EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1460

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper – TEN-T: Eżami tal-politika – Lejn netwerk trans-Ewropew integrat aħjar għad-dispożizzjoni tal-politika komuni tat-trasport COM(2009) 44 finali

ĠU C 318, 23.12.2009, p. 101–105 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/101


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Green Paper – TEN-T: Eżami tal-politika – Lejn netwerk trans-Ewropew integrat aħjar għad-dispożizzjoni tal-politika komuni tat-trasport”

COM(2009) 44 finali

2009/C 318/20

Relatur: is-Sur SIMONS

Nhar l-4 ta’ April 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper – TEN-T: Eżami tal-politika – Lejn netwerk trans-Ewropew integrat aħjar għad-dispożizzjoni tal-politika komuni tat-trasport

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Settembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur Simons.

Matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tat-30 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’167 vot favur, vot wieħed kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni rigward il-ħtieġa li ssir reviżjoni fil-fond tal-Linji Gwida tat-TEN-T, peress li għadd kbir ta’ Stati Membri ssieħbu fl-Unjoni Ewropea mill-1996 ’l hawn. Minħabba f’din ir-raġuni u fil-bdil tal-prijoritajiet politiċi – b’mod partikolari l-fatt li l-ambjent u l-klima qed jingħataw dejjem iktar attenzjoni – huwa meħtieġ li tingħata direzzjoni ġdida lin-netwerk Komunitarju tal-infrastruttura u t-trasport.

1.2

Fir-rigward tal-problema taż-żieda fl-emissjonijiet tas-CO2 u tan-nuqqasijiet fl-infrastruttura u fl-organizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija, il-KESE huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li għandhom jinstabu soluzzjonijiet komodali għal dan il-mezz tat-trasport sabiex jinħolqu sinerġiji għall-benefiċċju tal-utent.

1.3

Il-KESE juri x-xewqa li t-twaqqif ta’ TEN-T ġdid jikkunsidra b’mod espliċitu l-politika hekk imsejħa tal-viċinat, fi kliem ieħor il-konnessjonijiet lejn il-lvant u n-nofsinhar tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiffokaw l-aktar fuq in-netwerk sħiħ u mhux fuq proġetti ta’ infrastruttura individwali. Dan isaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

1.4

Rigward l-għamla li għandu jieħu t-TEN-T fil-futur, il-Kummissjoni tipproponi tliet għażliet. Il-Kumitat jaqbel mal-Kunsill li għandu jkun hemm struttura fuq żewġ livelli, b’netwerk kumplessiv u netwerk ċentrali li jkun jinkludi netwerk prijoritarju ġeografikament definit flimkien ma’ pilastru kunċettwali biex jgħin l-integrazzjoni tal-politika tat-trasport u tal-aspetti tal-infrastruttura. Fil-fehma tal-KESE, din l-għażla tippermetti użu aktar effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji tal-UE milli kien il-każ s’issa. Għandu jitwaqqaf korp ta’ koordinazzjoni li jkun responsabbli għall-monitoraġġ tat-tqassim tar-riżorsi.

1.5

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fatt li kemm it-twaqqif tan-netwerk prijoritarju kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi interoperabbli għall-ġestjoni tat-traffiku jirrikjedu qafas ta’ implimentazzjoni aktar strett, li jkun jinkludi miżuri ta’ sanzjoni adegwati.

1.6

Fir-rigward tal-ippjanar futur tat-TEN-T, il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni kif jidher fil-Green Paper, li huwa bbażat fuq il-prinċipju li kull mezz tat-trasport għandu jintuża skont il-vantaġġi komparattivi li jippreżenta fi ħdan ktajjen effiċjenti ta’ trasport komodali u b’hekk jaqdi rwol siewi fil-ksib tal-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-klima. L-obbjettiv għandu jibqa’ li ssir bidla lejn l-iktar katina tat-trasport li tirrispetta l-ambjent.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-4 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni ppubblikat “Il-Green Paper – TEN-T: Eżami tal-politika – Lejn netwerk trans-Ewropew integrat aħjar għad-dispożizzjoni tal-politika komuni tat-trasport”. Dan id-dokument jittratta r-reviżjoni tal-politika tal-Kummissjoni fil-qasam tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (TEN-T).

