EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0817

Regolament (ue) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

PE/32/2021/INIT

ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/05/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/817/oj

28.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/1


REGOLAMENT (ue) 2021/817 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Mejju 2021

li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 165(4) u 166(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-investiment fil-mobbiltà għat-tagħlim għal kulħadd, irrispettivament mill-ambjent li ġejjin minnu u l-mezzi u fl-iżvilupp ta' politika ta' kooperazzjoni u innovazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport huwa essenzjali għall-bini ta' soċjetajiet inklużivi, koeżivi u reżiljenti u s-sostenn tal-kompetittività tal-Unjoni, u hija aktar importanti f'kuntest ta' bidla rapida u profonda xprunata mir-rivoluzzjoni teknoloġika u l-globalizzazzjoni. Barra minn hekk, investiment bħal dan jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-identità u l-valuri Ewropej u għal Unjoni aktar demokratika.

(2)

Fil-komunikazzjoni tagħha tal-14 ta' Novembru 2017 intitolata "it-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura", il-Kummissjoni ressqet il-viżjoni tagħha sabiex taħdem lejn l-istabbiliment, sal-2025, ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li fiha t-tagħlim ma jkunx imfixkel mill-fruntieri. Dik il-komunikazzjoni stabbiliet viżjoni għal Unjoni li fiha jkun sar standard li wieħed iqatta' żmien fi Stat Membru ieħor biex jistudja u jitgħallem fi kwalunkwe mod jew ambjent, fejn, tkun saret in-norma li wieħed jitkellem żewġ lingwi oħra minbarra l-lingwa materna tiegħu u fejn il-persuni jkollhom sens qawwi tal-identità tagħhom bħala Ewropej, tal-wirt kulturali tal-Ewropa u tad-diversità tagħha. F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li tingħata spinta lill-Programm ippruvat u ttestjat ta' Erasmus+ fil-kategoriji kollha ta' studenti li diġà jkopri bl-għan li jintlaħqu studenti b'inqas opportunitajiet.

(3)

L-importanza tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ għall-futur tal-Unjoni hija riflessa fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Frar 2018 intitolata ''Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020''. Dik il-komunikazzjoni enfasizzat il-ħtieġa li jitwettqu l-impenji magħmula mill-Istati Membri fis-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir li sar f'Gothenburg fis-17 ta' Novembru 2017, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat solennement u ffirmat fis-17 ta' Novembru 2017 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (4) u l-Prinċipju 1 tiegħu, li jirrigwarda l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja. Dik il-komunikazzjoni enfasizzat il-ħtieġa li jiżdiedu l-mobbiltà u l-iskambji, inkluż permezz ta' Programm Erasmus + sostanzjalment imsaħħaħ, inklużiv u estiż, kif kien mitlub mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2017.

(4)

Il-Prinċipju 1 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jipprevedi li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi sabiex jinżammu u jinkisbu ħiliet li jippermettulhom jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u jiġġestixxu b'suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jagħmel ċara wkoll l-importanza ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta' kwalità tajba u li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

(5)

Fid-Dikjarazzjoni ta' Bratislava, iffirmata fis-16 ta' Settembru 2016 , il-mexxejja ta' 27 Stat Membru enfasizzaw id-determinazzjoni tagħhom li jipprovdu opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ. Fid-Dikjarazzjoni ta' Ruma, iffirmata fil-25 ta' Marzu 2017, il-mexxejja ta' 27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni wegħdu li jaħdmu għal Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aħjar edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi madwar il-kontinent u li tippreserva l-wirt kulturali tagħna u li tippromwovi d-diversità kulturali.

(6)

Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Jannar 2018 dwar l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm Erasmus+ (2014-2020) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5)(il-Programm 2014-2020") ikkonferma li l-ħolqien ta' programm uniku għall-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-sport kien irriżulta f'simplifikazzjoni, razzjonalizzazzjoni u sinerġiji sinifikanti fil-ġestjoni ta' dak il-Programm iżda kkonkluda li huwa meħtieġ titjib ulterjuri sabiex issir konsolidazzjoni ulterjuri tal-kisbiet fl-effiċjenza tal-Programm 2014-2020. Fil-konsultazzjonijiet għal dik l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu u dwar il-programm futur, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati għamlu talba qawwija għall-kontinwità fil-kamp ta' applikazzjoni, l-arkitettura u l-mekkaniżmi eżekuttivi tal-Programm Erasmus+, filwaqt li talbu għadd ta' titjib, bħal li l-Programm Erasmus+ isir aktar inklużiv, sempliċi u maniġġabbli għall-benefiċċjarji. L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati esprimew ukoll l-appoġġ sħiħ tagħhom biex il-Programm Erasmus+ jinżamm integrat u msejjes fuq il-paradigma tat-tagħlim tul il-ħajja.Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2017 dwar l-implimentazzjoni ta' Erasmus+ (6), il-Parlament Ewropew laqa' l-istruttura integrata tal-Programm 2014-2020 u stieden lill-Kummissjoni tisfrutta b'mod sħiħ id-dimensjoni tat-tagħlim tul il-ħajja ta' dak il-Programm billi trawwem u tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni transsettorjali fil-Programm Erasmus+ . L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ aktar id-dimensjoni internazzjonali tal-Programm Erasmus+.

(7)

Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa tal-2018 dwar il-finanzjament tal-Unjoni fl-oqsma tal-valuri u l-mobbiltà kkonfermat is-sejbiet ewlenin tar-rapport dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm 2014-2020 u enfasizzat il-ħtieġa li l-Programm futur isir aktar inklużiv, li jkompli jiffoka l-prijoritajiet fuq l-immodernizzar tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ u li jsaħħaħ il-prijoritajiet dwar it-trawwim tal-identità Ewropea, iċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika.

(8)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-2 ta' Mejju 2018 intitolata ''Baġit Modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi - il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027'', il-Kummissjoni talbet għal investiment akbar fin-nies u enfasi aktar qawwija fuq "iż-żgħażagħ" fil-qafas finanzjarju li jmiss.F'dik il- komunikazzjoni, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-Programm Erasmus+ kien waħda mill-aktar stejjer ta' suċċess viżibbli tal-Unjoni. Fil-komunikazzjoni tagħha tas-27 ta'Mejju 2020 intitolata ''Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta' rkupru għall-Ewropa'', il-Kummissjoni rrikonoxxiet ir-rwol tal-Programm Erasmus+ li jagħmel l-Unjoni aktar reżiljenti u li jindirizza l-isfidi soċjoekonomiċi. Ikkonfermat ukoll l-impenn tagħha biex issaħħaħ b'mod sinifikanti l-Programm Erasmus+. Dan ikun jippermetti li aktar persuni jmorru jgħixu f'pajjiż ieħor biex jitgħallmu jew jaħdmu u jkun jippermetti li l-Programm jiffoka fuq l-inklużività u fuq l-ilħuq ta' aktar persuni b'inqas opportunitajiet.

(9)

F'dan il-kuntest, huwa neċessarju li jiġi stabbilit Erasmus+ , il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni ut-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport (il-‘Programm’), bħala s-suċċessur tal-Programm Erasmus+ 2014-2020. In-natura integrata tal-Programm 2014-2020 li tkopri t-tagħlim fil-kuntesti kollha, kemm dawk formali, mhux formali jew informali, u f'kull stadju tal-ħajja jenħtieġ li tiġi rinfurzata sabiex tagħti spinta lill-modi ta' tagħlim flessibbli, biex b'hekk il-persuni jkunu jistgħu jakkwistaw u jtejbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li huma meħtieġa biex jiżviluppaw bħala individwi u biex jiffaċċjaw l-isfidi u jisfruttaw bl-aħjar mod l-opportunitajiet tas-seklu 21.

(10)

Il-Programm jenħtieġ li jiġi stabbilit għal perijodu ta' seba' snin biex id-durata tiegħu tiġi allinjata ma' dik tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027 stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (7) (‘il-QFP 2021-2027’)

(11)

Jenħtieġ li l-Programm ikun mgħammar sabiex isir kontributur saħansitra ikbar għall-implimentazzjoni tal-għanijiet u l-prijoritajiet ta' politika tal-Unjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Approċċ koerenti għat-tagħlim tul il-ħajja huwa ċentrali għall-ġestjoni tat-tranżizzjonijiet differenti li l-persuni ser jiffaċċjaw tul il-ħajja tagħhom. Tali approċċ jenħtieġ li jkun inkuraġġit permezz ta' kooperazzjoni transsettorjali effettiva. Fit-teħid 'il quddiem ta' tali approċċ, il-Programm jenħtieġ li jżomm relazzjoni mill-qrib mal-qafas strateġiku ġenerali għall-politika ta' kooperazzjoni tal-Unjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-żgħażagħ, inkluż l-aġendi ta' politika għall-iskejjel, l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim għall-adulti, filwaqt li jsaħħaħ u jiżviluppa sinerġiji ġodda ma' programmi u oqsma ta' politika relatati oħra tal-Unjoni.

(12)

Il-Programm huwa komponent ewlieni tal-bini ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. B'segwitu għall-komunikazzjoni tal-14 ta' Novembru 2017 intitolata ''It-tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura'', il-Kummissjoni fakkret, fil-komunikazzjoni tagħha tat-30 ta' Settembru 2020 dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni', li l-Programm Erasmus + jibqa' strumentali fil-kisba tal-għanijiet ta' edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi, u fit-tħejjija tal-Unjoni biex tiffaċċa t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. Jenħtieġ li l-Programm ikun mgħammar biex jikkontribwixxi għas-suċċessur tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ u l-Aġenda aġġornata għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Lulju 2020 b'impenn kondiviż għall-importanza strateġika tal-ħiliet, il-kompetenzi ewlenin u l-għarfien għaż-żamma tal-impjiegi u l-appoġġ għat-tkabbir, il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-koeżjoni soċjali, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 (8). Il-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitalistabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 intitolata "Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 - Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali". Il-Programm jenħtieġ li jwieġeb għat-trasformazzjoni diġitali meħtieġa tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Jenħtieġ li il-Programm jappoġġa wkoll lill-Istati Membri biex jilħqu l-għanijiet tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tas-17 ta' Marzu 2015 dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni.

(13)

F'konformità mal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (9), il-qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ għall-2019-2027, ibbażat fuq il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 intitolata "L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ: Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ", jenħtieġ li l-Programm jappoġġa ħidma ta' kwalità għolja fost iż-żgħażagħ, għodod u sistemi għat-taħriġ ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali u approċċi orjentati lejn il-kwalità biex tingħata s-setgħa lil organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Jenħtieġ li l-Programm jappoġġa Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ inklużiv u wiesa' li l-prijoritajiet tiegħu huma xprunati mill-ħtiġijiet taż-żgħażagħ.

(14)

Jenħtieġ li l-Programm jieħu kont tal-Pjan ta' Ħidma rilevanti tal-Unjoni Ewropea għall-Isport, li huwa l-qafas ta' kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni fil-qasam tal-isport. Jenħtieġ li jiġu żgurati l-konsistenza u l-komplementarjetà bejn il-Pjan ta' Ħidma rilevanti tal-Unjoni Ewropea għall-Isport u l-azzjonijiet appoġġati taħt il-Programm fil-qasam tal-isport. Hemm bżonn ta' attenzjoni, b'mod partikolari, fuq l-isport tal-massa, filwaqt li jittieħed kont tar-rwol importanti li għandu l-isports fil-promozzjoni tal-attività fiżika u stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa, ir-relazzjonijiet interpersonali, l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza. Jenħtieġ li l-Programm jappoġġa l-mobbiltà għat-tagħlim tal-persunal tal-isport, primarjament fl-isport tal-massa. Il-persunal fl-isport mhux tal-massa, inkluż dak involut f'karrieri doppji fl-isport u mhux fl-isport, jista' jtejjeb ukoll l-impatt tat-tagħlim u t-trasferiment tal-għarfien għall-persunal u l-organizzazzjonijiet tal-isport tal-massa. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Programm ikun jista' jappoġġa opportunitajiet ta' mobbiltà għat-tagħlim għall-persunal fl-isport mhux tal-massa fejn il-parteċipazzjoni tat-tali persunal tista' tkun ta' benefiċċju għall-isport tal-massa. Jenħtieġ li l-Programm jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' valuri komuni Ewropej permezz tal-isport, il-governanza tajba u l-integrità fl-isport, l-iżvilupp sostenibbli, u l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet fl-isport u permezz tiegħu. Avvenimenti sportivi mingħajr skop ta' qligħ appoġġati mill-Programm jenħtieġ li jiksbu dimensjoni u impatt Ewropej.

(15)

Il-Programm jenħtieġ li jkun jista' jappoġġa kwalunkwe qasam ta' studju u jenħtieġ li, b'mod partikolari, jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Unjoni billi jappoġġa attivitajiet li jgħinu lill-persuni jiżviluppaw l-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-attitudnijiet li jeħtieġu f'oqsma ta' studju jew dixxiplini li jħarsu 'l quddiem bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEAM), it-tibdil fil-klima, il-ħarsien ambjentali, l-iżvilupp sostenibbli, l-enerġija nadifa, l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, l-analiżi tad-data, id-disinn u l-arkitettura, u l-litteriżmu diġitali u fil-media. L-innovazzjoni tista' titrawwem permezz ta' azzjonijiet kollha marbuta mal-mobbiltà għat-tagħlim u l-kooperazzjoni, kemm dawk ġestiti direttament kif ukoll indirettament.

(16)

Jenħtieġ li s-sinerġiji mal-Programm Orizzont Ewropa stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) ("Orizzont Ewropa") jiżguraw li jintużaw riżorsi kkombinati mill-Programm u Orizzont Ewropa biex jappoġġaw attivitajiet dedikati għat-tisħiħ u l-immodernizzar tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja Ewropej. Orizzont Ewropa, fejn xieraq, ser jikkumplementa l-appoġġ tal-Programm għall-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej bħala parti mill-iżvilupp ta' strateġiji ġodda konġunti u integrati fit-tul u sostenibbli dwar l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Is-sinerġiji ma' Orizzont Ewropa ser jgħinu biex irawmu l-integrazzjoni tal-edukazzjoni u r-riċerka, b'mod partikolari fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja.

(17)

Teknoloġiji ġodda u emerġenti joffru opportunitajiet sinifikanti għat-tagħlim u l-iskambju u wrew li huma ta' importanza partikolari matul il-pandemija tal-COVID-19. Minbarra l-mobbiltà għat-tagħlim fiżiku, li tibqa' l-azzjoni ewlenija tal-Programm, il-formati virtwali, bħat-tagħlim virtwali, jenħtieġ li jiġu promossi sabiex jikkumplimentaw jew jappoġġaw il-mobbiltà għat-tagħlim fiżika, biex joffru opportunitajiet ta' tagħlim sinifikanti lil dawk li ma jistgħux jiċċaqalqu fiżikament lejn pajjiż li mhuwiex il-pajjiż ta' residenza tagħhom jew biex irawmu skambji permezz ta' formati ta' tagħlim innovattivi. Fejn rilevanti, jenħtieġ li tiġi promossa l-kooperazzjoni virtwali taħt il-Programm. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fejn xieraq u possibbli, tiżgura li l-għodod tat-tagħlim virtwali żviluppati taħt il-Programm isiru disponibbli għall-pubbliku ġenerali.

(18)

Biex jissodisfa l-għanijiet tiegħu, jenħtieġ li l-Programm ikun iktar inklużiv billi jtejjeb ir-rati ta' parteċipazzjoni fost persuni b'inqas opportunitajiet. Firxa ta' miżuri jistgħu jgħinu biex tiżdied il-parteċipazzjoni fil-Programm ta' persuni b'inqas opportunitajiet, inkluż involviment, komunikazzjoni, pariri u assistenza aħjar u aktar immirati, proċeduri simplifikati, formati tal-mobbiltà għat-tagħlim aktar flessibbli, u żieda fl-involviment ma' organizzazzjonijiet żgħar, b'mod partikolari organizzazzjonijiet ġodda u organizzazzjonijiet ta' bażi fil-livell tal-komunità li jaħdmu direttament ma' studenti żvantaġġati ta' kull età. Huwa importanti li jiġi rikonoxxut li livelli baxxi ta' parteċipazzjoni fost persuni b'inqas opportunitajiet jistgħu jirriżultaw minn kawżi differenti u jiddependu minn kuntesti differenti. Għalhekk, fi ħdan qafas għall-Unjoni kollha ta' tali miżuri mmirati biex iżidu l-parteċipazzjoni fost il-persuni b'inqas opportunitajiet, jenħtieġ li jiġu żviluppati pjanijiet ta' azzjoni għall-inklużjoni u jiġu mfassla apposta għall-gruppi fil-mira u għaċ-ċirkostanzi speċifiċi f'kull Stat Membru.

