EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1465

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea COM(2008) 811 finali

ĠU C 318, 23.12.2009, p. 92–96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/92


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Green Paper dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea”

COM(2008) 811 finali

2009/C 318/18

Relatur: is-Sur BUFFETAUT

Nhar it-3 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur BUFFETAUT.

Matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tal-1 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’160 vot favur, vot wieħed kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ b’sodsifazzjon l-inizjattiva mnedija mill-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha. Madankollu, jiddispjaċih li d-dokument jillimita ruħu għall-bijoskart biss u mhux għall-iskart bijodegredabbli kollu.

1.2

Peress li ma hemm l-ebda regolamentazzjoni komuni, jirrakkomanda li titfassal regolamentazzjoni li tkun armonizzata mil-lat tal-prinċipji u l-metodi tekniċi tagħha.

1.3

Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li tiġi rispettata l-ġerarkija tal-metodi tal-ġestjoni tal-iskart, li r-riċiklaġġ jitħeġġeġ u jiġi promoss, u li jsir l-aħjar użu tar-riżorsi, b’mod partikolari tal-enerġija.

1.4

Il-Kumitat jaqbel li għandhom jittieħdu l-miżuri kollha possibbli għall-prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart mill-konsumaturi u l-produtturi industrijali, għalkemm jagħraf li l-ammont ta’ skart evitat b’dan il-mod huwa żgħir ħafna. Peress li l-kundizzjonijiet lokali jista’ jkollhom impatt konsiderevoli fuq il-ġestjoni tal-bijoskart u fuq kif il-materjal prodott jista’ jintuża, fil-fehma tal-Kumitat, l-Unjoni Ewropea għalissa għandha tagħti l-preferenza tagħha lit-tfassil ta’ linji gwida ċari u lid-definizzjoni ta’ objettiv ta’ kwalità tajba pjuttost milli jiġu stabbilti regoli vinkolanti uniformi dwar il-modi ta’ produzzjoni tal-kompost. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom iżommu ċerta flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-objettivi Ewropej. Madankollu, tajjeb li jsir rendikont tal-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni Ewropea ħames snin wara l-implimentazzjoni tal-linji gwida eventwali. Jekk dan dan ir-rendikont ma jkunx sodisfaċenti, allura jkun għaqli li titfassal leġizlazzjoni aktar vinkolanti.

2.   X’inhuwa l-bijoskart?

2.1

Il-bijoskart huwa skart bijodegredabbli tal-ġonna u tal-parks, skart tal-ikel u skart li jiġi mill-kċejjen tad-djar, ristoranti, fornituri tal-ikel u postijiet tal-bejgħ, u skart li jista’ jitqabbel ma’ skart li jiġi minn impjanti li jipproċessaw l-ikel. Id-definizzjoni ta’ bijoskart ma tinkludix il-fdalijiet mill-foresti jew il-fdalijiet agrikoli, demel tar-raba’, il-materjal li jġorr id-drenaġġ miegħu, jew skart bijodegredabbli ieħor bħal tessuti naturali, karti jew injam ipproċessat. Għaldaqstant, is-suġġett tal-Green Paper huwa l-bijoskart mhux l-iskart bijodegredabbli, li huwa kunċett aktar wiesa’ li jkopri wkoll il-bijoskart.

2.2

Huwa stmat li l-kwantità annwali ta’ bijoskart fl-UE hija ta’ bejn 76,5 u 102 tunnellati metriċi għall-iskart tal-ikel u l-ġonna inkluż fl-iskart solidu muniċipali mħallat u ta 37 tunnellata metrika għall-iskart mill-industrija tal-ikel u x-xorb.

3.   Għaliex hemm bżonn ta’ Green Paper?

3.1

Jeħtieġ l-ewwel nisħqu fuq il-fatt li l-politiki nazzjonali jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit jekk huwiex biżżejjed li jittieħdu miżuri nazzjonali jew jekk huwiex aħjar u aktar effikaċi li tittieħed azzjoni fil-livell Komunitarju, fid-dawl tal-fatt li l-kundizzjonijiet lokali speċifiċi, l-aktar il-klima, huma importanti.

