EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1475

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kooperazzjoni makroreġjonali. L-applikazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku għal makroreġjuni oħra fl-Ewropa (opinjoni esploratorja)

ĠU C 318, 23.12.2009, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kooperazzjoni makroreġjonali. L-applikazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku għal makroreġjuni oħra fl-Ewropa” (opinjoni esploratorja)

2009/C 318/02

Relatur:is-Sur SMYTH

Nhar it-18 ta’ Diċembru 2008, is-Sinjura Cecilia MALMSTRÖM, il-Ministru għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f’isem il-Presidenza Svediża, sabiex ifassal opinjoni esploratorja dwar

Il-kooperazzjoni makroreġjonali – L-applikazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku għal makroreġjuni oħra fl-Ewropa

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Settembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur SMYTH.

Matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tat-30 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’unanimità.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-għanijiet miġbura fl-erba’ pilastri tal-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku: li r-reġjun isir post prosperu, mingħajr periklu u sigur, sostenibbli mil-lat ambjentali u attraenti u aċċessibbli.

1.2

Il-KESE jirrikonoxxi l-proċess komprensiv ta’ konsultazzjoni li sar qabel ma ġiet iffinalizzata l-istrateġija u r-rwol li kellhom fil-proċess l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati. Il-KESE jisħaq mill-ġdid fuq ir-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili organizzata fl-implimentazzjoni tal-istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u jikkonferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-twaqqif ta’ Forum tas-Soċjetà Ċivili għall-Baħar Baltiku li jista’ jgħin biex is-soċjetà ċivili ssir parti integrali mill-evoluzzjoni tal-istrateġija.

1.3

Il-KESE jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-istrateġija li jħaddan 15-il azzjoni ta’ prijorità li kull waħda minnhom ser tkun ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru Baltiku biex jimplimentaha.

1.4

L-istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku għandha kemm punti tajbin kif ukoll punti dgħajfin. L-ikbar saħħa li għandha hija li hija komprensiva fil-firxa li beħsiebha tkopri kif ukoll li se tiġi evalwata regolarment mill-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew. Id-dgħufijiet tagħha jinbtu mill-kumplessità tagħha u mill-kwistjonijiet ta’ governanza marbuta mal-implimentazzjoni tagħha. L-istrateġija tħaddan il-kompetenzi ta’ 21 Direttorat Ġenerali kif ukoll 8 Stati Membri u r-Russja. Flimkien mal-erba’ pilastri, il-ħmistax-il azzjoni ta’ prijorità u bosta azzjonijiet orizzontali, hemm “ġeometrija varjabbli” kumplessa fil-qalba tal-istrateġija li tista’ twassal biex din ma tkunx fattibbli. Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jsir kull sforz biex jiġu ssemplifikati l-arranġamenti tal-governanza tal-implimentazzjoni tal-istrateġija.

1.5

Il-KESE għandu rwol importanti x’jaqdi biex jiżgura spirtu ta’ kooperazzjoni matul l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Il-ħolqien ta’ Forum tas-Soċjetà Ċivili għall-Baħar Baltiku huwa pass pożittiv ’il quddiem biex is-soċjetà ċivili organizzata tingħata sehem fl-evoluzzjoni futura tal-istrateġija.

1.6

L-istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tfisser sfida kbira għall-KESE b’mod ġenerali u b’mod partikolari għal dawk il-membri tal-Kumitat mir-reġjun Baltiku. Din tobbligahom jieħdu l-inizjattiva biex jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili organizzata fl-evoluzzjoni tal-istrateġija permezz tal-ħidma mwettqa fi ħdan il-Forum tas-Soċjetà Ċivili. Billi l-istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku ser taħdem għal numru ta’ snin hemm każ sod biex jitwaqqaf grupp permanenti fil-KESE biex ikun żgurat li l-Kumitat ikun jista’ jipparteċipa b’mod effettiv f’dak li jista’ jsir il-mudell għall-kooperazzjoni makroreġjonali fl-Unjoni Ewropea.