(19)

F'xi każijiet, il-persuni b'inqas opportunitajiet x'aktarx jipparteċipaw inqas fil-Programm għal raġunijiet finanzjarji, kemm minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom jew minħabba l-ispejjeż ogħla ta' parteċipazzjoni li tiġġenera s-sitwazzjoni speċifika tagħhom, kif spiss ikun il-każ għall-persuni b'diżabilità. F'każijiet bħal dawn, il-parteċipazzjoni tagħhom tista' tiġi ffaċilitata b'appoġġ finanzjarju mmirat. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li tali miżuri ta' appoġġ finanzjarju jiddaħħlu fis-seħħ, inkluż permezz ta' aġġustamenti possibbli tal-għotjiet fil-livell nazzjonali. Jenħtieġ li spejjeż addizzjonali assoċjati ma' miżuri sabiex tiġi ffaċilitata l-inklużjoni ma jikkostitwixxux ġustifikazzjoni għar-rifjut ta' applikazzjoni.

(20)

Sabiex il-Programm isir aktar aċċessibbli għal organizzazzjonijiet ġodda u għal organizzazzjonijiet b'kapaċità amministrattiva iżgħar u biex il-Programm isir aktar maniġġabbli għall-benefiċjarji, jenħtieġ li jittieħdu firxa ta' miżuri biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-Programm fil-livell ta' implimentazzjoni. F'dak ir-rigward, sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni tal-Programm jenħtieġ li jkunu faċli għall-utent u jipprovdu aċċess sempliċi għall-opportunitajiet offruti mill-Programm. Bl-istess mod, il-proċeduri stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-Programm jenħtieġ li jkunu konsistenti u sempliċi u jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn miżuri ta' appoġġ u informazzjoni ta' kwalità għolja. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu organizzati laqgħat regolari tan-network ta' aġenziji nazzjonali.

(21)

Fil-komunikazzjoni tagħha tal-14 ta' Novembru 2017 intitolata "It-Tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-edukazzjoni u l-kultura", il-Kummissjoni enfasizzat ir-rwol ċentrali li għandhom l-edukazzjoni, il-kultura u l-isport fil-promozzjoni ta' ċittadinanza attiva u valuri komuni fost l-iżgħar ġenerazzjonijiet. It-tisħiħ tal-identità Ewropea u t-trawwim tal-parteċipazzjoni attiva tal-individwi u tas-soċjetà ċivili f’proċessi demokratiċi huwa kruċjali għall-futur tal-Ewropa u s-soċjetajiet demokratiċi. Li wieħed imur jistudja, jitgħallem, jitħarreġ u jaħdem jew jipparteċipa f'attivitajiet taż-żgħażagħ u tal-isport jikkontribwixxi għat-tisħiħ ta' dik l-identità Ewropea fid-diversità kollha tagħha. Dan isaħħaħ is-sens li wieħed ikun parti minn komunità kulturali u jrawwem it-tagħlim interkulturali, il-ħsieb kritiku u ċ-ċittadinanza attiva fost persuni ta' kull età. Dawk li jipparteċipaw f'attivitajiet ta' mobbiltà għat-tagħlim jenħtieġ li jinvolvu ruħhom fil-komunitajiet lokali tagħhom u jinvolvu ruħhom fil-komunitajiet lokali tal-pajjiż ospitanti tagħhom sabiex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Jenħtieġ li l-Programm jappoġġa l-attivitajiet marbutin mat-tisħiħ tal-aspetti kollha tal-kreattività fl-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ u t-tisħiħ tal-kompetenzi ewlenin individwali.

(22)

Jenħtieġ li l-Programm jappoġġa biss azzjonijiet u attivitajiet li jippreżentaw valur miżjud Ewropew potenzjali. Il-kunċett ta' valur miżjud Ewropew għandu jinftiehem b'mod ġenerali u jista' jintwera b'modi differenti, bħal meta l-azzjonijiet jew l-attivitajiet ikunu ta' natura tranżnazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-mobbiltà għat-tagħlim u l-kooperazzjoni mmirati lejn il-kisba ta' impatt sistemiku sostenibbli, jikkumplementaw jew irawmu sinerġiji ma' programmi u politiki oħra fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, jew jikkontribwixxu għall-użu effettiv tal-għodod ta' trasparenza u rikonoxximent tal-Unjoni.

(23)

Jenħtieġ li d-dimensjoni internazzjonali tal-Programm tingħata spinta u timmira li toffri aktar opportunitajiet għall-mobbiltà għat-tagħlim, il-kooperazzjoni u d-djalogu ta' politika ma' pajjiżi terzi li mhumiex assoċjati mal-Programm. Billi nibnu fuq l-implimentazzjoni b'suċċess ta' attivitajiet internazzjonali ta' edukazzjoni għolja u taż-żgħażagħ skont il-programmi predeċessuri fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-żgħażagħ, l-attivitajiet internazzjonali ta' mobbiltà għat-tagħlim jenħtieġ li jiġu estiżi għal setturi oħra, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-isport. Sabiex jiżdied l-impatt ta' dawk l-attivitajiet, huwa importanti li jissaħħu s-sinerġiji bejn il-Programm u l-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, bħall-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali, stabbilit permezz ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009, u l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III), stabbilit permezz ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III). L-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna jenħtieġ li jkollhom l-għan li jżidu l-opportunitajiet, b'mod partikolari għall-individwi u l-organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, filwaqt li jappoġġaw, b'mod partikolari, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet f'dawk il-pajjiżi, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-iskambji bejn il-persuni, filwaqt li joffru aktar opportunitajiet għall-kooperazzjoni, il-mobbiltà għat-tagħlim u d-djalogu politiku.

(24)

Jenħtieġ li tinżamm l-arkitettura bażika tal-Programm 2014-2020, li ġiet diviża fi tliet kapitoli, jiġifieri l-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, u ġiet strutturata madwar tliet azzjonijiet ewlenin, kienet ta' suċċess u jenħtieġ li tinżamm. Jenħtieġ li jiġi introdott titjib sabiex jiġu simplifikati u razzjonalizzati l-azzjonijiet appoġġati mill-Programm. Jenħtieġ li l-istabbiltà u l-kontinwità jiġu żgurati wkoll f'termini ta' ġestjoni u modalitajiet ta' implimentazzjoni. B'mod ġenerali, mill-inqas 75 % tal-baġit tal-Programm jenħtieġ li jkun implimentat taħt ġestjoni indirettamill-aġenziji nazzjonali. Dan jinkludi azzjonijiet bħall-mobbiltà għat-tagħlim fl-oqsma kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u sħubiji ta' kooperazzjoni, inkluż sħubiji fuq skala żgħira fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-żgħażagħ. Fejn xieraq, jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti speċifiċi fir-rigward tal-ġestjoni diretta għal azzjonijiet li jinvolvu networks madwar l-Unjoni u organizzazzjonijiet Ewropej taħt l-azzjonijiet ewlenin 2 u 3, esklużi sħubiji fuq skala żgħira,.

(25)

Jenħtieġ li l-Programm jimplimenta sett ta' azzjonijiet sabiex jappoġġa l-mobbiltà għat-tagħlim, il-kooperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet, l-iżvilupp tal-politika u l-kooperazzjoni, u l-azzjonijiet Jean Monnet. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi dawk l-azzjonijiet u d-deskrizzjonijiet tagħhom, inkluż l-attivitajiet li jistgħu jiġu implimentati skont dawk l-azzjonijiet matul il-perjodu ta' programmazzjoni.

(26)

Jenħtieġ li l-Programm jirrinforza l-opportunitajiet ta' mobbiltà għat-tagħlim eżistenti, b'mod partikolari f'dawk is-setturi fejn il-Programm jista' jkollu l-akbar kisbiet fl-effiċjenza, sabiex iwessa' l-ksib ta' tali opportunitajiet u jissodisfa d-domanda għolja mhux milħuqa. B'mod partikolari, dan jenħtieġ li jsir billi tiżdied u tiġi ffaċilitata l-mobbiltà għat-tagħlim għal studenti ta' edukazzjoni għolja, studenti tal-iskola, studenti fis-settur tal-edukazzjoni għall-adulti u studenti fis-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, bħall-apprendisti u t-trainees, inkluż għal finijiet ta' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid. Gradwati reċenti u persuni li reċentement kisbu kwalifika ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-mobbiltà għat-tagħlim. Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni ta' gradwati reċenti fil-mobbiltà għat-tagħlim tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, u jenħtieġ li jkun żgurat trattament ugwali. L-opportunitajiet ta' mobbiltà għat-tagħlim għaż-żgħażagħ li jipparteċipaw f'attivitajiet ta' tagħlim mhux formali jenħtieġ li jiġu estiżi wkoll sabiex jilħqu aktar żgħażagħ. Il-mobbiltà għat-tagħlim tal-persunal fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport jenħtieġ li tiġi rinforzata wkoll, b'konsiderazzjoni tal-effett ta' ingranaġġ li għandha. Jenħtieġ li l-opportunitajiet ta' mobbiltà għat-tagħlim ikunu jistgħu jieħdu diversi forom inkluż traineeships, apprendistati, skambji taż-żgħażagħ, skambji ta' skejjel, tagħlim jew parteċipazzjoni f'attività ta' żvilupp professjonali, u jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tas-setturi differenti. Jenħtieġ li l-Programm jappoġġa l-kwalità fil-mobbiltà għat-tagħlim, inkluża l-kwalità abbażi tal-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006 (11), u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 (12),tal-20 ta' Diċembru 2012 (13), tal-15 ta' Marzu 2018 (14), tas- 26 ta' Novembru 2018 (15) u tal-24 ta' Novembru 2020 (16).

(27)

F'konformità mal-viżjoni ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni reali, jenħtieġ li l-Programm jagħti spinta wkoll lill-mobbiltà għat-tagħlim u l-iskambji u jippromwovi l-parteċipazzjoni tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja f'attivitajiet edukattivi, kulturali u sportivi billi jappoġġa d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi permezz ta’, pereżempju, l-inizjattiva Kard Ewropea tal-Istudenti. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa l-inizjattiva Kard Ewropea tal-Istudenti, b'mod partikolari għal studenti tal-edukazzjoni għolja parteċipanti fil-Programm. L-Inizjattiva Kard Ewropea tal-Istudenti tista' tkun pass importanti biex il-mobbiltà għat-tagħlim ssir realtà għal kulħadd, billi tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jibagħtu u jirċievu iktar studenti tal-edukazzjoni għolja għall-fini ta' skambji filwaqt li tkompli ttejjeb il-kwalità fil-mobbiltà għat-tagħlim tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja, u wkoll tiffaċilita l-aċċess tagħhom għal diversi servizzi, bħal-libreriji, it-trasport u l-akkomodazzjoni, qabel ma jaslu fiżikament fl-istituzzjoni barra minn pajjiżhom.

(28)

Jenħtieġ li l-Programm iħeġġeġ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika Ewropea, inkluż billi jappoġġa attivitajiet li jikkontribwixxu għall-edukazzjoni ċivika u proġetti ta' parteċipazzjoni sabiex iż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom u jitgħallmu jipparteċipaw fis-soċjetà ċivika, biex b’hekk joħloq sensibilizzazzjoni tal-valuri komuni Ewropej inkluż id-drittijiet fundamentali, kif ukoll l-istorja u l-kultura Ewropea, jiġbor flimkien żgħażagħ u dawk li jieħdu deċiżjonijiet fil-livelli lokali, nazzjonali u tal-Unjoni, u jikkontribwixxi għall-proċess ta' integrazzjoni Ewropea.

(29)

Filwaqt li jibni fuq l-evalwazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal- inizjattiva DiscoverEU li tnediet bħala azzjoni preparatorja fl-2018, jenħtieġ li l-Programm joffri liż-żgħażagħ aktar opportunitajiet biex jiskopru d-destinazzjonijiet kollha fl-Ewropa permezz ta' esperjenzi ta' tagħlim barra minn pajjiżhom. Iż-żgħażagħ, b'mod partikolari dawk b'inqas opportunitajiet, jenħtieġ li jingħataw iċ-ċans li jkollhom esperjenza ta' vjaġġ fl-Ewropa għall-ewwel darba, għal terminu qasir fil-livell individwali jew fi grupp bħala parti minn attività edukattiva mhux formali jew informali li jkollha l-għan li trawwem is-sens ta' appartenenza tagħhom fl-Unjoni u li tippermettilhom jiskopru d-diversità kulturali u lingwistika tagħha. Il-parteċipanti jenħtieġ li jintgħażlu abbażi ta' kriterji ċari u trasparenti. Jenħtieġ li l-korpi ta' implimentazzjoni jippromwovu miżuri biex jiżguraw li l-inizjattiva DiscoverEU tkun inklużiva u ġeografikament ibbilanċjata kemm fir-rigward tal-passes tal-ivvjaġġar allokati kif ukoll tal-Istati Membri miżjura, u biex jappoġġaw attivitajiet b'dimensjoni ta' tagħlim b'saħħitha. F'dan ir-rigward, permezz ta' miżuri mmirati, bħal attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, sessjonijiet ta' informazzjoni ta' qabel it-tluq u avvenimenti għaż-żgħażagħ, il-Programm jenħtieġ ukoll li jippromwovi l-għażla ta' Stati Membri inqas miżjura u reġjuni periferiċi. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati mezzi oħra tat-trasport meta t-trasport bil-ferrovija ma jkunx disponibbli jew ma jkun prattiku xejn, b'kont meħud, b'mod partikolari, tas-sitwazzjoni speċifika tad-destinazzjoni. Jenħtieġ li l-inizjattiva DiscoverEU tfittex li tibni rabtiet ma' inizjattivi lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej rilevanti, bħall-azzjoni tal-Unjoni intitolata "Kapitali Ewropej tal-Kultura", il-Kapitali Ewropej taż-Żgħażagħ, il-Kapitali Ewropej tal-Volontarjat u l-Kapitali Ekoloġiċi Ewropej.

(30)

It-tagħlim tal-lingwi jikkontribwixxi għal fehim reċiproku u mobbiltà fl-Unjoni u 'l barra minnha, u l-kompetenzi lingwistiċi huma ħiliet essenzjali għall-ħajja u x-xogħol. Għalhekk, il-Programm jenħtieġ li jtejjeb it-tagħlim tal-lingwi, inkluż, fejn rilevanti, il-lingwi tas-sinjali nazzjonali, inkluż permezz tal-użu iktar mifrux ta' għodod online billi t-tagħlim online jista' joffri vantaġġi addizzjonali għat-tagħlim tal-lingwi f'termini ta' aċċess u flessibbiltà. Fl-istess ħin, sabiex jiġi żgurat aċċess wiesa' u inklużiv għall-Programm, huwa importanti li l-multilingwiżmu jkun prinċipju ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Programm.

(31)

Jenħtieġ li l-Programm jappoġġa miżuri li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li huma attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, biex b'hekk jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tal-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jgħammru lill-individwi bl-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa f'dinja li qed tinbidel u li jgħinu lill-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet biex jissodisfaw b'mod adegwat il-potenzjal tagħhom għall-innovazzjoni, il-kreattività u l-intraprenditorija, b'mod partikolari fi ħdan l-ekonomija diġitali.

(32)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2017, il-Kunsill Ewropew talab lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipproċedu b'għadd ta' inizjattivi sabiex iżidu l-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ għal livell ġdid, inkluż billi jinkoraġġixxu l-emerġenza ta' ‘'Universitajiet Ewropej’' sal-2024, li jikkonsistu f'networks 'minn isfel għal fuq' ta' universitajiet madwar l-Unjoni. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill Ewropew appella biex tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni, inkluż permezz tal-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej. Il-Programm jenħtieġ li jappoġġa lil dawk l-Universitajiet Ewropej fl-iżvilupp ta' strateġiji konġunti fit-tul għal edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni ta' kwalità għolja, u għas-servizz tas-soċjetà.

