain), speċjalment mill-Istati Membri ġodda. Din m’għandhiex x’taqsam mal-mobilità temporanja li hija ta’ ġid għall-kulħadd (iż-żgħażagħ, is-soċjetajiet, l-ekonomiji) u li għandha tiġi mħeġġa fl-UE.

4.3.5

Ix-xogħol huwa kemm fattur ta’ dinjità personali u kollettiva, kif ukoll fattur ta’ inklużjoni soċjali. In-nuqqas ta’ ċertezza fuq il-post tax-xogħol, pagi baxxi u s-sahra jostakolaw il-proċess tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali ma’ dik personali/familjari.

4.3.6

It-transizzjoni taż-żgħażagħ mid-dinja tal-iskola għal dik tax-xogħol għandha tkun indirizzata aktar fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Mingħajr l-iżvilupp tajjeb ta’ pariri relatati mal-karriera u l-għoti tal-pariri, kif ukoll sistemi edukattivi li jkunu żviluppati skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, il-kwistjoni dwar il-qgħad taż-żgħażagħ ser tibqa’ mhux solvuta.

4.3.7

Fil-kuntest ta’ dak kollu li ssemma hawn fuq, il-Kumitat jirrakkomanda li l-istrateġija tal-UE għandha tissejjes fuq miżuri speċifiċi fl-oqsma li ġejjin:

il-provvista ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali aħjar u aktar aċċessibbli, sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jsibu posthom fis-suq tax-xogħol bl-inqas problemi possibbli u li jibqgħu fl-impjieg;

l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jassiguraw li l-impjieg għal perijodu qasir u li mhuwiex sikur ma jsirx in-norma għaż-żgħażagħ;

l-iżvilupp ta’ servizz ta’ pariri u informazzjoni dwar il-karrieri, li jkun disponibbli b’mod ġenerali u aċċessibbli faċilment, għaż-żgħażagħ tfajliet u ġuvintur fil-livelli kollha tat-taħriġ, kif ukoll il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet għal taħriġ intern u apprendistati ta’ kwalità (permezz ta’ xi tip ta’ qafas Ewropew għall-kwalità),

jiġi żgurat appoġġ attiv minn kmieni għaż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu post fil-korsijiet tat-taħriġ jew impjieg, programmi speċjalizzati għall-integrazzjoni ta’ gruppi bi problemi, bħaż-żgħażagħ li ilhom ħafna qiegħda u dawk li telqu kmieni mill-iskola jew minn korsijiet tat-taħriġ, eż. permezz ta’ proġetti tal-impjieg fil-komunità u l-promozzjoni tat-taħriġ,

it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem,

il-ħolqien ta’ rabtiet bejn is-sistemi edukattivi u n-negozju, fejn dan ikun utli;

il-ħolqien ta’ rabtiet bejn l-assoċjazzjonijiet u r-rikonoxximent tal-attivitajiet volontarji.

il-promozzjoni tal-aħjar prattiki fost dawk kollha kkonċernati,

tkun żviluppata aktar l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda,

inkoraġġiment tal-mobilità permezz ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ programmi (6)

4.3.8

L-inizjattiva sabiex tintuża t-tema dwar l-impjiegi taż-żgħażagħ fiċ-ċiklu tad-djalogu strutturat tal-2010 hija milqugħa u tirrappreżenta opportunità tajba għall-promozzjoni ta’ din il-kwistjoni.

4.3.8

Fid-dinja tax-xogħol, ir-rwol tal-imsieħba soċjali huwa partikularment importanti. L-imsieħba soċjali Ewropej huma impenjati bis-sħiħ f’dan il-qasam u l-parteċipazzjoni akbar ta’ żgħażagħ b’ħiliet u kompetenzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol dejjem kienet waħda mill-prijoritajiet fil-programmi tal-ħidma konġunta tagħhom.

4.4   Il-kreattività u l-intraprenditorija

4.4.1

L-appoġġ għall-innovazzjoni fil-proġetti taż-żgħażagħ u l-attivitajiet intraprenditorjali permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament huwa sfida, iżda dan għandu jingħata sabiex ikun hemm l-opportunitajiet ta’ tagħlim orjentati mar-riżultati tal-parteċipanti. Aktar riżorsi finanzjarji għandhom jiġu milqugħa sabiex jiġu promossi inizjattivi bħal dawn. Dan minħabba li f’ħafna Stati Membri l-iffinanzjar nazzjonali huwa skars jew ma’ jeżistix.