2.2

Il-Kummissjoni beħsiebha tinvolvi l-akbar numru ta’ partijiet ikkonċernati possibbli f’din ir-reviżjoni sabiex tagħmel użu mill-għarfien, mill-esperjenza u mill-fehmiet kollha disponibbli. Għalhekk, hija nediet konsultazzjoni pubblika li ntemmet fit-30 ta’ April 2009.

2.3

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tanalizza r-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni pubblika u li tispira ruħha minnhom fix-xogħol li qed twettaq biex tiżviluppa politika ġdida tat-TEN-T. Matul il-bqija tal-2009, x’aktarx li l-Kummissjoni se tkun qiegħda tipproċessa t-tweġibiet li rċeviet bis-saħħa ta’ din il-konsultazzjoni kif ukoll twettaq ir-riċerka neċessarja. Fil-bidu tal-2010, il-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta l-metodoloġija ta’ din il-politika, imbagħad fl-aħħar tal-2010 tixtieq tippreżenta proposti leġiżlattivi dwar ir-reviżjoni tal-Linji Gwida tat-TEN-T u eventwalment tar-Regolament dwar it-TEN-T.

2.4

It-Trattat KE (fl-Artikoli 154–156) jiddefinixxi l-politika tat-TEN-T bħala mezz biex jintlaħqu l-miri tas-suq intern b’rabta mat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi u wkoll biex tiġi żviluppata l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-operaturi ekonomiċi kollha.

2.5

Fl-istess ħin, jeħtieġ li jintlaħaq l-iżvilupp sostenibbli billi l-eżiġenzi relatati mal-ħarsien tal-ambjent jitqiegħdu fil-qalba ta’ din il-politika. Il-politika tat-TEN-T għandha tingħata direzzjoni ġdida b’mod li tagħti kontribut sostanzjali għall-ksib tal-miri 20/20/20 tal-UE rigward il-bidla fil-klima.

2.6

Il-politika tal-Unjoni dwar in-netwerks trans-Ewropej żviluppat bejn l-1990 u l-1995 u tnediet uffiċjalment fl-1996, bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Minn dak iż-żmien ’l hawn, EUR 400 biljun ġew investiti f’diversi proġetti ta’ interess komuni relatati mal-infrastruttura tat-trasport. Madankollu, ta’ min jinnota li ġie akkumulat dewmien konsiderevoli fit-tlestija ta’ ħafna minn dawn il-proġetti. B’mod partikolari matul l-ewwel perijodu tat-TEN (1996-2003) il-biċċa l-kbira tal-proġetti tat-toroq – bħala proporzjon tal-ammont globali tal-proġetti ta’ prijorità – twettqu mill-Istati Membri. F’sitwazzjonijiet evidenti għad irid jinbena tgħammir addizzjonali għall-infrastruttura għal modi tat-trasport iktar ekoloġiċi.

2.7

Madwar 30 % tal-EUR 400 biljun investiti s’issa ġew minn sorsi Komunitarji bħall-baġit tat-TEN-T, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-Bank Ewropew tal-Investiment. Huwa stmat li għadhom meħtieġa EUR 500 biljun ta’ investiment. Huwa ppjanat li 80 % tal-fondi totali maħsuba għall-proġetti prijoritarji tat-TEN-T jiġu allokati lis-settur ferrovjarju.

2.8

L-esperjenza wriet li hu diffiċli għaċ-ċittadini Ewropej jaraw ir-riżultati tal-politika tat-TEN-T u l-valur miżjud tagħha. Fil-Green Paper, il-Kummissjoni qed tipprova ssib soluzzjoni għal dan l-aspett permezz tal-approċċ tagħha u qed tqiegħed il-miri relatati mal-bidla fil-klima fil-qalba tal-politika futura tat-TEN-T.