3.2

Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart titlob lill-Kummissjoni tevalwa l-ġestjoni tal-bijoskart bil-għan li tressaq, jekk ikun hemm bżonn, proposta leġiżlattiva jew linji gwida.

3.3

Fl-1999 u l-2001 kienu ppubblikati żewġ dokumenti ta’ ħidma, iżda minn dakinhar ’l hawn is-sitwazzjoni nbidlet konsiderevolment, b’mod partikolari wara l-adeżjoni ta’ 12-il Stat Membru ġdid.

3.4

Għalhekk, l-għan tal-Green Paper huwa li teżamina kull possibbiltà biex titejjeb il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea. Dan jinvolvi t-tnedija ta’ dibattitu dwar il-possibbiltà ta’ azzjoni Komunitarja fil-ġejjieni, li tikkunsidra l-ġerarkija tat-trattament tal-bijoskart u l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali eventwali. Id-diffikultà ta’ din l-azzjoni hija dovuta għall-fatt li jeżistu bosta inċertezzi dwar din il-kwistjoni.

4.   It-tekniki attwali

4.1

Fl-Istati Membri jintużaw dawn it-tekniki:

il-ġbir separat, li jippermetti l-produzzjoni ta’ kompost ta’ kwalità għolja;

ir-rimi fil-miżbliet, li għadu l-iktar metodu ta’ rimi tal-iskart solidu muniċipali (SSM) użat;

l-inċinerazzjoni, li tagħmel l-aħjar użu mill-enerġija (din it-teknika hija inqas rilevanti fin-Nofsinhar, fejn mhuwiex daqstant utli li tintuża s-sħana prodotta);

it-trattament bijolġiku;

it-trattament ma’ tipi oħra ta’ skart;

il-bdil tal-kompost f’ “pellets”;

id-diġestjoni aerobika;

id-diġestjoni anerobika;

it-trattament mekkaniku bijoloġiku, li juża taħlita ta’ separazzjoni tal-iskart u trattament bijoloġiku.

4.2

Ilkoll kemm huma jintużaw fl-Istati Membri, iżda nsibu tliet tekniki ewlenin: l-inċinerazzjoni biex jiġi evitat ir-rimi fil-miżbliet, l-irkuprar ta’ persentaġġ għoli ta’ materjal b’rata ta’ inċinerazzjoni pjuttost baxxa, u r-rimi fil-miżbliet.

4.3

L-istandards attwali jvarjaw ukoll. Jeżistu standards dwar l-użu u l-kwalità tal-kompost, iżda dawn ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Jeżisti wkoll standard dwar l-irkuprar tal-enerġija. Ilkoll inħolqu fil-livell Komunitarju.

4.4

L-impatt ambjentali u ekonomiku jvarja skont it-tekniki differenti użati. Ir-rimi fil-miżbliet huwa kkunsidrat bħala l-irħas mezz, filwaqt li l-inċinerazzjoni teħtieġ investiment akbar. Fil-każ speċifiku tat-trattament bijoloġiku, huwa diffiċli tiġi stabbilita spiża waħda minħabba l-firxa wiesgħa ta’ tekniki użati.

5.   Kummenti ġenerali

5.1   Ambitu

5.1.1

L-ambitu tal-Green Paper ma jkoprix l-iskart bijodegredabbli kollu. Din l-għażla hija ristrettiva għaliex minħabba f’hekk ma jiġix ikkunsidrat l-iskart bijodegredabbli kollu. F’ċertu sens, dan ħoloq kategorija ġdida ta’ skart bijodegredabbli li tiġbor fiha biss l-iskart bijodegredabbli mill-parks u l-ġonna, l-iskart tal-kċejjen domestiċi u l-iskart tal-industrija tal-kejtering jew l-industrija tal-ikel u x-xorb.

5.1.2

Il-mezzi għall-ġbir tal-iskart u l-istrumenti għat-trattament tal-bijoskart u l-iskart bijodegredabbli, u xi drabi saħansitra l-proċessi tal-irkuprar, jitfasslu u jiġu implimentati b’mod komuni. Għalhekk, kien ikun aktar loġiku li kieku ġie adottat approċċ globali uniformi permezz ta’ regolamentazzjoni waħda. Jekk din ir-regolamentazzjoni ma tkunx tista’ tiġi applikata, ikun hemm bżonn regolamentazzjoni li tkun armonizzata mil-lat tal-prinċipji u l-metodi tekniċi tagħha.

