EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1462

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq tal-Komunità l-injam u prodotti tal-injam COM(2008) 644 finali - 2008/0198 (COD)

ĠU C 318, 23.12.2009, p. 88–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq tal-Komunità l-injam u prodotti tal-injam”

COM(2008) 644 finali - 2008/0198 (COD)

2009/C 318/17

Relatur: is-Sur SALVATORE

Korelatur: is-Sur BURNS

Nhar l-14 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 175(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq tal-Komunità l-injam u prodotti tal-injam.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2009 Ir-relatur kien is-Sur SALVATORE u l-korelatur kien is-Sur BURNS.

Matul il- 456 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tal-1 ta’ Ottubru ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’87 voti favur, 7 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jaqbel għal kollox mal-għan tar-regolament propost mill-Kummissjoni, dak li jnaqqas ir-riskju li fis-suq Ewropew jinħareġ injam illegali u l-prodotti tiegħu. Fil-fatt, id-deforestazzjoni, barra milli hi responsabbli għal madwar 20 % tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u tat-telfien fil-bijodiversità, toħloq problemi eknomiċi u fuq kollox soċjali. Madankollu, biex jintlaħaq l-iskop stabbilit hemm bżonn li jintwera iktar kuraġġ u li l-interventi jkunu aktar deċiżivi, billi jintużaw miżuri li jkunu vinkolanti u skadenzi ta’ implimentazzjoni qosra.

1.2

Il-proposta għal regolament hija element ewlieni, flimkien mal-ftehimiet volontarji ta’ sħubijiet FLEGT (1), l-iżvilupp ta’ programmi ta’ kooperazzjoni marbuta maċ-ċertifikazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-foresti, kif ukoll il-ftehimiet mal-pajjiżi li l-aktar li jimportaw injam, fil-ġlieda mhux biss kontra l-qtugħ illegali tal-injam, iżda wkoll it-tqegħid tiegħu fil-kummerċ.

1.3

Il-kunċett tas-sostenibbiltà mhuwiex ibbażat biss fuq il-kapaċità li jiġi prodott l-injam, iżda wkoll fuq kriterji: soċjali (kundizzjonijiet tax-xogħol aċċettabbli, rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema), skont id-definizzjoni tal-ILO (2); ekonomiċi (li tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq minħabba f’kompetizzjoni inġusta) u ambjentali (l-impatt tad-deforestazzjoni illegali fuq l-ambjent u t-tnaqqis fil-bijodiversità).

1.4

F’dan ir-regolament, il-Kummissjoni ħatret sistema ta’ diliġenza meħtieġa bħala l-istrument biex jitnaqqas ir-riskju li fis-suq Ewropew jitpoġġa injam illegali u l-prodotti tiegħu. Din l-għażla, kif ġiet ippreżentata, teħtieġ xi modifiki.

1.5

L-ewwel nett, hija tqis biss l-operaturi li jqiegħdu l-injam u l-prodotti tal-injam fis-suq għall-ewwel darba. Fil-fehma tal-Kumitat din is-sistema għandha titwessa’, b’diversi modi u regoli, biex tilħaq l-operaturi kollha fil-katina tal-kummerċ tal-injam. It-traċċabbiltà trid tmiss kull operatur, li jrid ikollu l-informazzjoni dwar l-oriġini u l-karatteristiċi tal-prodott: il-pajjiż, il-foresta, l-ispeċi, l-età u l-fornitur. L-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll il-produtturi ż-żgħar, għandhom jingħataw il-benefiċċju tal-flessibbiltà kif ukoll ċertu żmien biex jadattaw għas-sistema l-ġdida, mingħajr ma jitgħabbew b’piżijiet eċċessivi.