2.   Daħla

2.1

Il-kwistjoni tal-kooperazzjoni makroreġjonali kibret fl-importanza tul dawn l-aħħar snin. Fl-UE, il-makroreġjuni issa qed jitqiesu li għandhom il-potenzjal li jagħmlu kontribut sinifikanti għall-politika tal-koeżjoni u biex jinkisbu livelli komparabbli ta’ żvilupp fl-Istati Membri. L-Ewropa diġà tħaddan xi forom ta’ kooperazzjoni makroreġjonali. Il-Grupp ta’ Visegrad, pereżempju, li jiġbor ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja, jirrappreżenta l-isforzi tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Ewropa Ċentrali biex jaħdmu flimkien f’bosta oqsma ta’ interess komuni fl-ispirtu tal-integrazzjoni Ewropea (1). Dan l-aħħar fl-2008, is-Sħubija Ewro-Mediterranja, li qabel kienet magħrufa bħala l-Proċess ta’ Barċellona, tnediet mill-ġdid fis-Summit ta’ Pariġi għall-Mediterran. Din is-Sħubija tħaddan is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea flimkien ma’ 16-il stat imsieħeb min-naħa t’Isfel tal-Mediterran u l-Lvant Nofsani u għandha l-għan li tindirizza problemi komuni bħat-tniġġis marittimu u s-sigurtà marittima, il-kwistjonijiet marbuta mal-enerġija u l-iżvilupp kummerċjali (2).

2.2

F’Novembru 2006, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni biex titfassal Strateġija tal-Baħar Baltiku. Din l-istrateġija għall-makroreġjun magħżul tal-Baħar Baltiku ġiet adottata mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Ġunju 2009 u tressqet quddiem il-Kunsill Ewropew nhar id-19 ta’ Ġunju 2009. Il-Presidenza Svediża ser tiddiskutiha aktar fil-fond bi tħejjija għall-adozzjoni tagħha mill-Kunsill fl-aħħar ta’ Ottubru 2009. Din l-opinjoni esploratorja ntalbet mill-Presidenza Svediża peress li hija element importanti fil-programm ta’ ħidma tagħha. L-għan ta’ din l-opinjoni huwa li tiġi evalwata l-Istrateġija proposta tal-Baħar Baltiku, it-tħejjija tagħha, l-istruttura tagħha u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili organizzata. L-opinjoni tibni fuq l-analiżi li tressqet fl-opinjoni adottata dan l-aħħar mill-KESE “Ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fit-titjib tal-kooperazzjoni reġjonali u d-definizzjoni ta’ strateġija reġjonali” (3).

2.3

It-talba għal Strateġija tal-Baħar Baltiku għandha l-għeruq tagħha fl-idea li hemm bżonn iktar koordinazzjoni u koordinazzjoni iktar effettiva bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-awtoritajiet lokali u partijiet interessati oħra sabiex isir użu iktar effettiv mill-programmi u l-politiki. Il-Baħar Baltiku huwa wieħed mill-iktar reġjuni marittimi traffikużi u kkonġestjonati fid-dinja kif nistgħu naraw mill-movimenti ta’ kuljum tal-vapuri (ara l-Appendiċi). Ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku huwa magħmul minn tmien Stati Membri li jmissu mal-Baħar Baltiku (il-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Polonja, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja) flimkien mar-Russja. Meta l-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni tagħti bidu għall-istrateġija, stipula li l-aspetti tar-relazzjonijiet esterni tal-istrateġija għandhom ikunu marbuta mal-qafas tad-Dimensjoni tat-Tramuntana (4). Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni li titfassal strateġija għall-iżvilupp makroreġjonali li tinkludi l-istati kollha tal-Baħar Baltiku.

2.4

Il-proċess li wassal għall-iżvilupp tal-istrateġija m’għandu l-ebda preċedent. Fil-fehma tal-Kummissjoni, jekk l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku hija valida u fattibbli fir-reġjun Baltiku, jista’ jiġi applikat approċċ simili għal makroreġjuni oħrajn bħar-Reġjun tad-Danubju (5), ir-Reġjun tal-Alpi u l-Mediterran.

