EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1472

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rabta bejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, it-tkabbir ekonomiku u r-rata tal-impjieg (opinjoni esploratorja)

ĠU C 318, 23.12.2009, p. 15–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “ir-Rabta bejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, it-tkabbir ekonomiku u r-rata tal-impjieg” (opinjoni esploratorja)

2009/C 318/04

Relatur: is-Sinjura OUIN

Fl-ittra tat-18 ta’ Diċembru 2008, is-Sinjura Cecilia Malmström, Ministru Svediż tal-Affarijiet Ewropej, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex, fil-kuntest tal-Presidenza Svediża li jmiss, iħejji opinjoni esploratorja dwar

Ir-rabta bejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, it-tkabbir ekonomiku u r-rata tal-impjieg.”

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Settembru 2009. Ir-relatur kienet is-Sinjura OUIN.

Matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tal-1 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’138 vot favur, 6 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-kwistjoni li qajmet il-Presidenza Svediża dwar ir-rabta bejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, it-tkabbir u l-impjieg hija biex tippermetti analiżi minn perspettiva ġdida. It-tema tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-fatt hija indirizzata f’għadd konsiderevoli ta’ rapporti, studji, direttivi, liġijiet, rakkomandazzjonijiet u ftehimiet. Minkejja dan, ir-realtà għadha dik li hi u l-inugwaljanzi għadhom jippersistu. Dawn intirtu mis-sekli li għaddew u ilna biss 50 sena li bdejna niġġilduhom. Għalkemm l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa issa hija stipulata fil-liġijiet, il-mentalitajiet, l-imġiba individwali u dik kollettiva għad iridu jinbidlu. Din l-opinjoni tipproponi bidla f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fi tliet oqsma: l-organizzazzjoni tal-ħin, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki fl-impjiegi li jipprovdu servizzi maħsuba għall-individwu kemm għan-nisa u għall-irġiel, kemm fis-setturi professjonali kif ukoll fil-karigi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

1.2

Għaldaqstant, il-KESE jindirizza r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-imsieħba soċjali kif ukoll lill-atturi kollha tas-soċjetà.

Lill-Istati Membri:

1.3

It-tkabbir jitkejjel skont iż-żieda fil-Prodott Domestiku Gross (PDG). Iżda dan l-indikatur mhuwiex biżżejjed biex jirrifletti l-kontribut ekonomiku tan-nisa. Bil-għan li r-rabtiet bejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u t-tkabbir jiġu eżaminati, l-istrument użat għandu jiġi kkunsidrat mill-ġdid.

1.4

Il-ħidma favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha titqies bħala mezz:

għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi, u mhux bħala spiża jew obbligu;

għat-tisħiħ tal-indipendenza ekonomika tan-nisa, li b’hekk isiru konsumaturi akbar tal-prodotti u s-servizzi;

għal investiment fir-riżorsi umani billi jiġi impost ir-rekwiżit ta’ aċċess ugwali għat-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja, filwaqt li jkun hemm aktar enfasi fuq l-esperjenza u d-diversità;

għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ bilanċ aħjar bejn ix-xogħol, il-ħajja tal-familja u l-ħajja privata, billi jiġu proposti ħinijiet tax-xogħol flessibbli magħżula fl-interess tal-intrapriżi u l-impjegati, billi jiżdiedu s-servizzi tal-kura, billi l-kura li tingħata lit-tfal żgħar ma titqisx bħala piż iżda bħala investiment u billi l-irġiel jitħeġġu jagħtu sehemhom fix-xogħol tad-dar;

biex jitħeġġeġ l-ispirtu intraprenditorjali fost in-nisa, billi l-ħolqien u t-trażmissjoni ta’ negozji ġodda jiġi appoġġjat u billi jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament;

billi jiġi żgurat li l-perspettiva tal-ġeneru titqies fil-miżuri meħuda, kemm għal perijodu qasir, medju u twil ta’ żmien, fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, kemm fil-livell tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali kif ukoll fil-livell ta’ kull Stat Membru,

biex jitnaqqas il-faqar attiv (l-impjegati li ma jitħallsux biżżejjed, li b’hekk jinsabu f’sitwazzjoni prekarja, kapijiet ta’ familji b’ġenitur wieħed, spiss huma nisa) permezz ta’ aċċess imtejjeb għal impjieg, impjieg sikur u salarju deċenti.

Lill-Kummissjoni:

1.5

Jitlob li l-ħidma tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ direzzjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tiġi kkontrollata u evalwata, u li dan il-pjan iservi ta’ pjattaforma għall-iskambju tal-prattiki tajba u tal-esperjenza.

