EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1473

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar X’għandu jsir biex l-istrateġija tal-UE dwar il-ħsara relatata mal-alkoħol tkun sostenibbli, fit-tul u multisettorjali (opinjoni esploratorja)

ĠU C 318, 23.12.2009, p. 10–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/10


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “X’għandu jsir biex l-istrateġija tal-UE dwar il-ħsara relatata mal-alkoħol tkun sostenibbli, fit-tul u multisettorjali” (opinjoni esploratorja)

2009/C 318/03

Relatur: is-Sinjura Van TURNHOUT

F’ittra tat-18 ta’ Diċembru 2008, fil-kuntest tal-Presidenza Svediża li jmiss tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru Svediż għall-Affarijiet Ewropej talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar

Xgħandu jsir biex l-istrateġija tal-UE dwar il-ħsara relatata mal-alkoħol tkun sostenibbli, fit-tul u multisettorjali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Settembru 2009. Ir-relatur kien is-Sinjura Van TURNHOUT.

Matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-30 ta’ Settembru u fl-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tat-30 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’128 vot favur, 5 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1

Din l-opinjoni esploratorja tħejjiet fuq it-talba tal-Presidenza Svediża lill-KESE u tiffoka fuq x’għandu jsir biex l-istrateġija tal-UE dwar il-ħsara relatata mal-alkoħol tkun sostenibbli, fit-tul u multisettorjali (1). L-għan tal-Presidenza Svediża huwa li tappoġġja l-implimentazzjoni tal-istrateġija orizzontali tal-UE dwar l-alkoħol u l-istabbiliment ta’ ħidma preventiva fit-tul kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali.

1.2

Din l-opinjoni tkompli tibni fuq l-opinjoni preċedenti tal-KESE dwar il-ħsara relatata mal-alkoħol, li ffokat fuq ħames temi prijoritarji: il-protezzjoni tat-tfal; it-tnaqqis tal-inċidenti tat-traffiku relatati mal-alkoħol; il-prevenzjoni tal-ħsara relatata mal-alkoħol fost l-adulti u fuq il-post tax-xogħol; l-informazzjoni, l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni; u l-bażi ta’ evidenza komuni (2).

1.3

L-opinjoni tissottolinja dawn l-erba’ prijoritajiet tal-Presidenza:

l-impatt tar-reklamar u l-marketing fuq iż-żgħażagħ;

l-influwenza tal-prezz fuq l-iżvilupp tal-ħsara;

it-tfal fiċ-ċentru tal-attenzjoni – b’mod speċfiku, il-ġabra ta’ problemi kkawżati mill-alkoħolizzazzjoni tal-fetu (Foetal Alcohol Spectrum Disorder – FASD) kif ukoll it-tfal fil-familji; u

l-effetti tal-konsum tal-alkoħol b’mod li jagħmel il-ħsara fuq it-tixjiħ b’saħħtu u dinjituż.

Sabiex jinkiseb approċċ komprensiv, dawn is-suġġetti kollha u l-kwistjonijiet rilevanti l-oħra għandhom jiġu ttrattati flimkien.

1.4

Il-modi ta’ konsum tal-alkoħol ivarjaw sinifikattivament minn pajjiż għal ieħor, iżda ħafna drabi l-biċċa l-kbira tal-konsumaturi jixorbu b’mod responsabbli (ara l-punt 3.2) (3). Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jinsab imħasseb għaliex huwa stmat li 15 % tal-popolazzjoni adulta tal-UE tixrob l-alkoħol b’mod li jagħmel il-ħsara fuq bażi regolari, u għaliex it-tfal huma l-aktar vulnerabbli għall-ħsarat ikkawżati mill-alkoħol. Għandhom jitfasslu miżuri ta’ politika sabiex jintlaħqu dawk li diġà qed jixorbu b’mod li jagħmel il-ħsara.

1.5

Il-marketing tal-alkoħol huwa wieħed mill-fatturi li jżidu l-probabbiltà li t-tfal u l-adoloxxenti jibdew jixorbu l-alkoħol, u li jekk diġà jixorbu, jibdew jixorbu iktar. Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jħeġġeġ li t-tfal jkunu esposti inqas għall-marketing tal-alkoħol.

1.6

Il-politiki tal-prezzijiet tal-alkoħol li jkunu mfasslin b’mod xieraq jistgħu jgħinu ħafna sabiex titnaqqas il-ħsara relatata mal-alkoħol, b’mod partikolari fost il-persuni bi dħul baxx u ż-żgħażagħ. Il-KESE jemmen li jinħtieġ regolament dwar id-disponibbiltà, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni tal-alkoħol; l-awtoregolazzjoni f’dan il-qasam mhix biżżejjed.