Matul l-2008, il-Kummissjoni organizzat firxa wiesgħa ta’ konsultazzjonijiet. Dawn il-konferenzi konsultattivi saru fil-makroreġjun kollu u laħqu l-quċċata tagħhom fi Frar 2009 f’Rostock. Is-suġġetti indirizzati kienu msejsa fuq l-erba’ pilastri li fuqhom inbniet l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku biex dan ir-Reġjun isir:

post sostenibbli mil-lat ambjentali;

post prosperu;

post aċċessibbli u attraenti;

post mingħajr periklu u sigur.

2.5

L-istrateġija hija akkumpanjata minn Pjan ta’ Azzjoni li jħaddan 15-il qasam ta’ prijorità minn fost l-erba’ pilastri. Kull qasam ta’ prijorità għandu jkun ikkoordinat minn wieħed mill-Istati Membri Baltiċi u mbagħad mistennija jaħdmu fuq l-implimentazzjoni flimkien mal-partijiet interessati rilevanti (6).

2.6

L-Istrateġija tal-Baħar Baltiku u l-azzjonijiet proposti għandhom jiġu ffinanzjati minn fondi eżistenti, jiġifieri l-Fondi Strutturali tal-UE (EUR 55 biljun bejn l-2007 u l-2013), fondi minn kull stat tal-Baħar Baltiku, mill-NGOs, minn sorsi privati kif ukoll fondi minn istituzzjonijiet finanzjarji bħall-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Nordiku tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp.

2.7

Minbarra l-erba’ pilastri, l-istrateġija tinkludi wkoll azzjonijiet orizzontali maħsuba għall-iżvilupp tal-koeżjoni territorjali. Dawn jinkludu:

miżuri biex il-fondi u l-politiki eżistenti jiġu allinjati mal-prijoritajiet u l-azzjonijiet tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku;

miżuri għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-UE u biex jiġu evitati ostakli burokratiċi inutli;

miżuri li jħeġġu l-użu tal-ippjanar marittimu spazjali fl-Istati Membri bħala approċċ komuni fil-kooperazzjoni transkonfinali;

l-iżvilupp tal-ippjanar spazjali tal-art fl-Istati Membri Baltiċi;

it-trasformazzjoni tal-proġetti pilota li rnexxew fi ħdan l-istrateġija f’azzjonijiet fuq skala wiesgħa;

l-espansjoni tar-riċerka bħala bażi għad-deċiżjonijiet ta’ politika;

miżuri għat-titjib u l-koordinazzjoni tal-ġbir ta’ data marittima u soċjoekonomika fil-makroreġjun Baltiku;

it-tiswir ta’ identità reġjonali.

3.   Kummenti dwar l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku

3.1   Il-KESE jilqa’ l-approċċ li ħadu l-Kunsill u l-Kummissjoni għall-iżvilupp tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, u b’mod partikolari l-firxa wiesgħa ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati fil-makroreġjun. L-Istrateġija hija waħda innovattiva billi ser topera fi struttura ta’ governanza transnazzjonali u b’hekk tmur lil hinn mill-ambitu tal-politiki reġjonali tradizzjonali tal-UE. Din l-istruttura l-ġdida ta’ governanza qiegħda nofs triq bejn l-istat nazzjon u l-komunità sopranazzjonali.

3.2   L-erba’ plastri tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni sussegwenti jirrappreżentaw tentattiv serju għat-tfassil ta’ qafas ta’ żvilupp ikkoordinat aħjar għal żona daqstant diversa bħall-Baltiku u biex b’hekk tiġi promossa l-koeżjoni territorjali.

