EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IE1464

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013 (opinjoni addizzjonali)

ĠU C 318, 23.12.2009, p. 66–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013” (opinjoni addizzjonali)

2009/C 318/12

Relatur: is-Sur KIENLE

Nhar l-24 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni addizzjonali dwar:

Il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur Adalbert KIENLE.

Matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-30 ta’ Settembru 2009 u fl-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tat-30 ta’ Settembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’167 vot favur, 3 voti kontra u 13-il astensjoni.

1.   Ir-rwol tal-KESE fil-proċess tal-iżvilupp addizzjonali tal-PAK

1.1

Il-KESE għandu t-tradizzjoni li jittratta r-riformi attwali tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) bir-reqqa u sa minn stadju bikri u, meta dan ikun possibbli, fiż-żmien li jippreċedi t-tressiq ta’ komunikazzjoni jew testi leġiżlattivi min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea. Bl-opinjoni esploratorja mitluba mill-Kummissjoni Ewropea fl-2007 intitolata “L-evalwazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-PAK u l-ġejjieni tagħha wara l-2013” (1), il-KESE kien saħansitra l-ewwel istituzzjoni li indirizzat is-suġġett tal-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni f’ċertu dettall.

1.2

Kemm taħt il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill fit-tieni nofs tal-2008 kif ukoll taħt dik Ċeka fl-ewwel sitt xhur tal-2009 saru sforzi biex jitkompla d-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-PAK wara l-2013, iżda dan ma wassal għall-ebda riżultat s’issa. Huwa sewwasew minħabba l-fatt li l-Kunsill tal-Agrikoltura s’issa għadu ma ħariġx stqarrija formali dwar il-kontenut u l-modalitajiet ta’ dan li l-KESE jemmen li “opinjoni addizzjonali” dwar l-iżviluppi importanti attwali hija f’waqtha u essenzjali. B’dan il-mod, wara l-evalwazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-PAK tal-2008, din tkun tista’ sservi ta’ tranżizzjoni għad-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-PAK wara l-2013. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li huwa ferm importanti li titfassal opinjoni dettaljata oħra dwar il-firxa sħiħa ta’ kwistjonijiet marbutin mal-PAK.

1.3

Minn mindu ttieħdet id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura dwar l-evalwazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-PAK f’Novembru 2008 seħħu bidliet, kultant radikali, fis-swieq agrikoli. It-tnaqqis fil-prezz tal-ħalib hija l-iktar bidla radikali. Skont il-KESE huwa essenzjali li n-netwerks tas-sigurtà, inklużi dawk dwar ir-regolazzjoni attwali tal-kwoti, jiġu eżaminati sabiex jiġi evalwat humiex adattati biex itaffu sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip.

2.   Kundizzjonijiet bażiċi għall-iżvilupp addizzjonali tal-PAK wara l-2013

2.1

Ir-riforma tal-PAK tal-2005 firdet b’mod ċar il-ħlasijiet agrikoli diretti mill-produzzjoni u f’ċerti Stati Membri qassmithom mill-ġdid, kompletament jew parzjalment fil-livell reġjonali. B’żieda mal-ħlasijiet diretti, il-miżuri għall-iżvilupp agrikolu (EAFRD) jikkostitwixxu t-tieni pilastru imporanti tal-politika agrikola tal-UE. L-użu tagħhom u tal-ħlasijiet diretti jwassal sabiex tinħoloq, fl-ispirtu tal-“multifunzjonalità”, agrikoltura kompetittiva li fl-istess ħin tkun soċjalment u ambjentalment sostenibbli.

2.2

Għal għexieren ta’ snin, il-provvista tal-prodotti tal-ikel bi prezz raġonevoli għall-konsumaturi Ewropej kienet ħaġa ovvja u mhux problematika. Iżda t-tendenza dinjija prevista għall-għexieren ta’ snin li ġejjin hija waħda ta’ żieda fil-prezzijiet kemm tal-prodotti agrikoli kif ukoll tal-materja prima mhux agrikola (pereżempju ż-żejt mhux raffinat). Fl-istess ħin, hija mistennija wkoll żieda qawwija fil-volatilità tal-prezzijiet.