1.7

Għas-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju marbut mal-ġabra ta’ problemi kkawżati mill-alkoħolizzazzjoni tal-fetu (FASD), il-KESE jappoġġja l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE.

1.8

Il-KESE jemmen li tinħtieġ aktar informazzjoni dwar l-effetti tal-konsum tal-alkoħol b’mod li jagħmel il-ħsara fuq it-tixjiħ b’saħħtu u dinjituż fil-livell tal-UE.

1.9

Il-KESE jagħraf li l-politiki tal-alkoħol għandhom ikunu komprensivi u jinkludu miżuri differenti li diġà taw prova li jnaqqsu l-ħsara.

2.   Sfond

2.1

L-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza u r-responsabbiltà li tindirizza l-problemi tas-saħħa pubblika marbuta mal-użu perikoluż u li jagħmel il-ħsara tal-alkoħol fuq il-bażi tal-Artikolu 152(1) tat-Trattat (4) li jgħid li l-azzjoni Komunitarja għandha tikkumplementa l-politiki nazzjonali.

2.2

B’konformità mar-Rakkomandazzjoni tiegħu tal-2001 dwar il-konsum tal-alkoħol miż-żgħażagħ (5), il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni ssegwi u tevalwa l-iżviluppi u l-miżuri meħuda, u tħejji rapport dwar il-ħtieġa ta’ aktar azzjonijiet.

2.3

Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2001 u ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tressaq proposti għal strateġija Komunitarja komprensiva bil-għan li titnaqqas il-ħsara relatata mal-alkoħol li għandha tikkumplementa l-politiki nazzjonali (6).

2.4

Fl-2006 l-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni: Strateġija tal-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta’ ħsara relatata mal-alkoħol (7). L-għan tagħha huwa li tidentifka l-azzjonijiet implimentati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, u tispjega kif il-Kummissjoni tista’ tappoġġja u tikkumplementa aktar il-politiki tas-saħħa nazzjonali. Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għadha ’l bogħod minn “strateġija komprensiva” (8) billi ma tipprovdix analiżi komprensiva u trasparenti tal-oqsma ta’ politika rilevanti kollha u tad-diffikultajiet li sabu xi Stati Membri biex iżommu politiki tas-saħħa pubblika ta’ kwalità fir-rigward tal-alkoħol minħabba r-regoli tas-suq tal-UE (9). Barra minn dan, l-istrateġija ma tirrikonoxxix ukoll li l-alkoħol huwa droga psikoattiva, sustanza tossika meta jintuża b’mod eċċessiv, u għal xi wħud, vizzju.

2.5

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkonfermat ripetutament li t-tnaqqis fil-ħsara relatata mal-alkoħol hija mira importanti u valida tas-saħħa pubblika, u għandhom jintużaw miżuri meqjusa adatti u b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà (10).

2.6

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħidma li wettqu l-partijiet interessati kkonċernati kollha fi ħdan il-Forum Ewropew għall-Alkoħol u s-Saħħa (European Alcohol and Health Forum) minn mindu tnieda fl-2007. Il-KESE jilqa’ l-iżviluppi simili fil-livelli lokali.

3.   Ġabra fil-qosor tal-effetti li jagħmlu l-ħsara

3.1

Globalment, l-Unjoni Ewropea hija r-reġjun fejn jiġi kkonsmat l-akbar ammont ta’ alkoħol, b’konsum ta’ 11-il litru ta’ alkoħol pur għal kull persuna fis-sena (11). Il-konsum globali naqas bejn is-snin sebgħin u nofs is-snin disgħin, u minn dak iż-żmien ’l hawn baqa’ relattivament stabbli; però għad hemm id-differenzi bejn il-pajjiżi rigward il-konsum tal-alkoħol kif ukoll rigward il-ħsara li dan jikkawża, u anke dwar il-forma tal-ħsara (12); madankollu, il-modi ta’ konsum tal-alkoħol li jagħmlu l-ħsara għadhom sinifikattivi (13).