Lill-imsieħba soċjali:

1.6

jitlobhom jimplimentaw il-qafas komuni ta’ azzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, billi jiffokaw fuq ir-rwol taż-żewġ sessi, il-promozzjoni tal-mara fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-appoġġ lill-ksib ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u t-tnaqqis tad-diskrepanzi li jeżistu bejn il-pagi;

1.7

jitlobhom itejbu t-tagħrif u l-istrumenti għall-ġlieda kontra s-segregazzjoni tal-impjiegi u għall-promozzjoni ta’ bilanċ bejn is-sessi;

1.8

jitlob li l-impjiegi li jipprovdu servizzi maħsuba għall-individwu jsiru professjonijiet fil-veru sens tal-kelma permezz ta’ rikonoxximent aktar effikaċi tal-ħiliet meħtieġa biex jitwettqu;

Lill-atturi kollha tas-soċjetà ċivili u l-mexxejja politiċi:

jitlobhom jikkunsidraw itaffu d-dispożizzjonijiet tar-regoli dwar l-irtirar, bl-inklużjoni tal-possibbiltà li individwu jkun jista’ jieħu perijodu ta’ żmien qabel ma’ jirtira biex jerfa’ r-responsabbiltajiet familjari tiegħu;

jitlobhom itejbu s-servizzi ta’ appoġġ għall-familji billi jiġu żviluppati servizzi pubbliċi u jinħolqu negozji ġodda;

jitlobhom iżidu n-numru tan-nisa fil-karigi ta’ tmexxija fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi u fil-bords tad-diretturi u l-kumitati eżekuttivi fi ħdan intrapriżi privati u pubbliċi;

jitlobhom jikkunsidraw din il-kwistjoni minn perspettiva wiesgħa, li twassal kemm għal miżuri immedjati kif ukoll għal prospetti ta’ impjieg fuq perijodu twil.

2.   Daħla

2.1

Il-ħtieġa ta’ miżuri favur parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija parti integrali mill-Istrateġija ta’ Lisbona li għandha l-għan li tiżviluppa l-Ewropa favur soċjetà aktar kompetittiva bbażata fuq l-għarfien.

2.2

Ir-rapport tal-2008 tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Ewropa (1) jindika li “l-impjieg tan-nisa kien il-fattur prinċipali tat-tkabbir kontinwu tax-xogħol fl-UE tul dawn l-aħħar snin. Bejn l-2000 u l-2006, ix-xogħol fl-UE-27 żdied bi kważi 12-il miljun persuna, li aktar minn 7,5 miljun kienu nisa (…). Ir-rata ta’ impjieg tan-nisa li għandhom it-tfal hi ta’ 62,4 % meta mqabbla mal-91,4 % għall-irġiel, jiġifieri differenza ta’ 29 punt. Aktar minn tliet kwarti mill-ħaddiema part time huma nisa (76,5 %), li jikkorrispondi għal mara fuq kull tlieta, għall-kuntrarju ta’ raġel fuq kull għaxra.”

2.3

Ir-rapport tal-2009 (2) jindika li r-rata tal-impjieg tan-nisa hija ta’ 58,3 % meta mqabbla mat-72,5 % għall-irġiel u li r-rata tal-impjieg part-time tan-nisa hija ta’ 31,2 % meta mqabbla mas-7,7 % għall-irġiel, u jiġbed l-attenzjoni għad-distribuzzjoni inugwali tal-poter fl-istituzzjonijiet u l-qasam tan-negozju.

2.4

Għalkemm għad m’hemmx ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-sitwazzjoni tan-nisa li jaħdmu fl-Ewropa hija waħda mill-aħjar fid-dinja; l-Unjoni Ewropea jistħoqqilha krettu talli indirizzat din il-kwistjoni mill-bidu nett u implimentat għodda statistika, studji, analiżi u leġiżlazzjoni.

2.5

Minkejja l-progress li sar u r-riżultati pożittivi miksuba, il-potenzjal ekonomiku tan-nisa għadu ma ġiex żviluppat biżżejjed. Barra minn hekk, il-livelli li laħqet il-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali probabbilment ser ikollhom impatt differenti fuq in-nisa u l-irġiel, meta wieħed iqis iċ-ċirkustanzi differenti tagħhom fil-qasam ekonomiku u soċjali u ċ-ċirku familjari.

2.6

Peress li hemm għadd kbir ta’ studji disponibbli, u tressqu wkoll għadd kbir ta’ rakkomandazzjonijiet u ttieħdu bosta deċiżjonijiet mill-istituzzjonijiet u l-imsieħba soċjali Ewropej – biss biss f’9 snin il-Kumitat adotta 14-il opinjoni dwar temi b’rabta mal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (3) – din l-opinjoni deliberatament ma tindirizzax il-kwistjoni kollha tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Minflok, l-għan ta’ din l-opinjoni huwa limitat għar-rabta bejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, it-tkabbir u x-xogħol b’attenzjoni partikolari għall-objettivi stabbiliti fl-Istrateġija ta’ Lisbona dwar iż-żieda tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol (4).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Is-sitwazzjoni fil-passat

3.1.1

Ir-rata tal-impjieg fost in-nisa żdiedet b’mod kostanti mis-sittinijiet ’il hawn. Il-fatt li, sa mis-sebgħinijiet, għadd kbir ta’ nisa għandhom aċċess għax-xogħol huwa pass importanti għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Ladarba n-nisa setgħu jagħżlu meta jkollhom it-tfal u kisbu aċċess għall-edukazzjoni ogħla, riedu, bħall-irġiel, jużaw il-ħiliet tagħhom fi ħdan is-soċjetà, mhux biss fi ħdan il-familja tagħhom, u riedu jiksbu awtonomija finanzjarja. Ix-xogħol bi ħlas ifisser dħul personali, garanziji aħjar fir-rigward tas-sigurtà soċjali u tal-irtiraru miżura kontra l-faqar f’każ ta’ separazzjoni, divorzju jew irmulija.