1.6

Fi kwalunkwe każ, hemm bżonn li jiġi evitat li jiġi irduppjat ix-xogħol tas-sistemi ta’ “traċċabbiltà” li diġà jeżistu, billi jiġu rikonoxxuti l-liġijiet nazzjonali, bil-mekkaniżmi ta’ kontroll applikabbli, tas-sistemi ta’ ċertifikazzjoni tal-foresti u l-mudelli organizzattivi fejn jaqblu mal-kriterji ta’ tmexxija sostenibbli tal-foresti. B’mod partikulari f’dawk il-każi fejn qed jiġu applikati il-prinċipji ta’ diliġenza meħtieġa, huwa inutli li jiġu imposti obbligi burokratiċi oħra. L-UE trid tistabbilixxi standards għar-regoli u l-approċċi komuni fil-proċedura għall-ġestjoni tar-riskju, li jkunu aktar rigorużi fiż-żoni fejn hemm riskju akbar li jsiru atti illegali fil-ġestjoni tal-injam (3), billi f’dak il-każ iċ-ċertifikati jinħarġu minn korpi terzi li jkunu indipendenti u li jkollhom esperjenza stabbilita.

1.7

Il-ftehimiet mal-pajjiżi terzi jeħtieġ li jaħsbu għal sħubija organizzattiva / ta’ ġestjoni u sistemi ta’ inċentivi soċjali, bil-kunsiderazzjoni tal-ħarsien tal-korrelazzjoni inversa bejn ir-rata tal-ħsad illegali tal-injam u d-dħul ras għal ras tal-abitanti ta’ pajjiż partikulari.

1.8

Jekk id-diliġenza meħtieġa tiġi applikata għall-operaturi kollha, jittejbu l-possibbiltajiet li fis-suq jitqiegħed biss injam legali li jkun approvat iktar, mhux biss minħabba l-effetti ekonomiċi, iżda minħabba l-impatt soċjali kbir tagħhom. Il-ġestjoni tar-riżorsi tal-foresti li tħares fit-tul u l-użu ta’ prodotti legali, fil-fatt huma opportunità ta’ żvilupp “sostenibbli” għall-popolazzjonijiet lokali li jaħdmu fil-qasam tal-injam u joffru garanzija għall-ġejjieni tal-industrija Ewropea fis-settur.

1.9

Ir-regolament għandu jilħaq ukoll l-injam u prodotti tal-injam li jmorru fil-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

1.10

Il-penali għal min jikser ir-rekwiżiti għall-kummerċ tal-injam u l-prodotti tal-injam jridu jkunu l-istess fl-Istati differenti u proporzjonati skont il-grad ta’ responsabbiltà, sa massimu ta’ saħansitra t-twaqqif mill-attività kummerċjali, fil-każ ta’ reati gravi.

1.11

Sabiex ikun żgurat li s-sistema taħdem sew, qed jiġi sostnut b’mod qawwi li flimkien mal-Kummissjoni, għandu jkun hemm Grupp Konsultattiv dwar il-kummerċ tal-injam li jiġbor fih lill-partijiet kollha interessati.

1.12

Wara sentejn minn meta jidħol fis-seħħ ir-regolament, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt fuq it-tħaddim tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tal-injam. Fl-eventwalità li jirriżultaw effetti negattivi, għandha ssir dispożizzjoni dwar ir-reviżjoni tal-punti dgħajfa tal-istess regolament.

2.   Daħla

2.1

Din il-proposta għal regolament għandha l-għan li tiġġieled il-qtugħ illegali tal-injam, u tippromovi li dan jinġieb minn pajjiżi li jmexxu l-foresti tagħhom skont prattiki legali. Din hi waħda mis-soluzzjonijiet tal-UE għall-problema tal-qtugħ illegali tal-injam li hi waħda mill-kawżi tad-deforestazzjoni. Id-deforestazzjoni hija responsabbli għal madwar 20 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra u hija kawża ewlenija għat-telf globali tal-bijodiversità. Barra minn hekk, id-deforestazzjoni illegali tipproduċi fenomeni ta’ dumping ekonomiku, soċjali u ambjentali, u b’hekk thedded il-kompetittività tal-intrapriżi li jużaw ir-riżorsi tal-foresti b’mod legali.

2.2

Fir-rigward tad-dumping soċjali, sa mill-1996, l-UE kemm il-darba fittxet li ddaħħal dispożizzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema fil-ftehimiet tad-WTO (l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ). Dawn il-proposti sabu oppożizzjoni qawwija min-naħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jakkużaw lill-pajjiżi industrijalizzati li qed jużaw dawn il-proposti biex joħolqu forom ġodda ta’ protezzjoniżmu kontra l-esportazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, illum dan l-argument jinstema’ ħafna drabi fi ħdan l-istess UE.

