EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1466

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem COM(2009) 82 finali

ĠU C 318, 23.12.2009, p. 97–100 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/97


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem”

COM(2009) 82 finali

2009/C 318/19

Rapporteur: is-Sinjura SÁNCHEZ MIGUEL

Nhar it-23 ta’ Frar 2009, il-Kumissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Aproċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2009. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura SÁNCHEZ MIGUEL.

Matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tal-1 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’165 voti favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-prevenzjoni hija prinċipju fundamentali tal-ħarsien u l-konservazzjoni tal-ambjent u hija wkoll mod kif titnaqqas il-ħsara li jistgħu jġarrbu l-popolazzjonijiet li jintlaqtu minn diżastri naturali jew dawk ikkaġunati mill-bniedem, li jkunu setgħu ġew ikkawżati mill-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali. Il-KESE appella ripetutament lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru biex jimplimentaw u jimmonitorjaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

1.2

Il-metodu ġenerali għall-prevenzjoni tad-diżastri li ġie propost jidher li huwa xieraq. Il-KESE jqis li l-għodda kollha għall-ġbir tal-informazzjoni huma essenzjali, kemm għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni attwali (l-inventarju, il-mapep tar-riskji u l-prattiki tajbin) kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili permezz taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni. F’din il-proposta għandu jiġi enfasizzat mill-ġdid ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fir-rigward tal-popolazzjonijiet ċivili permezz tal-informazzjoni li jagħtu dwar il-metodi u l-attivitajiet tagħhom ta’ prevenzjoni u ta’ rispons għall-emerġenzi.

1.3

F’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi proposti għall-finanzjament tal-miżuri ta’ prevenzjoni, il-KESE jidhirlu li – wara li ngħatat ħarsa lejn is-sistemi attwali għall-prevenzjoni tad-diżastri u s-sistemi speċifiċi marbuta mal-politiki agrikoli u industrijali, eċċ. – hemm bżonn li l-finanzjament jitwessa’ għal oqsma oħra ta’ tħejjija, ippjanar u twissija bikrija. Ir-riżorsi finanzjarji għandhom ikunu biżżejjed biex ma jxekklux l-effettività attwali tal-Mekkaniżmu.

1.4

Ir-riċerka fil-qasam tal-miżuri għall-prevenzjoni tad-diżastri hija essenzjali, għalhekk għandha tiġi żviluppata. Mhuwiex biżżejjed li nirreferu għas-Seba’ Programm ta’ Qafas għall-Iżvilupp tar-Riċerka u t-Teknoloġija iżda hemm bżonn li jiġu allokati fondi għal programmi speċifiċi ta’ prevenzjoni tar-riskji, mhux biss fil-livell tal-Komunità iżda wkoll fl-Istati Membri.

1.5

Fl-aħħar nett, il-kooperazzjoni internazzjonali għall-prevenzjoni tikkomplementa dak li jeżisti diġà fl-oqsma tar-rispons u l-għajnuna f’każijiet ta’ emerġenza. Dan huwa metodu bbażat fuq is-solidarjetà u ġie żviluppat mhux biss taħt il-patroċinju tan-NU, iżda wkoll taħt diversi ftehimiet internazzjonali ffirmati mill-UE – bħall-Euromed, il-Lomé, l-Amerka Latina, eċċ.

2.   Daħla

2.1

L-UE impenjat ruħha li tadotta miżuri ta’ prevenzjoni għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima mhux biss minħabba l-ftehimiet internazzjonali li ntrabtet bihom iżda wkoll minħabba sensiela ta’ diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem li ġraw fl-Ewropa f’dawn l-aħħar snin. Dan l-approċċ preventiv mhux biss jista’ jgħin biex jiġu ppreservati u rrestawrati l-artijiet, l-ibħra u x-xmajjar, iżda jista’ jservi wkoll ta’ mudell għal pajjiżi oħra.