3.1.2

Id-dħul tan-nisa fix-xogħol ħoloq bżonnijiet ġodda li s-suq kellu jissodisfa. In-nisa kienu jaħdmu fi djarhom iżda dan ma kienx jitqies fil-prodott domestiku gross. Ladarba n-nisa ħarġu mill-isfera domestika, inħolqu impjiegi biex isir ix-xogħol li kienu jagħmlu fi djarhom. ta’ min isemmi, iżda mhux biss, il-persuni li jieħdu ħsieb it-tfal u s-sefturi.

3.1.3

L-impjieg tan-nisa ħoloq bżonnijiet li kkontribwixxew għall-iżvilupp ekonomiku. Meta n-nisa okkupaw impjiegi, il-koppji akkwistaw tagħmir elettriku għad-dar, karozza kull wieħed, bdew jixtru ikel diġà msajjar, il-ġenituri bdew joħorġu jieklu barra flimkien ma wliedhom, il-familji ġew bżonn ta’ servizzi u djar tal-kura għall-morda, il-persuni b’diżabbiltà u l-anzjani li qabel kienu jieħdu ħsiebhom in-nisa tad-dar, u t-tfal kellhom bżonn min jieħu ħsiebhom wara l-ħin tal-iskola. B’żewġ pagi, il-koppji setgħu jixtru dar, jattendu attivitajiet kulturali, isiefru, eċċ. B’hekk inħolqu impjiegi fl-industriji tat-tagħmir domestiku, tal-karozzi u tal-ikel, fil-qasam tal-forniment tal-ikel għall-massa, fis-settur soċjali u dak tas-saħħa, fis-sistema ekstrakurrikulari, fil-qasam tal-edukazzjoni – kemm dik mogħtija qabel ma t-tfal jilħqu l-età tal-iskola kif ukoll dik obbligatorja – kif ukoll fl-oqsma tal-kostruzzjoni, it-turiżmu, id-divertiment, il-kultura, it-trasport tal-passiġġieri, eċċ.

3.1.4

Tul dawn l-aħħar erbgħin sena, din it-tendenza li biddlet ix-xogħol tad-dar f’impjieg serviet ta’ xprun għat-tkabbir. Iżda dan huwa tkabbir ġenwin jew jirrifletti biss il-mod kif qed jiġi kkalkulat? L-ekonomija ma tqisx ix-xogħol tad-dar u tal-familja li huwa meħtieġ għall-funzjonament tas-soċjetà, li jqajjem mistoqsijiet dwar il-mod kif jiġi kkalkulat it-tkabbir.

3.2   L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u t-tkabbir ekonomiku – fatti u osservazzjonijiet

3.2.1

Skont analiżi tal-UE (5), il-kontribut tal-ugwaljanza bejn is-sessi għall-ekonomija m’għandux jitkejjel biss mill-perspettiva ta’ kemm dan għandu impatt fuq il-profitti fil-qasam tan-negozju. Dan il-kontribut isarraf f’investiment produttiv li jikkontribwixxi għall-progress ekonomiku globali, għat-tkabbir u għall-impjiegi. L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp: 1) permezz ta’ parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol, li jwassal għal użu aktar effetiv tal-investiment tagħhom fl-edukazzjoni u t-taħriġ, 2) permezz ta’ indipendenza ekonomika akbar u 3) permezz ta’ integrazzjoni aktar effettiva tan-nisa fis-sistema fiskali, u b’hekk jikkontribwixxu għall-ġid komuni.

3.2.2

Minkejja li l-kontribut ekonomiku huwa meqjus usa’ mill-approċċ intraprenditorjali u l-ġestjoni tad-diversità fil-livell tal-intrapriżi, ċerti elementi jippermettu li jkun stabbilit li xi riżultati ekonomiċi pożittivi huma assoċjati mal-approċċ intraprenditorjali. L-intrapriżi li għandhom aktar nisa fi ħdan il-bords tad-diretturi jagħmlu aktar qligħ.

3.2.3

Il-politiki favur l-ugwaljanza jistgħu jitqiesu bħala investiment effettiv fir-riżorsi umani. Anke jekk il-miri tal-iżvilupp ekonomiku huma limitati għat-tkabbir ekonomiku, mil-lat tal-investiment, il-politiki favur l-ugwaljanza għandhom il-potenzjal li jħallu impatt pożittiv fuq l-individwi, l-intrapriżi, ir-reġjuni u l-pajjiżi. L-użu aktar effettiv tan-nisa b’livelli ogħla ta’ edukazzjoni għandu wkoll il-potenzjal ta’ benefiċċji ekonomiċi.

3.2.4

L-indipendenza ekonomika akbar tan-nisa hija ta’ benefiċċji minħabba l-kontribut tagħhom bħala konsumaturi ta’ prodotti u servizzi fl-ekonomija, kif ukoll il-poter tal-akkwist tal-familji. Il-kontribut ekonomiku tan-nisa għandu jiġi rikonoxxut aktar fil-politiki ekonomiċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

3.3   Is-sitwazzjoni attwali

3.3.1

Fi żmien meta l-kriżi ekonomika u dik ekoloġika qed iqajmu mistoqsijiet dwar it-tip ta’ żvilupp li huwa mixtieq, xi wħud qed jixħtu dubju fuq il-fatt li l-PDG jitqies bħala l-uniku indikatur tat-tkabbir. Għandhom jiġu kkunsidrati indikaturi oħra (6).