2.9

Il-Kummissjoni stess tqis li hemm bżonn li l-politika tat-TEN-T tiġi riveduta fil-fond. Jeħtieġ li tiġi stabbilita bażi b’saħħitha sabiex isir kontribut effiċjenti lill-miri tal-Unjoni rigward il-klima, permezz tat-tnedija ta’ proċess ibbażat fuq il-komodalità u fuq tekniki innovattivi li jkun kapaċi jintegra l-objettivi ekonomiċi u ambjentali u li jkun immirat speċifikament lejn il-ħtieġa ta’ trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija effiċjenti.

2.10

Peress li l-ambitu ta’ din ir-reviżjoni huwa wiesa’ ħafna, kemm mil-lat politiku, soċjoekonomiku, ambjentali, istituzzjonali u ġeografiku kif ukoll tekniku, il-Kummissjoni għażlet li tippubblika Green Paper li fiha tesprimi l-fehmiet tagħha u toffri lill-partijiet interessati l-opportunità biex jieħdu sehem attiv fid-diskussjoni u jagħmlu suġġerimenti dwar il-politika l-ġdida tat-TEN-T matul il-proċess ta’ konsultazzjoni.

2.11

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’April 2009 dwar il-Green Paper li tittratta l-politika futura tat-TEN-T, il-Parlament Ewropew osserva li jappoġġja l-idea pjuttost vaga ta’ pilastru kunċettwali tat-TEN-T, iżda jqis li l-proġetti konkreti huma ta’ benefiċċju wkoll, u jemmen li l-mezzi tat-trasport li jirrispettaw lill-ambjent għandhom ikunu rrappreżentati b’mod sproporzjonat fil-lista ta’ proġetti prijoritarji.

2.12

Waqt il-laqgħa tiegħu tal-11 u t-12 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill tal-Ministri qies li l-proġetti prijoritarji tat-TEN-T għandhom ikunu biċċa waħda minn netwerk prijoritarju koerenti li jiġbor flimkien kemm infrastrutturi diġà żviluppati kif ukoll oħrajn fil-proċess ta’ żvilupp u proġetti ta’ interess komuni. Dawn il-proġetti għandhom ikunu multimodali u għandha tingħata l-attenzjoni kollha mistennija lill-intersezzjonijiet u lill-konnessjonijiet intermodali tat-trasport.

2.13

Il-Kunsill iqis ukoll li l-politika tat-TEN-T għandha tkun ta’ kontribut kbir għall-ksib tal-miri fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-bidla fil-klima. L-aħjar integrazzjoni u kooperazzjoni tal-mezzi tat-trasport kollha, kemm mil-lat tal-infrastrutturi fiżiċi kif ukoll mil-lat tas-sistemi intelliġenti tat-trasport, għandhom jiżguraw l-effiċjenza tas-servizzi tat-trasport komodali u b’hekk jiffurmaw bażi soda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ emissjonijiet oħra fis-settur tat-trasport.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni, wara li rrealizzat li l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni meħuda mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-1996 rigward il-ħolqien ta’ netwerk trans-Ewropew ta’ infrastruttura ta’ interess komuni ma mxietx skont il-pjan, bħalma osservat ukoll fil-Komunikazzjoni tagħha “In-Netwerks Trans-Ewropej: Lejn approċċ integrat” (COM(2007) 135 finali), issa ħadet il-miżuri adatti billi wittiet it-triq għal reviżjoni fil-fond tal-politika tat-TEN-T bis-saħħa ta’ konsultazzjoni pubblika fil-kuntest tat-tħejjija tal-Green Paper.