2.3

Għaldaqstant, il-Kummissjoni żviluppat għadd ta’ possibbiltajiet biex tiżgura li fl-UE jinbigħu biss l-injam u prodotti tal-injam li ġejjin minn sorsi legali. Dawn l-għażliet għaddew minn valutazzjoni tal-impatt u ddaħħlu fis-sistema ta’ “diliġenza meħtieġa”. Żgur li wieħed jilqa’ kontroll akbar fil-fruntieri peress li jkun effettiv ħafna, iżda sfortunatament, dan mhuwiex kompatibbli mar-regoli tal-kummerċ ħieles u għalhekk ma jistgħax isir.

2.4

Il-legalità tal-oriġini tal-prodott hija ddefinita skont il-liġi tal-pajjiż fejn jitkabbar l-injam. Il-legalità tista’ tiġi vverifikata fil-pajjiżi li ffirmaw l-ftehimiet FLEGT, fl-ambitu tal-liċenzji UE-FLEGT, stabbiliti fuq il-bażi ta’ ftehimiet volontarji (VPAs) bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi esportaturi individwali, jew fuq il-bażi tal-permessi CITES (4). Fil-pajjiżi l-oħra l-legalità tista’ tiġi vverifikata b’mezzi oħra. Min-naħa tal-operaturi din tista’ tiġi vverifikata permezz ta’ sistemi li jaqblu għal kollox mal-kriterji stabbiliti fis-sistema tad-diliġenza meħtieġa.

2.5

Is-sistema tad-diliġenza meħtieġa hija bbażata fuq ir-responsabbiltà tal-operaturi li jnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju li jqiegħdu fis-suq injam illegali permezz ta’ sistema ta’ traċċabbiltà bbażata fuq l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni dwar l-oriġini u l-karatteristiċi tal-injam, li jirrispettaw ir-rekwiżiti legali stabbiliti mill-liġijiet nazzjonali. Barra minn hekk is-sistema għandha l-għan li tinforma l-konsumaturi, meta jkunu ser jixtru, biex ma jgħinux il-qtugħ illegali tal-injam.

2.6

Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-regolament li qed jiġi studjat, l-operaturi jkunu jistgħu jużaw is-sistemi żviluppati mill-korpi ta’ kontroll, fejn dawn diġà jeżistu. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet kompetenti, magħżula mill-Istati Membri, jridu jidentifikaw il-korpi ta’ monitoraġġ, filwaqt li jżommu d-dritt li jivverifikaw il-korrettezza tal-proċeduri b’mod regolari.

2.7

Il-korpi ta’ kontroll, li qabel kienu żviluppaw regoli biex jilħqu d-diliġenza meħtieġa, jawtorizzaw lill-operaturi b’sistemi adegwati. L-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kontrolli meħtieġa u japplikaw il-miżuri dixxipplinarji xierqa kontra l-operaturi li jonqsu milli jkunu konformi mas-sistema ta’ diliġenza meħtieġa.

2.8

L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Ir-regoli stabbiliti fih, skont l-ftehimiet tad-WTO, ser jiġu applikati bl-istess mod kemm għall-prodotti importati kif ukoll dawk prodotti fl-UE.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Hemm qbil sħiħ mal-għan li jiġi żgurat li l-injam fis-suq Ewropew jiġi minn foresti mmexxija b’mod legali u sostenibbli. Barra minn hekk wieħed jawgura li r-regolament jiġi approvat fi żmien qasir u li jagħti sinjal qawwi tal-impenn tal-UE kontra l-qtugħ illegali tal-injam.

3.2   It-tisħiħ tal-aproċċ bilaterali permezz tal-ftehimiet volontarji ta’ sħubijiet FLEGT huwa ċertament mixtieq, l-istess bħall-ftehimiet mal-pajjiżi li l-aktar li jimportaw injam (l-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina u l-Ġappun), biex jiġu stabbiliti regoli internazzjonali fil-ġlieda mhux biss kontra l-qtugħ illegali tal-injam, iżda wkoll kontra t-tqegħid tiegħu fil-kummerċ. Wieħed jawgura li mbagħad jiġu żviluppati programmi ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi produtturi, biex ir-riżorsi tal-foresti jintużaw b’mod sostenibbli, fir-rispett tal-liġi fil-pajjiżi produtturi u l-estensjoni tas-sistema taċ-ċertifikazzjoni. B’mod ġenerali, huwa meħtieġ li jkun hemm żvilupp ta’ proġetti li permezz ta’ sistemi adegwati ta’ kontrolli jiffavorixxu l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ “gvernanza tajba” fil-post.