3.3.2

Ikun liema jkun l-indikatur li jintuża, is-sitwazzjoni tan-nisa xorta waħda mhix ugwali, u dan huwa ta’ spiża għas-soċjetà. L-Istati Membri jinvestu fl-edukazzjoni kemm tas-subien kif ukoll tal-bniet – iżda 60 % tal-gradwati mill-universitajiet Ewropej huma nisa – mhuwiex loġiku li l-Istati ma jappoġġjawx aktar lin-nisa fis-suq tax-xogħol. Infiq pubbliku fl-edukazzjoni b’mod ugwali għaż-żewġ sessi għandu jiżgura li n-nisa jiksbu l-istess responsabbiltajiet u pagi bħall-irġiel. In-nisa għandhom japprofittaw mit-tibdil attwali biex jiksbu l-ħiliet ġodda meħtieġa għall-impjiegi ġodda. Madankollu, il-kontribut tan-nisa, il-livell għoli ta’ edukazzjoni tagħhom u l-potenzjal li jirrappreżentaw għas-suq tax-xogħol fil-ġejjieni għadhom sottovalutati u mhux magħrufin biżżejjed.

3.3.3

Il-ġlieda kontra l-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel mhijiex biss kwistjoni ta’ etika: hija wkoll kwistjoni ta’ ġestjoni aħjar tar-riżorsi umani. Għadd akbar ta’ nisa b’impjieg joħloq aktar ġid peress li dawn jikkonsmaw aktar prodotti u jużaw aktar servizzi, u jikkontribwixxu għaż-żieda fid-dħul mit-taxxi. It-timijiet fil-post tax-xogħol magħmulin kemm minn nisa kif ukoll mill-irġiel għandhom aktar potenzjal għall-innovazzjoni. Jekk il-koppji jingħataw il-mezzi sabiex iwettqu x-xewqa tagħhom li jkollhom it-tfal, filwaqt li jkollhom il-possibbiltà li jżommu l-impjieg tagħhom, inkunu qed niġġieldu kontra d-defiċit demografiku. Jekk l-Ewropa trid tinvesti fil-bniedem, għandha l-ewwel u qabel kollox tindirizza l-iżvantaġġi li jiffaċċjaw in-nisa (7).

3.3.4

Il-potenzjal tan-nisa għall-iżvilupp jiddgħajjef b’mod partikolari minħabba l-fatturi li ġejjin:

l-inugwaljanza fil-qsim tar-responsabbiltajiet tal-familja (tfal, morda, ġenituri anzjani, xogħol tad-dar, eċċ.),

in-nuqqas, kemm fin-numru kif ukoll fil-kwalità, ta’ faċilitajiet pubbliċi għat-tfal qabel l-età tal-iskola u faċilitajiet alternattivi oħraa għall-kura tat-tfal żgħar, bi prezz aċċessibbli għal kulħadd,

l-isterjotipi,

is-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol,

is-segregazzjoni fir-rigward tal-iskemi ta’ gwida fl-iskejjel u l-korsijiet ta’ studju,

il-fatt li la l-kwalifiki tagħhom ma jiġu rikonoxxuti u lanqas il-ħiliet li juru f’xogħlijiet differenti,

ix-xogħol part-time kontra r-rieda tagħhom,

ix-xogħol prekarju,

ix-xogħol informali,

il-pagi baxxi,

id-diskrepanzi bejn il-pagi tan-nisa u l-irġiel (8),

il-vjolenza u l-fastidju ta’ natura sesswali u/jew fuq il-bażi tas-sess,

l-għadd żgħir ħafna ta’ nisa b’responsabbiltajiet fl-oqsma ekonomiċi u politiċi,

kundizzjonijiet mhux favorevoli għall-intraprendituri nisa, l-appoġġ dgħajjef wisq li jingħata għall-ħolqien u t-trażmissjoni ta’ negozju u l-aċċess limitat għall-finanzjament,

ir-rigressjoni promossa f’ċerti komunitajiet,

in-nuqqas ta’ mudelli eżemplari,

il-fatt li n-nisa ma jippromovux lilhom innifishom bħalma jagħmlu l-irġiel (iżommu lura milli japplikaw għal pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà, għandhom inqas kunfidenza, ma jagħmlux networking, ma jaħtfux l-opportunitajiet u ma jisfidawx id-diskriminazzjoni).

3.3.5

Jekk niffokaw l-isforzi fuq il-kundizzjonijiet li jippermetu lin-nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol u jibqgħu hemm, u neliminaw id-diskrepanzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel għandu jkun hemm aktar tkabbir, impjiegi aħjar, prevenzjoni kontra l-faqar u tnaqqis fin-nefqa biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-problemi soċjali. In-nisa waħedhom bit-tfal (9) huma milquta l-aktar mill-faqar fl-Ewropa.

3.3.6

Skont il-qsim tar-responsabbiltajiet fil-passat, ir-raġel kien idaħħal paga li kienet tiffinanzja x-xogħol marbut mal-familja, dak soċjali u dak tad-dar li kienet tagħmel martu. Meta koppja jkollha żewġ pagi ma tiddedikax paga minnhom biex tiffinanzja s-servizzi li l-mara kienet tagħmel qabel iżda minflok tagħti prijorità lill-konsum tal-prodotti.