5.1.3

Naturalment, il-metodi tal-ġestjoni tal-bijoskart (u tal-iskart bijodegredabbli inġenerali) għandhom jirrispettaw il-ġerarkija tal-metodi tal-ġestjoni tal-iskart: il-prevenzjoni, ir-riċiklaġġ (l-użu mill-ġdid ftit li xejn huwa rilevanti f’dan il-każ), forom oħra ta’ rkuprar, inkluż dak tal-enerġija, u fl-aħħar nett, ir-rimi.

5.1.4

Il-metodu ppreferut huwa l-prevenzjoni. Fil-prattika, dan jinvolvi li tiġi limitata l-kwantità tal-ikel mhux ikkunsmat fl-iskart u li titnaqqas il-produzzjoni tal-iskart fil-ġonna u l-parks permezz ta’ metodi ta’ kultivazzjoni adattati. Madankollu, fil-verità, il-produzzjoni tal-bijoskart hija inevitabbli.

5.1.5

Ir-riċiklaġġ għandu jitqies bħala l-metodu li għandu jingħata preċedenza fil-ġestjoni ta’ dan it-tip ta’ skart. Dan jinvolvi l-produzzjoni ta’ kompost organiku, jew fertilizzant permezz tal-proċess ta’ metanizzazzjoni. Il-metodu tal-ġbir użat qabel ma jsir it-trattament bijoloġiku huwa ta’ importanza kbira. Jeżistu żewġ għażliet: ġbir separat fis-sors jew ġbir ta’ skart imħallat segwit minn separazzjoni fl-impjant tal-iskart. Ta’ min jenfasizza hawnhekk li l-kwalità tal-prodotti użati biex isir il-kompost għandha impatt qawwi fuq il-kwalità tal-prodott finali. L-aktar ħaġa importanti hija li jintlaħqu l-objettivi fil-qasam tar-riċiklaġġ u tal-kwalità aħħarija indipendentement mit-teknoloġija jew il-mod ta’ organizzazzjoni magħżul.

5.1.6

Fil-każ tal-iskart bijodegredabbli, tintuża l-metanizzazzjoni bil-għan li l-proċess tal-irkuprar ikun l-aktar effiċjenti possibbli. L-enerġija rkuprata mill-fdal tal-iskart hija element indispensabbli fil-katina tar-riċiklaġġ tal-iskart bijodegredabbli sabiex l-enerġija miġbura fih ma tinħeliex.

5.2   L-użu tal-kompost

5.2.1

Rigward l-użu tal-kompost, jeħtieġ jiġi enfasizzat li s-suq tal-kompost ivarja ħafna, skont iċ-ċirkustanzi differenti fl-Istati Membri, u li r-relazzjonijiet kummerċjali b’rabta mal-importazzjoni u l-esportazzjoni huma limitati ħafna. Is-suq tal-kompost huwa essenzjalment lokali. F’ċerti pajjiżi, il-kompost huwa użat l-aktar fl-agrikoltura; f’pajjiżi oħrajn, jinbiegħ fil-ħwienet biex jintuża fil-pjanti jew bħala fertilizzant tal-ħamrija. Għalhekk, jagħmel sens li r-regolamentazzjoni titfassal skont l-użu li jsir mill-prodott finali. Jistgħu jiġu identifikati tliet tipi ta’ użi/prodotti:

in-nutriment tal-pjanti u l-ħamrija;

it-titjib tal-proprjetajiet fiżiċi tal-ħamrija;

is-sostituzzjoni parzjali tal-ħamrija.

5.2.2

Fil-każi kollha, il-kriterji tal-kwalità tas-saħħa u ambjentali tal-materjal finali (il-kompost jew id-diġestat) għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ studji tar-riskji xjentifiċi. Il-kriterji finali tal-kwalità tal-kompost u d-diġestat għandhom jiġu ddeterminati skont l-użu ppjanat u fuq il-bażi ta’ analiżi ġenwini tar-riskji appoġġjati minn metodoloġiji sodi u ttestjati.