3.2

Ħafna drabi l-biċċa l-kbira tal-konsumaturi jixorbu b’mod responsabbli. Madakollu, il-KESE jinsab imħasseb għaliex huwa stmat li 55 miljun adult fl-UE (15 % tal-popolazzjoni adulta) jixorbu l-alkoħol b’mod li jagħmel il-ħsara fuq bażi regolari (14). Huwa stmat li fl-UE l-konsum tal-alkoħol b’mod li jagħmel ħsara jikkawża madwar 195 000 mewta fis-sena b’riżultat tal-inċidenti, mard tal-fwied, kanċer, eċċ. L-użu tal-alkoħol b’mod li jagħmel ħsara huwa t-tielet l-akbar kawża ta’ mwiet bikrija u mard fl-UE (15).

3.3

Il-KESE jemmen li l-konsum tal-alkoħol b’mod li jagħmel il-ħsara mhux problema li tiżviluppa b’mod iżolat, iżda waħda li jista’ jkollha diversi kawżi, fosthom il-faqar, l-esklużjoni soċjali, l-ambjent familjari, u l-istress relatat max-xogħol.

3.4

Filwaqt li jeżistu drawwiet kulturali differenti marbuta mal-konsum tal-alkoħol fl-Ewropa, jista’ jiġi osservat li jeżistu wkoll drawwiet kulturali differenti marbuta mal-konsum tal-alkolħol b’mod perikoluż u li jagħmel il-ħsara, saħansitra anke fost it-tfal u l-adoloxxenti (16). Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw dawn il-mudelli nazzjonali u lokali huma u jfasslu l-politiki.

3.5

It-tfal huma partikolarment vulnerabbli għall-ħsarat ikkawżati mill-alkoħol. Huwa stmat li minn 5 sa 9 miljun tifel u tifla fil-familji jintlaqtu b’mod negattiv mill-alkoħol. L-alkoħol huwa fattur kawżali f’16 % tal-każijiet tal-abbuż u n-negliġenza tat-tfal, u madwar 60 000 twelid taħt il-piż fis-sena jiġu attribwiti lill-alkoħol (17).

3.6

Il-konsum tal-alkoħol b’mod li jagħmel il-ħsara jista’ jikkawża l-ħsara mhux biss lill-individwu iżda wkoll lil terzi persuni. Il-ħsara relatata mal-alkoħol għandha tiġi indirizzata wkoll fuq il-post tax-xogħol, fil-qafas tar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà, u r-responsabbiltà primarja ta’ dan hija ta’ min iħaddem. Il-politiki dwar l-alkoħol fuq il-post tax-xogħol jistgħu jgħinu fit-tnaqqis ta’ inċidenti relatati mal-alkoħol, l-assenteiżmu u ż-żieda fil-kapaċità tax-xogħol. Il-KESE jħeġġeġ lil min iħaddem, lit-trejdjunjins, lill-awtoritajiet lokali u lill-organizzazzjonijiet rilevanti l-oħra biex jikkooperaw mill-qrib u jwettqu azzjonijiet konġunti sabiex inaqqsu l-ħsara relatata mal-alkoħol fuq il-postijiet tax-xogħol.

3.7

L-alkoħol huwa prodott importanti fl-Ewropa għaliex joħloq l-impjiegi, jiġġenera d-dħul permezz tat-taxxi u jikkontribwixxi għall-bilanċ tal-kummerċ. Madankollu, ix-xorb tal-alkoħol b’mod li jagħmel ħsara jaffettwa wkoll l-ekonomija, minħabba ż-żieda fil-kura tas-saħħa u l-ispejjeż soċjali, u t-telf tal-produttività. L-ispiża tal-ħsara relatata mal-alkoħol għall-ekonomija tal-UE kienet stmata li laħqet EUR 125 biljun fl-2003, ekwivalenti għal 1,3 % tal-PDG (18).

4.   L-impatt tar-reklamar u l-marketing fuq iż-żgħażagħ

4.1

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-Karta Ewropea tal-WHO dwar l-alkoħol (19) adottata mill-Istati Membri tal-UE kollha fl-1995 u, b’mod partikolari, il-prinċipju etiku li t-tfal u l-adoloxxenti kollha għandhom id-dritt li jikbru f’ambjent protett mill-konsegwenzi negattivi tal-konsum tal-alkoħol u, sa fejn hu possibbli, mill-promozzjoni ta’ xorb alkoħoliku.

4.2

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-UE ħeġġet lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi fil-qasam tal-promozzjoni, tal-marketing u tal-bejgħ bl-imnut, u jiżguraw li l-prodotti tal-alkoħol ma jiġux imfassla jew promossi sabiex jiġbdu lit-tfal u l-adoloxxenti.