3.3.7

Ix-xogħol bla ħlas li tagħmel il-mara fid-dar ma kellux prezz iżda billi sar xogħol imħallas għandu prezz li l-utenti mhumiex lesti jew ma jistgħux iħallsu. Il-persuni li jieħdu ħsieb it-tfal, il-persuni li jgħinu fix-xogħol tad-dar u s-sefturi jitħallsu l-aktar pagi baxxi, jaħdmu part-time għal aktar minn ħaddiem wieħed (huma jiġu impjegati minn individwi separati għal ftit sigħat fil-ġimgħa) u sikwit jagħmlu parti mill-ekonomija informali. Ix-xogħol tad-dar huwa l-akbar settur ta’ xogħol mhux iddikjarat fl-Ewropa.

3.3.8

Il-ġenituri jħallu dak li huwa l-iktar prezzjuż għalihom, it-tfal tagħhom, f’idejn persuni li jitħallsu ħafna anqas mill-medja, allavolja jixtiequ li l-livell tal-ħiliet tagħhom ikun għoli. Bl-istess mod, is-sefturi huma fdati biċ-ċwievet tad-dar iżda ma jitħallsux paga li tirrifletti din il-fiduċja. Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki huwa diffiċli peress li l-familji jqisu biċċa xogħol li jistgħu jagħmlu huma stess bħala “faċli”. Minkejja dan, jekk li tieħu ħsieb uliedek stess mhuwiex ikkunsidrat bħala xogħol, li tieħu ħsieb ulied ħadd ieħor huwa (dan jeħtieġ għarfien tal-psikoloġija, tax-xjenza tad-dieta u tal-iġjene, konċentrazzjoni, attenzjoni u jeħtieġ ukoll li tkun taf tisma’ u li toqgħod b’seba’ għajnejn il-ħin kollu, eċċ.). Il-ħiliet meħtieġa, sikwit ikkunsidrati bħala “naturalment” femminili u għaldaqstant jingħataw il-ġenb fil-qasam “professjonali”, huma ħafna drabi mgħoddija b’mod informali fi ħdan il-familja u mhux mgħallma l-iskola.

4.   Kummenti partikolari

4.1   Il-mixja lejn l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tista’ tkompli toħloq tkabbir u impjiegi:

peress li r-rata tal-impjieg tan-nisa tista’ tiżdied, u dan joħloq aktar ħtiġijiet ta’ servizzi,

peress li l-pagi tan-nisa jistgħu jiġu kkunsidrati mill-ġdid. Dan joħloq is-saħħa tax-xiri, aktar kapaċità għall-konsum u l-irċevuti tat-taxxa,

peress li n-nisa jista’ jkollhom iktar pożizzjonijiet politiċi jew ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, b’effett pożittiv fuq il-prestazzjoni tal-intrapriżi u l-istituzzjonijiet,

peress li numru akbar ta’ intraprendituri nisa jwassal għal valur miżjud u kontribut finanzjarju addizzjonali lill-ekonomija permezz tal-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi.

4.2   Peress li inutli nirrepetu x’intqal diġà f’dokumenti Komunitarji oħra, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qed jillimita l-proposti tiegħu għal xi punti li ma ġewx analizzati daqs oħrajn.

4.2.1   Nindirizzaw is-segregazzjoni tal-impjiegi

4.2.1.1

L-ostaklu ewlieni li jeżisti bħalissa għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa huwa s-segregazzjoni tal-impjiegi. Hemm professjonijiet tal-irġiel u tan-nisa. Il-pagi fil-professjonijiet tan-nisa sikwit ikunu aktar baxxi, u x-xogħol part-time – mhux b’għażla tagħhom – kif ukoll ix-xogħol prekarju huma aktar frekwenti.

4.2.1.2

Ladarba professjoni partikolari tkun ristretta għall-irġiel jew in-nisa biss, l-isterjotipi jkunu assoċjati magħha. Issa għandna l-provi li l-irġiel u n-nisa jistgħu jwettqu kull tip ta’ xogħol. Professjonijiet li ilhom żmien twil iddominati mill-irġiel (għalliema, imħallfin, tobba tal-familja...) illum il-ġurnata huma ddominati min-nisa. Għaliex huwa daqshekk diffiċli li nsibu bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fid-dinja tax-xogħol? It-tagħrif dwar dan is-suġġett għandu jiżdied biex niġġieldu kontra s-segregazzjoni tal-impjiegi u nippromovu dan il-bilanċ. Dan jippermetti wkoll li jittaffa l-effett tan-nuqqas ta’ ħaddiema f’ċerti setturi.

4.2.1.3

L-ostakli għall-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fix-xogħol mhumiex intenzjonati u huma marbuta mal-perċezzjonijiet. L-għeruq tagħhom qegħdin fis-sistema edukattiva, li fiha s-subien u l-bniet jagħżlu karrieri differenti. Il-ġenituri u l-għalliema għandhom isiru aktar konxji tal-konsegwenzi tal-għażliet tal-karrieri li jagħmlu ż-żgħażagħ. Ir-rappreżentanti tad-diriġenti u l-unjins li jinnegozjaw l-iskali tal-pagi u li jistabbilixxu l-ġerarkija tal-kwalifiki fin-negozjati dwar il-pagi jaqdu rwol essenzjali, li jfisser li jeħtieġ jifhmu l-valur tal-ħiliet miksuba fiċ-ċirku domestiku u familjari. Il-karigi ta’ tmexxija mhumiex imqassmin bejn in-nisa u l-irġiel. L-intrapriżi l-kbar u l-ogħla livelli tal-amministrazzjoni għandhom jieħdu miżuri biex kemm jista’ jkun jinkiseb dan it-tqassim.