4.4.2

L-intraprenditorija m’għandhiex tkun ristretta biss mil-lat ekonomiku tagħha, iżda jeħtieġ li nħarsu lejha b’mod aktar wiesa’ u olistiku bħala l-ispirtu intraprenditorjali li jidentifika jew joħloq opportunità u jieħu azzjoni li tkun immirata sabiex din titwettaq irrispettivament mill-qasam (soċjali, politiku eċċ.).

4.4.3

Il-KESE jirrakkomanda li l-intraprenditorija soċjali fost iż-żgħażagħ għandha tkun inkoraġġita u appoġġjata.

4.4.4

Il-programmi għall-iżvilupp tal-ħsieb kreattiv u s-soluzzjoni tal-problemi għandhom ikunu disponibbli fil-livelli kollha edukattivi.

4.4.5

Għandhom jinħolqu programmi ta’ “mentoring” tal-kumpaniji li għadhom jibdew (start-up) (l-intraprenditorija), kif ukoll skemi ta’ appoġġ għal kull tip ta’ intraprenditorija (7).

4.5   Is-saħħa u l-isport

4.5.1

l-isport u l-attività fiżika huma għodod importanti sabiex jintlaħqu ż-żgħażagħ. Huma jikkontribwixxu lejn stil ta’ ħajja f’saħħitha, lejn ċittadinanza parteċipattiva kif ukoll l-integrazzjoni soċjali. Bħala prerekwiżit, għandu jkun hemm inqas enfasi fuq l-isport bħala attività tal-ispettatur, filwaqt li għandu jiġi promossġi promossa l-isport tal-massa, kif ukoll dak rikreattiv u mhux kompetittiv.

4.5.2

Il-laqgħat tal-isport bil-parteċipazzjoni attiva huma pjuttost komuni fil-qasam tal-għaqdiet tal-isport rikreattiv, u jattiraw żgħażagħ minn oqsma soċjali differenti. Jista’ jinkiseb potenzjal kbir meta dawn jiġu assoċjati mal-użu ta’ metodi ta’ tagħlim mhux formali f’dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ fil-promozzjoni tal-isport u l-attività fiżika għaż-żgħażagħ.

4.5.3

Organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-livell tal-UE u nazzjonali għandhom ikunu involuti aktar fil-kampanji tal-UE li għaddejjin bħalissa dwar it-trawwim ta’ stili ta’ ħajja f’saħħithom li jindirizzaw: l-isfidi dwar in-nutrizzjoni, l-ħsara marbuta mal-alkoħol, it-tabakk u d-drogi, kif ukoll is-saħħa mentali. Ir-reviżjoni tal-istrateġiji tal-UE dwar dawk il-kwistjonijiet għandu jkollha aktar enfasi fuq iż-żgħażagħ bħala grupp speċjali. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra wkoll li tfassal strateġija tal-UE dwar is-saħħa sesswali b’aċċenn partikolari fuq iż-żgħażagħ.

4.5.4

Il-Programm tas-Saħħa tal-UE għandu jkun promoss fost l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Il-programm jista’ jkun sors ta’ fondi addizzjonali għall-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja f’saħħithom. L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom ikunu inkoraġġiti u jibbenefikaw minn din l-inizjattiva tal-UE billi jaħdmu flimkien mal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa.

4.5.5

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom iħarsu wkoll lejn il-kwistjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fir-rigward taż-żgħażagħ. Id-data nazzjonali u Ewropea tindika li l-ħaddiema żgħażagħ qegħdin f’riskju akbar li jkollhom inċident fuq il-post tax-xogħol. Ir-rata tal-inċidenza ta’ inċidenti mhux fatali fuq il-post tax-xogħol kienet aktar minn 40 %, ogħla fost dawk li għandhom bejn it-18 u l-24 (8) meta mqabbla ma’ ħaddiema akbar fl-età.