3.2

Il-KESE jemmen ukoll fil-ħtieġa li ssir reviżjoni fil-fond tal-Linji Gwida tat-TEN-T, peress li għadd kbir ta’ Stati Membri ssieħbu fl-Unjoni Ewropea mill-1996 ’l hawn. Dan l-iżvilupp jagħmilha indispensabbli li n-netwerk Komunitarju tal-infrastruttura tat-trasport jingħata direzzjoni ġdida.

3.3

Il-valutazzjoni politika tal-Linji Gwida tat-TEN-T mwettqa mill-Kummissjoni turi li t-tkabbir tal-UE dgħajjef lill-ippjanar inizjali tan-netwerk, li kellu l-għan li jġib flimkien partijiet kbar tan-netwerks nazzjonali ta’ diversi mezzi tat-trasport u jgħaqqadhom bejniethom fil-fruntieri nazzjonali.

3.4

L-implimentazzjoni ta’ politika ġdida tat-TEN-T titlob investimenti enormi u b’hekk il-Kumitat iqis li huwa essenzjali li jiġi kkunsidrat l-akbar għadd possibbli ta’ fatturi u elementi rilevanti sabiex isiru għażliet ġusti u raġonevoli. Bħala punt tat-tluq, il-Kumitat jirrakkomanda li l-mezzi finanzjarji jirriflettu l-ambizzjonijiet politiċi u mhux bil-maqlub.

3.5

Is-sisien li fuqhom isserraħ il-politika futura tat-TEN-T jinsabu fit-Trattat KE. L-Artikoli 154 sa 156 jippreżentaw il-punti prinċipali li jridu jiġu kkunsidrati. Fl-imgħoddi, il-kwistjoni tal-iżvilupp sostenibbli u b’estensjoni ta’ dan, l-objettivi relatati mal-klima, ma ngħatawx biżżejjed attenzjoni u f’dan ir-rigward il-Kumitat iħaddan l-istess fehma tal-Kummissjoni: li dan huwa element prinċipali fil-politika tat-trasport inġenerali u b’hekk ukoll fil-politika tat-TEN-T. Fil-fatt, il-KESE diġà ġibed l-attenzjoni għal dan il-punt fl-opinjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2008 (TEN/298 – CESE 488/2008), li fiha kien enfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi adottat approċċ integrat.

3.6

Sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ġew stabbiliti l-Linji Gwida tat-TEN-T li jippreżentaw il-kundizzjonijiet għall-għażla tal-proġetti ta’ interess komuni li jkollhom l-appoġġ tal-Istati Membri. L-għan aħħari ta’ dawn il-Linji Gwida huwa l-ħolqien ta’ netwerk multimodali wieħed li jippermetti netwerk tat-trasport sikur u effiċjenti fuq il-bażi ta’ approċċ innovattiv.

3.7

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li għandhom jinstabu soluzzjonijiet komodali għat-trasport tal-merkanzija tinstab soluzzjoni għall-problema taż-żieda fl-emissjonijiet tas-CO2 u tan-nuqqasijiet fl-infrastruttura u fl-organizzazzjoni. Bħall-Kummissjoni, jemmen li l-iżvilupp tal-awtostradi tal-baħar huwa ta’ importanza kruċjali sabiex it-TEN-T jkompli jiżviluppa fil-futur.

3.8

Il-Kummissjoni tqis li r-reviżjoni tal-politika tat-TEN-T għandha tkun ibbażata fuq ir-riżultati li nkisbu s’issa u għandha tiżgura li jkun hemm kontinwità mal-approċċ ta’ qabel. Il-Kumitat jistaqsi jekk dan huwiex konsistenti ma’ reviżjoni fil-fond tal-politika tat-TEN-T, peress li, fil-fehma tiegħu, valutazzjoni tal-proġetti prijoritarji attwali elenkati fl-Anness 3 tal-Linji Gwida tat-TEN, ibbażata fuq kriterji oġġettivi, għandha twassal għar-reviżjoni tal-anness u dan loġikament jista’ jfisser li wħud minn dawn il-proġetti jistgħu jitħassru.