(33)

Il-Komunikazzjoni ta' Bruges tas-7 ta' Diċembru 2010 dwar Kooperazzjoni Ewropea msaħħa fil-qasam tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali għall-perijodu 2011-2020 talbet għall-appoġġ tal-eċċellenza vokazzjonali għal tkabbir intelliġenti u sostenibbli. Fil-komunikazzjoni tagħha tat-18 ta' Lulju 2017 intitolata "It-Tisħiħ tal-Innovazzjoni fir-Reġjuni tal-Ewropa: Strateġiji għal tkabbir reżiljenti, inklużiv u sostenibbli", il-Kummissjoni appellat lil-Istati Membri biex jgħaqqdu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mas-sistemi tal-innovazzjoni, bħala parti minn strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-livell reġjonali. Jenħtieġ li l-Programm jipprovdi l-mezzi sabiex tingħata risposta lil dawk it-talbiet u jappoġġa l-iżvilupp ta' pjattaformi tranżnazzjonali ta' ċentri ta' eċċellenza vokazzjonali imdaħħla fi strateġiji lokali u reġjonali għat-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u l-kompetittività. Dawk iċ-ċentri ta' eċċellenza jenħtieġ li jaġixxu ta' xprunaturi ta' ħiliet vokazzjonali ta' kwalità f'kuntest ta' sfidi settorjali, filwaqt li jappoġġaw bidliet strutturali ġenerali u politiki soċjoekonomiċi fl-Unjoni.

(34)

Pjattaformi u għodod għal kooperazzjoni virtwali online faċli għall-utent jista' jkollhom rwol importanti fl-appoġġ tat-twettiq tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tal-politika dwar iż-żgħażagħ fl-Unjoni. Sabiex iżid l-użu ta' attivitajiet virtwali ta' kooperazzjoni, il-Programm jenħtieġ li jappoġġa użu iktar sistematiku u koerenti ta' pjattaformi online bħal eTwinning, School Education Gateway, il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa, il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u l-pjattaformi online għall-edukazzjoni għolja u, fejn meħtieġ, kwalunkwe pjattaforma online oħra li tista' tiġi stabbilita fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-żgħażagħ.

(35)

F'konformità mal-oqfsa ta' ħidma u l-għodod tal-Unjoni rilevanti, jenħtieġ li l-Programm jikkontribwixxi biex jiffaċilita t-trasparenza u r-rikonoxximent ta' kompetenzi, ħiliet u kwalifiki, u t-trasferiment ta' krediti jew unitajiet ta' eżiti tat-tagħlim sabiex irawwem l-assigurazzjoni tal-kwalità u jappoġġa l-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali, il-ġestjoni tal-ħiliet u l-gwida. F'dak ir-rigward, il-Programm jenħtieġ li jipprovdi appoġġ ukoll għall-punti ta' kuntatt u n-networks fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni li jiffaċilitaw skambji trans-Ewropej u l-iżvilupp ta' perkorsi ta' tagħlim flessibbli bejn oqsma differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-żgħażagħ u f'kuntesti formali u mhux formali. Il-Programm jenħtieġ li jipprovdi wkoll appoġġ lill-Proċess ta' Bologna.

(36)

Jenħtieġ li l-Programm jimmobilizza l-potenzjal tal-parteċipanti preċedenti fil- Programm Erasmus+ u jappoġġa l-attivitajiet relatati, b'mod partikolari tan-networks tal- Erasmus+ alumni, l-ambaxxaturi u l-EuroPeers, billi jħeġġiġhom jippromwovu l-Programm bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni.

(37)

Bħala mod ta' kif tiġi żgurata l-kooperazzjoni ma' strumenti oħrajn tal-Unjoni u appoġġ għal politiki oħrajn tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu offruti opportunitajiet ta' mobbiltà għat-tagħlim lil persuni f'diversi setturi ta' attività, bħas-settur pubbliku u dak privat, tal-agrikoltura u tal-intrapriża, biex ikunu jistgħu jkollhom esperjenza ta' tagħlim barra minn pajjiżhom li tippermettilhom, fi kwalunkwe stadju tal-ħajja tagħhom, jikbru u jiżviluppaw kemm personalment, b'mod partikolari billi jiżviluppaw sensibilizzazzjoni rigward l-identità Ewropea tagħhom u fehim tad-diversità kulturali Ewropea, kif ukoll professjonalment, inkluż billi jakkwistaw ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol. Il-Programm jenħtieġ li joffri punt tad-dħul għall-iskemi ta' mobbiltà tranżnazzjonali tal-Unjoni b'dimensjoni ta' tagħlim b'saħħitha, li jissimplifika l-offerta ta' tali skemi għall-benefiċjarji u dawk li jipparteċipaw f'dawk l-attivitajiet. Jenħtieġ li tiġi ffaċilitata l-espansjoni tal-proġetti tal-Programm . Jenħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi biex jgħinu lill-promoturi tal-proġetti tal-Programm japplikaw għal għotjiet jew jiżviluppaw sinerġiji b'appoġġ mill-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni u mill-programmi relatati mal-migrazzjoni, is-sigurtà, il-ġustizzja u ċ-ċittadinanza, is-saħħa, il-media u l-kultura, u l-volontarjat. Jenħtieġ li jkun possibbli li proposti ta' proġetti ta' kwalità li ma jistgħux jiġu ffinanzjati taħt il-Programm minħabba restrizzjonijiet baġitarji jistgħu jingħataw tikketta ta' Siġill ta' Eċċellenza, abbażi ta' sett limitat ta' kriterji. It-tikketta ta’ Siġill ta' Eċċellenza tirrikonoxxi l-kwalità tal-proposta u tissimplifika t-tfittxija għal finanzjament alternattiv taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali stabbilit permezz tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar il-Fond ta’ Koeżjoni (il-‘Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali’) jew il-Fond Soċjali Ewropew Plus stabbilit permezz tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+) (il-‘Fond Soċjali Ewropew Plus’).

(38)

Huwa importanti li jiġu stimulati t-tagħlim, l-apprendiment u r-riċerka fi kwistjonijiet ta' integrazzjoni Ewropea, inkluż l-isfidi u l-opportunitajiet futuri tal-Unjoni, u li jiġu promossi d-dibattiti dwar dawk il-kwistjonijiet b'appoġġ minn azzjonijiet Jean Monnet fil-qasam tal-edukazzjoni għolja u f'oqsma oħrajn tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod partikolari permezz tat-taħriġ tal-għalliema u l-persunal. It-trawwim ta' sens Ewropew ta' appartenenza u ta' impenn huma partikolarment importanti minħabba l-isfidi għall-valuri komuni li l-Unjoni hija msejsa fuqhom u li jiffurmaw parti minn identità Ewropea komuni, u minħabba l-fatt li ċ-ċittadini juru livelli baxxi ta' involviment. Il-Programm jenħtieġ li jkompli jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-eċċellenza fl-istudji ta' integrazzjoni Ewropea. Huwa xieraq li l-progress tal-istituzzjonijiet iffinanzjat fil-qafas ta’ azzjonijiet Jean Monnet għat-twettiq tal-għanijiet tal-Programm jiġi mmonitorjat u evalwat regolarment. Jenħtieġ li jiġu mħeġġa skambji bejn dawk l-istituzzjonijiet u istituzzjonijiet oħrajn fil-livell nazzjonali jew tranżnazzjonali, b'rispett sħiħ għal-libertà akkademika tagħhom.

(39)

Billi jirrifletti l-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima skont il-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (17) u biex jikseb l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Programm huwa intiż li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi u għall-kisba tal-mira kumplessiva ta' 30 % tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni li jappoġġa l-għanijiet klimatiċi. F'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala pjan ta' azzjoni għal tkabbir sostenibbli, l-azzjonijiet taħt dan ir-Regolament jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipju ta' "tagħmilx ħsara" mingħajr ma jbiddlu n-natura fundamentali tal-Programm. Matul l-implimentazzjoni tal-Programm, jenħtieġ li jiġu identifikati u stabbiliti azzjonijiet rilevanti u li dawn jiġu rivalutati fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet rilevanti u l-proċess ta' rieżami. Huwa xieraq ukoll li jitkejlu l-azzjonijiet rilevanti li jikkontribwixxu għall-għanijiet klimatiċi, inkluż dawk maħsuba biex inaqqsu l-impatt ambjentali tal-Programm.

(40)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-Programm li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarja, fi ħdan it-tifsira tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar ir-riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (18) għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali. Dak il-pakkett finanzjarju jinkludi ammont ta' EUR 0,5 biljuni fi prezzijiet kostanti tal-2018 skont id-dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar it-tisħiħ ta' programmi speċifiċi u l-adattament ta' atti bażiċi (19).

(41)

Fi ħdan pakkett bażiku għal azzjonijiet li għandhom jiġu ġestiti mill-aġenziji nazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tqassim tal-allokazzjoni minima għal kull settur jenħtieġ li jiġi definit għas-setturi li ġejjin sabiex massa kritika ta' approprjazzjonijiet tkun garantita li tilħaq l-output u r-riżultati maħsuba f'kull wieħed minn dawk is-setturi: l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni skolastika u l-edukazzjoni għall-adulti.

(42)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) (ir-"Regolament Finanzjarju") japplika għall-Programm. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta' esperti esterni.

(43)

Jenħtieġ li t-tipi ta' finanzjament u l-metodi ta' implimentazzjoni skont dan ir-Regolament jintgħażlu abbażi tal-abbiltà tagħhom li jiksbu l-għanijiet speċifiċi tal-azzjonijiet u li jrendu r-riżultati, filwaqt li jqisu, b'mod partikolari, l-ispejjeż tal-kontrolli, il-piż amministrattiv, u r-riskju mistenni tan-nuqqas ta' konformità. Meta ssir din l-għażla, l-użu tas-somom f'daqqa, l-ispejjeż għal kull unità u r-rati fissi, kif ukoll il-finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż kif imsemmija fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati. L-allokazzjonijiet baġitarji biex jimplimentaw l-azzjonijiet ġestiti mill-aġenziji nazzjonali jenħtieġ li jiġu akkumpanjati minn appoġġ adegwat għall-ispejjeż operattivi tal-aġenziji nazzjonali, fl-għamla ta' tariffa ta' ġestjoni, biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u sostenibbli tal-kompiti ta' ġestjoni ddelegati. Il-prinċipji ta' trasparenza, trattament ugwali u nondiskriminazzjoni stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju jenħtieġ li jiġu rispettati fl-implimentazzjoni tal-Programm.

(44)

Il-pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilit skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (21), li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi abbażi ta' deċiżjoni adottata skont dak il-Ftehim. Pajjiżi terzi jistgħu jipparteċipaw ukoll abbażi ta' strumenti ġuridiċi oħrajn. F'dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika li tirrikjedi li pajjiżi terzi jagħtu d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b'mod komprensiv. Il-parteċipazzjoni sħiħa tal-pajjiżi terzi fil-Programm jenħtieġ li tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti fi ftehimiet speċifiċi li jkopru l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz konċernat fil-Programm. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni sħiħa tinvolvi l-obbligu li tiġi stabbilita aġenzija nazzjonali u li wħud mill-azzjonijiet tal-Programm jiġu ġestiti taħt ġestjoni indiretta. Entitajiet legali minn pajjiżi terzi li mhumiex assoċjati mal-Programm jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw f'xi wħud mill-azzjonijiet tal-Programm, kif definit fil-programmi ta' ħidma u s-sejħiet għall-proposti ppubblikati mill-Kummissjoni. Meta jiġi implimentat il-Programm, jistgħu jiġu kkunsidrati arranġamenti speċifiċi fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta' entitajiet legali mill-mikrostati Ewropej.

(45)

Fid-dawl tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u f'konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 intitolata "Sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE", jenħtieġ li l-Programm iqis is-sitwazzjoni speċifika ta' dawk ir-reġjuni ultraperiferiċi msemmija f'dak l-Artikolu. Jenħtieġ li jittieħdu miżuri biex tiżdied il-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-azzjonijiet kollha, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju, fejn rilevanti, għall-mobbiltà għat-tagħlim. Jenħtieġ li jitrawmu l-iskambji tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni bejn il-persuni u l-organizzazzjonijiet minn dawk ir-reġjuni u pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-ġirien tagħhom. Tali miżuri jenħtieġ li jiġu ssorveljati u evalwati regolarment.

(46)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (22), l-individwi u l-entitajiet stabbiliti f'pajjiżi jew territorji barranin huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u l-għanijiet tal-Programm u l-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li miegħu l-pajjiż jew it-territorju barrani huwa marbut. Ir-restrizzjonijiet imposti mill-pożizzjoni remota ta' dawk il-pajjiżi jew territorji jenħtieġ li titqies meta jiġi implimentat il-Programm. Il-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi u t-territorji fil-Programm jenħtieġ li tiġi ssorveljata u evalwata regolarment.

(47)

F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta programmi ta' ħidma u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan. Jenħtieġ li l-programmi ta' Ħidma jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom, b'mod konformi mal-għanijiet ġenerali u speċifiċi tal-Programm, il-kriterji tal-għażla u tal-għotja għall-għotjiet, u l-elementi l-oħrajn kollha meħtieġa. Il-programmi ta' ħidma u kwalunkwe emenda għalihom jenħtieġ li jiġu adottati permezz ta' atti ta' implimentazzjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami.

(48)

Sabiex jiġi vvalutat il-progress fl-implimentazzjoni u jsir titjib possibbli fl-implimentazzjoni tal-Programm, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni interim tal-Programm. Jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni interim tkun akkumpanjata minn evalwazzjoni finali tal-Programm 2014-2020 u jenħtieġ li t-tagħlimiet rilevanti minn dik l-evalwazzjoni jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni interim. Minbarra li tivvaluta l-effettività u l-prestazzjoni tal-Programm, huwa ta' importanza partikolari li l-evalwazzjoni interim tivvaluta bir-reqqa l-implimentazzjoni ta' inizjattivi ġodda u tal-miżuri ta' inklużjoni u simplifikazzjoni stabbiliti. Fejn xieraq, u abbażi tal-evalwazzjoni interim, jenħtieġ li l-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva biex temenda dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkomunika kwalunkwe evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(49)

Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (23), jenħtieġ li l-Programm jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f'konformità ma' rekwiżiti ta' monitoraġġ speċifiċi, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b'mod partikolari fuq l-Istati Membri, kif ukoll ir-regolamentazzjoni żejda. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet adottati permezz ta' atti delegati relatati ma għandhomx iwasslu għal piż addizzjonali sinifikanti għall-Istati Membri. Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta' monitoraġġ jinkludu indikaturi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u realistiċi li jistgħu jitkejlu matul iż-żmien bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm fir-realtà.

(50)

Jenħtieġ li jiġu żgurati sensibilizzazzjoni, pubbliċità u disseminazzjoni xierqa tal-opportunitajiet u tar-riżultati tal-azzjonijiet appoġġati mill-Programm fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew u jenħtieġ li jqisu l-gruppi fil-mira ewlenin fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u, fejn rilevanti, varjetà kbira ta' gruppi fil-mira oħra, bħall-gwida għall-karriera u s-servizzi tal-impjiegi, l-organizzazzjonijiet kulturali, l-intrapriżi u l-fondazzjonijiet. Jenħtieġ li l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, pubbliċità u ta' disseminazzjoni jibbażaw fuq il-korpi ta' implimentazzjoni kollha tal-Programm u jenħtieġ li, fejn ikun rilevanti, ikollhom l-appoġġ ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinvolvi ruħha ma' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, inkluż organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fil-Programm, fuq bażi regolari tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-Programm, sabiex tiffaċilita l-kondiviżjoni ta' prattiki tajbin u r-riżultati tal-proġetti u tiġbor feedback dwar il-Programm. Jenħtieġ li l-aġenziji nazzjonali jiġu mistiedna jipparteċipaw f'dak il-proċess.

(51)

Sabiex tiġi żgurata effiċjenza akbar fil-komunikazzjoni lill-pubbliku ġenerali u sinerġiji aktar b'saħħithom bejn l-attivitajiet ta' komunikazzjoni mwettqa b'inizjattiva tal-Kummissjoni, jenħtieġ li r-riżorsi finanzjarji allokati għall-komunikazzjoni taħt dan ir-Regolament jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet ta' politika tal-Unjoni, safejn dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-għanijiet tal-Programm.