4.6   Il-parteċipazzjoni

4.6.1

Il-KESE jidhirlu li l-Istrateġija proposta għandu jkollha approċċ pragmatiku lejn il-parteċipazzjoni, u li din għandha tkun aktar minn strument politiku. Hemm il-ħtieġa ta’ djalogu ġenwin u trasparenti fost iż-żgħażagħ u dawk responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha (Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali).

4.6.2

Il-KESE jara dawn l-opportunitajiet sabiex tintlaħaq din il-mira:

l-iżvilupp ta’ metodi ta’ parteċipazzjoni attraenti u li jisgħu jiġu applikati faċilment;

il-ħolqien ta’ opportunitajiet u strutturi ta’ parteċipazzjoni għaż-żgħażagħ;

it-trasferiment u l-iskambju ta’ prattiki tajba;

il-ħolqien u l-appoġġ tal-kunsilli taż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

l-iżvilupp ta’ opportunitajiet fejn ikunu jistgħu jesprimu lilhom infushom iż-żgħażagħ żvantaġġjati, u dawk fi gruppi informali;

it-tneħħija tal-ostakli għall-mobilità hija s-soluzzjoni sabiex iż-żgħażagħ jipparteċipaw u jifhmu aħjar it-temi Ewropej;

isir użu sħiħ tal-għodod rilevanti għall-parteċipazzjoni kif diġà żviluppati mill-atturi differenti fil-livell Ewropew u nazzjonali (9);

it-tmexxija ta’ djalogu strutturat kontinwu flimkien mal-atturi kollha (bħalma huma ż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-professjonisti, ir-riċerkaturi, l-esperti, l-imsieħba soċjali, il-politiċi eċċ.).

4.6.3

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-istrutturi taż-żgħażagħ u fis-soċjetà ċivili b’mod ġenerali għandha tiżdied. Hemm il-ħtieġa ta’ fehim aktar ċar u promozzjoni aħjar tal-kunċetti bħalma huma l-parteċipazzjoni u ċ-ċittadinanza attiva.

4.7   L-inklużjoni soċjali

4.7.1

It-trawwim tal-potenzjal taż-żgħażagħ għandu jkun ta’ tħassib kontinwu għas-soċjetà. Għaldaqstant, hemm il-ħtieġa li jittejjeb l-approċċ lejn iż-żgħażagħ żvantaġġjati permezz ta’ miżuri speċifiċi.

4.7.2

Il-ħidma maż-żgħażagħ u t-tagħlim mhux formali huma strumenti b’saħħithom sabiex jintegraw liż-żgħażagħ. L-aħjar mod kif jistgħu jkunu avviċinati dawk li jabbandunaw l-edukazzjoni tagħhom qabel il-waqt jew persuni li ġejjin minn familji tal-migranti huwa f’ambjent mhux formali żviluppat sabiex titnaqqas il-possibbiltà tal-esklużjoni soċjali. Il-proċess m’għandux jiffoka fuq il-problema jew fuq dawk li diġà jinsabu fi problemi.

4.7.3

Il-KESE jirakkomanda li tiġi stabbilita azzjoni ddedikata għall-proġetti u l-attivitajiet sabiex jindirizzaw direttament liż-żgħażagħ żvantaġġjati (din tista’ tidħol fil-programm attwali iż-Żgħażagħ f’Azzjoni). Din m’għandhiex tieħu post il-prijorità prinċipali tal-programm, iżda għandha tpoġġi aktar attenzjoni dwar l-esklużjoni soċjali taż-żgħażagħ żvantaġġjati.

4.7.4

Huwa meħtieġ sforz akbar sabiex tintlaħaq il-koeżjoni soċjali fir-reġjuni fejn l-involviment taż-żgħażagħ huwa iktar baxx.

4.7.5

Id-dikjarazzjoni tas-sena 2010 bħala s-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali hija opportunità tajba sabiex titrawwem u tiġi żviluppata din it-tema.

4.8   Il-volontarjat

4.8.1

Kif diġà stqarr il-KESE f’opinjonijiet preċedenti, il-volontarjat jiswa daqs mitqlu deheb fejn jidħol l-iżvilupp personali, l-inklużjoni soċjali u professjonali fis-soċjetà filwaqt li jilgħab rwol importanti fl-inklużjoni taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet (10).