3.9

Rigward it-tħejjija ta’ politika ġdida tat-TEN-T, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li din il-politika tkun imsejsa fuq objettiv doppju, li jkopri aspetti ekonomiċi u ambjentali. Fil-fehma tal-KESE, approċċ integrat iwassal għal sinerġiji, speċjalment fil-każ ta’ proġetti relatati mat-tkabbir tal-Unjoni. Għaldaqstant, huwa importanti li waqt l-għażla ta’ netwerk jiġu identifikati wkoll il-konsegwenzi fuq l-ambjent u b’mod speċjali fuq il-klima. Għalhekk, fil-kuntest tal-isforzi li qed jimmiraw lejn il-promozzjoni ta’ sistema tat-trasport sostenibbli u effiċjenti msejsa fuq il-prinċipju tal-komodalità, għandu jintlaħaq bilanċ bejn l-interessi ekonomiċi u r-rispett tal-ambjent.

3.10

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-eżempju tal-integrazzjoni tat-traffiku bl-ajru u tat-trasport ferrovjarju fuq distanzi li jaqbżu l-500 km, integrazzjoni stimulata mis-suq. Il-konnessjonijiet ferrovjarji ta’ veloċità għolja jaqdu rwol importanti ħafna fit-trasport tal-passiġġieri. Madankollu, anke għat-trasport tal-merkanzija jeżistu opportunitajiet interessanti fir-rigward tal-integrazzjoni tal-ajruporti man-netwerk ferrovjarju Ewropew.

3.11

Il-Kumitat huwa tal-fehma li t-TEN-T l-ġdid għandu jiffoka l-aktar fuq in-netwerk, kemm mil-lat fiżiku kif ukoll dak mhux fiżiku, u li l-enfasi għandha ssir aktar fuq il-politika tal-viċinat, b’mod partikolari fuq l-infrastruttura tat-trasport li tgħaqqad il-Punent mal-Lvant tal-UE kif ukoll it-Tramuntana man-Nofsinhar (il-Via Baltica u l-assi Ħelsinki-Ateni). Fil-fehma tal-KESE, l-hekk imsejjaħ approċċ tal-viċinat iħeġġeġ is-solidarjetà bejn iċ-ċittadini tal-UE.

3.12

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-proġetti kollha ta’ interess komuni għandhom ikunu soġġetti għal analiżi armonizzata tal-ispejjeż u l-benefiċċji fuq il-bażi ta’ għadd ta’ kriterji bil-għan jiġi stabbilit il-valur miżjud Ewropew. Dan jippermetti li jitqiesu l-fatturi kollha, kemm jekk jiġu kkwantifikati fi flus kif ukoll jekk le. B’dan il-mod, is-sussidji Komunitarji jkunu jistgħu jiġu allokati b’mod ekwu u oġġettiv għal dawk il-proġetti biss li jkollhom tassew valur miżjud għall-UE. Il-KESE jqis li għandhom jintużaw il-metodi kollha li jistgħu jwasslu għal użu aktar effiċjenti u konkret tal-fondi Komunitarji.

3.13

Tali armonizzazzjoni tal-metodi ta’ ħidma tkun partikolarment utli fit-trattament tal-ostakli għall-infrastruttura fiż-żoni transkonfinali, fejn ħafna drabi jqumu problemi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. L-armonizzazzjoni tista’ twassal sabiex il-programm TEN-T jkun aktar effiċjenti u sabiex l-enfasi tkun aktar fuq l-aspetti ekonomiċi u ambjentali.

3.14

Fil-Green Paper, il-Kummissjoni tistaqsi liema mill-għażliet li ġejjin ikunu l-aħjar għall-futur tat-TEN-T:

iż-żamma tal-istruttura attwali fuq żewġ livelli: netwerk kumplessiv u proġetti prijoritarji (indipendenti minn xulxin);

livell wieħed biss li jkun jikkonsisti fi proġetti prijoritarji, eventwalment marbutin ma’ xulxin fil-kuntest ta’ netwerk prijoritarju;

struttura fuq żewġ livelli, b’netwerk kumplessiv u netwerk ċentrali li jkun jinkludi netwerk prijoritarju ġeografikament definit flimkien ma’ pilastru kunċettwali biex jgħin l-integrazzjoni tal-politika tat-trasport u tal-aspetti tal-infrastruttura.