3.3   Fi kliem il-Kummissjoni, il-kunċett tal-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku huwa “ħidma li għadha għaddejja”. Id-definizzjoni tal-aspetti individwali tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku ma tistax tkun waħda preċiża billi l-ġeografija tinbidel skont il-kwistjoni li qed tiġi indirizzata. Pereżempju, il-kwistjoni tal-ambjent tirreferi għal ġeografija differenti mill-ġeografija ekonomika jew il-ġeografija tat-trasport. L-approċċ li ttieħed għat-tfassil tal-istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku huwa li l-ewwel jiġu ddefiniti l-problemi u l-kwistjonijiet u mbagħad dawn jiddefinixxu l-ġeografija tal-makroreġjun. Il-KESE jemmen li minħabba l-kumplessità tal-isfidi li qed jiffaċċja r-Reġjun tal-Baħar Baltiku jeħtieġ li ssir enfasi ikbar fuq il-governanza effettiva tal-istrateġija.

3.4   Il-KESE jirrikonoxxi l-livell għoli ta’ aċċettazzjoni (“buy in”) politika tal-istrateġija li nkisbet matul il-fażi ta’ konsultazzjoni. BASTUN, in-netwerk tat-trejdjunjins tal-Baħar Baltiku, li jirrappreżenta lill-membri tat-trejdjunjins fl-Istati Membri Baltiċi u r-Russja, kellu rwol prominenti fil-proċess ta’ konsultazzjoni li sawwar l-għamla tal-istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku s’issa. Il-momentum li nħoloq għandu jinżamm matul l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Għal dan il-għan, il-KESE jilqa’ l-impenn biex iressaq l-istrateġija quddiem il-Kunsill Ewropew kull sentejn matul il-Presidenzi tal-Polonja (2011), tal-Latvja (2013) u tal-Litwanja (2015).

3.5   Il-finalizzazzjoni tar-Rapporti Annwali tal-Progress fuq din l-istrateġija, flimkien ma’ evalwazzjoni darbtejn fis-sena huma mekkaniżmu importanti biex jiġi żgurat li l-partijiet interessati jibqgħu impenjati. Matul il-konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni ħareġ li għalkemm l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku ser titnieda formalment fid-19 ta’ Ġunju, essenzjalment tibqa’ ħidma li għadha għaddejja. Il-KESE dan jappoġġjah u bi pjaċir jinnota li ser issir konferenza ta’ livell għoli u laqgħa ministerjali dwar l-istrateġija f’Settembru u Ottubru 2009 matul il-Presidenza Svediża. Fil-kuntest tal-prominenza li ngħatat lill-konsultazzjoni mal-partijiet interessati dwar it-tħejjija tal-istrateġija, huwa importanti li l-KESE jieħu sehem attiv fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u d-disseminazzjoni tagħha.

3.6   Filwaqt li jidher li ntlaħaq kunsens fil-konsultazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija, kien hemm inqas qbil ġenerali dwar jekk l-oqfsa istituzzjonali eżistenti kinux adattati għal din l-implimentazzjoni. Mingħajr l-ebda dubju, dawn il-kwistjonijiet u oħrajn relatati ser ikunu s-suġġett ta’ diskussjonijiet addizzjonali bejn il-partijiet interessati u l-Kummissjoni (7).

3.6.1

Intant, madankollu, l-istrateġija għandha tuża l-opportunitajiet mogħtija mill-inizjattivi Ewropej li diġà jeżistu bħall-Programm Konġunt tar-Riċerka, li rċieva appoġġ qawwi mill-KESE. Din l-inizjattiva se tikkontribwixxi għar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni mħaddna fl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, jiġifieri li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex isir żona prosperuża.

3.7   Rigward il-finanzjament tal-istrateġija, il-KESE jixtieq jenfasizza l-appoġġ tiegħu għal użu iktar effettiv tal-mezzi finanzjarji differenti eżistenti tal-UE. Dan jista’ jsir iktar trasparenti bil-ħolqien u l-preżentazzjoni tal-baġits għall-oqsma ta’ prijorità tal-istrateġija. Sakemm ma jiġux allokati riżorsi finanzjarji adegwati favur l-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, hemm il-periklu li l-istrateġija sħiħa ssir inkoerenti, imxerrda u li jintilef l-impenn tal-partijiet interessati fl-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-KESE jtenni l-fehma tiegħu li l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku teħtieġ it-twaqqif ta’ baġit proprju separat, sabiex jiġi evitat il-periklu li l-istrateġija tispiċċa ssir biss stqarrija politika u l-għanijiet tagħha ma jintlaħqux (8).