2.2

Dawn il-miżuri, kif imniżżla fil-komunikazzjoni li qed nanalizzaw, huma r-riżultat ta’ approċċ li ġie adottat fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Komunità f’ċirkostanzi speċifiċi (għargħar u nirien), u li wasslu biex f’temp qasir ta’ żmien inħolqot koordinazzjoni fil-livell Komunitarju li permezz tagħha setgħet tittieħed azzjoni malajr, effettiva u xi drabi anki fuq livell internazzjonali.

2.3

Il-KESE ilu jsejjaħ għall-koordinazzjoni, u fuq kollox, għall-iżvilupp ta’ approċċ Ewropew integrat għall-prevenzjoni tad-diżastri fil-livell Komunitarju (1). Minkejja dan, jixtieq jenfasizza li flimkien ma’ dawn il-miżuri ta’ prevenzjoni hemm bżonn ukoll ta’ sistema ta’ għajnuna Komunitarja applikabbli għad-diżastri ta’ kull tip; din għandha titqies bħala sistema ta’ għajnuna bbażata fuq is-solidarjetà, mhux biss għall-pajjiżi Komunitarji iżda għall-pajjiżi kollha li jeħtieġu l-għarfien u r-riżorsi tagħna sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt ta’ dawn id-diżastri.

2.4

Il-prevenzjoni hija prinċipju fundamentali kemm għall-ħarsien u l-konservazzjoni ambjentali kif ukoll biex titnaqqas kemm jista’ jkun il-ħsara li jġarrbu l-popolazzjonijiet ċivili. L-għan tagħha huwa l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali. Iż-żieda qawwija li seħħet f’dawn l-aħħar snin fit-telf ta’ ħajjiet, it-telf ta’ bijodiversità u t-telf ekonomiku, ġabet magħha l-bżonn li nerġgħu inqisu l-konformità mal-liġijiet eżistenti. Il-KESE insista fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru jinfurzaw u jissorveljaw il-liġijiet eżistenti (2), peress li xi wħud mid-diżastri setgħu jiġu evitati jew almenu seta’ tnaqqas l-impatt tagħhom.

2.5

L-għanijiet għall-prevenzjoni kif imniżżla f’din il-komunikazzjoni, ma japplikawx biss għall-UE. Bejn is-16 u d-19 ta’ Ġunju f’Ġinevra nżammet it-tieni laqgħa tal-Pjattaforma Globali għat-Tnaqqis tar-Riskji tad-Diżastri li matulha l-UE kellha rwol ewlieni. B’mod ġenerali, il-konklużjonijiet tal-Pjattaforma jirriflettu l-għanijiet proposti mill-Kummissjoni Ewropea, u li xi wħud minnhom issirilhom referenza fit-test.

3.   Il-proposti tal-komunikazzjoni fil-qosor

3.1

Din il-komunikazzjoni hija r-riżultat ta’ ftehim bejn, il-Kummissjoni minn naħa waħda u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill min-naħa l-oħra, bil-għan li tiżdied l-azzjoni Komunitarja għall-prevenzjoni tad-diżastri u t-tnaqqis tal-impatti tagħhom.

3.2

Is-sisien għat-twaqqif ta’ approċċ preventiv jinsabu fil-miżuri li ġew adottati diġà fil-livell Ewropew u li huma parti mil-leġiżlazzjoni settorjali attwali. L-għan huwa li l-miżuri u l-azzjonijiet eżistenti jingħatalhom ċertu ordni u koerenza biex ikunu jistgħu jiġu rispettati fit-totalità tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawn li ġejjin:

3.2.1

L-ewwel nett irid ikun hemm fehim aħjar tas-sitwazzjoni attwali li se nibdew minnha billi jinħoloq inventarju bit-tagħrif dwar id-diżastri u billi jixterdu l-aħjar prattiki, biex b’hekk ikun jista’ jsir skambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet interessati. Permezz ta’ dan, tkun tista’ titfassal mappa tal-perikli u r-riskji skont id-Direttiva 2007/60/EC dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (3). Għal dan il-għan huwa essenzjali li r-riċerka tiġi promossa, kif imniżżel fis-Seba’ Programm ta’ Qafas għall-Iżvilupp tar-Riċerka u t-Teknoloġija (2007-2013).