2.3

Il-varjazzjonijiet radikali fil-prezzijiet ta’ prodotti agrikoli importanti għall-produtturi f’dawn l-aħħar sentejn – reċentement, bi prezzijiet estremament baxxi, pereżempju fis-settur tal-ħalib u dak taċ-ċereali – għandhom jittieħdu bħala sinjal tal-urġenza tal-azzjoni meħtieġa. Fil-ġejjieni d-dimensjoni soċjali ta’ provvista tal-ikel sikura ser issir iktar importanti, b’mod speċjali fost iċ-ċittadini bi dħul baxx. Parti mir-raġuni hija li ġeneralment is-swieq agrikoli huma partikolarment sensittivi għall-varjazzjonijiet fil-prezzijiet, u dan jista’ jkollu riperkussjonijiet negattivi fuq l-istabbilità tal-provvista u tal-irziezet. Barra minn hekk, jidher li hemm żbilanċ kbir fil-katina tal-ikel. Il-konċentrazzjoni estrema tal-bejgħ bl-imnut twassal għal pressjoni ekonomika fuq il-produzzjoni agrikola primarja u s-settur tal-ipproċessar. B’hekk tqanqal dibattitu dwar jekk il-fażi tal-produzzjoni agrikola tirċevix sehem ġust tal-qligħ fil-katina tal-ikel.

2.4

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri ħaddnu politika b’objettivi ambizzjużi fl-oqsma tas-sigurtà tal-ikel, l-ambjent, il-ħarsien tal-klima u l-protezzjoni tal-annimali. Dawn jiffurmaw parti importanti tal-mudell agrikolu Ewropew. Fir-riforma tal-PAK 2003–2005 ġie deċiż li l-ħlasijiet ikunu marbuta maż-żamma ta’ standards bażiċi u ta’ stat agrikolu u ekoloġiku tajjeb (il-kundizzjonalità). ‘Il fuq minn din il-“baseline” qegħdin jiġu proposti miżuri agroambjentali. Madankollu, mill-2007 lil hawn, dawn huma nieqsa minn ċertu element ta’ inċentiv. L-istruttura tal-politika tal-iżvilupp għall-ksib tal-objettivi ambjentali u soċjali fil-qasam tal-agrikoltura għandha tkompli tiġi żviluppata wara l-2013. Il-KESE enfasizza ripetutament il-fehma oriġinali tiegħu, skont liema agrikoltura Ewropea unikament ibbażata fuq il-kundizzjonijiet tas-swieq dinjija jew tal-prezzijiet dinjija mhux se tmur fid-direzzjoni t-tajba.

2.5

Sabiex jintlaħqu l-objettivi u sabiex il-ħidma ssir kif ippjanat ser ikun hemm bżonn ta’ baġit adattat għall-perijodu 2014–2020. Is-sehem tal-ħlasijiet għall-Politika Agrikola Komuni bħala proporzjon tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) tal-UE bħalissa jirrappreżenta inqas minn 0.4 %. Iċ-ċittadini għandhom jiġu infurmati liema prestazzjonijiet soċjalment importanti ser jiġu appoġġjati mill-baġit tal-Politika Agrikola Komuni – dan ser jitlob ħidma fuq perijodu twil. Is-sehem tal-ħlasijiet agrikoli fil-baġit globali tal-UE fil-perijodu bejn l-1993 u l-2013 naqas minn madwar 50 % għal 33 %.

3.   Aġenda prevista tad-dibattiti u d-deċiżjonijiet

3.1

Il-Kunsill, taħt il-Presidenza Franċiża u dik tar-Repubblika Ċeka, qiegħed iniedi d-dibattiti inizjali dwar l-istruttura tal-politika agrikola tal-UE wara l-2013.

3.2

Fuq din il-bażi l-Kummissjoni l-ġdida tal-UE fil-ħarifa tal-2010 ser tressaq l-ewwel riflessjonijiet (komunikazzjoni) dwar il-politika agrikola ta’ wara l-2013 għal dibattitu politiku. Għandha tiġi kkunsidrata wkoll ir-“reviżjoni finanzjarja” li għad trid issir. Huwa previst li l-proposti leġiżlattivi dwar il-PAK ta’ wara l-2013 ser jiġu ppreżentati sa nofs l-2011. Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jiddiskutuhom fl-ewwel sitt xhur tal-2012.