4.8.2

Sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-volontarjat, l-Unjoni Ewropea għandha żżomm fuq l-aġenda politika tagħha l-ħtieġa li jkun żgurat ir-rikonoxximent aħjar tal-attivitajiet volontarji. Eżempju tajjeb li jista’ jkun estiż huwa l-Youthpass. Inizjattivi bħalma huma s-servizz volontarju Ewropew għandhom ikunu żviluppati aktar u l-valur tal-volontarjat għandu jkun rikonoxxut ukoll f’forom oħra ta’ involviment (pereżempju, l-azzjonijiet l-oħra fil-programm iż-Żgħażagħ f’Azzjoni).

4.8.3

Għandhom ikunu żviluppati aktar sinerġiji bejn is-sistemi tal-volontarjat Ewropej u dawk nazzjonali. F’dan il-kuntest, bit-tħaddim ta’ kunċetti differenti ta’ volontarjat, id-definizzjoni tal-volontarjat għandha tkun armonizzata sabiex tkun applikata fil-kuntesti differenti.

4.8.4

Kif diġà ġie propost, huwa essenzjali li fil-qasam tal-volontarjat tkun żgurata kooperazzjoni aħjar bejn il-programmi attwali fuq livell nazzjonali u Ewropew, sabiex jonqsu l-ostakli tekniċi kif ukoll il-kwistjonijiet dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa u l-assigurazzjoni kontra l-aċċidenti. Il-KESE talab lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkunsidra li toħloq marka għall-programmi ta’ skambju li tilħaq il-livelli tal-kwalità tal-Unjoni. Il-kwalità tal-attivitajiet volontarji, tkun xi tkun il-forma tagħhom, hija importanti u jeħtieġ li tkun żgurata b’mezzi xierqa (11).

4.8.5

Għandhom isiru sforzi wkoll sabiex ikun evitat li s-servizzi ta’ volontarjat jieħdu post forom differenti ta’ impjiegi.

4.8.6

Il-KESE jitlob lill-Kunsill sabiex jadotta l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar is-sena 2011, bħala s-sena Ewropea ta’ volontarjat. Nhar il-5 ta’ Diċembru, li hija l-ġurnata internazzjonali tal-voluntiera, hija opportunità tajba sabiex tippromovi u tiżviluppa din il-kwistjoni.

4.9   Iż-żgħażagħ u d-dinja

4.9.1

Iż-żgħażagħ huma wkoll “fatturi” li jintlaqtu direttament mill-proċess tal-globalizzazzjoni. Hemm bżonn għarfien aħjar dwar l-impatt tal-globalizzazzjoni fuq iż-żgħażagħ, permezz ta’ riċerka xjentifika. Permezz tal-parteċipazzjoni fi proġetti u attivitajiet li jiżviluppaw sens ta’ solidarjetà u kuxjenza globali, iż-żgħażagħ iħossuhom aktar responsabbli lejn il-komunità dinjija.

4.9.2

Kwistjonijiet globali (l-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli) għandhom ikunu integrati fil-politika taż-żgħażagħ b’tali mod li l-politika taż-żgħażagħ u l-proġetti taż-żgħażagħ jikkontribwixxu lejn żviluppi f’dan il-qasam. B’riżultat ta’ dan, iż-żgħażagħ għandhom ikunu kkunsidrati meta jkunu qed jiġu indirizzati l-politiki dinjija.

4.9.3

L-inizjattiva sabiex tintuża t-tema taż-Żgħażagħ u d-Dinja fiċ-ċiklu tad-djalogu strutturat għas-sena 2011, hija milqugħa u tirrappreżenta opportunità tajba għall-promozzjoni ta’ din il-kwistjoni.

5.   L-għodod u l-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid ta’ kooperazzjoni

5.1

Il-KESE jiddispjaċih li l-istrateġija proposta ma tispeċifikax metodi konkreti dwar l-implimentazzjoni u l-modi kif għandu jitkejjel il-progress fil-livell Ewropew u tal-Istati Membri. Madankollu, huwa mistenni li l-MMK jibqa’ l-mekkaniżmu prinċipali. Il-KESE jemmen li dan għandu jkun kumplementat minn patt Ewropew imġedded għaż-Żgħażagħ.