(52)

Sabiex ikun żgurat li dan ir-Regolament jiġi implimentat b'mod effiċjenti u effettiv, jenħtieġ li l-Programm jagħmel użu massimu mill-mekkaniżmi eżekuttivi diġà fis-seħħ. L-implimentazzjoni tal-Programm jenħtieġ għalhekk li tiġi fdata lill-Kummissjoni u lill-aġenziji nazzjonali. Fejn ikun fattibbli, u sabiex tiġi massimizzata l-effiċjenza, l-aġenziji nazzjonali jenħtieġ li jkunu l-istess bħal dawk deżinjati għall-ġestjoni tal-Programm 2014-2020 . Il-kamp ta' applikazzjoni tal-valutazzjoni tal-konformità ex-ante jenħtieġ li jkun limitat għar-rekwiżiti li huma ġodda u speċifiċi għall-Programm, sakemm ma jkunx ġustifikat xort'oħra, bħal f'każ ta' nuqqasijiet serji jew sottoprestazzjoni min-naħa tal-aġenzija nazzjonali konċernata.

(53)

Sabiex jiġu żgurati l-ġestjoni finanzjarja tajba u ċ-ċertezza legali f'kull Stat Membru jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm , jenħtieġ li kull awtorità nazzjonali tiddeżinja korp indipendenti tal-awditjar. Fejn fattibbli, u sabiex tiġi massimizzata l-effiċjenza, il-korpi indipendenti tal-awditjar jenħtieġ li jkunu l-istess bħal dawk iddeżinjati taħt il-Programm 2014-2020.

(54)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jadottaw il-miżuri kollha xierqa biex ineħħu l-ostakli legali u amministrattivi li jistgħu jipprevjenu l-aċċess għall-Programm jew jimpedixxu l-funzjonament xieraq tiegħu. Dak jinkludi s-soluzzjoni, fejn possibbli, u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni dwar id-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, ta' kwistjonijiet li joħolqu diffikultajiet fil-kisba ta' viżi u ta' permessi ta' residenza.

(55)

Jenħtieġ li s-sistema ta' rapportar dwar il-prestazzjoni tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Programm u għall-evalwazzjoni tinġabar b'mod effiċjenti, effettiv, f'waqtu u fil-livell xieraq ta' dettall. Din id-data jenħtieġ li tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni b'mod li tkun konformi mar-regoli rilevanti tal-protezzjoni tad-data.

(56)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24).

(57)

Sabiex jiġu simplifikati r-rekwiżiti għall-benefiċjarji, jenħtieġ li jintużaw kemm jista' jkun possibbli għotjiet simplifikati fil-forma ta' somom f'daqqa, spejjeż għal kull unità u rati fissi . L-għotjiet simplifikati biex jappoġġaw l-azzjonijiet ta' mobbiltà tal-Programm, kif definit mill-Kummissjoni, jenħtieġ li jqisu l-ispejjeż tal-għajxien u tas-sussistenza fil-pajjiż ospitanti. Il-Kummissjoni u l-aġenziji nazzjonali tal-pajjiżi emittenti jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jaġġustaw dawk l-għotjiet fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi, b'mod partikolari biex jiżguraw aċċess għal persuni b'inqas opportunitajiet. F'konformità mal-liġi nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħeġġu wkoll jeżentaw dawk l-għotjiet minn kwalunkwe taxxa u imposta soċjali; l-għotjiet li jingħataw lil individwi minn entitajiet legali pubbliċi jew privati jenħtieġ li jiġu ttrattati bl-istess mod.

(58)

F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (26), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (27) u (UE) 2017/1939 (28), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta' penali amministrattivi. B'mod partikolari, f'konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-OLAF għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29). F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta' fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(59)

Huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-komplementarjetà u l-konsistenza tal-azzjonijiet tal-Programm, inkluż dawk li ma għandhomx natura tranżnazzjonali jew internazzjonali, ma' attivitajiet imwettqa mill-Istati Membri u ma' attivitajiet oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kultura u l-media, iż-żgħażagħ u s-solidarjetà, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-industrija u l-intrapriżi, il-politika diġitali, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali li jkollhom attenzjoni fuq il-bdiewa żgħażagħ, l-ambjent u l-klima, il-koeżjoni, il-politika reġjonali, il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-kooperazzjoni u l-iżvilupp internazzjonali.

(60)

Filwaqt li l-qafas regolatorju taħt il-Programm 2014-2020 ppermetta lill-Istati Membri u lir-reġjuni jistabbilixxu sinerġiji fil-perijodu ta' programmazzjoni 2014-2020 bejn dak il-Programm u strumenti oħra tal-Unjoni, bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, li jappoġġaw ukoll l-iżvilupp kwalitattiv ta' sistemi edukattivi, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ fl-Unjoni, dak il-potenzjal s'issa għadu ma ġiex sfruttat biżżejjed, u għalhekk ġew limitati l-effetti sistemiċi tal-proġetti u l-impatt fuq il-politika. Jenħtieġ li ssir komunikazzjoni u kooperazzjoni effettiva fil-livell nazzjonali bejn il-korpi nazzjonali inkarigati mill-ġestjoni ta' dawk l-istrumenti varji sabiex jiġi massimizzat l-impatt rispettiv tagħhom. Jenħtieġ li l-Programm jippermetti l-kooperazzjoni attiva ma' dawk l-istrumenti, b'mod partikolari biex jiġi żgurat li, fejn rilevanti, jiġu stabbiliti miżuri ta' appoġġ finanzjarju adegwati biex jappoġġaw lill-persuni b'inqas opportunitajiet.

(61)

Sabiex jiġi ottimizzat il-valur miżjud mill-investimenti ffinanzjati kompletament jew parzjalment permezz tal-baġit tal-Unjoni, jenħtieġ li jitfittxew sinerġiji, b'mod partikolari, bejn il-Programm u programmi oħra tal-Unjoni, inkluż Fondi implimentati taħt ġestjoni kondiviża. Sabiex jiġu massimizzati dawk is-sinerġiji, jenħtieġ li jiġu żgurati mekkaniżmi abilitanti ewlenin, inkluż finanzjament kumulattiv f'azzjoni mill-Programm u programm ieħor tal-Unjoni, sakemm tali finanzjament kumulattiv ma jaqbiżx l-ispejjeż eliġibbli totali tal-azzjoni. Għal dak il-għan, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi regoli xierqa, b'mod partikolari dwar il-possibbiltà li tiġi ddikjarata l-istess spiża jew nefqa fuq bażi prorata lill-Programm u lil programm ieħor tal-Unjoni.

(62)

Sabiex tadatta, fejn meħtieġ, għall-iżviluppi fl-oqsma rilevanti, u sabiex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE biex temenda Anness I għal dan ir-Regolament billi żżid mad-deskrizzjoni tal-azzjonijiet tal-Programm u biex temenda Anness II għal dan ir-Regolament fir-rigward-tal-indikaturi tal-prestazzjoni tal-Programm, u biex tissupplimenta dan ir-Regolament b'dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B'mod partikolari, biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(63)

Huwa xieraq li jiġi żgurat li l-Programm 2014-2020 jingħalaq korrettement, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-arranġamenti pluriennali għall-ġestjoni tiegħu, bħall-finanzjament ta' assistenza teknika u amministrattiva. Mill-1 ta' Jannar 2021, l-assistenza teknika u amministrattiva jenħtieġ li tiżgura, fejn meħtieġ, il-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma ġewx finalizzati taħt il-Programm 2014-2020 sal-31 ta' Diċembru 2020.

(64)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"). B'mod partikolari, dan ir-Regolament ifittex li jiżgura rispett sħiħ lejn id-dritt għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u d-dritt għal nondiskriminazzjoni bbażata fuq sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali, u li jippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 21 u 23 tal-Karta. F'konformità mal-Artikolu 13 tal-Karta, jenħtieġ ukoll li jiġi żgurat li l-libertà akkademika tiġi rrispettata mill-pajjiżi li jkunu qed jirċievu fondi taħt il-Programm.

(65)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 TFUE japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b'mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta' għotjiet, akkwist, premjijiet u implimentazzjoni indiretta, u jipprovdu għal kontrolli dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Fejn il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tieħu l-forma ta' somom f'daqqa, spejjeż għal kull unità jew rati fissi, il-livelli ta' appoġġ finanzjarju jenħtieġ li jiġu rieżaminati regolarment u, fejn ikun meħtieġ, aġġustati f'konformità mar-Regolament Finanzjarju, filwaqt li jitqiesu, fejn xieraq, l-ispejjeż tal-għajxien u tas-sussistenza fil-pajjiż ospitanti u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(66)

F'konformità mal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju , huwa possibbli li tingħata għotja għal azzjoni li tkun diġà bdiet, dment li l-applikant ikun jista' juri l-ħtieġa li jibda l-azzjoni qabel il-firma tal-ftehim ta' għotja. Madankollu, l-ispejjeż imġarrba qabel id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal għotja mhumiex eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni ħlief f'każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati. F'konformità mal-Artikolu 193(4) ta' dak ir-Regolament, l-ispejjeż imġarrba qabel id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal għotja wkoll mhumiex eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni fil-każ ta' għotjiet operattivi u, f’tali każ, il-ftehim ta' għotja jrid jiġi ffirmat fi żmien erba' xhur mill-bidu tas-sena finanzjarja tal-benefiċjarju. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-appoġġ tal-Unjoni li jista' jkun ta' preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li fid-deċiżjoni ta' finanzjament, għal perijodu limitat ta' żmien fil-bidu tal- QFP 2021-2027, u f'każijiet debitament ġustifikati biss, tkun prevista l-eliġibbiltà tal-attivitajiet u l-ispejjeż mill-1 ta' Jannar 2021 , anki jekk dawk l-attivitajiet ġew implimentati u l-ispejjeż imġarrba qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja.

(67)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-karattru tranżnazzjonali tal-Programm, il-volum kbir u l-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku wiesa' tal-attivitajiet ta' mobbiltà għat-tagħlim u ta' kooperazzjoni ffinanzjati, l-effetti tiegħu fuq l-aċċess għall-mobbiltà għat-tagħlim u b'mod aktar ġenerali dwar l-integrazzjoni tal-Unjoni, u d-dimensjoni internazzjonali rinforzata tal-Programm , jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(68)

Għalhekk, jenħtieġ li jitħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

(69)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta' appoġġ fil-qasam ta' politika rilevanti u biex tkun tista' ssir l-implimentazzjoni tal-Programm mill-bidu tal- QFP 2021-2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika, b'effett retroattiv, mill-1 ta' Jannar 2021,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Erasmus+, il-programm għall-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport (il-''Programm'') għall-perijodu tal-QFP 2021-2027.

Jistabbilixxi l-għanijiet tal-Programm, il-baġit għall-perijodu mill-2021 sal-2027, il-forom ta' finanzjament tal-Unjoni u r-regoli biex jingħata tali finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

"tagħlim tul il-ħajja" tfisser tagħlim fil-forom kollha tiegħu, kemm jekk formali, mhux formali jew informali li jseħħ fl-istadji kollha tal-ħajja u li jirriżulta f'titjib jew aġġornament fl-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-attitudnijiet jew il-parteċipazzjoni fis-soċjetà minn perspettiva personali, ċivika, kulturali, soċjali jew relatata mal-impjieg, inkluż il-forniment ta' servizzi ta' konsulenza u gwida; dan jinkludi l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni ġenerali, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni għall-adulti, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u ambjenti oħra ta' tagħlim barra l-edukazzjoni u t-taħriġ formali u tipikament jippromwovi l-kooperazzjoni transsettorjali u perkorsi ta' tagħlim flessibbli;

(2)

''mobbiltà għat-tagħlim'' tfisser iċ-ċaqliq fiżiku lejn pajjiż li mhux il-pajjiż tar-residenza, sabiex isir studju, taħriġ jew tagħlim mhux formali jew informali;

(3)

''tagħlim virtwali'' tfisser il-kisba ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi permezz tal-użu ta' għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni li jippermettu lill-parteċipanti jkollhom esperjenza ta' tagħlim tranżnazzjonali jew internazzjonali sinifikanti;

(4)

"tagħlim mhux formali" tfisser tagħlim li jsir barra l-edukazzjoni u t-taħriġ formali permezz ta' attivitajiet ippjanati f'termini tal-għanijiet tat-tagħlim u ż-żmien tat-tagħlim u fejn ikun hemm xi forma ta' appoġġ għat-tagħlim;

(5)

"tagħlim informali" tfisser tagħlim li jirriżulta minn attivitajiet ta' kuljum u esperjenzi li mhumiex organizzati jew strutturati f'termini ta' għanijiet, ta' żmien jew ta' appoġġ għat-tagħlim; jista' jkun mhux intenzjonat mill-perspettiva tal-istudent;

(6)

"żgħażagħ" tfisser individwi ta' bejn it-13 u t-30 sena;

(7)

''sport tal-massa'' tfisser attivitajiet rikreattivi fiżiċi ipprattikati b'mod regolari fil-livell mhux professjonali minn persuni ta' kull età, għal finijiet ta' saħħa, edukazzjoni jew soċjali;

(8)

"student ta' edukazzjoni għolja" tfisser persuna rreġistrata f'istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja, inkluż għal ċiklu qasir, f'livell ta' baċellerat, master jew dottorat jew l-ekwivalenti jew persuna li ggradwat reċentement minn tali istituzzjoni;

(9)

"persunal" tfisser persuna li, fuq bażi professjonali jew volontarja, hija involuta fl-edukazzjoni, fit-taħriġ jew fit-tagħlim mhux formali fil-livelli kollha, u tinkludi professuri, għalliema inkluż għalliema tal-iskola preprimarja, persuni li jħarrġu, mexxejja tal-iskejjel, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, persunal tal-isport, persunal tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, persunal mhux edukattiv u prattikanti oħra involuti b'mod regolari fil-promozzjoni tat-tagħlim;

(10)

''persunal tal-isport'' tfisser persuna involuta fl-istruzzjoni, it-taħriġ u l-ġestjoni ta' tim tal-isport jew persuni sportivi individwali, jew bi ħlas inkella fuq bażi volontarja;

(11)

"student ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali" tfisser persuna reġistrata fi programm ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali jew kontinwu fi kwalunkwe livell minn dak sekondarju sal-livell post-sekondarju jew persunali reċentement iggradwat jew kisbet kwalifika minn tali programm;

(12)

''student tal-iskola'' tfisser persuna reġistrata f'kapaċità ta' tagħlim f'istituzzjoni li tipprovdi edukazzjoni ġenerali fi kwalunkwe livell mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal sal-edukazzjoni sekondarja superjuri jew persuna li tkun ħadet edukazzjoni barra minn kuntest istituzzjonali meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti bħala eliġibbli biex tipparteċipa fil-Programm fit-territorji rispettivi tagħhom;

(13)

"edukazzjoni għall-adulti" tfisser kwalunkwe forma ta' tagħlim mhux vokazzjonali għall-adulti wara l-edukazzjoni inizjali, kemm jekk tkun ta' natura formali, mhux formali jew informali;

(14)

"pajjiż terz" tfisser pajjiż li mhuwiex Stat Membru;

(15)

"sħubija" tfisser ftehim bejn grupp ta' istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet sabiex jitwettqu attivitajiet u proġetti konġunti;

(16)

"Lawrja Konġunta tal-Master tal-Erasmus Mundus" tfisser programm ta' studju integrat offrut tal-inqas minn żewġ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja li jirriżulta f'ċertifikat wieħed ta' lawrja jew ċertifikati multipli ta' lawrja maħruġa u ffirmati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet parteċipanti kollha u rikonoxxut uffiċjalment fil-pajjiżi fejn jinsabu l-istituzzjonijiet parteċipanti;

(17)

''internazzjonali'' tirrigwarda kwalunkwe azzjoni li tinvolvi mill-inqas pajjiż terz wieħed li mhuwiex assoċjat mal-Programm;

(18)

"kooperazzjoni virtwali" tfisser kwalunkwe forma ta' kooperazzjoni li tuża għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni biex jiffaċilitaw u jappoġġaw kwalunkwe azzjoni tal-Programm rilevanti;

(19)

"istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja" tfisser istituzzjoni li, f'konformità mad-liġi jew prattika nazzjonali, toffri lawrji rikonoxxuti jew kwalifiki tal-livell terzjarju oħrajn rikonoxxuti, irrispettivament minn x'jissejjaħ tali stabbiliment, jew istituzzjoni komparabbli fil-livell terzjarju li tkun ikkunsidrata mill-awtoritajiet nazzjonali bħala eliġibbli biex tipparteċipa fil-Programm fit-territorji rispettivi tagħhom;