3.3

Bit-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew qiegħed jingħata għall-ewwel darba d-dritt tal-kodeċiżjoni fil-qasam tal-PAK. Dan it-tisħiħ tal-Parlament ser ikollu effett importanti u pożittiv fuq id-dibattitu dwar l-iżviluppi addizzjonali tal-PAK wara l-2013.

4.   Linji gwida għad-dibattitu dwar l-iżvilupp addizzjonali tal-PAK

4.1

Fil-fehma tal-KESE, id-dibattitu dwar l-iżvilupp addizzjonali tal-PAK wara l-2013 għandu jkun ibbażat fuq agrikoltura multifunzjonali orjentata lejn il-makroekonomija li fl-istess ħin tissodisfa r-rekwiżiti soċjali. Ir-riformi tal-PAK li saru mill-1992 lil hawn kellhom l-għan li jirrikonċiljaw id-diskrepanza bejn l-objettiv tal-ftuħ tas-suq internazzjonali (iċ-Ċiklu ta’ Doha tad-WTO) u standards soċjali ambizzjużi (protezzjoni preventiva tal-konsumaturi, ħarsien tal-ambjent u tal-annimali). Sabiex din il-politika agrikola tkompli wara l-2013 jeħtieġ li l-PAK tingħata finanzjament suffiċjenti.

4.2

L-istrument tal-ħlasijiet diretti lill-irziezet ser ikompli jaqdi rwol ċentrali fi ħdan il-PAK. Fil-fehma tal-KESE, ir-rwol tal-PAK ser ikollu jinbidel sabiex din il-politika tinżamm. Ser tonqos il-ħidma biex jiġi kkompensat it-tnaqqis fil-prezzijiet istituzzjonali. Min-naħa l-oħra, ser jiżdiedu ċerti responsabbiltajiet oħra fil-qasam tal-ħarsien tal-kontribuzzjonijiet soċjali u tal-assi pubbliċi. Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ kriżi attwali u tal-varjazzjoni tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli, ir-rwol tal-istabbilizzazzjoni u tas-sigurtà tal-provvista qiegħed isir iktar importanti. B’hekk il-PAK ser tkun utli għall-konsumaturi wkoll. Fl-istess ħin l-aspetti marbutin mal-ħarsien tal-klima għandhom jiġu kkunsidrati iktar.

4.3

L-għaqda attwali tal-“ewwel u t-tieni pilastri” tal-politika agrikola għandha tinżamm iżda l-koordinazzjoni bejniethom għandha tittejjeb. Jeħtieġ li jsir sforz ikbar biex il-PAK tiġi implimentata b’mod uniformi fl-Istati Membri. Iżda fuq kollox għandhom jiġu ddefiniti aħjar l-ambizzjoni u l-finalità tal-miżuri ta’ promozzjoni, bi speċifikazzjoni tal-objettivi li jridu jintlaħqu.

4.4

Il-KESE jemmen li d-diskrepanzi storiċi fil-ħlasijiet diretti mill-Istati Membri lill-bdiewa ser jiġu bbilanċjati wara l-2013. Għal dan il-għan jeħtieġ li jiġu żviluppati kriterji oġġettivi li jqisu l-varjetà ta’ rabtiet strutturali, naturali u agroklimatiċi li jeżistu. Iridu jitqiesu wkoll id-diskrepanzi kbar bejn ir-reġjuni fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji għall-iżvilupp rurali. Fil-fehma tal-KESE, wieħed għandu jqis li l-Politika Agrikola Komuni ma twassalx għal iktar diskrepanzi fl-approċċi adottati mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tagħha.

4.5

Fid-dawl tat-tnaqqis kbir fil-prezzijiet f’ċerti swieq agrikoli importanti, il-KESE jippretendi li jittieħdu l-miżuri effikaċi meħtieġa biex il-produzzjoni agrikola tirċievi sehem ġust tal-qligħ.