3.8   Hemm tensjonijiet ċari fil-Pjan ta’ Azzjoni, li jirrappreżenta tentattiv biex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni (“buy-in”) mill-partijiet interessati billi jipproponi firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet prominenti. Hemm ir-riskju li dan l-approċċ jipprova jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ kulħadd mingħajr ma jissodisfa lil ħadd. Il-kumplessità tal-istrateġija hija wkoll waħda mid-dgħufijiet prinċipali tagħha.

3.9   Il-Kummissjoni tipprova tindirizza l-kumplessità tal-implimentazzjoni billi tagħmel kull Stat Membru responsabbli għal waħda jew iżjed minn waħda mill-azzjonijiet ta’ prijorità. Fit-teorija dan huwa approċċ intelliġenti; fil-prattika jista’ jkun diffiċli ħafna. Kull Stat Membru ser jinħtieġ jikkoordina azzjonijiet fil-makroreġjun u f’bosta Direttorati Ġenerali. L-istrateġija sħiħa tħaddan il-kompetenzi ta’ 21 Direttorat Ġenerali. L-esperjenza miksuba s’issa ma’ xi forom oħra ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-politika intergovernattiva ma kenitx għalkollox pożittiva. Il-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli, li adottat approċċ simili għall-implimentazzjoni kienet kemxejn diżappuntanti u s’issa ftit li xejn għamlet progress (9). L-istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku hija probabbli iktar kumplessa mill-Karta ta’ Leipzig u hemm il-periklu li l-governanza tagħha taf ma tkunx maniġibbli.

4.   Rwol potenzjali għall-KESE fl-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku

4.1

Il-KESE diġà ressaq proposta għat-twaqqif ta’ Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Baħar Baltiku u indika li lest jibda l-ħidma preliminarja għal Forum ta’ dan it-tip (10). Dan il-Forum għandu jaħdem b’mod parallel mal-istrateġija u għandu jagħti kontribut fl-evalwazzjoni tal-istrateġija li ssir darbtejn fis-sena. Is-suċċess tal-konferenzi ta’ konsultazzjoni li wasslu għat-tħejjija tal-istrateġija jagħtu iktar importanza lill-bżonn li jsiru diskussjonijiet pubbliċi kontinwi u li jkun hemm kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija.

4.2

Flimkien mal-Kumitati Ekonomiċi u Soċjali tal-Istati Membri Baltiċi, il-KESE għandu rwol importanti x’jaqdi biex jiżgura atmosfera ta’ kooperazzjoni u ħidma konġunta matul l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Sabiex il-bini tal-istituzzjonijiet u l-istrutturi tas-soċjetà ċivili parteċipattiva jissaħħu, speċjalment fl-Istati Membri l-ġodda u fl-istati ġirien bħar-Russja, jaf ikun utli li jiġu stabbiliti relazzjonijiet u kooperazzjoni transkonfinali bejn l-organizzazzjonijiet relatati bħat-trejdjunjins, il-korpi tal-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet komunitarji tas-settur tal-volontarjat. B’mod partikolari, il-membri tal-KESE mit-tmien Stati Membri Baltiċi għandhom jiżviluppaw ir-rwol tagħhom ta’ emissarju, interlokutur u relatur biex il-Kumitat ikun jista’ jibqa’ infurmat dwar il-progress, is-suċċessi u l-isfidi tal-istrateġija u b’hekk ikun jista’ jappoġġja l-ksib tal-objettivi tagħha.