4.3

Ix-xorb bla rażan (binge drinking) miż-żgħażagħ (15–24 sena) huwa preokkupazzjoni dejjem tikber kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri; 24 % ta’ dawk li jixorbu f’dan il-grupp ta’ età qalu li xorbu bla rażan mill-anqas darba fil-ġimgħa fl-2006 (20). Il-birra (40 %) u l-ispirti (30 %) huma l-aktar xarbiet alkoħoliċi kkonsmati mill-adoloxxenti (21), u wara jiġu l-inbid (13 %), l-alcopops (11 %) (22) u s-sidru (6 %). Il-promozzjonijiet għall-bejgħ tal-alkoħol, bħall-“happy hours” u l-promozzjonijiet “tnejn għall-prezz ta’ wieħed”, ukoll iżidu l-konsum tal-alkoħol u l-probabbiltà ta’ xorb bla rażan fost iż-żgħażagħ (23). Bħala pass ’il quddiem jinħtieġ infurzar aktar strett tal-età legali tax-xorb mill-awtoritajiet.

4.4

Ir-reklamar u l-marketing tal-alkoħol jinfluwenzaw l-attitudni taż-żgħażagħ lejn l-alkoħol u l-perċezzjoni tagħhom tal-alkoħol, u joħolqu t-tama ta’ stennijiet pożittivi mill-użu tal-alkoħol fost iż-żgħażagħ (24). F’analiżi ta’ studji lonġitudinali li saret mill-Grupp Xjentifiku fi ħdan il-Forum Ewropew għall-Alkoħol u s-Saħħa nstabet evidenza konsistenti li turi l-impatt tar-reklamar tal-alkoħol fuq il-konsum tax-xorb fost iż-żgħażagħ li ma jixorbux, u l-konsum akbar fost iż-żgħażagħ li jixorbu. Dawn ir-riżultati huma aktar u aktar impressjonanti fid-dawl tal-fatt li parti żgħira biss mill-istrateġija kollha tal-marketing ġiet studjata (25).

4.5

Il-KESE huwa inkwetat dwar il-fatt li l-marketing tal-alkoħol jattira lil dawk li għadhom taħt l-età biex jixorbu (26), u jiġbed l-attenzjoni għar-riżultati konsistenti li juru li l-fatt li jiġu esposti għal televiżjoni u reklami li jkun fihom l-alkoħol iħabbar il-bidu tax-xorb fost iż-żgħażagħ u ż-żieda fix-xorb (27).

4.6

Il-Kumitat tal-Esperti tal-WHO jikkunsidra li s-sistemi volontarji ma jwaqqfux it-tip ta’ marketing li għandu impatt fuq iż-żgħażagħ u milli jidher l-awtoregolazzjoni taħdem biss jekk ikun hemm theddida kurrenti u kredibbli li jsiru regolamenti min-naħa tal-gvern (28).

4.7

L-atturi fil-katina tax-xorb alkoħoliku ddikjaraw ir-rieda tagħhom li jkunu aktar proattivi fl-infurzar tal-miżuri regolatorji u awtoregolatorji (29). Għandhom rwol x’jaqdu fil-ħidma flimkien mal-Istati Membri biex jiżguraw li l-prodotti tagħhom jiġu manifatturati, mqassma u mqiegħda fis-suq b’mod responsabbli li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol.

4.8

Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva tgħin biex jiġu stabbiliti standards minimi għar-reklamar dwar l-alkoħol. Tispeċifika li r-reklami tal-alkoħol m’għandhomx ikunu mmirati b’mod speċifiku għall-minuri, m’għandhomx jirrelataw il-konsum tal-alkoħol ma’ prestazzjoni fiżika mtejba, suċċess soċjali jew sesswali u m’għandhomx juruh bħala stimulant, sedattiv jew mezz li jsolvi l-kunflitti personali (30). Il-KESE jemmen li din id-Direttiva waħedha mhix biżżejjed biex tipproteġi bis-sħiħ lit-tfal mill-marketing tal-alkoħol.

4.9

Il-KESE jinsisti li t-tnaqqis fil-fatt li t-tfal jiġu esposti għall-prodotti alkoħoliċi u għar-reklamar u l-promozzjoni tal-alkoħol għandu jiġi stabbilit bħala għan speċifiku mill-Kummissjoni, u li f’dan il-qasam għandha tiġi introdotta regolazzjoni aktar stretta.