4.2.2   Jeħtieġ li l-impjiegi marbuta mal-għoti ta’ servizzi maħsuba għall-individwu jkunu aktar professjonali u jkunu jirrikjedu aktar kwalifiki

4.2.2.1

L-impjiegi marbuta mal-għoti ta’ servizzi maħsuba għall-individwu għandhom ikunu professjonijiet ġenwini, b’ħiliet rikonoxxuti, taħriġ, kwalifiki u possibbiltà ta’ żvilupp tal-karriera. Bil-għan li nersqu lil hinn mir-relazzjoni individwali bejn il-familji u s-sefturi, jeħtieġ jinħolqu intrapriżi u servizzi pubbliċi li jipprovdu servizzi maħsuba għall-individwu. Il-familji m’għandhomx ikomplu jħaddmu, iżda jkunu klijenti jew utenti li jixtru jew jibbenefikaw minn numru ta’ sigħat ta’ faċendi tad-dar, minn kura lil persuna anzjana jew lit-tfal, minn għajnuna fix-xogħol tal-iskola, eċċ. Jeħtieġ li tiġi ġeneralizzata sistema li teżisti diġà f’xi pajjiżi Ewropej fejn in-negozju jew is-servizz pubbliku li jħaddem huwa responsabbli għas-sigurtà tal-proprjetà u tal-persuni, u għandu jivverifika l-kwalifiki tal-impjegati li jaħdmu fid-djar tan-nies. B’hekk ikunu impjegati minn mgħallem wieħed biss, jitħallsu għall-ħin li jieħu l-vjaġġ bejn iż-żewġ residenzi u jkollhom aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u l-garanziji kollettivi kollha. Għandu jitfassal qafas ta’ referenza Ewropew għall-impjiegi fil-qasam tas-servizzi pprovduti fid-dar, li jinkludi l-aspetti psikoloġiċi ta’ dawn il-funzjonijiet (fiduċja, empatija, attenzjoni, il-kapaċità li tisma’ lill-oħrajn u li toqgħod b’seba’ għajnejn il-ħin kollu, eċċ.), il-ħiliet meħtieġa (ix-xjenza tad-dieta, l-impatt tal-prodotti użati fuq is-saħħa u l-ambjent, eċċ.) u mhux biss l-aspetti materjali u tekniċi tax-xogħol tad-dar.

4.2.2.2

Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki jwassal għal żieda fil-prezz tasservizzi, li diġà huma għaljin wisq għal bosta familji. Il-qasam tan-negozju u l-finanzjament pubbliku –fil-każ li jagħmlu parti mill-ftehimiet fil-livell tal-intrapriżi - jistgħu jagħmlu dawn is-servizzi aktar aċċessibbli għal kulħadd.

4.2.2.3

Il-fatt li l-impjiegi marbuta mas-servizzi maħsuba għall-individwu jsiru professjonijiet fil-veru sens tal-kelma, u t-titjib tal-pagi jagħmluha possibbli li jinkiseb bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fis-settur. Meta l-irġiel jibdew jaħdmu bħala sefturi, jieħdu ħsieb it-tfal jew jaħdmu bħala għajnuna fid-djar ikun sar pass kbir favur l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

4.2.3   Il-qsim aħjar tar-responsabbiltajiet tal-familja

4.2.3.1

Il-missirijiet iqattgħu inqas ħin mill-ommijiet fix-xogħol tad-dar u tal-familja. Waħda mill-kundizzjonijiet għall-ksib tal-ugwaljanza hija li l-missirijiet għandhom isiru aktar konxji tal-importanza tar-rwol tagħhom fir-rigward ta’ uliedhom u li għandhom jitħeġġu jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tal-ġenituri anzjani tagħhom u tal-morda fil-familja.

4.2.4   Faċilitajiet għall-kura tat-tfal żgħar

4.2.4.1

L-iżvilupp ta’ faċilitajiet għall-kura tat-tfal żgħar m’għandux jitqies bħala spiża iżda bħala investiment. Skont Gösta Esping-Andersen (10), fuq perijodu fit-tul, l-ommijiet li jaħdmu jħallsu lura s-sussidju “permezz taż-żieda fil-pagi tagħhom tul ħajjithom kollha u permezz tat-taxxi li jħallsu”. Dan id-dħul jirrimborża s-sussidju pubbliku inizjali u għandu effett pożittiv fuq it-tfal li jattendu l-crèche. Dan l-investiment jista’ jwasssal ukoll sabiex jittaffa t-tnaqqis demografiku fl-Ewropa.

4.2.5   Niżviluppaw l-għoti tas-servizzi

L-ugwaljanza tista’ tissaħħaħ bl-iżvilupp tal-għoti tas-servizzi li jista’ jeħles lin-nisa mix-xogħol tad-dar u tal-familja u b’hekk ikunu jistgħu jsibu xogħol stabbli, full time u kwalifikat. L-iżvilupp ta’ dawn is-servizzi (faċilitajiet għall-kura tat-tfal żgħar, servizzi ekstrakurrikulari, kura għall-persuni anzjani u dawk b’diżabbiltà, il-faċendi tad-dar, il-mogħdija, eċċ.) isarraf f’impjiegi ġodda.

4.2.5.1

L-iżvilupp ta’ dawn is-servizzi jfisser ukoll li għandhom jiġu ffinanzjati b’mod kollettiv (l-Istat, l-intrapriżi u l-klijenti) (11). Ċerti ftehimiet riċenti tal-intrapriżi jipproponu tali servizzi maħsuba għall-individwu bħala alternattiva għaż-żieda fil-pagi. L-offerta ta’ servizzi li jistgħu jtejbu l-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik professjonali hija parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva.

