EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1457

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali (il-Faċilità Mikrofinanzjarja ta’ Progress) COM(2009) 333 finali - 2009/0096 (COD)

ĠU C 318, 23.12.2009, p. 80–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/80


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali (il-Faċilità Mikrofinanzjarja ta’ Progress)”

COM(2009) 333 finali - 2009/0096 (COD)

2009/C 318/15

Relatur Ġenerali: is-Sinjura BISCHOFF

Nhar is-17 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 152 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali (il-Faċilità Mikrofinanzjarja ta’ Progress)

Nhar l-14 ta’ Lulju 2009, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Intern, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

B’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu tat-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tal-1 ta’ Ottubru 2009) li jaħtar lis-Sinjura Gabriele BISCHOFF bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’171 voti favur u 2 astensjonijiet.

1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat

1.1   Faċilitajiet ta’ finanzjament adegwati għall-intrapriżi huma prerekwiżit ċentrali għat-tkabbir ekonomiku. Dan jgħodd ukoll għall-mikrointrapriżi fl-ekonomija soċjali. Għalhekk il-Kumitat jilqa’ l-iżvilupp tal-mikrokrediti għax dan jista’ jkun mod ġdid kif jiġi appoġġjat l-ispirtu intraprenditorjali u jinħolqu impjiegi ġodda fil-mikrointrapriżi (jiġifieri intrapriżi li jimpjegaw inqas minn 10 ħaddiema u bi qligħ annwali ta’ inqas minn EUR 2 miljuni). Qiegħed jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li s’issa fl-Ewropa il-faċilitajiet ta’ mikrofinanzjament huma limitati.

1.2   L-għoti ta’ mikrokreditu lill-mikrointrapriżi fl-ekonomija soċjali u lill-gruppi żvantaġġati, meta mqabbel mal-għoti ta’ kreditu konvenzjonali, huwa iktar kumpless u għali. Dan il-piż miżjud jista’ jitnaqqas, minn naħa, billi jiġu żviluppati servizzi standardizzati u teknoloġiċi, billi jsir marketing aħjar tagħhom u billi ssir ħidma sabiex isiru aktar professjonali, u min-naħa l-oħra, permezz ta’ garanziji u kofinanzjamenti. Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-faċilità ta’ mikrofinanzjament proposta huwa li tkompli tiżviluppa l-istrument tas-servizzi ta’ mikrofinanzjament, anki bil-kooperazzjoni ta’ dawk li diġà jipprovdu s-servizzi finanzjarji. Dan ser jinvolvi l-iżvilupp ta’ strutturi organizzattivi li jippermettu l-ipproċessar standardizzat ta’ numru kbir ta’ applikazzjonijiet. Mingħajr programmi ta’ software adatti u l-użu ta’ teknoloġiji tal-internet ser ikun diffiċli li jinkiseb l-ogħla livell possibbli ta’ professjonalità.

1.2.1

Barra minn hekk, l-esperjenzi li nkisbu s’issa fl-Ewropa fil-qasam tal-għoti tal-mikrokrediti juru li jridu jinħolqu inċentivi tas-suq addizzjonali biex jiżguraw li s-settur finanzjarju jwettaq il-kompitu tiegħu li jipprovdi l-mikrokreditu għaż-żewġ gruppi mmirati speċifiċi.

1.3   Il-persuni mill-gruppi mmirati li jkunu ser jibdew negozju tagħhom għandhom jingħataw aċċess għas-servizzi ta’ mikrofinanzjament mhux biss huma u jibdew iżda anki matul l-ewwel snin wara l-ftuħ tagħhom.