5.3   Il-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet

5.3.1

Peress li l-kundizzjonijiet għat-trattament tal-bijoskart ivarjaw skont il-ġeografija, il-klima jew is-suq tal-kompost, ikun aħjar li l-iżvilupp ta’ dan it-trattament jiġi fdat lill-Istati Membri fil-qafas ta’ linji gwida ċari stabbiliti fil-livell Ewropew, u fuq il-bażi tal-kriterji ta’ kwalità stabbiliti xjentifikament.

5.3.2

Il-politika tal-UE għalhekk għandha tissejjes fuq id-definizzjoni tal-istandards għall-kompost, appoġġ qawwi lill-ġbir separat u r-riċiklaġġ, id-definizzjoni tal-istandards fil-proċess tal-produzzjoni tal-kompost u l-iskambju ta’ prattiki tajbin. B’mod ġenerali, il-politika għandu jkollha ċerta flessibbiltà, u għaldaqstant hemm il-preferenza għal linji gwida ċari pjuttost milli miżuri leġiżlattivi li huma ristrettivi wisq u mhux adattati għall-kundizzjonijiet lokali. Fil-fatt, l-awtoritajiet lokali jistgħu jużaw firxa ta’ miżuri, fosthom il-politika tal-prezzijiet u dik fiskali. Pereżempju, Franza, il-fatt li muniċipalità tagħżel li tissepara l-iskart isarraf fi tnaqqis tat-taxxa fuq il-ġbir tal-iskart domestiku u dan igawdu minnu b’mod dirett iċ-ċittadini li jħallsu t-taxxi – din hija miżura li tipprovdi inċentiv qawwi għall-awtoritajiet muniċipali. Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-ġbir separat huwa aktar faċli li jsir fiż-żoni rurali jew fis-subborgi milli fil-qalba tal-bliet, b’mod partikolari dawk antiki.

5.4   Il-klassifikazzjoni tal-kompost. Aktar milli tiġi kklasifikata l-kwalità tal-kompost skont it-tip tal-ġbir użat – separat jew imħallat – għandhom jiġu ddeterminati l-kriterji ta’ kwalità tal-prodott aħħari, hi x’inhi l-oriġini tiegħu, fuq il-bażi ta’ kriterji xjentifiċi u kriterji tas-saħħa sodi u tal-użu li huwa ppjanat li jsir mill-prodott.

5.5   It-tekniki li għandhom jitħeġġu. Filwaqt li huwa diffiċli li jiġi impost il-ġbir separat, peress li fil-prattika dan jista’ jkun diffiċli ħafna, partikolarment fiċ-ċentri urbani, dan il-mezz għandu jitħeġġeġ xorta waħda f’dawk il-każi fejn huwa teknikament u ekonomikament possibbli. Dan għandu jimxi id f’id ma’ politika soda ta’ informazzjoni u komunikazzjoni bil-għan li twassal għal bidla fl-imġiba u d-drawwiet taċ-ċittadini.

5.5.1

It-trattament bijoloġiku għandu jiġi ppreferut minn fost il-forom l-oħra ta’ trattament, b’mod partikolari r-rimi fil-miżbliet. L-użu ta’ strumenti ekonomiċi u fiskali jista’ jservi ta’ inċentiv biex jinstabu soluzzjonijiet oħra minflok il-miżbliet, pereżempju ż-żieda jew il-ħolqien ta’ royalties jew taxxi li jridu jitħallsu għar-rimi fil-miżbliet sabiex jiġi ffinanzjat it-trattament tal-miżbliet meta ma jkunux jistgħu jintużaw aktar. Jeħtieġ ukoll li jinstabu mezzi alternattivi bi prezzijiet raġonevoli.

5.5.2

Jeħtieġ li l-ġerarkija tal-iskart tiġi enfasizzata u l-miżuri ta’ prevenzjoni jissaħħu.

5.6   Impjanti mhux koperti mid-Direttiva IPPC tal-ġejjieni. L-impjanti li mhumiex koperti mid-Direttiva IPPC tal-ġejjieni (impjanti li jittrattaw inqas minn 50 tunnellata metrika ta’ bijoskart kuljum) għandhom xorta waħda jikkonformaw mal-istandards ta’ garanzija tal-kwalità. Jeħtieġ jiġi enfasizzat ukoll li minkejja li dawn l-impjanti ż-żgħar jirrappreżentaw 30 % tal-impjanti kollha, huma jittrattaw biss persentaġġ żgħir ħafna tal-ammont totali tal-iskart.