4.2.6   Naħsbu għal kreditu ta’ “ħin”

4.2.6.1

Is-servizzi waħedhom mhumiex biżżejjed biex jintlaħaq bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik professjonali. It-trobbija u l-edukazzjoni tat-tfal jieħdu ż-żmien tul parti minn ħajjet il-bniedem. Jekk ix-xogħol part-time, fuq għażla volontarja, jista’ jgħin lil dawk li għandhom familja sabiex jirrikonċiljaw aħjar il-ħajja professjonali, tal-familja u privata tagħhom, m’għandux idgħajjef il-pożizzjoni tal-mara fil-post tax-xogħol u fil-ħajja, speċjalment meta dawn in-nisa jkunu l-kap tal-familja, u lanqas m’għandu jżomm lill-missirijiet milli jiddedikaw aktar ħin għall-familja. Iż-żewġ ġenituri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jieħdu ħsieb uliedhom.

4.2.6.2

Membri oħra tal-familja għandhom bżonn il-ħin: dawk li waslu fl-aħħar ta’ ħajjithom, il-morda u l-anzjani. Fi żmien meta s-sistemi tal-pensjoni qed jiġu rriformati fil-livelli kollha, jeħtieġ li nersqu lil hinn mill-kunċett li l-ħajja hija maqsuma fi tliet żminijiet: l-istudju, ix-xogħol, l-irtirar. Kull individwu għandu jkun jista’ jistudja tul ħajtu kollha u għandu jkollu ammont ta’ snin ta’ kreditu ta’ ħin biex jużah għall-attivitajiet tal-familja, soċjali, dawk marbuta mal-volontarjat u dawk politiċi jew ċiviċi. Għandu jkun possibbli li persuna tagħżel li tipposponi l-età tal-irtirar tagħha jekk tixtieq tqatta’ ftit ħin liberu (iffinanzjat bl-istess mod bħall-pensjoni) tul il-karriera professjonali tagħha.

4.2.7   Inżidu n-numru ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija

4.2.7.1

In-nisa mhumiex irrappreżentati biżżejjed f’kull tip ta’ pożizzjoni ta’ tmexxija: it-tmexxija politika, l-ogħla livelli tas-servizz ċiviku u fil-livelli maniġerjali tal-intrapriżi l-kbar. Fl-istess waqt, l-intrapriżi li għandhom proporzjon qawwi ta’ nisa fil-kumitati eżekuttivi tagħhom huma fost dawk li għandhom l-aqwa prestazzjoni finanzjarja. In-nisa jwaqqfu anqas negozji u huwa wisq anqas probabbli li jkunu kapijiet ta’ intrapriża. L-irġiel mhumiex irrappreżentanti biżżejjed fiċ-ċirku tal-familja u għandhom tendenza li ma jiħdux il-leave tal-ġenituri.

4.2.7.2

In-nisa li rnexxielhom jidħlu f’oqsma ddominati mill-irġiel jistgħu jiggwidaw lil nisa oħra li jixtiequ jidħlu għall-istess karriera. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ miżuri vinkolanti: l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-intrapriżi privati kbar għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw għadd sinifikanti ta’ nisa fost id-diriġenti tagħhom.

4.2.8   Appoġġ lin-nisa fil-kwalità tagħhom ta’ intraprendituri

In-nisa li jikkunsidraw l-intraprenditorija jew it-tmexxija ta’ intrapriża fl-UE jħabbtu wiċċhom ma’ ħafna diffikultajiet biex joħolqu u jmexxu negozju minħabba l-fatt li ftit li xejn jifhmu dwar il-qasam tan-negozju, it-tipi differenti tiegħu u tas-setturi involuti, u minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni, ta’ kuntatti u netwerks, l-isterjotipi, minħabba l-fatt li s-servizzi għat-tfal mhumiex adegwati u flessibbli biżżejjed, id-diffikultajiet li jiffaċċjaw biex isibu bilanċ bejn in-negozju u l-impenji tal-familja u l-mod differenti li bih in-nisa u l-irġiel iħarsu lejn l-intraprenditorija. Il-pjan ta’ direzzjoni tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel identifika l-miżuri li għandhom jittieħdu bħala appoġġ għall-intraprenditorija fost in-nisa, biex jiġu megħjuna jibdew negozju jew isiru s-sidien ta’ intrapriża li diġà teżisti, u biex jirċievu informazzjoni adattata għall-intraprendituri u biex ikollhom aċċess aktar faċli għall-finanzjament.

4.2.9   Ir-rwol tal-imsieħba soċjali

Fl-2005, fid-dawl tal-fatt li l-kawżi tal-inugwaljanza li għadha teżisti fis-suq tax-xogħol huma kumplessi u marbutin ma’ xulxin, l-imsieħba soċjali Ewropej – fil-kuntest tal-ewwel programm ta’ ħidma komuni tagħhom – adottaw qafas ta’ azzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi li jiffoka fuq erba’ oqsma: ir-rwol tas-sessi, il-promozzjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-appoġġ lill-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u t-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-pagi.

Brussell, 1 ta’ Ottubru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2008) 10 finali, p. 4.

(2)  COM(2009) 77 finali.