1.4   Madwar 1 % tal-fondi tal-faċilità ta’ mikrofinanzjament Progress huma mmirati għall-ispejjeż amministrattivi. Dawn ma jinkludux il-fondi li jingħataw lill-banek intermedjarji u lill-istituzzjonijiet ta’ mikrofinanzjament sabiex dawn ikunu jistgħu jagħtu l-kreditu lill-gruppi mmirati. Il-Kumitat jixtieq jiskopri l-ammont ta’ fondi li jmorru għand il-banek intermedjarji u l-istituzzjonijiet ta’ mikrofinanzjament sabiex dawn ikunu jistgħu jipprovdu dan il-kreditu. Jeħtieġ li jiġi żgurat ukoll, pereżempju permezz ta’ monitoraġġ regolari fil-livell Ewropew kif ukoll bil-pubblikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-kreditu fuq is-sit elettroniku tal-awtorità ta’ monitoraġġ kompetenti, li l-banek qed jagħtu rati ta’ interess favorevoli lill-gruppi mmirati.

1.5   L-effetti mixtieqa mit-twaqqif ta’ faċilità Ewropea ta’ mikrofinanzjament fuq l-impjiegi u l-politika soċjali għandhom jiġu evalwati sew u b’mod differenzjat skont il-gruppi mmirati. Iż-żewġ gruppi mmirati – il-mikrointrapriżi fl-ekonomija soċjali u l-applikanti individwali (il-qiegħda, iż-żgħażagħ, il-persuni bi żvantaġġi soċjali) – jirrikjedu kapaċitajiet ta’ konsultazzjoni u appoġġ. Dan l-aspett għandu jitqies ukoll fil-livell organizzattiv, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-aspetti li jikkoinċidu ma’ programmi rilevanti oħra.

1.6   Fl-aħħar, il-KESE jirrakkomanda li ssir analiżi dwar x’sorsi oħra ta’ finanzjament jeżistu, apparti Progress, li jistgħu jiffinanzjaw il-faċilità l-ġdida ta’ mikrofinanzjament.

2.   Introduzzjoni u sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta’ mikrokreditu b’appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi (COM(2007)708) il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-ewwel u qabel kollox jittejbu l-oqfsa legali u istituzzjonali fl-Istati Membri u li t-tieni nett tinħoloq faċilità ġdida sabiex tappoġġja t-twaqqif u l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet tal-mikrokreditu fil-Komunità (1). Barra minn hekk għandhom jingħataw fondi addizzjonali għal istituzzjonijiet ta’ mikrofinanzjament ġodda li ma jaqgħux taħt is-settur bankarju (2). Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tgħid li l-iżvilupp ta’ struttura għall-għoti tal-mikrokrediti tista’ taqdi rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi (3).

2.2

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-mikrointrapriżi, u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (4) tiddefinixxi “mikrokreditu” bħala self taħt il-EUR 25 000 u “mikrointrapriża” bħala intrapriża li tħaddem anqas minn 10 persuni (inklużi dawk impjegati għal rashom) u li l-qligħ annwali u/jew il-karta tal-bilanċi annwali tagħhom ma taqbiżx iż-EUR 2 miljuni.

2.3

Ir-rapport tal-grupp ta’ esperti dwar ir-regolazzjoni tal-mikrokreditu fl-Ewropa jenfasizza d-differenzi kbar li jeżistu bejn l-Istati Membri fl-għoti tal-mikrokreditu kif ukoll fl-oqfsa legali tagħhom.

2.4

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Ġunju 2009 l-Kummissjoni diġà ħabbret faċilità tal-UE ġdida ta’ mikrofinanzjament għall-impjiegi (5) (il-faċilità ta’ mikrofinanzjament Progress).