3.2.2

Ir-rabta bejn l-atturi u l-politiki tul iċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri hija element ċentrali ieħor tal-proposti. Il-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili se jkun element fundamentali minħabba l-esperjenza vasta li nkisbet permezz tal-attivitajiet tiegħu. Qed titpoġġa enfasi wkoll fuq it-taħriġ u fuq il-bżonn li titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku ġenerali dwar il-prevenzjoni tad-diżastri. Bl-istess mod, qed jiġi enfasizzat it-tisħiħ tar-rabta bejn l-atturi involuti fil-prevenzjoni tad-diżastri, filwaqt li qed jiġi propost li jitwaqqaf Netwerk Ewropew integrat magħmul minn rappreżentanti ta’ diversi dipartimenti nazzjonali.

3.2.3

It-titjib fil-prestazzjoni tal-istrumenti li jeżistu diġà huwa wieħed mill-elementi essenzjali tal-prevenzjoni, speċjalment l-użu effiċjenti tal-finanzjament tal-Komunità għax il-prevenzjoni hija orħos mir-rimedju. Dawn il-miżuri għandhom jiġu kkunsidrati f’uħud mill-fondi eżistenti (eż. proġetti ta’ afforestazzjoni/riforestazzjoni), fil-qafas tal-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti peress li dawn iservu ta’ regoli preventivi għal ħafna mid-diżastri naturali.

3.3

Fl-aħħar nett, qed jiġi propost li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-prevenzjoni. Il-Kummissjoni se taħdem b’koordinazzjoni mal-istrateġija internazzjonali għat-tnaqqis tar-riskji tad-diżastri (ISDR) tan-NU kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet oħra fil-qafas tas-Sħubija Ewro-Mediterranja u tal-politika tal-viċinat.

4.   Kummenti dwar il-proposta

4.1   Il-Kumitat iqis li l-kontenut tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa pożittiv ħafna. Għalkemm huwa veru li ma tantx iddaħħal elementi ġodda, din il-pożizzjoni tista’ tiġi ġustifikata. Jekk ir-regoli Komunitarji eżistenti jiġu rispettati kollha, il-miżuri ta’ prevenzjoni ħafna drabi jistgħu jkunu effettivi fil-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-impatti tad-diżastri, li sfortunatament qed iseħħu dejjem aktar ta’ sikwit. Il-prevenzjoni hija waħda mill-kunċetti li fuqhom il-KESE jisħaq l-aktar ta’ spiss (4).

4.2   Uħud mill-proposti, bħal dawk li jikkonċernaw l-għargħar, għandhom valur bħala l-bażi ta’ approċċ globali u mhux biss bħala rispons għal avvenimenti speċifiċi. Id-diżastri, kemm dawk naturali kif ukoll dawk ikkawżati mill-bniedem, jeħtieġu metodu ta’ prevenzjoni ġenerali, li jkun ibbażat fuq l-ogħla ammont ta’ informazzjoni dwar l-istat attwali tal-artijiet, tax-xmajjar u tal-atmosfera u dwar xi tnixxijiet li jistgħu jseħħu minn siti ta’ ħażna taħt l-art tas-CO2. Għalhekk il-proposta għall-ħolqien ta’ inventarju ta’ informazzjoni dwar id-diżastri tagħmilha possibbli li jitfasslu mapep tar-riskji, kif imniżżel fid-Direttiva dwar l-għargħar, u dan ser jirrikjedi azzjoni preventiva min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.

4.2.1

L-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-ambjent ivarjaw skont is-sistema ta’ tqassim tat-territorju ta’ kull Stat Membru (5). Fl-istess waqt huwa importanti li dawn l-awtoritajiet ikunu minn tal-ewwel li jitqiesu responsabbli kemm għall-attivitajiet ta’ prevenzjoni kif ukoll biex jipprovdu l-informazzjoni u l-edukazzjoni lis-soċjetà ċivili. L-effettività tal-miżuri li jitwaqqfu għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-impatt tad-diżastri, kemm naturali kif ukoll dawk ikkawżati mill-bniedem, fil-biċċa l-kbira tiddependi minn dawn l-awtoritajiet.

