EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2857

Regolament (UE) 2023/2857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

PE/58/2023/REV/1

ĠU L, 2023/2857, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2857/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2857/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2857

20.12.2023

REGOLAMENT (UE) 2023/2857 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Diċembru 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) implimenta fid-dritt tal-Unjoni l-iktar regoli aġġornati għall-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO). Sussegwentement, dak ir-Regolament ġie emendat permezz tar-Regolamenti (UE) 2021/1231 (4) u (UE) 2022/2037 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex jiġu implimentati l-miżuri adottati min-NAFO fid-dritt tal-Unjoni waqt il-laqgħat annwali tagħha fl-2019, l-2020 u l-2021.

(2)

Fl-44 Laqgħa Annwali tagħha f’Settembru 2022, in-NAFO adottat għadd ta’ miżuri legalment vinkolanti għall-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd taħt ir-responsabbiltà tagħha fir-rigward ta’ dmirijiet ġodda tal-Istati tal-bandiera relatati mas-sottomissjoni ta’ pjanijiet ta’ riċerka, rekwiżiti għall-bastimenti biex iwettqu attivitajiet ta’ riċerka, ir-regolamentazzjoni ta’ tkarkir bi prova mal-ewwel dħul f’Diviżjoni fuq vjaġġ tas-sajd, l-aġġustamenti għall-għeluq tad-Diviżjoni 3M tan-NAFO għar-redfish, il-projbizzjoni tal-ħatt l-art, tat-trażbord u taż-żamma abbord tal-kelb il-baħar ta’ Greenland (Somniosus microcephalus) u l-kontroelenkar ta’ bastimenti li jwettqu sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU) minn organizzazzjonijiet reġjonali oħra għall-ġestjoni tas-sajd.

(3)

Dawk il-miżuri huma indirizzati lil Partijiet Kontraenti tan-NAFO u jinkludu wkoll obbligi għall-operaturi. Wara li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tan-NAFO (CEM) daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2022, dawn saru vinkolanti fuq il-Partijiet Kontraenti kollha tan-NAFO. Fir-rigward tal-Unjoni, dawn iridu jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni sakemm ma mhumiex diġà previsti fih.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/833 jiġi emendat sabiex jimplimenta dawk is-CEM il-ġodda fid-dritt tal-Unjoni..

(5)

Ċerti dispożizzjonijiet tas-CEM x’aktarx jiġu emendati waqt il-laqgħat annwali tan-NAFO li ġejjin wara li ġew introdotti miżuri ġodda b’rabta ma’ pjanijiet ta’ riċerka fuq is-sajd. Sabiex tali emendi futuri tas-CEM jiġu implimentati malajr fid-dritt tal-Unjoni, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dmirijiet tal-Istat Membru b’rabta mas-sottomissjoni ta’ pjanijiet ta’ riċerka u fir-rigward tar-rekwiżiti marbutin mal-bastimenti biex iwettqu l-attivitajiet ta’ riċerka. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, anke fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (6). B’mod partikulari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom għandhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/833 jiġi emendat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/833

Ir-Regolament (UE) 2019/833 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4, il-paragrafi 2 sa 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   L-Istat Membru tal-bandiera għandu:

(a)

javża lill-Kummissjoni, b’mod elettroniku u fil-format preskritt fl-Anness II.C tas-CEM imsemmi fil-punt 5 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament, u qabel ma tibda r-riċerka, bil-bastimenti kollha tar-riċerka intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu li huma awtorizzati minnu biex iwettqu attivitajiet tar-riċerka fiż-Żona Regolatorja;

(b)

jipprovdi pjan ta’ riċerka lill-Kummissjoni għall-bastimenti kollha intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu li huma awtorizzati minnu biex iwettqu attivitajiet ta’ riċerka fiż-Żona Regolatorja, mhux aktar tard minn 40 jum qabel il-ftuħ tal-laqgħa tal-Kunsill Xjentifiku tan-NAFO ta’ Ġunju, fil-każijiet ta’ stħarriġiet u ta’ attivitajiet ta’ riċerka ġodda mhux rikorrenti u fejn il-qabdiet miżmuma abbord matul l-attivitajiet ta’ riċerka jkunu maħsuba għall-kummerċjalizzazzjoni u f’każijiet oħra, mhux aktar tard minn għaxart ijiem qabel ma tibda r-riċerka;

(c)

jiżgura li l-pjan ta’ riċerka ta’ stħarriġiet imwettqa fiż-Żona Regolatorja li jimmiraw għal stokkijiet soġġetti għal opportunitajiet tas-sajd ikun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(i)

identifikazzjoni tal-bastiment;

(ii)

skop;

(iii)

sommarju ta’ metodi jew proċeduri xjentifiċi;

(iv)

post u dati tal-attività ta’ riċerka;

(v)

isem l-investigatur prinċipali;

(vi)

jekk il-qabdiet miżmuma abbord humiex ser jiġu kkummerċjalizzati;

(vii)

qabda totali stmata tar-riċerka tal-ispeċijiet fil-mira tal-istħarriġ u jekk osservatur b’għarfien espert xjentifiku suffiċjenti hux ser ikun abbord;

(viii)

informazzjoni dwar meta r-riżultati tar-riċerka ser jiġu ppreżentati lill-Kunsill Xjentifiku tan-NAFO;

(ix)

fejn rilevanti, kwalunkwe talba għal deroga minn dan il-punt; u

(x)

fejn rilevanti, indikazzjoni li l-attività tikkostitwixxi stħarriġ jew riċerka ġdida mhux rikorrenti; u

(d)

jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni dwar il-bidu u t-tmiem tal-attivitajiet ta’ riċerka minn bastimenti involuti temporanjament fir-riċerka, inkluż matul vjaġġi tas-sajd li fihom iseħħu kemm attivitajiet kummerċjali kif ukoll ta’ riċerka.