3.15

Il-Kumitat jippreferi l-għażla tal-aħħar. Fil-fehma tiegħu, il-mezzi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea għandhom jintużaw b’mod aktar effiċjenti milli kien il-każ s’issa u l-aħjar mod biex isir dan huwa billi r-riżorsi jitqiegħdu kollha f’netwerk wieħed ċentrali. Matul is-snin, l-applikazzjoni ta’ parti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-trasport kienet marbuta mal-ambitu tan-netwerk TEN-T fi ħdan in-netwerk kumplessiv u għalhekk dan in-netwerk ma jistax jitwarrab u jkollu jibqa’ jeżisti. B’hekk, il-proġetti kkonċernati jistgħu ma jibqgħux eliġibbli għas-sussidji li jkunu ġejjin mill-baġit tat-TEN-T, iżda jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni.

3.16

Sabiex ir-riżorsi finanzjarji tal-UE jintużaw b’mod iktar effiċjenti u effettiv, il-Kumitat huwa tal-fehma li għandu jitwaqqaf korp ta’ koordinazzjoni li jkun responsabbli għall-monitoraġġ tat-tqassim ta’ dawn ir-riżorsi.

3.17

Għall-KESE, in-netwerk prijoritarju ġeografikament definit għandu jkun magħmul minn assi tassew multimodali li jgħaqqdu ċ-ċentri ekonomiċi u demografiċi l-aktar importanti bejniethom u jgħaqqdu lil dawn iċ-ċentri mal-intersezzjonijiet ewlenin bħalma huma l-portijiet marittimi, l-ajruporti u l-portijiet fuq l-ilmjiet interni. Dan in-netwerk għandu jissodisfa l-eżiġenzi relatati mal-ħarsien tal-ambjent u mal-promozzjoni ta’ żvilupp soċjali u sostenibbli.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kummissjoni tqis li l-iżvilupp sostenibbli u b’mod speċjali l-objettivi ambizzjużi fil-qasam tal-klima li stabbilixxiet l-UE f’Diċembru 2008 jirrikjedu reviżjoni tal-approċċ tan-netwerks trans-Ewropej. Il-Kumitat jaħseb bħall-Kummissjoni li l-kunsiderazzjonijiet dwar il-klima fihom infushom huma raġuni valida biżżejjed biex wieħed jipproċedi għal reviżjoni. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din ir-reviżjoni hija inevitabbli wkoll minħabba d-dewmien fit-twettiq tal-proġetti ppjanati u t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea.

4.2

Fil-prinċipju, il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-proġetti kollha ta’ interess komuni għandhom ikunu soġġetti għal analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, sakemm dan ma jeskludix il-possibbiltà li jintużaw metodi oħra li jaqdu l-istess skop. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-effetti esterni jiġu identifikati u vvalutati b’mod aktar uniformi.

4.3

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li, fil-kuntest tar-reviżjoni tat-TEN-T, netwerk ta’ proġetti kbar ta’ infrastruttura b’rabtiet bejniethom għandu jkun akkumpanjat minn netwerk kunċettwali ta’ proġetti ta’ dan it-tip. Barra minn hekk, jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiffoka parti konsiderevoli tal-isforzi ta’ koordinazzjoni tagħha fuq it-twettiq ta’ proġetti ta’ dan it-tip.

4.4

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-investiment sistematiku fir-riċerka u fl-iżvilupp teknoloġiku Ewropew ħoloq modi ġodda biex il-miri tal-politika Ewropea tat-trasport jintlaħqu b’mezzi oħra, mhux biss permezz tal-investiment fl-infrastruttura fiżika.