5.   L-influwenza tal-prezz fuq il-ħsarat relatati mal-alkoħol

5.1

L-interess pan-Ewropew fil-miżuri għall-ġlieda kontra l-ħsarat relatati mal-alkoħol qed jiżdied. L-alkoħol huwa prodott importanti fl-Ewropa għaliex joħloq l-impjiegi, jiġġenera d-dħul permezz tat-taxxi u jagħmel kontribut għall-ekonomija tal-UE permezz tan-negozju. Madankollu, huwa stmat li 15 % tax-xorb b’mod li jagħmel il-ħsara jikkawża l-ħsara għall-individwi u s-soċjetajiet. Fl-2003 ġie stmat li l-ispiża tal-użu ħażin tal-alkoħol fl-UE ammontat għal EUR 125 biljun, ekwivalenti għal 1,3 % tal-PDG (31).

5.2

Fuq il-bażi tal-istudju RAND, madwar l-UE hemm tendenza li jiġi kkonsmat aktar alkoħol li jinxtara minn ħwienet mingħajr liċenzja (off-trade) u dan l-alkoħol normalment ikun irħas mill-alkoħol li jinbiegħ għall-konsum fuq il-post (on-trade) (32). Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-istudju ffoka biss fuq il-prezzijiet tal-alkoħol fi ħwienet mingħajr liċenzja (off-trade) u ma jqabbilx il-prezzijiet off-trade mal-prezzijiet on-trade.

5.3

L-istudji juru li bejn l-1996 u l-2004 l-alkoħol sar aktar jintlaħaq minn but kulħadd fl-UE, f’xi pajjiżi b’aktar minn 50 % (33). L-evidenza turi li hemm relazzjoni pożittiva bejn li l-alkoħol jista’ jintlaħaq minn but kulħadd u l-konsum tal-alkoħol fl-UE (34).

5.4

Iż-żgħażagħ huma sensittivi għaż-żieda fil-prezz tal-alkoħol, li twassal biex iż-żgħażagħ jixorbu b’mod anqas frekwenti u biex jixorbu anqas kull darba li jixorbu (35). Madankollu, studji oħra juru li ż-żgħażagħ jistgħu jirrikorru għal modi ta’ xorb li jagħmlu l-ħsara b’risposta għaż-żieda fil-prezz, pereżempju billi jixorbu alkoħol irħas id-dar qabel ma joħorġu (jiġifieri “pre-drinking” (36). Dawn is-sejbiet għandhom implikazzjonijiet importanti għall-politika tal-alkoħol fl-UE, b’mod speċjali minħabba ż-żieda fix-xorb b’mod li jagħmel il-ħsara fost iż-żgħażagħ.

5.5

Huwa stmat li 3,8 % tal-imwiet globali u 4,6 % tas-snin ta’ ħajja aġġustati għad-diżabbiltà (disability-adjusted life years) madwar id-dinja huma attibwiti lill-alkoħol. Teżisti relazzjoni pożittiva bejn il-konsum tal-alkoħol u l-korrimenti u l-imwiet tat-traffiku (37). L-alkoħol huwa l-unika kawża ta’ xi mard bħall-mard tal-fwied marbut mal-alkoħol u l-pankreatite kkawżata mill-alkoħol, u jikkontribwixxi għal mard u korrimenti oħra (bħal ċerti tipi ta’ kanċer, mard tal-qalb, attakki tal-qalb u ċ-ċirrożi tal-fwied) (38). Il-konsum tal-alkoħol b’mod li jagħmel il-ħsara huwa fattur kontributorju għall-kriminalità, il-vjolenza, il-privazzjoni tal-familja, l-imġiba sesswali riskjuża u l-mard trasmess sesswalment (39).

5.6

Huwa stmat li madwar l-UE x-xorb eċċessiv f’perijodu ta’ ftit sigħat jikkontribwixxi għal 2 000 omiċidju, 17 000 mewta tat-traffiku (jew waħda minn kull tliet fatalitajiet tat-traffiku), 27 000 mewta aċċidentali u 10 000 suwiċidju (40).

5.7

Il-politiki tal-prezzijiet tal-alkoħol jistgħu jgħinu ħafna sabiex titnaqqas il-ħsara relatata mal-alkoħol (41). Madankollu, il-KESE jemmen li l-politika tal-prezzijiet għandha tiġi kkunsidrata fl-iżvilupp ta’ strateġiji biex jindirizzaw il-ħsara relatata mal-alkoħol fit-tul, b’mod sostenibbli u multisettorjali.