4.3   Il-KESE jqis li trid tiġi enfasizzata l-importanza tal-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili (6). Bis-saħħa tal-programmi ta’ ħidma annwali tal-Istrument jiġu koperti mhux biss l-attivitajiet tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili (it-trasport, it-taħriġ, eċċ.), iżda wkoll attivitajiet oħra marbutin mat-tħejjija, l-ippjanar, it-twissija bikrija u l-prevenzjoni.

4.4   Il-progamm ta’ ħidma għall-2009, li ġie approvat f’Novembru 2008, jipprevedi żieda sinifikanti fil-proġetti ta’ kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni, u l-baġit li żdied minn EUR 1.1 miljun (programm ta’ ħidma tal-2008) għal EUR 2.25 miljun (programm ta’ ħidma tal-2009). Dan għandu jgħin fil-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħsarat fuq tul ta’ żmien billi tittejjeb l-evalwazzjoni tar-riskji. L-atturi involuti fil-protezzjoni ċivili fil-livelli kollha ta’ gvernanza jew tas-soċjetà jistgħu jieħdu sehem.

4.5   Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan il-programm ta’ ħidma ra żieda qawwija fl-appoġġ u t-tħejjija tal-attivitajiet tal-Mekkaniżmu, li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa l-appoġġ għall-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-prevenzjoni tad-diżastri u t-titjib tal-għarfien dwar il-prevenzjoni tad-diżastri, b’żieda fil-baġit minn EUR 650 000 (fil-programm ta’ ħidma tal-2008) għal EUR 1 180 000. Fil-programm ta’ ħidma tal-2009 ġie inkluż ukoll kapitlu dwar l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-prevenzjoni.

4.6   It-tixrid tal-aħjar prattiki mhux biss se jgħin biex ikun hemm koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet kompetenti, iżda se jgħin ukoll fit-titjib tal-applikazzjoni tal-prevenzjoni tar-riskji u biex tkun tista’ tittieħed azzjoni speċifika f’każ ta’ diżastri. Il-KESE jħoss li l-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili (7), permezz taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni, għandu jkun responsabbli għaċ-ċentralizzazzjoni ta’ dawn id-databases, sabiex dawn jaħdmu aħjar.

4.7   B’rabta ma’ dan, il-KESE jqis li permezz tal-proposta għat-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-atturi permezz tat-twaqqif ta’ netwerk Ewropew integrat magħmul minn rappreżentanti ta’ diversi dipartimenti nazzjonali, mhux biss ikunu jistgħu jiġu applikati l-aħjar prattiki f’każ ta’ diżastri, iżda n-netwerk se jkollu wkoll funzjoni ta’ prevenzjoni f’każijiet fejn l-intervent normalment ikun diffiċli.

4.8   Qasam importanti huwa l-finanzjament tal-miżuri ta’ prevenzjoni – qed jiġu proposti żewġ sistemi:

li fl-2009 jitwaqqaf inventarju tal-istrumenti Ewropej li jeżistu għall-finanzjament tal-prevenzjoni tad-diżastri sabiex jiġi evalwat sa liema punt dawn qed jintużaw u biex jiġu identifikati xi nuqqasijiet; (8)

li tiġi żviluppata lista ta’ miżuri ta’ prevenzjoni finanzjati minn politiki Komunitarji differenti eż. proġetti ta’ afforestazzjoni/riforestazzjoni.

4.9   Il-KESE jqis li flimkien ma’ dawn il-proposti, għandu jitqies ukoll il-finanzjament xieraq tal-Istrument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili, sabiex jiġi żgurat li l-ħidmiet ġodda ma jnaqqsux il-kapaċità tal-Mekkaniżmu li jaġixxi, mhux biss f’termini ta’ prevenzjoni iżda wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mar-rispons dirett f’każ ta’ diżastru.