4.5

Il-Kummissjoni ppreżentat id-diversi possibbiltajiet u pjani ta’ politika f’bosta komunikazzjonijiet bħall-Pjan ta’ Azzjoni għal-Loġistika u l-Pjan ta’Azzjoni għall-Iżvilupp ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport (SIT). F’kull każ għandu jiġi evitat li l-implimentazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji l-ġodda jġibu magħhom konsegwenzi negattivi għall-kondizzjonijiet tax-xogħol u għall-protezzjoni tad-data.

4.6

Ta’ min isemmi wkoll l-inizjattiva “Karozzi ekoloġiċi” li tagħmel parti mill-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku u turi kif l-effiċjenza tas-sistema Ewropea tat-trasport tista’ tittejjeb permezz tal-użu ta’ teknoloġiji nodfa ta’ propulsjoni u loġistika intelliġenti. Ta’ min isemmi wkoll il-Programm ta’ Azzjoni Ewropew NAIADES li għandu l-għan, b’mod wiesa’, li jħeġġeġ in-navigazzjoni fuq l-ilmijiet interni.

4.7

Deskrizzjoni qasira tal-kunċett ta’ “kurituri ekoloġiċi” tinsab fil-Punt 4.5 tal-Pjan ta’Azzjoni għal-Loġistika. Il-Kumitat japprezza kjarifika dwar dan, għax jidhirlu li l-kunċett ta’ kurituri ekoloġiċi jimplika li għandhom jinħolqu mezzi tat-trasport alternattivi li jiżguraw it-trasport bejn id-diversi intersezzjonijiet biex ikunu jistgħu jsiru għażliet kost-effettivi.

4.8

L-implimentazzjoni tat-TEN-T s’issa ntqieset bħala obbligu min-naħa tal-Istati Membri kkonċernati biex jieħdu azzjoni. Minkejja li l-bini ta’ infrastruttura hija kompetenza nazzjonali, il-KESE jinsisti li, sabiex jiġi żviluppat in-“netwerk prijoritarju”, il-Kummissjoni għandha toħloq qafas aktar strett li jkun jinkludi miżuri ta’ sanzjoni adegwati. Qafas bħal dan jista’ jitħejja wkoll fil-każ tas-sistemi interoperabbli tal-ġestjoni tat-traffiku.

4.9

Il-Kumitat jemmen li l-awtostradi tal-baħar għandhom jokkupaw post ċentrali fid-diskussjoni dwar in-netwerk prijoritarju. Fl-istess ħin, għandha ssir enfasi akbar fuq in-netwerk loġistiku fis-sens wiesa’ sabiex il-portijiet marittimi jgawdu minn aċċess tajjeb u minn konnessjonijiet adegwati maż-żoni li jinsabu ’l ġewwa mill-kosta, filwaqt li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni.

4.10

Il-KESE jagħlaq billi jesprimi l-qbil tiegħu ma’ bosta kwistjonijiet oħra msemmija mill-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha u li għandhom jiġu kkunsidrati fl-ippjanar futur tat-TEN-T. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu l-bżonnijiet differenti tat-trasport tal-passiġġieri u t-trasport tal-merkanzija, il-fatt li l-ajruporti huma sensittivi għall-prezzijiet tal-karburant, is-sikurezza, l-iżvilupp ekonomiku u l-ħarsien tal-ambjent, il-kwistjoni tal-portijiet marittimi msemmija fil-Punt 4.9 u l-kunċett tal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija, ibbażat fuq il-prinċipju li kull mezz tat-trasport għandu jintuża skont il-vantaġġi komparattivi tiegħu fi ħdan ktajjen effiċjenti ta’ trasport komodali u b’hekk jaqdi rwol importanti fil-ksib tal-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-klima. L-obbjettiv għandu jibqa’ li ssir bidla lejn l-iktar katina tat-trasport li tirrispetta l-ambjent.

Brussell, 30 ta’ Settembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


Top