6.   Kummenti speċifiċi: tmien mistoqsijiet

6.1   Il-Kummissjoni indirizzat tmien mistoqsijiet speċifiċi lill-partijiet interessati differenti. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jixtieq iweġibhom.

6.2   Mistoqsija 1: il-prevenzjoni tal-iskart

6.2.1

Ma tistax ma taqbilx mal-għan ġenerali, li huwa l-prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart. Din il-prevenzjoni tista’ tkun kwantitattiva u/jew kwalitattiva. Fl-ewwel każ, l-idea hija li l-ammont ta’ skart li jidħol fis-sistema tal-ġestjoni tal-iskart kollettiva jiġi limitat billi jintuża għall-kompost id-dar jew fil-livell lokali; fil-prattika, però, dawn it-tekniki għandhom impatt limitat mill-perspettiva ta’ volum, u l-impatt tagħhom għal perijodu ta’ żmien qasir u medju huwa dgħajjef. Fit-tieni każ, l-għan huwa li tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-iskart bijodegredabbli.

6.2.2

Fiż-żewġ każi li huma, hemm bżonn li ċ-ċittadini jiġu sensibilizzati u edukati, peress li dawn jaqdu rwol ewlieni mhux biss fil-produzzjoni tal-iskart iżda wkoll fis-separazzjoni u l-ġbir tiegħu. Din is-sensibilizzazzjoni għandha tiffoka l-ewwel u qabel kollox fuq l-akbar produtturi tal-iskart.

6.2.3

Jistgħu jiġu rakkomandati dawn il-miżuri speċifiċi:

kampanji għall-prevenzjoni tal-produzzjoni ta’ skart tal-ikel;

l-użu ta’ basktijiet bijodegredabbli u totalment kompostabbli;

il-ġbir separat tal-iskart domestiku perikoluż;

l-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta’ ġbir separat tal-bijoskart għall-akbar produtturi;

il-prevenzjoni tal-produzzjoni ta’ skart fil-katina tal-provvista.

6.3   Mistoqsija 2: nillimitaw l-ammont ta’ skart mormi fil-miżbliet

6.3.1

Il-fatt li l-ammont ta’ bijoskart mormi fil-miżbliet jkompli jiġi limitat għandu vantaġġi ekoloġiċi u jippermetti l-irkuprar tal-enerġija mill-bijoskart, ir-riċiklaġġ tal-materjali u l-produzzjoni ta’ kwantitajiet akbar ta’ kompost, iżda min-naħa l-oħra dan jirrikjedi mezzi alternattivi bi prezzijiet raġonevoli.

6.3.2

It-trattament bijoloġiku għandu jitħeġġeġ, pereżempju permezz ta’ strumenti finanzjarji. Fi Franza, iż-żieda fit-taxxa fuq il-miżbliet kienet imsieħba ma’ riallokazzjoni tal-fondi għat-trattament bijoloġiku. Għandha tiġi prevista wkoll l-iffissar ta’ rata għar-riċiklaġġ tal-iskart bijodegredabbli.

6.4   Mistoqsija 3: il-possibbiltajiet b’rabta mat-trattament tal-bijoskart li ma jibqax jintrema fil-miżbliet

6.4.1

Id-diġestjoni anerobika tal-iskart bl-irkupru enerġetiku tal-bijogass u bl-użu tad-diġestat għall-produzzjoni tal-kompost hija soluzzjoni partikolarment adatta. Dan il-metodu huwa konformi mal-kunċett taċ-“ċiklu tal-ħajja” peress li bis-saħħa tiegħu jistgħu jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta’ serra, tittejjeb il-kwalità tal-ħamrija permezz tal-kompost u jiġi żgurat li l-enerġija tal-bijogass tiġi rkuprata.

6.4.2

Taħt kull ċirkustanza, u indipendentement mill-metodu użat, il-prijorità għandha tingħata lir-riċiklaġġ li jinvolvi l-produzzjoni ta’ fertilizzanti bil-ħsieb li jerġgħu lura fil-ħamrija, permezz tat-trattament bijoloġiku, li huwa meqjus minn kulħadd li jagħmel ġid lill-ambjent.