3.3   Madankollu, is-sistema ta’ diliġenza meħtieġa fiha xi dgħjufijiet. L-ewwel nett, hija tqis biss l-operaturi li jpoġġu l-injam u prodotti tal-injam fis-suq għall-ewwel darba: is-sidien tal-boski, min għandu d-dritt tal-ħsad u min jimporta l-injam, bir-riżultat li l-effetti mistennija fuq il-kontroll tar-riskju li jitqiegħdu fis-suq prodotti illegali jittaffew aktar ma l-operatur ikun viċin tal-konsumatur aħħari. Fil-fehma tal-Kumitat din is-sistema għandha titwessa’, b’diversi modi u regoli, biex tilħaq l-operaturi kollha fil-katina tal-kummerċ tal-injam.

3.3.1

Kull operatur fil-katina tal-kummerċ, jrid jiżgura li l-injam li għandu huwa legali, u li għandu l-informazzjoni meħtieġa dwar l-oriġini tal-prodott: il-pajjiż, il-foresta, il-fornitur, l-ispeċi, l-età u l-volum. Dan jista’ jiġi żgurat permezz tal-adozzjoni ta’ sistema ta’ traċċabbiltà, li tipprevedi livelli differenti ta’ responsabblità. Fil-fatt, fil-każ tas-sidien iż-żgħar tal-foresti, li jaħdmu f’kuntest nazzjonali u li diġà huma organizzati b’sistemi leġiżlattivi ta’ kontroll effettivi, li jirrispettaw is-sistema tad-diliġenza meħtieġa, huwa inutli li jiġu imposti piżijiet burokratiċi żejda. Għall-kuntrarju l-operaturi l-kbar li jixtru u jbiegħu l-injam fl-UE jew jimpurtawh minn pajjiżi terzi għandhom japplikaw is-sistema kif inhi prevista fir-regolament.

3.4   Is-sistema tad-diliġenza meħtieġa, anke jekk isirulha l-bidliet mixtieqa, ma tidhirx li ser tkun biżżejjed immedjatament biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti, speċjalment fid-dawl tal-gravità u l-kumplessità tal-problema tal-qtugħ illegali tal-injam. B’mod partikulari hemm bżonn li wieħed jiffoka l-miżuri u l-kontrolli fuq l-oqsma tal-oriġini tal-injam u l-fażijiet tal-katina li jitqiesu bħala li fihom riskju għoli ta’ illegalità, il-qalba vera tal-problema. F’dawn il-każijiet it-tmexxija tal-foresti tkun teħtieġ ukoll il-monitoraġġ min-naħa ta’ korpi li jiċċertifikaw li jkunu indipendenti u li għandhom esperjenza stabbilita.

3.5   Fil-livell tal-UE jkun xieraq li jinħoloq qafas komuni li jistabbilixxi l-istandards li jridu jiġu rispettati fil-proċedura tat-tmexxija tar-riskju, billi jintużaw bl-aħjar mod is-sistemi ta’ kontroll u ta’ traċċabbiltà eżistenti, ħalli jiġi evitat l-irduppjar tax-xogħol, l-aktar dak li jkun ta’ piż fuq l-intrapriżi ż-żgħar u medji tal-foresti, filwaqt li wieħed ifittex li s-sistema l-ġdida tkun armonizzata mal-aktar sistemi effettivi li ġew adottati fl-Istati Membri differenti. Għalhekk ta’ min wieħed iħeġġeġ l-applikazzjoni ta’ dawk is-sistemi kollha li diġà jissodisfaw il-ħtiġijiet marbutin mad-diliġenza meħtieġa, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u s-sistemi adegwati ta’ kontrolli, bħalma hija ċ-ċertifikazzjoni tal-foresta.