5.8

Il-politiki tal-alkoħol għandhom ikunu komprensivi u jinkludu miżuri differenti li diġà taw prova li għamlu impatt fit-tnaqqis tal-ħsara, bħall-politiki relatati max-xorb u s-sewqan kif ukoll l-interventi bbażati fuq is-saħħa primarja. Il-KESE jirrikonoxxi li miżura waħda ma tistax issolvi l-ħsara relatata max-xorb.

5.9

Il-KESE jemmen li jinħtieġ li r-regolamentazzjoni dwar id-disponibbiltà, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni tal-alkoħol tiġi infurzata b’mod effiċjenti. L-awtoregolazzjoni f’dan il-qasam hija parti mis-soluzzjoni, però fiha nnifisha mhix suffiċjenti. Għandu jkun possibbli li jsiru restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bi prezz imnaqqas u fuq il-promozzjonijiet tal-bejgħ mingħajr ma jkun qed jiġi ristrett in-negozju jew tinkiser il-liġi tal-UE.

6.   It-tfal fiċ-ċentru tal-attenzjoni – b’mod speċfiku, il-ġabra ta’ problemi kkawżati mill-alkoħolizzazzjoni tal-fetu u t-tfal fil-familji

6.1

Id-destin tal-Ewropa jiddependi minn popolazzjoni b’saħħitha u produttiva. Għaldaqstant, l-evidenza li ż-żgħażagħ qed jesperjenzaw proporzjon ogħla ta’ mard li jirriżulta mill-konsum tal-alkoħol b’mod perikoluż u li jagħmel il-ħsara hija ta’ tħassib serju għall-KESE (42).

6.2

Il-Kummissjoni tagħraf li t-tfal għandhom id-dritt li jiġu mħarsa b’mod effettiv mill-isfruttament ekonomiku u kull forma ta’ abbuż (43). Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din il-pożizzjoni.

6.3

Il-KESE jinnota li l-konsum tal-alkoħol b’mod perikoluż u li jagħmel il-ħsara għandu impatt negattiv mhux biss fuq min jixrob iżda wkoll fuq nies oħra, speċjalment b’rabta mal-inċidenti, il-korrimenti u l-vjolenza. Il-KESE jirrikonoxxi li fil-familji l-aktar grupp vulnerabbli u fir-riskju huma t-tfal.

6.4

Huwa stmat li minn 5 sa 9 miljun tifel u tifla fil-familji jintlaqtu b’mod negattiv mill-alkoħol, li l-alkoħol huwa fattur li jikkontribwixxi f’16 % tal-każijiet tal-abbuż u n-negliġenza tat-tfal, u li l-alkoħol jikkontribwixxi għal madwar 60 000 twelid taħt il-piż fis-sena (44). L-effetti negattivi l-oħra għat-tfal jinkludu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, li jistgħu jaffettwawlhom saħħithom, l-edukazzjoni u l-benesseri tagħhom kemm issa kif ukoll fil-futur.

6.5

Il-vjolenza domestika, li hi problema serja f’bosta pajjiżi (45), hija marbuta mill-qrib mal-problemi tax-xorb eċċessiv minn min iwettaqha (46). Filwaqt li l-vjolenza domestika tista’ titwettaq fl-assenza tal-alkoħol, ix-xorb eċċessiv jista’ jikkontribwixxi għall-vjolenza fost xi nies. It-tnaqqis fix-xorb eċċessiv mhux biss huwa ta’ benefiċċju għall-vittmi u għal min iwettaq il-vjolenza, iżda wkoll għat-tfal li jgħixu f’familji bħal dawn.

6.6

L-alkoħol jista’ jaffettwa lit-tfal anke qabel jitwieldu. Il-ġabra ta’ problemi kkawżati mill-alkoħolizzazzjoni tal-fetu jinkludu serje ta’ difetti permanenti tat-twelid (fiżiċi, ta’ komportament u konoxxitttivi) li jiġu kkawżati meta l-omm tikkonsma l-alkoħol matul it-tqala.

6.7

L-għarfien dwar il-ġabra ta’ problemi kkawżati mill-alkoħolizzazzjoni tal-fetu u l-effetti tagħhom huwa baxx. It-tixrid ta’ eżempji bbażati fuq l-evidenza ta’ programmi preventivi biex inaqqsu l-ħsara tal-alkoħol matul it-tqala huwa kritiku. Il-KESE jappoġġja l-użu ta’ kampanji mmirati tal-UE u tal-gvernijiet nazzjonali bil-għan li jissensibilizzaw dwar ir-riskji marbuta mal-ġabra ta’ problemi kkawżati mill-alkoħolizzazzjoni tal-fetu.