2.5

Il-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2009 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali (6) timmira li, fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-impatt tagħha fuq il-livell ta’ impjieg u d-disponibbiltà tal-kreditu, toħloq faċilità ġdida ta’ mikrofinanzjament li (tkun tista’) tassisti lill-qiegħda u lill-gruppi żvantaġġati sabiex joħolqu mikrointrapriża tagħhom jew li jibdew jaħdmu għal rashom billi tipprovdilhom mikrokrediti ta’ mhux aktar minn EUR 25 000 garanziji, strumenti ta’ kapital / strumenti azzjonarji, strumenti ta’ dejn u miżuri oħra bħal pereżempju attivitajiet ta’ komunikazzjoni, superviżjoni, monitoraġġ, verifika u valutazzjoni. Jistgħu jiġu appoġġjati wkoll il-mikrointrapriżi tal-ekonomija soċjali li jimpjegaw lill-qiegħda u lill-iżvantaġġati. L-għan huwa li titwitta t-triq għall-qiegħda u gruppi żvantaġġati oħra sabiex isiru intraprendituri. Mir-riallokazzjoni ta’ EUR 100 miljun mill-baġit attwali tal-Programm Progress, li tista’ timmobilizza iktar minn total ta’ EUR 500 miljun, f’perijodu ta’ erba’ snin, mill-2010 sal-2013, għandhom jibbenefikaw sa 45 000 persuna u intrapriża b’medja ta’ self ta’ madwar EUR 11 000. L-amministrazzjoni tkun f’idejn il-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI). B’hekk mhu ser jinħoloq l-ebda piż amministrattiv addizzjonali għall-Istati Membri.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni, permezz tal-proposti tagħha għat-twaqqif ta’ faċilità ta’ mikrofinanzjament, turi l-impenn tagħha biex toħloq l-impjiegi u li tixtieq tippromovi l-intraprenditorija fost il-gruppi żvantaġġati. Jeħtieġ li tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li s’issa ftit li xejn għadha nkisbet esperjenza fl-użu ta’ faċilitajiet ta’ mikrofinanzjament fl-Ewropa u li jridu jsiru riflessjonijiet fil-fond kemm sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni amministrattiva tal-mikrokrediti u fondi oħra kif ukoll sabiex jiġi żgurat l-użu sostenibbli ta’ dan l-istrument. Fid-dawl tas-suċċessi impressjonanti tas-servizzi mikrofnanzjarji fil-qasam tal-kooperazzjoni u l-iżvilupp (u tal-fatt li fl-2006, il-Grameen-Bank u l-fundatur tiegħu Muhammad Yanus rebħu l-Premju Nobel għall-Paċi) jeħtieġ li jiġu enfasizzati l-opportunitajiet kif ukoll l-isfidi li jeżistu għat-trasferiment ta’ dawn l-esperjenzi fil-kuntest Ewropew. Dan għaliex fit-trasferiment ta’ dawn l-esperjenzi ser jintilfu xi vantaġġi essenzjali tal-kunċett oriġinali (bħall-integrazzjoni f’komunità lokali, professjonali jew etnika, u l-fiduċja li tirriżulta minn dan il-proċess li twassal għat-tnaqqis fl-ispejjeż ta’ monitoraġġ u każijiet fejn ma jitħallasx lura l-kreditu). Għaldaqstant, it-trasferibbiltà ta’ dawn l-esperjenzi fil-pajjiżi żviluppati hija kontroversjali.

3.2   Fl-Ewropa wkoll hemm bżonn konsiderevoli ta’ servizzi ta’ mikrofinanzjament; madwar nofs l-intrapriżi ż-żgħar biss jaħsbu li r-rwol tal-banek fl-aċċess għall-kreditu huwa totalment pożittiv (7). Il-programm Jeremie (Joint European Resources for Micro to Medium Enterprises), li huwa ffinanzjat prinċipalment mill-Fondi Strutturali, huwa inizjattiva konġunta tad-DĠ Regio u l-Grupp tal-BEI sabiex jappoġġjaw u jtejbu l-finanzjament tal-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (8).

3.2.1

Barra minn hekk, permezz tal-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) (9) u l-inizjattiva pilota Jasmine (Azzjoni konġunta għall-appoġġ tal-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji fl-Ewropa) bil-għan li fost affarijiet oħra tappoġġja t-tisħiħ u l-iżvilupp tal-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji li ma jaqgħux taħt is-settur bankarju (10), il-Kummissjoni nediet inizjattivi importanti għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-kapital fl-intprariżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u l-mikrointrapriżi. Il-Kumitat jirrakkomada li dawn il-miżuri jiġu kkoordinati aħjar bejniethom. Fl-opinjoni tiegħu dwar l-inizjattiva Jeremie (11) fl-2006, il-Kumitat diġà għamilha ċara li huwa dejjem appoġġa l-inizjattivi tal-Kummissjoni maħsuba biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-kreditu għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u talab li l-imsieħba soċjali jiġu involuti b’mod wiesgħa.