3.6   Huwa xieraq li dan ir-regolament jilħaq ukoll l-injam u prodotti tal-injam li jmorru fil-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Il-prodotti u prodotti sekondarji kollha tal-injam, fosthom dawk li jista’ jkollhom karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, bħal fil-każ tal-bijomassa li tipproduċi l-enerġija, għandu jkollhom oriġini legali. Il-legalità, fil-fatt, hija prerekwiżi assolut għas-sostenibbiltà ta’ kull azzjoni.

3.7   Fl-aħħar nett, is-sistema tal-penali, li trid tiġi adottata għal dawk li jiksru l-obbligi li jqiegħdu fis-suq l-injam u prodotti tal-injam li jinkisbu b’mod legali, trid tiġi definita b’mod ċar u omoġenju. Għaldaqstant, irid jiġi żgurat li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, sal-punt li f’każijiet ta’ ksur gravi, l-attività kummerċjali titwaqqaf.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Biex jintlaħqu l-għanijiet indikati hemm bżonn li jiġu identifikati l-istrumenti adatti li jkunu jistgħu jivverifikaw il-legalità tal-injam u prodotti tal-injam ikkummerċjalizzati fl-UE. Barra mil-liġijiet nazzjonali u l-istrumenti previsti mill-proposta tar-regolament, iridu jitqiesu sistemi differenti li diġà jilħqu l-kriterji tad-diliġenza meħtieġa, fosthom dawk taċ-ċertifikazzjoni tal-foresti. Barra minn hekk hemm bżonn li jinħolqu mekkaniżmi adatti għal min, fil-kummerċ tal-injam u prodotti tal-injam, jaħdem b’mod korrett u ta’ penali għal min jikser ir-regoli stabbiliti. Dawn ir-regoli, li ma jistgħux jiġu stabbiliti fil-livell Ewropew, iridu jsiru mill-Istati Membri skont kriterji uniformi.

4.2

Il-ħsad illegali fil-fatt jirrappreżenta theddida għal kull proġett ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Għaldaqstant, il-ftehimiet mal-pajjiżi terzi jridu jipprevedu kollaborazzjoni organizzattiva / tat-tmexxija u sistemi ta’ inċentivi soċjali, minħabba r-relazzjoni inversa osservata bejn ir-rata ta’ qtugħ illegali tal-injam u d-dħul ras għal ras tal-abitanti ta’ dak il-pajjiż. Il-pajjiżi tropikali li għandhom pressjoni demografika qawwija u l-aktar faqar mifrux, għandhom tendenza li jkunu fost ta’ quddiem għad-deforestazzjoni (5). Bl-istess mod, il-pajjiżi Afrikani li jesportaw l-injam, li huma fost il-ħamsin pajjiż l-aktar fqir fid-dinja, huma fost dawk bl-iktar indiċi baxxa ta’ żvilupp uman, u d-dħul tagħhom ras għal ras huwa fost l-aktar miżerabbli (6).

4.3

Jekk is-sistema ta’ diliġenza meħtieġa tiġi applikata għall-operaturi kollha u mhux biss għal dawk li jbiegħu l-injam u prodotti tal-injam għall-ewwel darba, din iġġib magħha iktar piżijiet amministrattivi. Madankolli, il-vantaġġi mistennija ser jidhru meta fis-suq Ewropew jitqiegħed biss injam li l-oriġini tiegħu tkun legali, traċċabbli tul il-katina kollha. In-numru ta’ vantaġġi mhux ser ikunu ta’ natura ekonomika biss (7), iżda fuq kollox soċjali. F’dan il-kuntest, l-ambjent jimxi id f’id mal-forzi ekonomiċi u soċjali, fejn il-partijiet interessati jaġixxu mhux biss fuq motivazzjoni ekonomika, iżda minħabba interessi ta’ xejra oħra (ambjentali, socjali u kulturali).

4.4

Il-prodotti li jinkisbu b’dan il-mod, barra milli jkunu qed jirrispondu għat-talbiet ta’ suq li dejjem iktar qed isir konxju mit-tema tal-ħarsien tal-ambjent, jogħlew fil-valur, bil-possibbiltà li jinħoloq effett importanti ta’ imitazzjoni f’pajjiżi terzi. Għaldaqstant, tmexxija tar-riżorsi tal-foresti li tħares fit-tul u l-użu ta’ prodotti b’oriġini legali hija opportunità ta’ żvilupp “sostenibbli” għall-ħaddiema lokali u garanzija għall-ġejjieni tal-industrija Ewropea fis-settur.