4.3

Il-KESE jilqa’ t-tentattiv serju li qed isir mill-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku biex jiġi żviluppat approċċ integrat għall-kooperazzjoni makroreġjonali. Il-Kumitat, bħall-Parlament Ewropew, ilu jirrakkomanda approċċ bħal dan għal ċertu żmien.

4.4

Il-KESE jappoġġja l-approċċ wiesa’ rakkomandat fl-istrateġija fil-qasam tal-implimentazzjoni, li permezz tiegħu l-Istati Membri jmexxu l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-15-il qasam ta’ prijorità u l-aktar proġetti importanti marbuta miegħu.

4.5

Nistgħu ngħidu li l-istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tirrappreżenta prova deċiżiva tar-rwol tal-KESE. Din titlob impenn sħiħ min-naħa tal-Kumitat fl-evoluzzjoni tal-istrateġija, minkejja l-kwistjonijiet diffiċli marbuta mal-governanza li ssemmew f’din l-opinjoni. Hija ta’ sfida partikolari għal dawk il-membri tal-KESE mit-tmien Stati Membri koperti mill-istrateġija. Din tobbligahom jieħdu l-inizjattiva biex jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili organizzata fl-implimentazzjoni tal-istrateġija permezz tat-tħaddim tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku. Billi probabbilment l-istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku se titħaddem għal bosta snin, hemm każ sod biex jitwaqqaf osservatorju ad hoc tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku jew grupp ta’ studju sabiex il-KESE kollu kemm hu jkun jista’ jieħu sehem effettiv f’dak li żgur se jsir il-mudell għall-kooperazzjoni makroreġjonali fl-Unjoni Ewropea.

Brussell, 30 ta’ Settembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  http://www.visegradgroup.eu/

(2)  http://ec.europa.eu/external_relations/euromed/index_en.htm

(3)  Opinjoni CESE 888/2009, adottata fit-13 ta’ Mejju 2009 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

(4)  Id-Dimensjoni tat-Tramuntana hija strument li bih l-UE, ir-Russja, in-Norveġja u l-Islanda jistgħu jimplimentaw politiki f’oqsma ta’ kooperazzjoni li ntlaħaq qbil dwarhom.

(5)  Punt imqajjem mill-Kummissarju Hübner fid-diskors tagħha “Lejn Strateġija għar-Reġjun tad-Danubju” http://ec.europa.eu/commission_barroso/hubner/speeches/pdf/2009/07052009_ulm.pdf

(6)  L-Istrateġija tal-Baħar Baltiku u l-Pjan ta’ Azzjoni jistgħu jinstabu: http://ec.europa.eu/regional_policy/cooperation/baltic/documents_en.htm

(7)  Għal diskussjoni ġenerali tajba dwar dawn il-kwistjonijiet istituzzjonali u ta’ governanza ara C. Schymik u P. Krumrey “EU Strategy for the Baltic Sea Region: Core Europe in the Northern Periphery?”, Karta ta’ Ħidma FG1 2009, SWP Berlin.

(8)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fit-titjib tal-kooperazzjoni reġjonali u d-definizzjoni tastrateġija reġjonali punti 2.6 and 2.7. Is-Sħubija Ewro-Mediterranja, pereżempju, għandha baġit li huwa kemm sostanzjali kif ukoll iddedikat għall-EuroMed. L-opinjoni ġiet adottata fit-13 ta’ Mejju 2009 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

(9)  Il-Karta ġiet iffirmata fl-24 ta’ Mejju 2007 taħt il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill matul laqgħa informali tal-Ministri tal-UE inkarigati mill-Iżvilupp Urban u l-Koeżjoni Territorjali. Din il-karta intergovernattiva tagħmel żewġ rakkomandazzjonijiet: li jsir iktar użu minn politika integrata għall-iżvilupp urban u li tingħata attenzjoni speċjali lid-distretti żvantaġġati.

(10)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fit-titjib tal-kooperazzjoni reġjonali u d-definizzjoni ta’ strateġija reġjonali”, punt 3.4. L-opinjoni ġiet adottata fit-13 ta’ Mejju 2009 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).


Top