Il-KESE qiegħed jistenna li ssir analiżi ġenerali dwar in-netwerks ta’ sigurtà li ser ikollhom bżonn is-swieq agrikoli fil-ġejjieni, fuq il-bażi tal-esperjenzi miksuba fil-kuntest tal-kriżi ekonomika globali.

4.6

Il-KESE jemmen li l-proċess ta’ adattament tal-irziezet jew tas-settur agrikolu għall-iżvilupp tas-suq u tal-kompetizzjoni għandu jkompli jiġi appoġġjat, pereżempju permezz ta’ miżuri bħall-investiment fit-titjib tal-kwalità, tas-sigurtà tal-ikel jew tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Iżda huwa saħansitra iktar importanti li tissaħħaħ il-pożizzjoni fis-suq tal-bdiewa u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Il-Politika Agrikola Komuni tal-ġejjieni għandha tinkludi għodod li jippermettu lill-Istati Membri jiffinanzjaw dawn il-prijoritajiet bi flessibbiltà suffiċjenti.

4.7

Il-KESE huwa tal-fehma li kull fejn hemm ostakoli għall-kompetittività tal-irziezet, pereżempju fiż-żoni żvantaġġati u muntanjużi, għandu jiġi pprovdut kumpens adattat, sabiex jiġi ggarantit li dawn l-artijiet ikunu jistgħu jintużaw għall-biedja fil-ġejjieni. Eżempju ta’ dan huwa s-settur tat-trobbija tal-ifrat. 60 % tal-produzzjoni ssir f’żoni żvantaġġati; 25 % minnha f’żoni muntanjużi. Għaldaqstant huwa ċar li appoġġ min-naħa tal-istat fir-rigward tal-prezzijiet u regolazzjoni addizzjonali tas-swieq agrikoli tista’ tirriżulta fi pressjoni ekonomika partikolarment qawwija fiż-żoni żvantaġġati.

4.8

Fl-appoġġ tal-iżvilupp rurali għandhom jitqiesu iktar il-problemi demografiċi (pereżempju l-infrastruttura u d-disponibbiltà ta’ persunal ikkwalifikat). Meta friegħi sħaħ tal-produzzjoni (pereżempju z-zokkor, il-ħalib u t-tabakk) f’ċerti reġjuni tradizzjonali jinsabu mhedda ekonomikament, iridu jittieħdu miżuri speċjali ta’ adattament. Għandhom jitqiesu wkoll aspetti soċjali bħas-sigurtà tax-xogħol.

4.9

Hemm ir-riskju li l-miżuri agroambjentali jitilfu l-iskop tagħhom jekk l-inċentivi jitneħħew uffiċjalment. Sabiex jiġi assigurat li l-bdiewa jkomplu jagħtu preferenza lil dawn il-miżuri fil-ġejjieni, il-KESE jipproponi li l-prestazzjoni ambjentali tal-bdiewa tiġi ppremjata lil hinn mir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba. Tali sistema għandha tiġi żviluppata wkoll għall-prestazzjonijiet attivi tal-bdiewa fl-oqsma tat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-annimali.

4.10

L-iskema tal-kundizzjonalità, li ġiet adottata fuq bażi volontarja fl-2000 u li saret vinkolanti fl-2005, hija obbligu ġenerali marbut mal-ħlasijiet ibbażati fuq iż-żona. Minn banda, din l-iskema ġiet ikkritikata mill-Qorti tal-Awdituri tal-UE li ssostni li hija implimentata b’mod superfiċjali wisq. Mill-banda l-oħra, il-bdiewa u l-awtoritajiet lokali responsabbli għall-kontroll tagħha jikkritikawha minħabba l-piż burokratiku li ġġib magħha. Il-KESE jirrakkomanda li l-iżvilupp addizzjonali jsir b’mod kawt: kull proposta għal tibdil fil-katalogu tal-kriterji tal-kundizzjonalità għandha tiġi eżaminata biex jiġi evalwat jekk twassalx tassew għal titjib.

Brussell, 30 ta’ Settembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  (ĠU C 44, 16.2.2008, p. 60).


Top