(3)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE li ġejjin:

24.03.2009 dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività b’kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom u li tirrevoka d-Direttiva 86/613/KEE”, relatur: is-Sinjura Sharma, (ĠU C 226, 22.09.2009);

13.05.2009 dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu”, relatur: is-Sinjura Herczog, CESE 882/2009 (ĠU C 277, 17.11.2009);

22.04.2008 dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Niġġieldu kontra l-inugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel”, relatur: is-Sinjura Kössler (ĠU C 211, 19.08.2008);

11.07.2007 dwar “Il-kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjali – ir-rwol tas-soċjetà ċivili, tal-imsieħba soċjali u tal-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru”, relatur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 256, 27.10.2007);

11.07.2007 dwar “Ir-rwol tal-imsieħba soċjali fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata”, relatur: is-Sur Clever (ĠU C 256, 27.10.2007);

12.07.2007 dwar “L-impjieg tal-kategoriji ta’ prijorità (l-Istrateġija ta’ Lisbona)”, relatur: is-Sur Greif (ĠU C 256, 27.10.2007);

13.09.2006 dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-pjan ta’ rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010”, relatur: is-Sinjura Attard (ĠU C 318, 23.12.2006 – mhux disponibbli bil-Malti);

14.02.2006 dwar “Ir-rappreżentanza tan-nisa fil-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan il-gruppi ta’ interess ekonomiku u soċjali fl-Unjoni Ewropea”, relatur: is-Sur Etty (ĠU C 88, 11.04.2006 – mhux disponibbli bil-Malti);

14.12.2005 dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea ta’ Opportunitajiet Ugwali għal Kulħadd (2007) – Lejn soċjetà ġusta”, relatur: is-Sinjura Herczog (ĠU C 65, 17.3.2006 – mhux disponibbli bil-Malti);

29.09.2005 dwar “Il-faqar fost in-nisa fl-Ewropa”, relatur: is-Sinjura King (ĠU C 28, 31.01.2006 – mhux disponibbli bil-Malti);

28.09.2005 dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Istitut Ewropew tal-Ġeneru”, relatur: is-Sinjura Štechová (ĠU C 24, 31.01.2006 – mhux disponibbli bil-Malti);

15.12.2004 dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol”, relatur: is-Sinjura Sharma (ĠU C 157, 28.06.2005 – mhux disponibbli bil-Malti);

03.06.2004 dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fl-aċċess għal, u l-provvista tal-prodotti u s-servizzi”, relatur: is-Sinjura Carroll (ĠU C, 28.09.2004);

25.01.2001 dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 76/207/KEE tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol”, relatur: is-Sinjura Wahrolin (ĠU C 123, 25.04.2001 – mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  60 % fl-2010.

(5)  “Analysis note: The Economic Case for Gender Equality” (Nota ta’ analiżi: Il-vantaġġi ekonomiċi tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel), Mark Smith u Francesca Bettio, 2008 – analiżi ffinanzjata mill-Kummissjoni Ewropea u mħejjija għall-użu tal-Kummissjoni, DĠ EMPL.

(6)  Pereżempju, l-indikaturi li jintużaw mill-UNDP (il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp): l-HDI (Human Development Index – l-indiċi tal-iżvilupp tal-bniedem), li jikklassifika l-pajjiżi skont il-medja ta’ tliet indikaturi: il-PDG per capita, l-għomor tal-ħajja sa mit-twelid u l-livell ta’ edukazzjoni; il-GDI (Gender-Related Development Index – l-indiċi ta’ żvilupp fuq il-bażi tas-sess) li jevalwa d-differenzi bejn is-sitwazzjoni tal-irġiel u tan-nisa, u l-GEM (Gender Empowerment Measure ), indikatur tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u ekonomika.

(7)  COM(2009) 77 finali: “L-Istati Membri bl-ogħla rati ta’ twelid huma bħalissa dawk li wkoll għamlu l-aħjar biex itejbu l-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol għall-ġenituri, u li għandhom rata għolja ta’ nisa impjegati.”

(8)  Ara l-kampanja eċċellenti tal-Kummissjoni “Equal pay for work of equal value” (L-istess paga għal xogħol tal-istess valur) http://ec. europa.eu/equalpay.

(9)  COM(2009) 77 finali: “Dan għandu impatt ukoll fuq ir-riskju li wieħed jisfa fqir, b’mod speċjali għal ġenituri waħedhom, li f’ħafna każijiet huma nisa (ir-rata ta’ dawk f’riskju hi 32 %).”

(10)  “Trois leçons sur l’Etat-Providence” (Tliet lezzjonijiet dwar l-Istat Assistenzjali), 2008, Pariġi, Le Seuil.

(11)  L-eżempju ta’ “chèque-emploi-service”, skema fi Franza li permezz tagħha dawn is-servizzi huma parzjalment iffinanzjati minn tnaqqis fit-taxxa, huwa possibbiltà interessanti li kiseb effetti pożittivi fil-ġlieda kontra x-xogħol informali f’dan is-settur. Din is-sistema twaqqfet wara ftehim bejn il-banek, l-Istat u s-sistemi tas-sigurtà soċjali. Skont dan il-ftehim, il-banek joħorġu kotba taċ-ċekkijiet speċjali għall-ħlas tas-servizzi fid-djar bil-għan li jiġi eliminat ix-xogħol mhux iddikjarat u biex issir aktar faċli għall-individwi privati li jimpjegaw in-nies biex jimxu b’konformità mal-ħtiġijiet tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali.


Top