(20)

''tranżnazzjonali'' tirrelata ma' kwalunkwe azzjoni li tinvolvi mill-inqas żewġ pajjiżi li huma Stati Membri jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm;

(21)

"attività ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ" tfisser attività barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali mwettqa minn gruppi informali ta' żgħażagħ jew organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u karatterizzata minn approċċ ta' tagħlim mhux formali jew informali;

(22)

"persuna li taħdem maż-żgħażagħ" tfisser persuna li, jew f'livell professjonali jew volontarju, tkun involuta fit-tagħlim mhux formali u tappoġġa liż-żgħażagħ fl-iżvilupp soċjoedukattiv personali u professjonali tagħhom u fl-iżvilupp tal-kompetenzi tagħhom; dan jinkludi persuni li jippjanaw, imexxu, jikkoordinaw u jimplimentaw l-attivitajiet fil-qasam taż-żgħażagħ;

(23)

"Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ" tfisser id-djalogu bejn iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk li jfasslu l-politika u jieħdu d-deċiżjonijiet, kif ukoll l-esperti, ir-riċerkaturi u atturi tas-soċjetà ċivili oħra, kif xieraq;dan iservi bħala forum għal riflessjoni u konsultazzjoni konġunti kontinwi dwar il-prijoritajiet taż-żgħażagħ u l-oqsma kollha rilevanti għalihom;

(24)

"entità legali" tfisser persuna fiżika jew ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont il-liġi nazzjonali, il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi internazzjonali, li jkollha personalità ġuridika u li tista', meta taġixxi f'isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi, jew entità li ma għandhiex personalità ġuridika kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 197(2) tar-Regolament Finanzjarju;

(25)

''persuni b'inqas opportunitajiet'' tfisser persuni li għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali, ġeografiċi jew ta' saħħa, minħabba fl-isfond ta' migrazzjoni tagħhom, jew għal raġunijiet bħal diżabbiltà jew diffikultajiet edukattivi jew għal kwalunkwe raġuni oħra, inkluż raġuni li tista' tagħti lok għal diskriminazzjoni skont l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiffaċċaw ostakli li jżommuhom milli jkollhom aċċess effettiv għall-opportunitajiet taħt il-Programm;

(26)

"awtorità nazzjonali" tfisser awtorità waħda jew aktar inkarigata, fil-livell nazzjonali, mill-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-ġestjoni tal-Programm fi Stat Membru jew f'pajjiż terz assoċjat mal-Programm;

(27)

"aġenzija nazzjonali" tfisser korp wieħed jew iktar responsabbli mill-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-Programm fil-livell nazzjonali fi Stat Membru jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm;

(28)

"organizzazzjoni ġdida" tfisser organizzazzjoni jew istituzzjoni li ma tkunx preċedentement irċeviet appoġġ għal tip partikolari ta' azzjoni appoġġata mill-Programm jew mill-Programm 2014-2020 la bħala koordinatur u lanqas bħala sieħba.

Artikolu 3

Għanijiet tal-programm

1.   L-għan ġenerali tal-Programm huwa li jappoġġa, permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, l-iżvilupp edukattiv, professjonali u personali tal-persuni fil-qasam tal-edukazzjoni ut-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, fl-Ewropa u lil hinn minnha, u b'hekk jikkontribwixxi għal tkabbir sostenibbli, impjiegi ta' kwalità u koeżjoni soċjali, għall-ixprunar tal-innovazzjoni u għat-tisħiħ tal-identità Ewropea u ċ-ċittadinanza attiva. Il-Programm għandu jkun strument ewlieni għall-bini ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni strateġika Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż l-aġendi settorjali sottostanti tagħha, li tavvanza l-kooperazzjoni tal-politika taż-żgħażagħ taħt l-Istrateġija taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea 2019-2027 u l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport.

2.   Il-Programm għandu l-għanijiet speċifiċi li jippromzovi:

(a)

il-mobbiltà għat-tagħlim ta' individwi u gruppi, u l-kooperazzjoni, il-kwalità, l-inklużjoni u l-ekwità, l-eċċellenza, il-kreattività u l-innovazzjoni fil-livell ta' organizzazzjonijiet u politiki fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

(b)

il-mobbiltà għat-tagħlim mhux formali u informali u l-parteċipazzjoni attiva fost iż-żgħażagħ, u l-kooperazzjoni, il-kwalità, l-inklużjoni, il-kreattività u l-innovazzjoni fil-livell ta' organizzazzjonijiet u politiki fil-qasam taż-żgħażagħ;

(c)

il-mobbiltà għat-tagħlim tal-persunal tal-isport, u l-kooperazzjoni, il-kwalità, l-inklużjoni, il-kreattività u l-innovazzjoni fil-livell tal-organizzazzjonijiet tal-isport u l-politiki tal-isport.

3.   L-għanijiet tal-Programm għandhom jiġu segwiti permezz tat-tliet azzjonijiet ewlenin li prinċipalment huma ta' natura jew tranżnazzjonali inkella internazzjonali:

(a)

mobbiltà għat-tagħlim (''azzjoni ewlenija 1'');

(b)

kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet (''azzjoni ewlenija 2''); u

(c)

appoġġ għal politika tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni (''azzjoni ewlenija 3'').

L-għanijiet tal-Programm għandhom jiġu segwiti permezz tal-azzjonijiet Jean Monnet kif stabbilit fl-Artikolu 8.

L-azzjonijiet appoġġati taħt il-Programm huma stabbiliti fil-Kapitoli II (edukazzjoni u taħriġ), III (żgħażagħ) u IV (sport). Fl-Anness I tingħata deskrizzjoni ta' dawk l-azzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 33 biex temenda dak l-Anness billi żżid mad-deskrizzjoni tal-azzjonijiet, fejn meħtieġ, sabiex tadatta għall-iżviluppi fl-oqsma rilevanti.

Artikolu 4

Valur miżjud Ewropew

1.   Il-Programm għandu jappoġġa biss dawk l-azzjonijiet u l-attivitajiet li jipprovdu valur miżjud Ewropew potenzjali u li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Programm stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.   Il-valur miżjud Ewropew tal-azzjonijiet u l-attivitajiet tal-Programm għandu jiġi żgurat, pereżempju, permezz:

(a)

tal-karattru tranżnazzjonali tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-mobbiltà għat-tagħlim u l-kooperazzjoni bl-għan li jiksbu impatt sistemiku sostenibbli;

(b)

tal-komplementarjetà u tas-sinerġiji tagħhom ma' programmi u politiki oħra fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali;

(c)

tal-kontribut tagħhom għall-użu effettiv tal-għodod ta' trasparenza u ta' rikonoxximent tal-Unjoni.

KAPITOLU II

EDUKAZZJONI U TAĦRIĠ

Artikolu 5

Azzjoni ewlenija 1 Mobbiltà għat-tagħlim

1.   Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Programm għandu jappoġġa l-azzjonijiet li ġejjin skont l-azzjoni ewlenija 1:

(a)

il-mobbiltà għat-tagħlim tal-istudenti u tal-persunal ta' edukazzjoni għolja;

(b)

il-mobbiltà għat-tagħlim tal-istudenti u tal-persunal ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali;

(c)

il-mobbiltà għat-tagħlim tal-istudenti u tal-persunal tal-iskola;

(d)

il-mobbiltà għat-tagħlim tal-istudenti u tal-persunal tal-edukazzjoni għall-adulti.

2.   Il-mobbiltà għat-tagħlim skont dan l-Artikolu tista' tkun akkumpanjata minn tagħlim virtwali u miżuri bħal appoġġ lingwistiku, żjarat preparatorji, taħriġ u kooperazzjoni virtwali. Il-mobbiltà għat-tagħlim tista' tiġi sostitwita minn tagħlim virtwali għal dawk il-persuni li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-mobbiltà għat-tagħlim.

Artikolu 6

Azzjoni ewlenija 2 Kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet

Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Programm għandu jappoġġa l-azzjonijiet li ġejjin skont l-azzjoni ewlenija 2:

(a)

sħubiji għall-kooperazzjoni u skambju ta' prattiki, inkluż sħubiji fuq skala żgħira għat-trawwim ta' aċċess iktar mifrux u iktar inklużiv għall-Programm;

(b)

sħubiji għall-eċċellenza, b'mod partikolari Universitajiet Ewropej, pjattaformi ta' ċentri ta' eċċellenza vokazzjonali u Lawrji Konġunti tal-Master tal-Erasmus Mundus;

(c)

sħubiji għall-innovazzjoni għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-innovazzjoni tal-Ewropa;

(d)

pjattaformi u għodod online faċli għall-utent għal kooperazzjoni virtwali, inkluż servizzi ta' appoġġ għall-eTwinning u għall-Pjattaforma Elettronika għat-tTagħlim għall-Adulti fl-Ewropa, u għodod li jiffaċilitaw il-mobbiltà għat-tagħlim, inkluż l-inizjattiva tal-Karta Ewropea tal-Istudenti.

Artikolu 7

Azzjoni ewlenija 3 Appoġġ għal politika tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni

Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Programm għandu jappoġġa l-azzjonijiet li ġejjin skont l-azzjoni ewlenija 3:

(a)

il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-aġendi ta' politika ġenerali u settorjali tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż bl-appoġġ tan-network Eurydice jew attivitajiet ta' organizzazzjonijiet rilevanti oħra, u l-appoġġ għall-Proċess ta' Bolonja;

(b)

għodod u miżuri tal-Unjoni li jrawmu l-kwalità, it-trasparenza u r-rikonoxximent ta' kompetenzi, ħiliet u kwalifiki (30);

(c)

djalogu ta' politika u kooperazzjoni ma' partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż networks madwar l-Unjoni, organizzazzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

(d)

miżuri li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' kwalità għolja u inklużiva tal-Programm;

(e)

kooperazzjoni ma' strumenti oħrajn tal-Unjoni u appoġġ għal politiki oħrajn tal-Unjoni;

(f)

attivitajiet ta' disseminazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar l-eżiti u l-prijoritajiet ta' politika Ewropej u dwar il-Programm.

Artikolu 8

Azzjonijiet Jean Monnet

Il-Programm għandu jappoġġa tagħlim, apprendiment, riċerka u dibattiti dwar kwistjonijiet ta' integrazzjoni Ewropea, inkluż dwar l-isfidi u l-opportunitajiet futuri tal-Unjoni, permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-azzjoni Jean Monnet fil-qasam tal-edukazzjoni għolja;

(b)

l-azzjoni Jean Monnet f'oqsma oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

(c)

appoġġ għall-istituzzjonijiet li ġejjin li jsegwu mira ta' interess Ewropew: l-Istitut Universitarju Ewropew, Firenze, inkluż l-Iskola tal-Governanza Tranżnazzjonali tiegħu; il-Kulleġġ tal-Ewropa (il-kampus ta' Bruges u dak ta' Natolin); l-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika, Maastricht; l-Akkademja tal-Liġi Ewropea, Trier; l-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva, Odense; u ċ-Ċentru Internazzjonali għat-Taħriġ Ewropew, Nizza.

KAPITOLU III

ŻGĦAŻAGĦ

Artikolu 9

Azzjoni ewlenija 1 Mobbiltà għat-tagħlim

1.   Fil-qasam taż-żgħażagħ, il-Programm għandu jappoġġa l-azzjonijiet li ġejjin skont l-azzjoni ewlenija 1:

(a)

il-mobbiltà għat-tagħlim taż-żgħażagħ;

(b)

attivitajiet ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ;

(c)

attivitajiet ta' DiscoverEU;

(d)

il-mobbiltà għat-tagħlim ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ.

2.   L-azzjonijiet taħt il-paragrafu 1 jistgħu jkunu akkumpanjati minn tagħlim virtwali u miżuri bħal appoġġ lingwistiku, żjarat preparatorji, taħriġ u kooperazzjoni virtwali. Il-mobbiltà għat-tagħlim tista' tiġi sostitwita minn tagħlim virtwali għal dawk il-persuni li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-mobbiltà għat-tagħlim.

Artikolu 10

Azzjoni ewlenija 2 Kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet

Fil-qasam taż-żgħażagħ, il-Programm għandu jappoġġa l-azzjonijiet li ġejjin skont l-azzjoni ewlenija 2:

(a)

sħubiji għall-kooperazzjoni u skambji ta' prattiki, inkluż sħubiji fuq skala żgħira għat-trawwim ta' aċċess iktar mifrux u iktar inklużiv għall-Programm;

(b)

sħubiji għall-innovazzjoni għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-innovazzjoni tal-Ewropa;

(c)

pjattaformi u għodod online faċli għall-utent għall-kooperazzjoni virtwali.

Artikolu 11

Azzjoni ewlenija 3 Appoġġ għall-politika tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni

Fil-qasam taż-żgħażagħ, il-Programm għandu jappoġġa l-azzjonijiet li ġejjin skont l-azzjoni ewlenija 3:

(a)

il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-aġenda ta' politika tal-Unjoni dwar iż-żgħażagħ, bl-appoġġ, fejn rilevanti, tan-network Wiki taż-Żgħażagħ;

(b)

għodod u miżuri tal-Unjoni li jrawmu l-kwalità, it-trasparenza u r-rikonoxximent ta' kompetenzi u ħiliet, b'mod partikolari permezz ta' Youthpass;

(c)

djalogu ta' politika u kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż networks madwar l-Unjoni, organizzazzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam taż-żgħażagħ, id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, u l-appoġġ għall-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ;

(d)

miżuri li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' kwalità għolja u inklużiva tal-Programm, inkluż l-appoġġ għan-Network Eurodesk;

(e)

kooperazzjoni ma' strumenti oħrajn tal-Unjoni u appoġġ għal politiki oħrajn tal-Unjoni;

(f)

attivitajiet ta' disseminazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar l-eżiti u l-prijoritajiet ta' politika Ewropej u dwar il-Programm.

KAPITOLU IV

SPORTS

Artikolu 12

Azzjoni ewlenija 1 Mobbiltà għat-tagħlim

1.   Fil-qasam tal-isport, il-Programm għandu jappoġġa l-mobbiltà għat-tagħlim tal-persunal tal-isport skont l-azzjoni ewlenija 1.

2.   Il-mobbiltà għat-tagħlim skont dan l-Artikolu tista' tkun akkumpanjata minn tagħlim virtwali u miżuri bħal appoġġ lingwistiku, żjarat preparatorji, taħriġ u kooperazzjoni virtwali. Il-mobbiltà għat-tagħlim tista' tiġi sostitwita minn tagħlim virtwali għal dawk il-persuni li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-mobbiltà għat-tagħlim.

Artikolu 13

Azzjoni ewlenija 2 Kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet

Fil-qasam tal-isport, il-Programm għandu jappoġġa l-azzjonijiet li ġejjin skont l-azzjoni ewlenija 2:

(a)

sħubiji għall-kooperazzjoni u skambju ta' prattiki, inkluż sħubiji fuq skala żgħira għat-trawwim ta' aċċess iktar mifrux u iktar inklużiv għall-Programm;

(b)

avvenimenti sportivi mingħajr skop ta' qligħ immirati għall-iżvilupp ulterjuri tad-dimensjoni Ewropea tal-isport u l-promozzjoni ta' kwistjonijiet ta' rilevanza għall-isport tal-massa.

Artikolu 14

Azzjoni ewlenija 3 Appoġġ għall-politika tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni

Fil-qasam tal-isport, il-Programm għandu jappoġġa l-azzjonijiet li ġejjin skont l-azzjoni ewlenija 3:

(a)

il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-aġenda ta' politika tal-Unjoni dwar l-isport u l-attività fiżika;

(b)

djalogu ta' politika u kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż organizzazzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-isport;

(c)

miżuri li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' kwalità għolja u inklużiva tal-Programm;

(d)

kooperazzjoni ma' strumenti oħrajn tal-Unjoni u appoġġ għal politiki oħrajn tal-Unjoni;

(e)

attivitajiet ta' disseminazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar l-eżiti u l-prijoritajiet tal-politika Ewropea u dwar il-Programm.