3.2.2

Il-Kumitat stqarr ukoll li meta ntużaw il-fondi tal-BEI, dan serva ta’ strument utli li ffaċilita l-aċċess tal-mikrointrapiżi u l-intrapriżi ż-żgħar għall-kreditu.

3.2.3

Fl-opinjoni tiegħu il-Kumitat ġibed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-fatt li l-aċċess għall-mikrokrediti, b’mod partikolari tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, għandu jiġi ffaċilitat u li huwa ta’ importanza deċiżiva li dan jilħaq ukoll lil gruppi speċifiċi bħall-intraprendituri żgħażagħ, nisa jew dawk li ġejjin minn gruppi żvantaġġati jew minoranzi etniċi.

3.3   L-opportunitajiet li ġejjin mill-użu tas-servizzi mikrofinanzjarji jirriżultaw mill-importanza ċentrali li għandhom forom ta’ finanzjament informali u rapidi sabiex, fost affarijiet oħra, jitwaqqfu l-intrapriżi. Il-biċċa l-kbira tal-fondi meħtieġa biex titwaqqaf intrapriża jiġu pprovduti mill-fundatur stess jew mill-qraba, il-ħbieb jew il-ġirien (12). Dan jindika l-limiti tal-krediti normali li joffru l-banek għax iktar ma jkun żgħir l-ammont ta’ self mitlub, iktar jogħla ċ-ċans li t-talba ma tintlaqax billi l-evalwazzjoni bir-reqqa tat-talba hija kumplessa wisq. Is-servizzi ta’ mikrofinanzjament jistgħu jimlew il-lakuni bejn il-mezzi finanzjarji informali (li għandhom effiċjenza limitata) u l-finanzjament li ġej mill-banek. Jekk l-għoti tal-mikrokrediti u ta’ servizzi ta’ mikrofinanzjament oħra jkun rapidu, mhux kumpless u flessibbli daqs il-finanzjament informali, il-mikrokrediti jistgħu jagħtu kontribut ċentrali għad-dinamika ekonomika u l-intraprenditorija.

3.4   Il-persuni mill-gruppi mmirati li jkunu ser jibdew negozju tagħhom għandhom jingħataw aċċess għas-servizzi ta’ mikrofinanzjament mhux biss huma u jibdew iżda anki matul l-ewwel snin wara l-ftuħ tagħhom għax ħafna drabi dawn jiddependu minn ammonti żgħar ta’ kapital sabiex jiffinanzjaw il-proġetti tagħhom.

3.5   Irrispettivament mill-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali, l-għoti tal-mikrokrediti huwa iktar kumpless u għali mill-krediti konvenzjonali peress li s-somom li jissellfu huma iżgħar, il-garanziji li normalment jitlob il-bank ma jkunux disponibbli u l-ispejjeż tal-ipproċessar huma għaljin ħafna. Għalhekk sabiex l-inizjattivi mikrofinanzjarji jkunu ta’ suċċess jeħtieġ li jkun hemm ħafna applikanti, struttura organizzattiva u teknoloġiji adatti u l-ogħla livell possibbli ta’ professjonalità. F’każ li jinkisbu xi esperjenzi f’inizjattivi u programmi simili (CIP, Jeremie, BIE pilota, Jasmine), jeħtieġ li jiġu kkunsidrati minn qabel.