6.4.3

Il-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja huwa interessanti iżda l-użu tiegħu fil-prattika huwa problematiku minħabba li l-istrumenti ta’ implimentazzjoni disponibbli bħalissa ma jippermettux l-applikazzjoni tiegħu. Il-metodi tal-evalwazzjoni tal-ġestjoni għandhom jittejbu bil-għan li jkunu jistgħu jqisu l-impatt tat-tibdil fil-klima u l-kwistjoni tal-kwalità tal-ħamrija.

6.4.4

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet inqas stretti għall-inċinerazzjoni tal-iskart omoġenu billi dan l-iskart huwa marbut ma’ inqas riskji.

6.5   Mistoqsija 4: nirkupraw l-enerġija mill-bijoskart

6.5.1

L-iskart bijodegredabbli muniċipali jikkontribwixxi għal 2,6 % tal-enerġija rinnovabbli prodotta. Dan huwa r-riżultat tal-metodi ta’ trattament użati fil-preżent: l-inċinerazzjoni, it-trattament tal-bijogass prodott fil-miżbliet u l-bijogass mormi mill-metanizzazzjoni.

6.5.2

Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-iskart muniċipali jista’ jipproduċi l-enerġija maħżuna f’20 miljun tunnellata żejt, li jirrappreżenta kważi 7 % tar-riżorsi globali tal-enerġija rinnovabbli fl-2020. Għalhekk, jeżistu bosta opportunitajiet biex isir progress f’dan il-qasam. Għaldaqstant, m’għandniex awtomatikament nirreaġixxu b’mod negattiv għall-irkuprar tal-enerġija mill-bijoskart. L-iżvilupp tal-metanizzazzjoni tal-bijoskart għandu jiġi kkunsidrat bħala soluzzjoni interessanti li għandha titħeġġeġ.

6.5.3

Huwa importanti ħafna li wieħed jippromovi l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u aktar effiċjenti bil-għan li tissaħħaħ it-tneħħija tal-iskart permezz ta’ impjanti tal-produzzjoni tal-bijogass u metodi oħra tal-produzzjoni tal-bijokarburanti.

6.6   Mistoqsija 5: ir-riċiklaġġ tal-bijoskart

6.6.1

Jeħtieġ li ż-żieda fl-użu tar-riċiklaġġ tal-bijoskart u fl-irkuprar tal-enerġija mill-bijoskart tiġi appoġġjata. Mhux biss hemm il-ħtieġa li l-produtturi tal-bijoskart jiġu informati u mħeġġa, iżda jeħtieġ ukoll nippruvaw ninfluwenzaw lill-amministrazzjonijiet responsabbli għal dawn il-kwistjonijiet. Kull Stat Membru jista’ jitħeġġeġ jistabbilixxi mira għall-użu tal-fertilizzanti minn sorsi rinnovabbli.

6.6.2

Jistgħu jiġu kkunsidrati dawn il-miżuri:

inċentivi fiskali favur ir-riċiklaġġ tal-skart bijodegredabbli u l-irkuprar tal-enerġija mill-kompost/diġestat;

l-introduzzjoni ta’ klawżoli fil-kuntratti pubbliċi li jħeġġu l-użu tal-fertilizzanti minn sorsi rinnovabbli;

il-promozzjoni ta’ sistemi għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-istadji differenti tat-trattament bijoloġiku;

l-irkuprar tal-enerġija mill-fdal tal-iskart.

6.7   Mistoqsija 6: inħeġġu l-użu tal-kompost/diġestat

6.7.1

Fid-dawl tad-diversità tal-użi u tal-prodotti, għandhom jiġu stabbiliti regoli kemm dwar il-kompost, kif ukoll dwar l-użu tiegħu.

6.7.2

Jeħtieġ jiġu stabbiliti l-livelli massimi ta’ kontaminanti, pollutanti u patoġeni fil-kompost.