KAPITOLU V

INKLUŻJONI

Artikolu 15

Strateġija ta' inklużjoni

Il-Kummissjoni għandha, sad-29 ta’ Novembru 2021, tiżviluppa qafas ta' miżuri ta' inklużjoni biex jiżdiedu r-rati ta' parteċipazzjoni fost il-persuni b'inqas opportunitajiet, kif ukoll gwida għall-implimentazzjoni ta' tali miżuri. Dik il-gwida għandha tiġi aġġornata kif meħtieġ għat-tul tal-Programm. Abbażi tal-qafas tal-miżuri ta' inklużjoni, u b'attenzjoni partikolari għall-isfidi speċifiċi marbutin mal-aċċess għall-Programm fil-kuntesti nazzjonali, għandhom jiġu żviluppati pjanijiet ta' azzjoni għall-inklużjoni u dawn għandhom jiffurmaw parti integrali mill-programmi ta' ħidma tal-aġenziji nazzjonali.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dawk il-pjanijiet ta’ azzjoni għall-inklużjoni fuq bażi regolari.

Artikolu 16

Miżuri ta' appoġġ finanzjarju għall-inklużjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha, fejn rilevanti, tiżgura li jiġu stabbiliti miżuri ta' appoġġ finanzjarju, inkluż prefinanzjament, biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta' persuni b'inqas opportunitajiet, b'mod partikolari ta' dawk li l-parteċipazzjoni tqgħhom hija mxekkla għal raġunijiet finanzjarji. Il-livell ta' appoġġ għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi.

2.   Sabiex ittejjeb l-aċċess għal persuni b'anqas opportunitajiet u tiżgura l-implimentazzjoni bla xkiel tal-Programm, il-Kummissjoni għandha, fejn meħtieġ, taġġusta jew tawtorizza lill-aġenziji nazzjonali jaġġustaw l-għotjiet għall-appoġġ ta' mobbiltà għat-tagħlim taħt il-Programm.

3.   L-ispejjeż tal-miżuri biex tiġi ffaċilitata jew appoġġata l-inklużjoni ma għandhomx jiġġustifikaw ir-rifjut ta' applikazzjoni taħt il-Programm.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 17

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill-2021 sal-2027 għandu jkun ta' EUR 24 574 000 000 fi prezzijiet attwali.

2.   Bħala riżultat tal-aġġustament speċifiku għall-Programm previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093, l-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jiżdied b'allokazzjoni addizzjonali ta' EUR 1 700 000 000 fi prezzijiet kostanti tal-2018 kif speċifikat fl-Anness II għal dak ir-Regolament.

3.   Id-distribuzzjoni indikattiva tal-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun:

(a)

EUR 20 396 420 000, li jirrappreżentaw 83 % tal-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għall-azzjonijiet fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif imsemmija fil-Artikoli 5 sa 8 , allokati kif ġej:

(i)

mill-inqas EUR 7 057 161 320, li jirrappreżentaw 34,6 % tal-ammont totali stabbilit fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu għall-azzjonijiet kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 5(1) u għall-azzjonijiet kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6 imwettqa fil-qasam tal-edukazzjoni għolja;

(ii)

mill-inqas EUR 4 385 230 300, li jirrappreżentaw 21,5 % tal-ammont totali stabbilit fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, għall-azzjonijiet kifimsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 5(1) u għall-azzjonijiet kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6 imwettqa fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

(iii)

mill-inqas EUR 3 100 255 840, li jirrappreżentaw 15,2 % tal-ammont totali stabbilit fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, għall-azzjonijiet kif imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1) u għall-azzjonijiet kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6 imwettqa fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika;

(iv)

mill-inqas EUR 1 182 992 360, li jirrappreżentaw 5,8 % tal-ammont totali stabbilit fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, għall-azzjonijiet kif imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 5(1) u għall-azzjonijiet kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6 imwettqa fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti;

(v)

mill-inqas EUR 367 135 560, li jirrappreżentaw 1,8 % tal-ammont totali stabbilit fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, għall-azzjonijiet Jean Monnet kif imsemmija fl-Artikolu 8;

(vi)

mill-inqas EUR 3 467 391 400, li jirrappreżentaw 17 % tal-ammont totali stabbilit fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, għall-azzjonijiet li primarjament huma ġestiti direttament u għall-attivitajiet orizzontali kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), il-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 6 uf l-Artikolu 7;

(vii)

EUR 836 253 220, li jirrappreżentaw 4,1 % tal-ammont totali stabbilit fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, għal marġni ta' flessibbiltà li jista' jintuża għall-appoġġ ta' kwalunkwe mill-azzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu II;

(b)

EUR 2 531 122 000 li jirrappreżentaw 10,3 % tal-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għall-azzjonijiet fil-qasam taż-żgħażagħ kif imsemmija fl-Artikoli 9, 10 u 11;

(c)

EUR 466 906 000 li jirrappreżentaw 1,9 % tal-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għall-azzjonijiet fil-qasam tal-isport kif imsemmija fl-Artikoli 12, 13 u 14;

(d)

mill-inqas EUR 810 942 000 li jirrappreżentaw 3,3 % tal-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż operazzjonali tal-aġenziji nazzjonali; u

(e)

EUR 368 610 000, li jirrappreżentaw 1,5 % tal-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għall-appoġġ għall-Programm.

4.   L-allokazzjoni addizzjonali fil-paragrafu 2 għandha tiġi implimentata skont id-distribuzzjoni indikattiva stabbilita fil-paragrafu 3, fuq bażi prorata.

5.   Minbarra l-ammonti stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, u sabiex tiġi promossa d-dimensjoni internazzjonali tal-Programm, għandha ssir disponibbli kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali permezz ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 u permezz ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxil-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III) biex tappoġġa azzjonijiet implimentati u ġestiti f'konformità ma' dan ir-Regolament. Dik il-kontribuzzjoni għandha tiġi ffinanzjata f'konformità mar-Regolamenti li jistabbilixxu dawk l-istrumenti.

6.   Il-fondi li għandhom jiġu ġestiti mill-aġenziji nazzjonali għandhom jiġu allokati abbażi tal-popolazzjoni ta’ u l-għoli tal-ħajja fl-Istat Membru kkonċernat, id-distanza bejn il-kapitali tal-Istati Membri u l-prestazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika aktar dawk il-kriterji u l-formuli sottostanti tagħhom fil-programmi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 22. Dawk il-formuli għandhom, sa fejn ikun possibbli, jevitaw tnaqqis sostanzjali fil-baġit annwali allokat lill-Istati Membri minn sena għall-oħra u għandhom jimminimizzaw żbilanċi eċċessivi fil-livell tal-fondi allokati. Il-fondi għandhom jiġu allokati abbażi tal-prestazzjoni sabiex tippromwovi l-użu effiċjenti u effikaċi tar-riżorsi. Il-kriterji użati biex titkejjel il-prestazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-aktar data reċenti disponibbli.

7.   L-ammonti stabbiliti fil-paragrafu 1 u 2 jistgħu jintużaw għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm, bħal attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditjar u ta' evalwazzjoni, inkluż sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva.

8.   Ir-riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq talba tal-Istat Membru konċernat, jiġu ttrasferiti għall-Programm soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ir-"Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027"). Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament f'konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament f'konformità mal-punt (c) ta' dak is-subparagrafu. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 18

Forom ta' finanzjament mill-Unjoni u metodi ta' implimentazzjoni

1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat, b'mod konsistenti, taħt ġestjoni diretta f'konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew taħt ġestjoni indiretta mal-korpi kif imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) ta' dak ir-Regolament

2.   Il-Programm jista' jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari għotjiet, premjijiet u akkwist pubbliku.

3.   Il-kontribuzzjonijiet għall-mekkaniżmu ta' assigurazzjoni reċiproka jistgħu jkopru r-riskju assoċjat mal-irkupru tal-fondi dovuti mir-reċipjenti u għandhom jiġu kkunsidrati bħala garanzija suffiċjenti skont ir-Regolament Finanzjarju. L-Artikolu 37(7) tar-Regolament (UE) 2021/695 għandu japplika.

KAPITOLU VII

PARTEĊIPAZZJONI FIL-PROGRAMM

Artikolu 19

Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

1.   Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin:

(a)

membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b)

pajjiżi fil-proċess tal-adeżjoni mal-Unjoni, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, f'konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni rispettivi jew fi ftehimiet simili, u f'konformità mal-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(c)

pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f'konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jew fi ftehimiet simili, u f'konformità mal-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(d)

pajjiżi terzi oħra, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim:

(i)

jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

(ii)

jistabbilixxi l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali, u l-kostijiet amministrattivi tagħhom;

(iii)

ma jagħti l-ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet lill-pajjiż terz fir-rigward tal-programm tal-Unjoni;

(iv)

jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.

Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (d)(ii) tal-ewwel subparagrafu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-pajjiżi elenkati fil-paragrafu 1 jistgħu biss jipparteċipaw fil-Programm fl-intier tiegħu u dment li jissodisfaw l-obbligi kollha li dan ir-Regolament jimponi fuq l-Istati Membri.

Artikolu 20

Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm

F'każijiet debitament ġustifikati fl-interess tal-Unjoni, l-azzjonijiet tal-Programm imsemmija fl-Artikoli 5 sa 7, il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 8, u l-Artikoli 9 sa 14 jistgħu jinfetħu wkoll għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet legali minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm.

Artikolu 21

Regoli applikabbli għal ġestjoni diretta u indiretta

1.   Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet legali pubbliċi u privati attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport.

2.   Għall-għażliet taħt ġestjoni diretta u indiretta, il-membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni jistgħu jkunu esperti esterni, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 150(3) tar-Regolament Finanzjarju.

3.   L-entitajiet legali pubbliċi, u l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport li jkunu rċevew iktar minn 50 %tad-dħul annwali tagħhom minn sorsi pubbliċi fl-aħħar sentejn, għandhom jitqiesu li għandhom il-kapaċità finanzjarja, professjonali u amministrattiva meħtieġa biex iwettqu l-attivitajiet skont il-Programm. Ma għandhomx għalfejn jippreżentaw aktar dokumentazzjoni biex juru dik il-kapaċità.

4.   Il-Kummissjoni tista' tniedi sejħiet konġunti ma’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm jew mal-organizzazzjonijiet u l-aġenziji tagħhom biex jiffinanzjaw proġetti abbażi ta' fondi korrispondenti. Il-proġetti jistgħu jiġu evalwati u magħżula permezz ta' proċeduri ta' evalwazzjoni u għażla konġunta li jridu jiġu maqbula mill-organizzazzjonijiet jew aġenziji ta' finanzjament, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.

KAPITOLU VIII

PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

Artikolu 22

Programm ta' ħidma

Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju. Il-programmi ta' Ħidma għandhom jagħtu indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni u tad-distribuzzjoni tal-fondi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm għall-azzjonijiet li jridu jiġu ġestiti mill-aġenzija nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' ħidma permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 34.

Artikolu 23

Monitoraġġ u rapportar

1.   L-indikaturi għar-rapportar dwar il-progress tal-Programm biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali u speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3 huma stabbiliti fl-Anness II.

2.   Biex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 33 biex temenda, fejn meħtieġ, l-Anness II fir-rigward tal-indikaturi f'konformità mal-għanijiet tal-Programm kif ukoll biex tissupplimenta dan ir-Regolament bid-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni.

3.   Is-sistema ta' rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u għall-evalwazzjoni tal-Programm tinġabar b'mod effiċjenti, effettiv, fil-ħin u fil-livell xieraq ta' dettall.

Għal dak il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta' rapportar proporzjonati fuq il-benefiċjarji tal-fondi tal-Unjoni u, fejn xieraq, fuq l-Istati Membri.

Artikolu 24

Evalwazzjoni

1.   L-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu f'waqthom sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

2.   Ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm iżda, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni interim tal-Programm. Dik l-evalwazzjoni interim għandha tkun akkumpanjata minn evalwazzjoni finali tal-programm 2014-2020 , li għandha tikkontribwixxi għall-evalwazzjoni interim. L-evalwazzjoni interim tal-Programm għandha tivvaluta l-effikaċja u l-prestazzjoni ġenerali tal-Programm, inkluż fir-rigward ta' inizjattivi ġodda, u t-twettiq tal-miżuri ta' inklużjoni u simplifikazzjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu X u l-obbligi tal-aġenziji nazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 27, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, sal-31 ta' Mejju 2024, rapport dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tal-Programm fit-territorji rispettivi tagħhom.

4.   Fejn xieraq, u abbażi tal-evalwazzjoni interim, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġiżlattiva biex temenda dan ir-Regolament.

5.   Fi tmiem il-perijodu tal-implimentazzjoni iżda, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2031, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tar-riżultati u l-impatt tal-Programm.

6.   Il-Kummissjoni għandha tgħaddi kwalunkwe evalwazzjoni mwettqa skont dan l-Artikolu, inkluż l-evalwazzjoni interim, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

KAPITOLU IX

INFORMAZZJONI, KOMUNIKAZZJONI U DISSEMINAZZJONI

Artikolu 25

Informazzjoni, komunikazzjoni u disseminazzjoni

1.   F'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, l-aġenziji nazzjonali għandhom jiżviluppaw strateġija konsistenti fir-rigward ta' sensibilizzazzjoni effettiva u tad-disseminazzjoni u l-isfruttament tar-riżultati ta' attivitajiet appoġġati fil-qafas tal-azzjonijiet li jiġġestixxu fil-Programm.L-aġenziji nazzjonali għandhom jassistu lill-Kummissjoni fil-kompitu ġenerali tagħha ta' disseminazzjoni ta' informazzjoni dwar il-Programm, inkluż informazzjoni dwar azzjonijiet u attivitajiet ġestiti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, u r-riżultati tiegħu. L-aġenziji nazzjonali għandhom jinfurmaw lill-gruppi fil-mira rilevanti dwar l-azzjonijiet u l-attivitajiet imwettqa fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

2.   Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta' dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b'mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inklużi lill-mezzi tal-informazzjoni u lill-pubbliku.

3.   L-entitajiet legali fis-setturi koperti mill-Programm għandhom jużaw il-marka kummerċjali ''Erasmus+'' għall-finijiet ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni ta' informazzjoni relatati mal-Programm.

4.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-Programm, mal-azzjonijiet meħuda skont il-Programm u mar-riżultati miksuba. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, fejn rilevanti, riżultati tal-Programm isiru disponibbli għall-pubbliku u jiġu disseminati b'mod wiesgħa sabiex jiġi promoss l-iskambju tal-aħjar prattiki fost il-partijiet ikkonċernati u l-benefiċjarji tal-Programm.

5.   Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet ta' politika tal-Unjoni, safejn dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

KAPITOLU X

ĠESTJONI U SISTEMA TA' AWDITU

Artikolu 26

Awtorità nazzjonali

1.   Sad-29 ta’ Ġunju 2021, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, permezz ta' notifika formali trażmessa mir-Rappreżentant Permanenti tagħhom, tal-persuna jew persuni awtorizzata/i legalment biex taġixxi/jaġixxu f'isimhom bħala l-awtorità nazzjonali għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Meta awtorità nazzjonali tiġi sostitwita waqt il-Programm, l-Istat Membru konċernat għandu immedjatament jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan f'konformità mal-istess proċedura.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji u xierqa biex ineħħu kwalunkwe ostaklu legali u amministrattiv għall-funzjonament tajjeb tal-Programm, inkluż, fejn possibbli, miżuri maħsuba biex jirriżolvu kwistjonijiet li jikkawżaw diffikultajiet fil-ksib ta' viżi jew permessi ta' residenza.

3.   Sad-29 ta’ Awwissu 2021, l-awtorità nazzjonali għandha tiddeżinja aġenzija nazzjonali għat-tul tal-Programm. Awtorità nazzjonali ma għandhiex tiddeżinja ministeru bħala aġenzija nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiddeżinjaw aktar minn aġenzija nazzjonali waħda. F'każijiet fejn ikun hemm aktar minn aġenzija nazzjonali waħda, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu adegwat sabiex jikkoordina l-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-Programm fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiżguraw implimentazzjoni koerenti u kosteffiċjenti tal-Programm u kuntatt effettiv mal-Kummissjoni f'dak ir-rigward, u biex jiffaċilitaw it-trasferiment possibbli tal-fondi bejn l-aġenziji nazzjonali, biex b'hekk jippermettu flessibbiltà u użu aħjar tal-fondi allokati lill-Istati Membri. Kull Stat Membru għandu jiddetermina kif jorganizza r-relazzjoni bejn l-awtorità nazzjonali u l-aġenzija nazzjonali tiegħu, inkluż kompiti bħall-istabbiliment tal-programm ta' ħidma tal-aġenzija nazzjonali. L-awtorità nazzjonali għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b'valutazzjoni tal-konformità ex-ante xierqa li l-aġenzija nazzjonali tikkonforma mal-punt (c)(v) jew (vi) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) u mal-Artikolu 154(1), sa (5) tar-Regolament Finanzjarju u mar-rekwiżiti tal-Unjoni għall-istandards tal-kontroll intern għall-aġenziji nazzjonali u r-regoli għall-ġestjoni tal-fondi tal-programm għall-appoġġ għall-għotjiet.