7.   L-effetti tal-konsum tal-alkoħol b’mod li jagħmel il-ħsara fuq it-tixjiħ b’saħħtu u dinjituż

7.1

L-anzjani huma aktar sensittivi għall-effetti tal-alkoħol. Il-problemi speċifiċi jinkludu dawk relatati mal-bilanċ u r-riskju li jaqgħu, u l-bidu ta’ problemi tas-saħħa li jistgħu jagħmlu lill-anzjani aktar suxxettibbli għall-alkoħol. Madwar terz tal-anzjani jiżviluppaw il-problemi tax-xorb għall-ewwel darba aktar tard fil-ħajja, ħafna drabi minħabba l-mewt ta’ xi ħadd qrib tagħhom, il-kundizzjoni fiżika ħażina tagħhom, id-diffikultà biex imorru minn post għal ieħor u l-iżolazzjoni soċjali (47).

7.2

Il-konsum tal-alkoħol b’mod li jagħmel il-ħsara jista’ jaffettwa s-saħħa mentali tal-anzjani fil-forma ta’ ansjetà, depressjoni u konfużjoni.

7.3

Il-problemi relatati mal-użu tal-alkoħol huma komuni fost l-anzjani, l-aktar fost l-irġiel li jkunu iżolati soċjalment u jgħixu waħedhom (48). L-użu problematiku tal-alkoħol huwa assoċjat mal-indeboliment wiesa’ tas-saħħa fiżika, psikoloġika, soċjali u konoxxittiva. Madwar 3 % tal-persuni li għandhom ’il fuq minn 65 sena jsofru minn dawn il-problemi (49), però jista’ jkun li ħafna każijiet ma jiġux osservati billi l-kriterji tad-dijanjosi u l-monitoraġġ huma diretti lejn l-adulti żgħażagħ. Madankollu, ħafna drabi l-kura tal-anzjani mill-problemi tal-alkoħol hija aktar faċli mill-kura tal-adulti żgħażagħ.

7.4

L-alkoħol jista’ jżid l-effetti ta’ xi mediċini, u jnaqqas l-effetti ta’ oħrajn. Huwa importanti li wieħed jissensibilizza lill-professjonisti tal-kura, lil dawk li jieħdu ħsieb lill-anzjani b’mod informali u liċ-ċittadini anzjani dwar l-interazzjoni li jista’ jkun hemm bejn il-mediċina u l-alkoħol.

7.5

Il-KESE jemmen li għandu jsir aktar sabiex jiġi indirizzat il-benesseri tal-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ fl-UE, inkluża l-informazzjoni dwar l-effetti tal-konsum tal-alkoħol b’mod li jagħmel il-ħsara fuq it-tixjiħ b’saħħtu u dinjituż fil-livell tal-UE.

Brussell, 30 ta’ Settembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Il-kelma “multisettorjali” tfisser li tkopri diversi setturi, inklużi s-soċjetà ċivili, it-trejdjunjins u n-negozju.

(2)  Opinjoni tal-KESE tat-30.5.2007 dwar l-istrateġija tal-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta’ ħsara relatata mal-alkoħol, relatur: is-Sinjura van Turnhout, korelatur: is-Sur Janson, ĠU C 175, 27.7.2007.

(3)  Konnopka, A & König, H-H, “The Health and Economic Consequences of Moderate Alcohol Consumption in Germany 2002”, fi: Value in Health, 2009.

(4)  It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

(5)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2001 (2001/458/KE).

(6)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju dwar strateġija Komunitarja biex tnaqqas il-ħsara relatata mal-alkoħol (ĠU C 175, 20.6.2001, p. 1) u Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 u t-2 ta’ Ġunju 2004 dwar l-alkoħol u ż-żgħażagħ (ma ġewx ippubblikati fil-ĠU).

(7)  COM(2006) 625 finali.

(8)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(9)  Ibid.

(10)  Il-kawża Franzen (C-89/95), il-kawża Heinonen (C-394/97), il-kawża Gourmet (C-405/98), Catalonia (kawżi konġunti C-1/90 u C 179/90), Loi Evin (C-262/02 u C-429/02).

(11)  “Alcohol in Europe, a public health perspective” – Rapport għall-Kummissjoni Ewropea li sar minn P. Anderson u B. Baumberg, L-Istitut tal-Istudji dwar l-Alkoħol, Ġunju 2006.

(12)  Opinjoni tal-KESE tat-30.5.2007 dwar l-istrateġija tal-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta’ ħsara relatata mal-alkoħol, relatur: is-Sinjura van Turnhout, korelatur: is-Sur Janson, ĠU C 175, 27.7.2007.