3.6   L-ewwel nett, fid-dawl tal-livell ta’ professjonalità meħtieġ, hemm bżonn li l-mikrokreditu jopera fuq mudell kemm jista’ jkun standardizzat ta’ attività bankarja tal-massa (retail banking) bħal din sabiex jibbenefika mill-ekonomiji tal-iskala u mill-vantaġġi tad-distribuzzjoni tar-riskji. Hekk kif turi l-esperjenza fir-Renju Unit u fil-Kanada, tali ammonti kbar ta’ applikanti huma mira ambizzjuża (13). Dan jindika l-importanza ta’ livell għoli ta’ sensibilizzazzjoni (permezz ta’ kampanji pubbliċitarji bħal pereżempju l-“ġimgħat tal-mikrokreditu” tal-organizzazzjoni Franċiża ADIE) u l-ħtieġa ta’ aċċess faċli (pereżempju permezz tal-internet). Jeħtieġ li neżaminaw jekk dan jistax iseħħ u kif, u liema rwol jistgħu jaqdu (appoġġ tekniku) programmi oħra (pereżempju l-FSE). Barra minn hekk jeħtieġ li jiġu ppreżentati l-aspetti li jikkoinċidu ma’ dawn il-programmi u l-inizjattivi sabiex ikun hemm koerenza.

3.7   It-tieni nett, l-organizzazzjoni tal-proċessi intraprenditorjali tinvolvi wkoll li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet organizzattivi għall-attività bankarja tal-massa prevista sabiex l-applikazzjonijiet jiġu proċessati malajr u b’mod flessibbli filwaqt li jitqiesu l-forom tas-sigurtà adatti u sabiex jintużaw sanzjonijiet standardizzati u forom ta’ distribuzzjoni tar-riskju standardizzati fil-każ ta’ ksur ta’ kuntratti (ħlas tard). Bħalma jiġri fil-każ tal-kreditu tal-konsumatur hemm ukoll il-kwistjoni ta’ kif jista’ jiġi stmat il-kreditu tal-klijenti bl-iktar mod faċli, rapidu u affidabbli.

3.8   It-tielet nett, is-sistema tas-software żviluppata sew sabiex jinfetħu, jingħalqu u jiġu mmonitorjati l-kuntratti hija l-kundizzjoni teknika għal din l-attività bankarja tal-massa. B’hekk ikun jista’ jinkiseb bilanċ bejn l-attività bankarja standardizzata u l-ipproċessar individwali tat-talbiet u jsir konribut sabiex ikomplu jinfirxu s-servizzi tal-mikrofinanzi fis-suq.

3.9   Il-mikrointrapriżi fl-ekonomija soċjali kif ukoll l-individwi mill-Istati Membri u r-reġjuni fejn diġà ġew stabbiliti istituzzjonijiet mikrofinanzjarji speċjali jistgħu jaċċessaw il-fond b’mod iktar faċli u rapidu mill-applikanti fil-pajjiżi u r-reġjuni fejn istituzzjonijiet bħal dawn ma jeżistux jew għadhom qed jiġu żviluppati. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi żgurat li l-programm b’mod ġenerali ma jwassalx għal nuqqas ta’ ugwaljanza fl-aċċess.

3.10   Kwistjoni ċentrali tirrigwarda jekk il-kreditu hux ser tagħtih istituzzjoni konvenzjonali jew istituzzjonijiet mikrofinanzjarji speċjali, li jekk ikun il-każ għad iridu jinbnew, li ħafna drabi ma jitwaqqfux għal skopijiet ta’ profitt u li jkunu żgħar ħafna. Minn naħa, f’dawn l-aħħar snin fl-Ewropa beda jiżviluppa netwerk ta’ provvedituri tas-servizzi mikrofinanzjarji bl-appoġġ tal-Kummissjoni. Madanakollu, wieħed minn kull ħames provvedituri (inqas minn 20) biss jagħti iktar minn 400 mikrokreditu fis-sena (14). Min-naħa l-oħra ser ikun kważi impossibbli li s-servizzi mikrofinanzjarji jiżdiedu mingħajr ġestjoni ta’ kwalità għolja, professjonali u bil-għan li tagħmel profitt u hawnhekk il-banek (li diġà joħorġu ammont kbir ta’ mikrokrediti) għandhom vantaġġi kbar. Ma jagħmilx sens li l-fondi jingħataw mill-provvedituri żgħar tas-servizzi mikrofinanzjarji li joperaw fl-interess komunitarju u li jikkonċentraw fuq persuni mingħajr dħul fiss, nisa, żgħażagħ, anzjani u migranti għax b’tali sistema bankarja “niche” l-esklużjoni ta’ dawn il-gruppi tkun qed tiġi istituzzjonalizzata f’sistema oħra. Għalhekk sabiex jiġi żgurat li s-settur bankarju jibda joffri s-servizz tal-mikrokreditu minkejja l-fatt li l-qligħ mistenni jkun minimu, x’aktarx ser ikun hemm bżonn ta’ inċentivi addizzjonali tas-suq jew strumenti ta’ appoġġ għall-ħolqien tal-infrastruttura meħtieġa.