4.   L-awtorità nazzjonali għandha tiddeżinja korp indipendenti tal-awditjar kif imsemmi fl-Artikolu 29.

5.   L-awtorità nazzjonali għandha tibbaża l-valutazzjoni tal-konformità ex ante tagħha fuq il-kontrolli u l-awditi tagħha stess jew fuq il-kontrolli u l-awditi li saru mill-korp indipendenti tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 29. Fejn l-aġenzija nazzjonali ddeżinjata għall-Programm tkun l-istess bħall-aġenzija nazzjonali ddeżinjata għall-Programm 2014-2020, il-kamp ta' applikazzjoni tal-valutazzjoni tal-konformità ex ante għandu jkun limitat għar-rekwiżiti li jkunu ġodda u speċifiċi għall-Programm, sakemm ma jkunx ġustifikat xort’oħra.

6.   F'każ li l-Kummissjoni tirrifjuta d-deżinjazzjoni tal-aġenzija nazzjonali bbażata fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-valutazzjoni tal-konformità ex-ante, jew jekk l-aġenzija nazzjonali ma tikkonformax mar-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-Kummissjoni, l-awtorità nazzjonali għandha tiżgura li jittieħdu l-passi ta' rimedju meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-aġenzija nazzjonali tikkonforma mar-rekwiżiti minimi, jew għandha tiddeżinja korp ieħor bħala aġenzija nazzjonali.

7.   L-awtorità nazzjonali għandha timmonitorja u twettaq superviżjoni tal-ġestjoni tal-Programm fil-livell nazzjonali. Għandha tinforma u tikkonsulta lill-Kummissjoni mingħajr dewmien qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni li jista' jkollha impatt sinifikattiv fuq il-ġestjoni tal-Programm, b'mod partikolari fir-rigward tal-aġenzija nazzjonali tagħha.

8.   L-awtorità nazzjonali għandha tipprovdi kofinanzjament adegwat għall-operazzjonijiet tal-aġenzija nazzjonali tagħha biex tiżgura li l-Programm ikun ġestit f'konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni.

9.   Abbażi tad-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali, l-opinjoni dwarha tal-verifika indipendenti u l-analiżi tal-Kummissjoni tal-konformità u l-prestazzjoni tal-aġenzija nazzjonali, l-awtorità nazzjonali għandha tipprovdi lill-Kummissjoni, kull sena, informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha ta' monitoraġġ u superviżjoni fir-rigward tal-Programm.

10.   L-awtorità nazzjonali għandha tkun responsabbli mill-ġestjoni kif suppost tal-fondi tal-Unjoni ttrasferiti mill-Kummissjoni lill-aġenzija nazzjonali fil-qafas tal-Programm.

11.   F'każ ta' xi irregolarità, negliġenza jew frodi attribwibbli għall-aġenzija nazzjonali, jew kwalunkwe nuqqasijiet serji jew prestazzjoni insuffiċjenti min-naħa tal-aġenzija nazzjonali, fejn dan iwassal għal pretensjonijiet mill-Kummissjoni kontra l-aġenzija nazzjonali, l-awtorità nazzjonali għandha tħallas lura lill-Kummissjoni il-fondi mhux irkuprati.

12.   Fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu 11, l-awtorità nazzjonali tista', fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba mill-Kummissjoni, tirrevoka l-mandat tal-aġenzija nazzjonali. F'każ li l-awtorità nazzjonali tixtieq tirrevoka dak il-mandat għal kwalunkwe raġuni oħra ġustifikata, għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bir-revoka minn tal-inqas sitt xhur qabel id-data maħsuba għat-terminazzjoni tal-mandat tal-aġenzija nazzjonali. F'każijiet bħal dawn, l-awtorità nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom formalment jaqblu dwar miżuri tranżitorji speċifiċi u f'waqthom.

13.   Fil-każ ta' revoka kif imsemmi fil-paragrafu 12, l-awtorità nazzjonali għandha twettaq il-kontrolli meħtieġa dwar il-fondi tal-Unjoni fdati lill-aġenzija nazzjonali li l-mandat tagħha ġie revokat u għandha tiżgura li dawk il-fondi u d-dokumenti u l-għodod ta' ġestjoni kollha meħtieġa għall-ġestjoni tal-Programm jiġu ttasferiti lill-aġenżija nazzjonali l-ġdida bla tfizkil. L-awtorità nazzjonali għandha tipprovdi lill-aġenzija nazzjonali li l-mandat tagħha ġie revokat bl-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex tkompli tissodisfa l-obbligi kuntrattwali tagħha fil-konfront tal-benefiċjarji tal-Programm u tal-Kummissjoni sakemm isir trasferiment ta' dawk l-obbligi lill-aġenzija nazzjonali ġdida.

14.   Fuq talba mill-Kummissjoni, l-awtorità nazzjonali għandha tiddeżinja l-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet, jew it-tipi ta' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet bħal dawn, li għandhom jiġu kkunsidrati eliġibbli jipparteċipaw f'azzjonijiet speċifiċi tal-Programm fit-territorju rispettiv tagħha.

Artikolu 27

Aġenzija nazzjonali

1.   L-aġenzija nazzjonali għandu:

(a)

ikollha personalità ġuridika jew tkun parti minn entità legali li jkollha personalità ġuridika, u tkun regolata mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat;

(b)

ikollha l-kapaċità ta' ġestjoni, persunal u infrastruttura adegwati biex tissodisfa l-kompiti tagħha b'mod sodisfaċenti, tiżgura ġestjoni effiċjenti u effettiva tal-Programm u ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni;

(c)

ikollha l-mezzi operattivi u legali biex tapplika r-regoli ta' ġestjoni amministrattiva, kuntrattwali u finanzjarja stabbiliti fil-livell tal-Unjoni;

(d)

toffri garanziji finanzjarji xierqa, preferibbilment maħruġa minn awtorità pubblika, korrispondenti għal-livell ta' fondi tal-Unjoni li hija tintalab tamministra.

2.   L-aġenzija nazzjonali għandha tkun responsabbli mill-ġestjoni tal-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett tal-azzjonijiet li tiġġestixxi kif stabbilit fil-programmi ta' ħidma kif imsemmi fl-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament, f'konformità mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju

3.   L-aġenzija nazzjonali għandu jkollha l-għarfien espert meħtieġ biex tkopri s-setturi kollha tal-Programm. Meta Stat Membru jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm ikollu aktar minn aġenzija nazzjonali waħda, dawk l-aġenziji nazzjonali għandu jkollhom kollettivament l-għarfien espert meħtieġ biex ikopru s-setturi kollha tal-Programm.

4.   L-aġenzija nazzjonali għandha toħroġ appoġġ għall-għotja lill-benefiċjarji fit-tifsira tal-punt (5) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju bħala ftehim ta' għotja kif speċifikat mill-Kummissjoni għall-azzjoni konċernata tal-Programm.

5.   L-aġenzija nazzjonali għandha tirrapporta kull sena lill-awtorità nazzjonali tagħha u lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 155 tar-Regolament Finanzjarju. L-aġenzija nazzjonali għandha tkun inkarigata mill-implimentazzjoni tal-osservazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni b'segwitu għall-analiżi tagħha tad-dikjarazzjoni tal-ġestjoni annwali u tal-opinjoni dwarha tal-awditu indipendenti.

6.   L-aġenzija nazzjonali ma għandhiex, mingħajr awtorizzazzjoni bil-miktub minn qabel mill-awtorità nazzjonali u mill-Kummissjoni, tiddelega lil parti terza kwalunkwe kompitu relatat mal-Programm jew l-implimentazzjoni tal-baġit konferita lilha. L-aġenzija nazzjonali għandha żżomm ir-responsabbiltà unika għal kwalunkwe kompiti delegati lil parti terza.

7.   Fejn il-mandat ta' aġenzija nazzjonali jiġi revokat, dik l-aġenzija nazzjonali għandha tibqa' legalment responsabbli li tissodisfa l-obbligi kuntrattwali tagħha fil-konfront tal-benefiċjarji tal-Programm u tal-Kummissjoni sakemm isir it-trasferiment ta' dawk l-obbligi lil aġenzija nazzjonali ġdida.

8.   L-aġenzija nazzjonali għandha tkun inkarigata mill-ġestjoni u mil-likwidazzjoni tal-ftehimiet finanzjarji relatati mal-Programm 2014-2020 li jkunu għadhom miftuħa fil-bidu tal-Programm.

Artikolu 28

Il-Kummissjoni Ewropea

1.   Abbażi tar-rekwiżiti ta' konformità għall-aġenziji nazzjonali msemmija fl-Artikolu 26(3), il-Kummissjoni għandha tirrevedi s-sistemi nazzjonali ta' ġestjoni u kontroll, b'mod partikolari abbażi tal-valutazzjoni tal-konformità ex ante pprovduti lilha mill-awtorità nazzjonali, id-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali u l-opinjoni dwarha tal-korp indipendenti tal-awditjar, b'kont meħud tal-informazzjoni annwali pprovduta mill-awtorità nazzjonali dwar l-attivitajiet ta' monitoraġġ u superviżjoni tagħha fir-rigward tal-Programm.

2.   Fi żmien xahrejn minn meta tasal il-valutazzjoni tal-konformità ex ante mingħand l-awtorità nazzjonali msemmija fl-Artikolu 26(3), il-Kummissjoni għandha taċċetta, kondizzjonalment taċċetta jew tirrifjuta d-deżinjazzjoni tal-aġenzija nazzjonali. Il-Kummissjoni ma għandhiex tidħol f'relazzjoni kuntrattwali mal-aġenzija nazzjonali sakemm tkun aċċettat il-valutazzjoni tal-konformità ex ante. Fil-każ ta' aċċettazzjoni b'mod kondizzjonali, il-Kummissjoni tista' tapplika miżuri proporzjonati ta' prekawzjoni għar-relazzjoni kuntrattwali tagħha mal-aġenzija nazzjonali.

3.   Kull sena, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-fondi tal-Programm li ġejjin disponibbli għall-aġenzija nazzjonali:

(a)

fondi ta' appoġġ għall-għotja fl-Istat Membru kkonċernat għall-azzjonijiet tal-Programm li l-ġestjoni tagħhom hija fdata lill-aġenzija nazzjonali;

(b)

kontribuzzjoni finanzjarja f'appoġġ għall-kompiti ta' ġestjoni tal-Programm tal-aġenzija nazzjonali, li għandha tiġi stabbilita abbażi tal-ammont ta' fondi tal-Unjoni ta' appoġġ għall-għotja fdati lill-aġenzija nazzjonali;

(c)

fejn rilevanti, fondi addizzjonali għall-miżuri taħt il-punt (d) tal-Artikolu 7, il-punt (d) tal-Artikolu 11 u l-punt (c) tal-Artikolu 14.

4.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-programm ta' ħidma tal-aġenzija nazzjonali. Il-Kummissjoni ma għandhiex tagħmel il-fondi tal-Programm disponibbli lill-aġenzija nazzjonali qabel mal-Kummissjoni tkun approvat formalment il-programm ta' ħidma tal-aġenzija nazzjonali.

5.   Wara l-valutazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni u tal-opinjoni dwarha tal-korp indipendenti tal-awditjar, il-Kummissjoni għandha tindirizza l-opinjoni u l-osservazzjonijiet tagħha lill-aġenzija nazzjonali u lill-awtorità nazzjonali.

6.   Fil-każ li l-Kummissjoni ma tistax taċċetta d-dikjarazzjoni annwali ta' ġestjoni jew l-opinjoni dwarha tal-awditjar indipendenti, jew fil-każ ta' implimentazzjoni mhux sodisfaċenti mill-aġenzija nazzjonali tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista' timplimenta kwalunkwe miżura ta' prekawzjoni u korrettiva meħtieġa biex tissalvagwardja l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 131 tar-Regolament Finanzjarju.

7.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-aġenziji nazzjonali, għandha tiżgura li l-proċeduri stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-Programm ikunu konsistenti u sempliċi u li l-informazzjoni tkun ta' kwalità għolja. F'dak ir-rigward, għandhom jiġu organizzati laqgħat regolari man-network ta' aġenziji nazzjonali sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti tal-Programm fl-Istati Membri kollha u fil-pajjiżi terzi kollha assoċjati mal-programm.

8.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Programm stabbiliti fl-Artikolu 3, b'mod partikolari taħt ġestjoni indiretta, jiġu żviluppati b'mod xieraq u f'waqtu u b'tali mod li jipprovdu aċċess faċli u jkunu faċli għalli jintużaw mill-utent. Il-Programm għandu jappoġġa l-iżvilupp, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta' tali sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

Artikolu 29

Korp indipendenti tal-awditjar

1.   Il-korp indipendenti tal-awditjar għandu joħroġ opinjoni tal-awditjar dwar id-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni msemmija fl-Artikolu 155(1) tar-Regolament Finanzjarju. Għandha tifforma l-bażi tal-garanzija globali skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-korp indipendenti tal-awditjar għandu:

(a)

ikollu l-kompetenza professjonali meħtieġa biex jagħmel l-awditjar tas-settur pubbliku;

(b)

jiżgura li l-awditjar tiegħu jieħu kont tal-istandards tal-awditjar aċċettati fil-livell internazzjonali;

(c)

ma jkunx f'pożizzjoni ta' kunflitt ta' interess fir-rigward tal-entità legali li l-aġenzija nazzjonali tifforma parti minnha; b'mod partikolari, il-korp indipendenti tal-awditjar għandu jkun indipendenti, fir-rigward tal-funzjonijiet tiegħu, mill-entità legali li l-aġenzija nazzjonali tifforma parti minnha.

3.   Il-korp indipendenti tal-awditjar għandu jagħti lill-Kummissjoni u lir-rappreżentanti tagħha, u lill-Qorti tal-Awdituri aċċess sħiħ għad-dokumenti u r-rapporti kollha b'appoġġ għall-opinjoni tal-awditjar li huwa jippubblika dwar id-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali.

Artikolu 30

Prinċipji tas-sistema ta' kontroll

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa li jiżguraw li, meta jiħu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiħu mħarsa permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn xieraq, permezz ta' penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-kontrolli ta' superviżjoni fir-rigward tal-azzjonijiet u tal-attivitajiet tal-Programm ġestiti mill-aġenziji nazzjonali. Għandha tistipula r-rekwiżiti minimi għall-kontrolli mill-aġenzija nazzjonali u l-korp indipendenti tal-awditjar.

3.   L-aġenzija nazzjonali għandha tkun responsabbli għall-kontrolli primarji tal-benefiċjarji tal-għotja għall-azzjonijiet ġestita minnha kif stabbilit fil-programmi ta' ħidma kif imsemmi fl-Artikolu 22. Dawk il-kontrolli għandhom jagħtu assigurazzjoni raġonevoli li l-għotjiet mogħtija jintużaw kif intenzjonat u f'konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni.

4.   Fir-rigward tal-fondi tal-Programm trasferiti lill-aġenziji nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tiżgura koordinazzjoni kif suppost tal-kontrolli tagħha mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-aġenziji nazzjonali, abbażi tal-prinċipju ta' awditjar uniku u wara li ssir analiżi bbażata fuq ir-riskju. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF.

Artikolu 31

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Meta pajjiż terz jieħu sehem fil-Programm permezz ta' deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta' kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni responsabbli, l-OLAF u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b'mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

KAPITOLU XI

KOMPLEMENTARJETÀ

Artikolu 32

Finanzjament Kumulattiv u alternattiv

1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat sabiex jiżgura l-konsistenza u l-komplementarjetà kumplessivi tiegħu ma' politiki, programmi u fondi tal-Unjoni rilevanti oħrajn, b'mod partikolari dawk relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kultura u l-medja, iż-żgħażagħ u s-solidarjetà, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-industrija u l-intrapriża, il-politika diġitali, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, l-ambjent u l-klima, il-koeżjoni, il-politika reġjonali, il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-kooperazzjoni internazzjonali u l-iżvilupp.