6.7.3

Rigward l-użu tal-kompost, ikun tajjeb li jiġu stabbiliti:

għanijiet b’rabta man-nutriment tal-pjanti u l-ħamrija;

għanijiet b’rabta mat-titijib tal-proprjetajiet fiżiċi tal-ħamrija;

għanijiet b’rabta mas-sostituzzjoni parzjali tal-ħamrija.

6.7.4

Kull għan għandu jikkorrispondi mal-karatteristiċi u l-kwalitajiet tal-kompost ikkonċernat. F’kull każ, il-kriterji b’rabta mal-kwalità tas-saħħa u l-kwalità ambjentali għandhom jiġu stabbiliti għall-prodott finali fuq il-bażi ta’ studji tar-riskji xjentifiċi. Dawn il-kriterji jkopru l-pollutanti, il-patoġeni u l-impuritajiet.

6.7.5

Il-kwistjoni tal-użu tal-kompost akkwistat mill-iskart imħallat tqajjem il-kwistjoni tal-metodu ta’ trattament użat. Il-ġbir separat fis-sors huwa l-aktar metodu sigur, iżda mhux dejjem faċli jiġi organizzat. Is-soluzzjoni l-oħra tinvolvi l-ġbir ta’ skart imħallat segwit minn separazzjoni fl-impjant tal-iskart jew ċentru tas-separazzjoni. Għalhekk, peress li jistgħu jintużaw tekniki differenti, għandu jiġi żgurat li, indipendentement mill-proċedura magħżula, jinkisbu l-għanijiet fil-qasam tar-riċiklaġġ u l-kwalità tal-materjal finali.

6.8   Mistoqsija 7: lakuni fil-qafas regolatorju

6.8.1

L-impjanti kollha tat-trattament tal-iskart għandhom ikunu suġġetti għal sorveljanza u regoli stretti. Test speċifiku dwar il-ġestjoni tal-iskart bijodegredabbli, li jistabbilixxi standards Ewropej minimi, jippermetti li l-monitoraġġ tal-impjanti tal-kompostaġġ – li ta’ sikwit ma jilħqux dawn l-istandards – jittejjeb, mingħajr il-ħtieġa li jinbidlu l-livelli stabbiliti fid-Direttiva IPPC.

6.9   Mistoqsija 8: il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tat-tekniki tal-ġestjoni tal-bijoskart

6.9.1

Il-Green Paper tagħmel referenza għall-ġerarkija tal-iskart. Għaldaqstant, bir-raġun tirrakkomanda li r-rimi fil-miżbliet jiġi limitat. L-inċinerazzjoni tista’ tkun mezz tajjeb għall-irkuprar tal-enerġija mill-bijoskart; madankollu, in-natura ta’ dan il-proċess titlob li n-nutrijenti miġbura fil-bijoskart ma jintużawx għat-titjib tal-kwalità tal-ħamrija. Il-kompostaġġ għandu l-vantaġġ li jipproduċi materjal li huwa fertilizzant effettiv ħafna, u li għandu proprjetajiet adatti għat-titjib tal-kwalità tal-ħamrija. L-iżvantaġġ tiegħu huwa li, waqt il-proċess tal-produzzjoni tal-kompost, jipproduċi gassijiet bl-effett ta’ serra. Id-diġestjoni anerobika tal-iskart li tinvolvi l-produzzjoni u l-irkuprar tal-bijogass u l-użu tad-diġestat biex jiġi prodott il-kompost hija proċess aktar kumpless li jeħtieġ investimenti akbar milli jitlob il-kompostaġġ; madankollu, dan it-tip ta’ diġestjoni jipprovdi sors ta’ enerġija rinnovabbli aktar pura.

6.9.2

Taħt kull ċirkustanza, huwa tajjeb li l-kapaċità ta’ innovazzjoni teknoloġika tal-operaturi tiġi ppreżervata sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-proċessi u jtejbuhom kemm minn perspettiva ekonomika kif ukoll mil-lat ta’ kwantità u kwalità. L-importanti huwa li tiġi żgurata l-ogħla kwalità possibbli tal-kompost prodott u li ssir enfasi fuq l-obbligu li dan jagħti r-riżultati, fuq il-bażi ta’ limiti stabbiliti xjentifikament, u mhux fuq il-bażi ta’ metodi tekniċi magħżulin minn qabel.

Brussell, 1 ta’ Ottubru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


Top