4.5

Madankollu, l-obbligi jridu jqisu d-daqs tal-kumpaniji, l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll il-produtturi ż-żgħar iridu jingħataw iktar flessibbiltà u limiti ta’ żmien itwal biex jadattaw għas-sistema tad-diliġenza meħtieġa. B’mod partikulari l-operaturi li jixtru l-injam għall-ewwel darba jridu jnaqqsu r-riskju li jpoġġu fis-suq prodotti illegali permezz tat-traċċabbiltà b’dokumenti li juru l-oriġini u l-karatteristiċi tal-prodott (il-pajjiż, il-foresta, il-fornitur, l-ispeċi, l-età, il-volum), filwaqt li l-operaturi l-oħra tal-katina jridu kull wieħed iżomm bil-miktub mingħand min xtara l-injam.

4.6

Jidher xieraq li fil-formulazzjoni tar-regolament jiġu rikonoxxuti għal kollox il-liġijiet u l-mudelli organizzattivi nazzjonali li l-aktar li jaqblu mal-kriterji ta’ tmexxija sostenibbli tal-foresti, mingħajr ma jiġu imposti elementi ġodda mhux meħtieġa. Għal dan il-għan wieħed għandu japplika l-kunċett tas-sostenibbiltà li mhuwiex ibbażat biss fuq il-kapaċità li jiġi prodott l-injam, iżda wkoll fuq ċerti kriterji soċjali (kundizzjonijiet li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema), ekonomiċi (li tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq minħabba f’kompetizzjoni mhux ġusta) u ambjentali (l-impatt tal-operazzjonijiet fuq l-ambjent u l-bijodiversità taż-żona).

4.7

Hemm bżonn li tinħoloq klima pożittiva li tippremja lill-operaturi li jaħdmu b’mod korrett u li jinfurmaw lix-xerrejja dwar l-oriġini leġittima tal-injam u tal-prodotti tiegħu. Fl-aħħar wieħed jawgura wkoll li titnieda kampanja ta’ sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi dwar l-importanza li, fil-mument tax-xiri, ikunu jafu u jkunu jistgħu jivverifikaw, permezz tat-traċċabbiltà, li l-injam u prodotti tiegħu ġejjin minn sorsi legali.

4.8

Il-promozzjoni tal-użu tal-injam li ġej minn sorsi legali fis-settur tal-bini, dak tal-għamara jew dawk tal-prodotti l-oħra, tista’ ssir permezz ta’ azzjonijiet konġunti u t-tixrid ta’ materjal ta’ pubbliċità u ta’ informazzjoni L-iskop huwa l-promozzjoni tal-injam li jkun ġej minn foresti ġestiti b’mod sostenibbli bħala l-unika materja prima sostenibbli rinnovabbli b’mod naturali u li kapaċi taħżen id-dijossidu tal-karbonju, anke tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajja tal-prodott, karatteristika li tiddistingwih minn kull materjal ieħor.

4.9

Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa l-idea ta’ twaqqif ta’ grupp konsultattiv dwar il-kummerċ tal-injam, li jinvolvi lill-partijiet interessati kollha, biex jien lill-Kummissjoni tiżgura t-tħaddim sew tas-sistema.

Brussell, 1 ta’ Ottubru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  “Action Plan for Forest Law Enforcement Governance and Trade”.

(2)  L-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (International Labour Organisation – ILO).

(3)  Ruhong Li, J. Buongiorno, J.A. Turner, S. Zhu, J. Prestemon. “Long-term effects of eliminating illegal logging on the world forest industries, trade and inventory”. “Forest policy and economics” 10 (2008) 480–490.

(4)  “Convention on International Trade in Endangerous Species” (Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċi Mhedda).

(5)  “Causes of forest encroachment: An analysis of Bangladesh” Iftekhar M.S., Hoque A.K.F. Geo Journal 62 (2005) 95–106.

(6)  Greenpeace, “L’industria del legno in Africa, Impatti ambientali, sociali e economici” (2001).

(7)  “Economics of sustainable forest management” Editorial. Shashi S. Kant. “Forest Policy and Economics” 6 (2004) 197-203.


Top