5.2

Il-qafas ta’ kooperazzjoni tal-futur għandu jkun mibni fuq djalogu strutturat imtejjeb li jkun inklużiv kemm jista’ jkun, u żviluppat fil-livelli kollha lokali, jinvolvi liż-żgħażagħ, dawk attivi fil-ħidma maż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-aġenziji nazzjonali, ir-riċerkaturi żgħażagħ u dawk kollha interessati matul iċ-ċiklu politiku sħiħ u fl-oqsma kollha ta politika. Dan għandu jissejjes fuq bażi wiesa’ permezz ta’ approċċ li jibda minn isfel għal fuq (bottom-up) u li jinkludi forom attivi ta’ ċittadinanza parteċipattiva li jinvolvu ż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet.

5.3

Il-proċess tat-tfassil tal-politika fl-istrateġija proposta għandu jkun kemm jista’ jkun trasparenti u msejjes fuq l-esperjenza. Il-KESE jirrakkomanda li l-bażi tad-data taċ-Ċentru Ewropew tal-Għarfien għall-Politika dwar iż-Żgħażagħ (12) tintuża għall-pubblikazzjoni tar-rapporti kollha, il-ġbir tad-data u l-analiżi.

5.4

Iż-żgħażagħ għandhom ikunu fil-qalba tal-proċess u l-ħidma maż-żgħażagħ hija l-aktar approċċ effettiv sabiex jintlaħqu. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni u t-titjib fil-kwalità tal-ħidma maż-żgħażagħ għandha tkun il-prijorità.

Brussell, 1 ta’ Ottubru 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Fil-livell Ewropew, 33 % taż-żgħażagħ biss iqisu li huma għandhom rwol determinanti fis-soċjetà, filwaqt li 50 % iqisu li m’għandhomx opportunitajiet biżżejjed sabiex isemmgħu leħinhom (ir-riżultati tal-konsultazzjoni online fil-qasam taż-żgħażagħ – 2008).

(2)  Ara r-riżultati tar-riċerka mill-proġett UP2YOUTH li kienu ppreżentati fir-rapport tal-UE dwar iż-żgħażagħ f’April 2009.

(3)  Ara l-opinjoni tal-KESE tas-16 ta’ Jannar 2008 dwar “Intejbu l-Kwalità tal-Edukazzjoni tal-Għalliema”, relatur: is-Sur Soares (ĠU C 151, 17.6.2008).

(4)  67 % tal-adoloxxenti u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ mhumiex sodisfatti bis-sistemi edukattivi nazzjonali (riżultati tal-konsultazzjoni online fil-qasam taż-żgħażagħ – 2008).

(5)  Skont rapport tal-UE dwar iż-żgħażagħ, li kien ippreżentat f’April 2009, il-popli tal-Istati Membri li għandhom edukazzjoni tal-ewwel snin tas-sekondarja jinsabu fir-riskju tal-qgħad tliet darbiet aktar minn dawk li għandhom edukazzjoni għolja.

(6)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Jannar 2008 dwar “Il-Komunikazzjoni biex jinġieb ‘il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà”, relatur: is-Sur Trantina (ĠU C 151, 17.6.2008).

(7)  Il-konklużjonijiet tal-attività taż-żgħażagħ organizzata fi Praga mill-Presidenza Ċeka għall-Kunsill tal-UE, 2 - 5 ta’ Ġunju 2009.

(8)  Statistiki Ewropej dwar inċidenti fuq il-post tax-xogħol (ESAW).

(9)  Bħal ma’ hija l-Karta Ewropea Riveduta dwar il-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Ħajja Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa: http://www.coe.int/t/dg4/youth/Resources/Documents/Bibliographies/Political_participation_en.asp

(10)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-13.12.2006 dwar “L-attivitajiet volontarji, ir-rwol tagħhom fis-soċjetà Ewropea u l-impatt tagħhom”, relatur: is-Sinjura Koller (ĠU C 325, 30.12.2006).

(11)  Ara l-Opinjoni esploratorja tal-KESE tal-25 ta’ Frar 2009 dwar “is-Servizz Ċiviku Ewropew”, relatur: is-Sur Janson, korelatur: is-Sur Sibian (ĠU C 218, 11.9.2009).

(12)  http://youth-partnership.coe.int/youth-partnership/ekcyp/index


Top