2.   Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni taħt il-Programm tista' tirċievi wkoll kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess spejjeż. Ir-regoli ta'l-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż l-ispejjeż eliġibbli totali tal-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista' jiġi kkalkolat fuq bażi pro rata f'konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-appoġġ.

3.   Proposti għal proġetti jistgħu jirċievu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, f’konformità mal-Artikolu 73(4) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027, fejn dawn ikunu ngħataw tikketta ta’ Siġill ta' Eċċellenza taħt dan il-Programm permezz ta' konformità mal-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

ikunu ġew ivvalutati f'sejħa għal proposti taħt il-Programm;

(b)

ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi ta' kwalità ta' dik is-sejħa għal proposti; u

(c)

ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-qafas ta' dik is-sejħa għal proposti minħabba limitazzjonijiet baġitarji.

KAPITOLU XII

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 33

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall- kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 3 u 23 għandha tingħata lill-Kummissjoni għat-tul tal-Programm.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 3 u 23 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 3 u 23 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 34

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fiit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Il-kumitat jista' jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet speċifiċi biex jittratta kwistjonijiet settorjali. Fejn ikun xieraq, u f'konformità mar-regoli ta' proċedura tiegħu u fuq bażi ad hoc, esperti esterni, inklużi rappreżentanti tas-sħab soċjali, jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat bħala osservaturi.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 35

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 huwa mħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2021.

Artikolu 36

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-azzjonijiet mibdija skont ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013, li għandu jibqa' japplika għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista' jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013.

3.   F'konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 193(2) tar-RegolamentFinanzjarju , u permezz ta' deroga mill-Artikolu 193(4) ta' dak ir-Regolament, fil-każijiet debitament ġustifikati speċifikati fid-deċiżjoni dwar il-finanzjament, l-attivitajiet appoġġati minn dan ir-Regolament u l-ispejjeż sottostanti mġarrba fl-2021 jistgħu jitqiesu eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2021, anki jekk dawk l-attivitajiet ikunu ġew implimentati u dawk l-ispejjeż imġarrba qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja. Il-ftehimiet ta' għotja għall-għotjiet operattivi tas-sena finanzjarja 2021 jistgħu eċċezzjonalment jiġu ffirmati fi żmien sitt xhur mill-bidu tas-sena finanzjarja tal-benefiċjarju.

4.   Jekk meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 17(7) biex tkun tista’ ssir il-ġestjoni ta' azzjonijiet u attivitajiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta’ Diċembru 2027.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fuq livell nazzjonali, it-tranżizzjoni bla tfixkil bejn l-azzjonijiet implimentati taħt il-Programm 2014-2020 u dawk li għandhom jiġu implimentati taħt dan il-Programm.

Artikolu 37

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019 , p. 194.

(2)  ĠU C 168, 16.5.2019, p. 49.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Marzu 2019 (ĠU C 108, 26.3.2021, p. 965) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-13 ta' April 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(6)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 31.

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1).

(9)  ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1.

(10)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u t-tixrid tiegħu, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(11)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar il-mobbiltà tranżnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta' edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 5).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011- “Żgħażagħ Attivi” — il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ (ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1).

(13)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, (ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1).

(14)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1).

(15)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż (ĠU C 444, 10.12.2018, p. 1).

(16)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1).

(17)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(18)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(19)  ĠU C 444 I, 22.12.2020, p. 1.

(20)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(21)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(22)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea ("Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija") (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

(23)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(24)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(25)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(26)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(27)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(28)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE"") (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(29)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(30)  B'mod partikolari: il-qafas komuni għall-għoti ta' servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass); il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK); il-Qafas ta' Referenza Ewropew tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET); is-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET); is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS); ir-Reġistru Ewropew tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (EQAR); l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Assigurazzjoni ta' Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (ENQA); in-Network Ewropew ta' Ċentri tal-Informazzjoni fir-Reġjun Ewropew u ċ-Ċentri Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku fl-Unjoni Ewropea, u n-network ta' Euroguidance.


ANNESS I

DESKRIZZJONI TAL-AZZJONIJIET STABBILITI FIL-KAPITOLI II, III U IV

1.   AZZJONI EWLENIJA 1 - MOBBILTÀ GĦAT-TAGĦLIM

1.1.

Mobbiltà għat-tagħlim: mobbiltà fuq perijodu qasir jew fit-tul, fi grupp jew b'mod individwali dwar diversi oqsma tematiċi u suġġetti ta' studju, inkluż oqsma progressivi bħall-qasam diġitali, it-tibdil fil-klima, l-enerġija nadifa u l-intelliġenza artifiċjali.

1.2.

Attivitajiet ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ: attivitajiet bil-għan li jgħinu liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom u jitgħallmu jieħdu sehem fis-soċjetà ċivika, iżidu kuxjenza dwar il-valuri komuni Ewropej u jrawmu d-djalogu bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak Ewropew;

1.3.

DiscoverEU: attività edukattiva informali u mhux formali b'komponent qawwi ta' tagħlim u dimensjoni inklużiva, li tikkonsisti minn esperjenza ta' tagħlim u vjaġġar fl-Ewropa kollha biex jitrawwem sens ta' appartenenza għall-Unjoni u biex il-parteċipanti jkunu jistgħu jiskopru d-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa.

2.   AZZJONI EWLENIJA 2 – KOOPERAZZJONI FOST L-ORGANIZZAZZJONIJIET U L-ISTITUZZJONIJIET

2.1.

Sħubiji għall-kooperazzjoni: diversi attivitajiet ta' kooperazzjoni mwettqa b'mod konġunt minn organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet minn pajjiżi differenti, b'mod partikolari bil-għan li jiskambjaw u jiżviluppaw ideat u prattiki ġodda, jaqsmu u jikkonfrontaw prattiki u metodiu jiżviluppaw u jsaħħu sħab fin-networks. Din l-azzjoni tinkludi sħubiji fuq skala żgħira mfassla speċifikament biex irawmu aċċess usa' u aktar inklużiv għall-Programm permezz ta' attivitajiet b'ammonti ta' għotjiet aktar baxxi, b'tul iqsar u b'rekwiżiti amministrattivi aktar sempliċi;

2.2.

Sħubiji għall-eċċellenza: diversi proġetti ta' sħubija u networks ta' istituzzjonijiet u fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ li għandhom l-għan li jrawmu l-eċċellenza u dimensjoni internazzjonali msaħħa u li jiżviluppaw strateġiji fit-tul biex itejbu l-kwalità f'livell sistemiku fl-oqsma kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod partikolari permezz ta' prattiki u pedagoġiji innovattivi żviluppati b'mod konġunt, livelli għoljin ta' mobbiltà inkorporata u enfasi qawwija fuq l-interdixxiplinarjetà, jiġifieri:

2.2.1.

alleanzi ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (Universitajiet Ewropej) li jiżviluppaw strateġiji konġunti fit-tul għal edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni ta' kwalità għolja u għal servizz għas-soċjetà, ibbażati fuq viżjoni komuni u valuri kondiviżi, livelli għolja ta' mobbiltà, u enfasi qawwija fuq l-interdixxiplinarjetà u programmi ta' studju miftuħa li jikkombinaw moduli f'pajjiżi differenti;

2.2.2.

sħubiji ta' fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (pjattaformi ta' ċentri ta' eċċellenza vokazzjonali) inkorporati fl-istrateġiji lokali u reġjonali għat-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u l-kompetittività li jaħdmu b'mod konġunt fuq programmi ta' taħriġ vokazzjonali tranżnazzjonali ta' kwalità għolja ffukati fuq l-issodisfar tal-ħtiġijiet ta' ħiliet settorjali attwali u emerġenti;

2.2.3.

programmi ta' studju integrati (Lawrji Konġunti tal-Master tal-Erasmus Mundus) offruti minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja stabbiliti fl-Ewropa u f'pajjiżi oħra tad-dinja li jrawmu l-eċċellenza fl-edukazzjoni għolja u l-internazzjonalizzazzjoni dinjija;

L-azzjoni msemmija fil-punt 2.2 tista' tappoġġa wkoll proġetti ta' sħubija u alleanzi għall-promozzjoni tal-eċċellenza fl-oqsma tal-edukazzjoni skolastika u l-edukazzjoni għall-adulti.

2.3.

Sħubiji għall-innovazzjoni: sħubijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-żgħażagħ bil-għan li jiġu żviluppati prattiki innovattivi, jiġifieri:

2.3.1.

alleanzi: kooperazzjoni strateġika bejn l-atturi ewlenin fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u fin-negozju u r-riċerka li jrawmu l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

2.3.2.

proġetti li jrawmu l-innovazzjoni, il-kreattività, il-parteċipazzjoni elettronika, u l-intraprenditorija soċjali fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-żgħażagħ;

2.4.

Avvenimenti sportivi mingħajr skop ta' qligħ: avvenimenti li jsiru f'pajjiż wieħed jew simultanjament f'diversi pajjiżi biex titqajjem kuxjenza dwar ir-rwol tal-isport f'diversi oqsma bħall-inklużjoni soċjali, l-opportunitajiet indaqs u l-attivitajiet fiżiċi li jtejbu s-saħħa;

2.5.

Pjattaformi u għodod online għall-kooperazzjoni virtwali fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-żgħażagħ.

3.   AZZJONI EWLENIJA 3 - APPOĠĠ GĦALL-IŻVILUPP TAL-POLITIKA U L-KOOPERAZZJONI

3.1.

Tħejjija u implimentazzjoni tal-aġendi ta' politika ġenerali u settorjali tal-Unjoni, li jikkonsistu minn firxa wiesgħa ta' attivitajiet li jippruvaw jispiraw u jappoġġaw politiki u strateġiji fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, inkluż l-aġendi u l-istrateġiji ta' politika Ewropea fis-setturi diversi tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport, inkluż attivitajiet li jappoġġaw il-kooperazzjoni dwar politika fil-livell Ewropew. Din l-azzjoni tinkludi wkoll appoġġ għall-esperimentazzjoni tal-politiki fil-livell Ewropew, appoġġ għal attivitajiet immirati biex jindirizzaw sfidi emerġenti f'diversi oqsma tematiċi, u appoġġ għall-ġbir tal-għarfien, inkluż stħarriġ u studji;

3.2.

Appoġġ għall-għodod u l-miżuri tal-Unjoni li jrawmu l-kwalità, it-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kompetenzi, il-ħiliet u l-kwalifiki, inkluż attivitajiet li jkollhom l-għan li jiffaċilitaw it-trasferiment ta' krediti, irawmu l-assigurazzjoni tal-kwalità, jippromwovu l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, inkluż il-ġestjoni tal-ħiliet u l-gwida, u jappoġġaw il-korpi, in-networks u l-għodod rilevanti li jiffaċilitaw l-iskambji fil-qasam tat-trasparenza u r-rikonoxximent;

3.3.

Djalogu ta' politika fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż firxa varjata ta' attivitajiet bħal konferenzi u tipi oħra ta' avvenimenti, appoġġ għall-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u appoġġ għall-funzjonament tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, ta' networks madwar l-Unjoni u organizzazzjonijiet Ewropej li jaħdmu għal interess ġenerali tal-Unjoni;

3.4.

Miżuri li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni inklużiva u ta' kwalità għolja tal-Programm, inkluż appoġġ għal attivitajiet u korpi, bħaċ-ċentri tar-riżorsi, in-networks ta' informazzjoni u l-attivitajiet ta' taħriġ u kooperazzjoni, li jtejbu l-implimentazzjoni tal-programm, jibnu l-kapaċità tal-aġenziji nazzjonali u jsaħħu l-implimentazzjoni strateġika , u jisfruttaw il-potenzjal ta' dawk li kienu parteċipanti fl-Erasmus+ u multiplikaturi oħra bħala mudelli pożittivi;

3.5.

Kooperazzjoni ma' strumenti oħra tal-Unjoni u appoġġ għal politiki oħra tal-Unjoni, inkluż appoġġ għal attivitajiet biex jitrawmu sinerġiji u komplementarjetajiet ma' strumenti oħra tal-Unjoni u nazzjonali u għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni mal-istrutturi li jimplimentaw tali strumenti;

3.6.

Attivitajiet ta' disseminazzjoni u sensibilizzazzjoni li għandhom l-għan li jinfurmaw liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet dwar il-Programm u l-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport.

4.   AZZJONIJIET JEAN MONNET

4.1.

L-azzjoni Jean Monnet fil-qasam tal-edukazzjoni għolja: appoġġ għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja ġewwa u barra l-Unjoni permezz ta' moduli, katedri u ċentri ta' eċċellenza Jean Monnet u permezz ta' proġetti u attivitajiet ta' networking Jean Monnet.

4.2.

L-azzjoni Jean Monnet f'oqsma oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ: attivitajiet immirati lejn il-promozzjoni tal-għarfien dwar kwistjonijiet marbuta mal-Unjoni fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, bħall-iskejjel u l-istituti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

4.3.

Appoġġ għall-istituzzjonijiet iddeżinjati msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 8.


ANNESS II

INDIKATURI

Il-kejl tal-indikaturi kwantitattivi għandu jkun diżaggregat, fejn xieraq, skont il-pajjiż, il-ġeneru u t-tip ta' azzjoni u attività.

1.

Oqsma li għandhom jiġu ssorveljati

Parteċipazzjoni fil-mobbiltà għat-tagħlim;

Organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet b'dimensjoni Ewropea u internazzjonali msaħħa;

2.

Elementi li għandhom jitkejlu

2.1.

Azzjoni ewlenija 1 - Mobbiltà għat-tagħlim:

2.1.1.

L-għadd ta' parteċipanti f'attivitajiet ta' mobbiltà għat-tagħlim taħt l-azzjoni ewlenija 1;

2.1.2.

L-għadd ta' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jieħdu sehem fil-Programm taħt l-azzjoni ewlenija 1;

2.1.3.

L-għadd ta' parteċipanti f'attivitajiet ta' tagħlim virtwali taħt l-azzjoni ewlenija 1;

2.1.4.

Is-sehem ta' parteċipanti li jikkunsidraw li bbenefikaw mill-parteċipazzjoni tagħhom f'attivitajiet ta' mobbiltà għat-tagħlim taħt l-azzjoni ewlenija 1;

2.1.5.

Is-sehem ta' parteċipanti li jikkunsidraw li għandhom sens ta' appartenenza Ewropea akbar wara li ħadu sehem f'attivitajiet taħt l-azzjoni ewlenija 1;

2.2.

Azzjoni ewlenija 2 - Kooperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet:

2.2.1.

L-għadd ta' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jieħdu sehem fil-Programm taħt l-azzjoni ewlenija 2;

2.2.2.

Is-sehem ta' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jqisu li żviluppaw prattiki ta' kwalità għolja bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-azzjoni ewlenija 2;

2.2.3.

L-għadd ta' utenti ta' pjattaformi għall-kooperazzjoni virtwali appoġġati taħt l-azzjoni ewlenija 2;

2.3.

Azzjoni ewlenija 3 - Appoġġ għall-iżvilupp tal-politika u l-kooperazzjoni:

2.3.1.

L-għadd ta' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jieħdu sehem f'azzjonijiet iffinanzjati permezz ta’ għotjiet taħt l-azzjoni ewlenija 3;

2.4.

Inklużjoni:

2.4.1.

L-għadd ta' persuni b'inqas opportunitajiet li jieħdu sehem f'attivitajiet taħt l-azzjoni ewlenija 1;

2.4.2.

L-għadd ta' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jieħdu sehem għall-ewwel darba fil-Programm taħt l-azzjonijiet ewlenin 1 u 2;

2.5.

Simplifikazzjoni:

2.5.1.

L-għadd ta' sħubiji fuq skala żgħira appoġġati taħt l-azzjoni ewlenija 2;

2.5.2.

Is-sehem ta' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jqisu li l-proċeduri għall-parteċipazzjoni fil-Programm huma proporzjonati u sempliċi;

2.6.

Kontribuzzjoni għall-klima:

2.6.1.

Is-sehem ta' attivitajiet li jindirizzaw l-għanijiet klimatiċi taħt l-azzjoni ewlenija 1;

2.6.2.

Is-sehem ta' proġetti li jindirizzaw l-għanijiet klimatiċi taħt l-azzjoni ewlenija 2.


Top