3.11   Peress li l-inizjattiva tal-mikrofinanzjament timmira b’mod speċifiku li jkollha impatt fuq il-politika tal-impjiegi u l-politika soċjali, huwa importanti ħafna li tiġi evalwata l-effikaċja tal-programm b’kunsiderazzjoni tad-differenzi bejn iż-żewġ gruppi mmirati speċifiċi. S’issa l-kriterji li kienu qed jiġu kkunsidrati kienu l-ammont ta’ kreditu u n-numru ta’ benefiċjarji iżda l-KESE jirrakkomanda wkoll li titkejjel l-integrazzjoni fis-suq prinċipali tax-xogħol, id-dħul li jsir u l-effetti addizzjonali indiretti tal-impjieg fuq id-diversi gruppi msemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. B’dan il-mod biss jista’ jintwera s-suċċess tal-inizjattiva f’dawn il-livelli (15).

3.12   Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fattur pożittiv li l-proposta tal-Kummissjoni qed tippjana wkoll miżuri ta’ appoġġ bħal pereżempju attivitajiet ta’ komunikazzjoni, monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni (Artikolu 4(1)). Madanakollu għadu mhux stabbilit jekk dan, l-ewwel u qabel kollox, hux ser jinvolvi konsulenza għall-persuni li ser jiftħu negozju jew għall-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji, kif ser jiġi organizzat, u kif ser jitqassmu l-fondi kollha bejn garanziji, strumenti ta’ kapital, strumenti ta’ dejn u miżuri ta’ appoġġ.

3.13   Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi żgurat li t-tnaqqis fir-rati ta’ interess jaslu għand min jissellef. Fl-istess waqt għandu jiġi stabbilit kemm se jmorru riżorsi għand il-banek intermedjarji jew l-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji għall-amministrazzjoni.

3.14   Hekk kif intqal fl-opinjoni INT/495, il-Kumitat jappoġġja l-inizjattiva għall-ħolqien ta’ faċilità ġdida ta’ mikrofinanzjament għall-gruppi mmirati iżda għandu d-dubji dwar jekk jagħmilx sens jew hux pass prattiku li l-finanzjament ta’ faċilità ġdida ta’ mikrofinanzjament għandux jittieħed mill-inizjattiva Progress. Għalhekk huwa jissuġġerixxi li jiġu eżaminati sorsi ta’ finanzjament disponibbli oħra apparti Progress li jistgħu jiffinanzjaw il-programm.

Brussell, 1 ta’ Ottubru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara COM(2007) 708 p. 2.

(2)  Ara ibid, p.11.

(3)  Ara ibid, p.2.

(4)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(5)  COM(2009) 257 tat-3.6.2009.

(6)  COM(2009) 333.

(7)  Eurobarometer (2005): “SME Access to Finance”, Flash Eurobarometer 174.

(8)  COM(2006) 349 p. 9.

(9)  COM(2005) 121 p.6.

(10)  COM(2007) 708 p. 3.

(11)  ĠU C 110, 9.5.2006.

(12)  Ara http://www.gemconsortium.org/download.asp?fid=608

(13)  Ara http://ssrn.com/abstract=976211

(14)  Dwar il-mikrofinanzjament fl-UE ara: www.nantiklum.org/Overview_final_web.pdf u www.european-microfinance.org/data/file/Librairy/ISSUE%20PAPER.pdf.

(15)  Għal proċedura bħal din ara: ftp://repec.iza.org/RePEc/Discussionpaper/dp3220.pdf.


Top