4.10   Il-Kumitat jerġa’ jinsisti li l-investiment fir-riċerka dwar il-prevenzjoni mhuwiex biss neċessità iżda wkoll qasam ta’ prijorità. Nistgħu naraw il-bidu ta’ dan fi ħdan is-Seba’ Programm ta’ Qafas għall-Iżvilupp tar-Riċerka u t-Teknoloġija (2007-2013). Madanakollu, jistgħu jinstabu wkoll sorsi oħra għall-finanzjament ta’ attivitajiet ta’ prevenzjoni, minn oqsma ta’ politika speċifiċi, bħall-finanzjament mit-tieni pilastru tal-PAK għal attivitajiet marbuta mal-forestrija. Għalhekk il-KESE jħoss li l-Kummissjoni għandha tindika s-sorsi għall-finanzjament li jistgħu jkunu disponibbli u li huma mifruxa mal-oqsma tal-politika Komunitarja u mhux biss mill-PAK, bħalma huma l-politika reġjonali, tal-enerġija, tal-bidla fil-klima, eċċ. biex jiġi żgurat programm ta’ azzjoni effettiv għall-prevenzjoni ta’ kull tip ta’ diżastru.

4.11   Il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll l-importanza li titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku ġenerali u l-organizzazzjonijiet soċjali u volontarji dwar il-bżonn ta’ politiki ta’ prevenzjoni bħala l-bażi għal sigurtà aħjar u rispons xieraq għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. It-taħriġ u t-tqajjim ta’ kuxjenza tas-soċjetà ċivili f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni tad-diżastri u mal-użu tajjeb tar-riżorsi naturali huma responsabbiltajiet ewlenin tal-awtoritajiet kompetenti u speċjalment tal-awtoritajiet lokali, minħabba li huma jinsabu qrib ir-riżorsi u l-użu tagħhom.

4.12   Fl-aħħar nett, il-proposta għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-prevenzjoni, u mhux biss tal-għajnuna, hija waħda mill-elementi l-aktar importanti li fuqhom hija bbażata l-istrateġija internazzjonali għat-tnaqqis tar-riskji tad-diżastri tan-NU (UN-ISDR) għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fuq kollox, għandna naħsbu dwar kif, bl-istess patroċinju tan-NU, il-mekkaniżmi għall-intervent jistgħu jsiru aktar universali, mingħajr ma jitnaqqsu l-interventi Ewropej, li kienu daqstant utli fil-każijiet ta’ diżastri reċenti.

4.13   Il-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha tinkludi sistematikament kapitlu dwar il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni tar-riskji għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, b’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju u l-Qafas ta’ Azzjoni Hyogo tal-istrateġija internazzjonali għat-tnaqqis tad-diżastri tan-NU (ISDR).

Brussell, 1 ta’ Ottubru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Intejbu l-mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili tal-Komunità – Nirreaġixxu għal diżastri naturali – CESE 495/2008, ĠU C 204, 9.8.2008, p. 66-70.

(2)  Il-ġestjoni tar-riskju ta’ għargħar - Prevenzjoni, protezzjoni u mitigazzjoni tal-għargħar - CESE 125/2005, ĠU C 221, 8.9.2005, p. 35. (mhux disponibbli bil-Malti)

(3)  ĠU L 288, 6.11.2007.

(4)  CESE 125/2005, ĠU C 221, 8.9.2005 u CESE 737/2006, ĠU C 195, 18.8.2006 u ĠU C 204 tad-9.08.2008.

(5)  Il-Punt 12 tal-konklużjonijiet tal-Pjattaforma jappellaw għall-iżvilupp ta’ sħubijiet li jagħrfu u jsaħħu d-dipendenza reċiproka tal-gvernijiet ċentrali u lokali mas-soċjetà ċivili.

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili (2007/162/EC, EURATOM).

(7)  Intejbu l-mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili tal-Komunità – nirreaġixxu għal diżastri naturali – ĠU C 204, 9.8.2008.

(8)  Il-bżonn li jiġu evalwati l-istrumenti finanzjarji li jistgħu jintużaw biex inaqqqsu d-diżastri fil-livell dinji jissemma’ fil-punt 17 tal-konklużjonijiet tal-Pjattaforma.


Top