(13)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna.

(14)  Aktar minn 40 g ta’ alkoħol, jiġifieri erba’ xarbiet kuljum, għall-irġiel u aktar minn 20 g, jiġifieri żewġ xarbiet kuljum, għan-nisa.

(15)  Alcohol-related harm in Europe – Key data October 2006, Brussell, MEMO/06/397, 24 ta’ Ottubru 2006.

(16)  Stħarriġ tal-ESPAD (Proġett Ewropew ta’ Sondaġġ Skolastiku dwar l-Alkoħol u Drogi Oħrajn), 2007.

(17)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna.

(18)  DĠ SANCO.

(19)  Il-Karta Ewropea dwar l-alkoħol tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (1995).

(20)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna.

(21)  Ir-rapport ESPAD tal-2007 (2009).

(22)  “Alcopop” huwa terminu użat sabiex jiddeskrivi x-xarbiet alkoħoliċi fil-fliexken li jixbhu s-soft drinks u l-luminati.

(23)  Independent Review of the Effects of Alcohol Pricing and Promotion (2008).

(24)  Opinjoni xjentifika tal-Grupp Xjentifiku fi ħdan il-Forum Ewropew għall-Alkoħol u s-Saħħa (2009) u Impact of Alcohol Advertising and Media Exposure on Adolescent Alcohol Use: A Systematic Review of Longitudinal Studies (2009).

(25)  Ara n-nota 24 f’qiegħ il-paġna, l-ewwel parti.

(26)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna.

(27)  Ibid.

(28)  Kumitat tal-Esperti tal-WHO dwar il-problemi relatati mal-konsum tal-alkoħol, it-tieni rapport, 2007.

(29)  COM(2006) 625 finali.

(30)  The affordability of alcoholic beverages in the European Union: Understanding the link between alcohol affordability, consumption and harms (2009).

(31)  DĠ SANCO 2006.

(32)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna. It-terminu “on-trade” jirreferi għall-pabbs, klabbs, ristoranti u bejjiegħa oħra li jbigħu l-alkoħol għall-konsum fuq il-post; it-terminu “off-trade” jirreferi għas-supermarkets u stabbilimenti mingħajr liċenzja li jbigħu l-alkoħol għall-konsum xi mkien ieħor.

(33)  Billi jitqies l-effett nett tal-prezz u d-dħul, jista’ jitkejjel mill-but ta’ min jista’ jintlaħaq prodott.

(34)  Ara n-nota 30 f’qiegħ il-paġna.

(35)  Modelling the Potential Impact of Pricing and Promotion Policies for Alcohol in England: Results from the Sheffield Alcohol Policy Model Version 2008(1–1).

(36)  Alcohol Price and Consumer Behaviour. Riċerka tas-suq, mill-IPSOS Belgium (2009).

(37)  Ara n-nota 30 f’qiegħ il-paġna.

(38)  “Global burden of disease and injury and economic cost attributable to alcohol use and alcohol use disorders”, The Lancet, (2009).

(39)  “Effectiveness and cost-effectiveness of policies and programmes to reduce the harm caused by alcohol”, The Lancet, (2009).

(40)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna.

(41)  WHO Global Status Report: Alcohol Policy, (2004). Ara wkoll “Paying the tab. The costs and benefits of alcohol control (2007)”, u n-noti 35 u 37 f’qiegħ il-paġna.

(42)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna.

(43)  COM(2006) 367 finali.

(44)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna.

(45)  L-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tas-16.3.2006 dwar il-vjolenza domestika kontra n-nisa, relatur: is-Sinjura Heinisch, ĠU C 110, 9.5.2006 (mhux disponibbli bil-Malti) u l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tal-14.12.2006 dwar it-tfal bħala vittmi indiretti tal-vjolenza domestika, relatur: is-Sinjura Heinisch, ĠU C 325, 30.12.2009 (mhux disponibbli bil-Malti).

(46)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna.

(47)  Ara s-sit tar-Royal College of Psychiatrists, ir-Renju Unit:

http://www.rcpsych.ac.uk/mentalhealthinfoforall/problems/alcoholanddrugs/alcoholandolderpeople.aspx.

(48)  “Alcohol use disorders in elderly people: redefining an age old problem in old age”, British Medical Journal, (2003).

(49)  Prevalence of mental disorders in Europe: results from the European Study of the Epidemiology of Mental Disorders project, (2004).


Top