3.   Il-bastimenti involuti fir-riċerka għandhom:

(a)

iżommu abbord kopja tal-pjan ta’ riċerka u kwalunkwe tibdil fih, bil-lingwa Ingliża, f’kull ħin, u

(b)

għal stħarriġiet imwettqa fiż-Żona Regolatorja li jimmiraw stokkijiet soġġetti għal opportunitajiet tas-sajd, jistivaw il-qabdiet li jsiru f’attivitajiet ta’ riċerka separatament bi xbieki, plywood, kaxex jew mezzi oħra mill-qabdiet l-oħra kollha li jsiru fi vjaġġi tas-sajd li fihom jitwettqu kemm attivitajiet kummerċjali kif ukoll ta’ riċerka; il-post tal-qabdiet li jsiru f’attivitajiet ta’ riċerka għandu jiġi ndikat fil-pjan tal-istivar.

4.   Sakemm ma jkunx appoġġat mod ieħor minn opinjoni tal-Kunsill Xjentifiku tan-NAFO, il-bastimenti tar-riċerka li jwettqu stħarriġiet fiż-Żona Regolatorja li jkollhom fil-mira stokkijiet soġġetti għal opportunitajiet tas-sajd u li jżommu abbord qabdiet miksuba matul tali attivitajiet ta’ riċerka bl-iskop li jikkummerċjalizzaw dawk il-qabdiet għandhom:

(a)

jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u rappurtar stabbiliti fil-Kapitolu V;

(b)

ikollhom osservatur abbord b’għarfien espert suffiċjenti; u

(c)

jgħoddu dawk il-qabdiet mal-kwota rilevanti u l-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd tal-Istat Membru stabbiliti fl-opportunitajiet tas-sajd.

5.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, is--CEM marbutin mal-qbid tal-ħut fiż-Żona Regolatorja, b’mod partikulari fir-rigward tad-daqs tal-malji, il-limiti tad-daqs u ż-żoni magħluqin u l-istaġuni, ma għandhomx jillimitaw lill-bastimenti tar-riċerka.

6.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-informazzjoni nnotifikata mill-Istati Membri tal-bandiera f’konformità mal-paragrafu 2 lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO mingħajr dewmien.”

;

(2)

fl-Artikolu 6(1), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

jagħlaq is-sajd għar-redfish fid-Diviżjoni 3M f’24:00 UTC tal-jum li fih ikun stmat li l-qabda totali rrappurtata tkun laħqet il-100 % tat-TAC għar-redfish fid-Diviżjoni 3M, kif innotifikat f’konformità mal-paragrafu 3;”;

(3)

fl-Artikolu 8, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Mal-ewwel dħul tiegħu f’Diviżjoni waqt vjaġġ tas-sajd, bastiment jista’ jagħmel tkarkir wieħed bi prova għal perjodu massimu ta’ tliet sigħat. Jekk l-istokkijiet soġġetti għal limiti tal-qabdiet aċċessorji jkunu jirrappreżentaw l-ogħla perċentwal, skont il-piż, tal-qabda totali li jkun hemm minn dik ir-refgħa, dan is-sajd ma għandux jitqies bħala sajd dirett għal dawk l-istokkijiet, u l-bastiment għandu jibdel il-pożizzjoni tiegħu minnufih skont il-paragrafu 1, il-punt (b). Il-bastimenti għandhom jidentifikaw kull tkarkir bi prova li jagħmlu skont dan il-paragrafu u jirreġistraw, fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, il-koordinati tal-pożizzjoni tal-bidu u tat-tmiem ta’ kull tkarkir bi prova li jkunu għamlu.”

;

(4)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9.   Għandu jkun ipprojbit is-sajd dirett, iż-żamma, it-trażbord, jew il-ħatt l-art tal-kelb il-baħar ta’ Greenland (Somniosus microcephalus) sħiħ jew parti minnu fiż-Żona Regolatorja."

;

(5)

fl-Artikolu 44, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

jekk ikun imniżżel fil-lista tal-IUU tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (*1), il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (*2), il-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali (*3), il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (*4),il-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (*5), il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (*6), il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (*7), il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Paċifiku tat-Tramuntana (*8), l-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk (*9), il-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan (*10), l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (*11), jew il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (*12).

(*1)  Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar antartiku mfassla f’Canberra fl-20 ta’ Mejju 1980 u li daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ April 1982 (ĠU L 252, 5.9.1981, p. 27)."

(*2)  Il-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar li saret f’Canberra fl-10 ta’ Mejju 1993 u li daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 1994 (ĠU L 336, 23.12.2015, p. 27)."

(*3)  Il-Konvenzjoni għat-Tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni tal-1949 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u r-Repubblika tal-Costa Rica (Konvenzjoni ta’ Antigua) li saret f’Washington fl-14 ta’ Novembru 2003 u li daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Awwissu 2010 (ĠU L 224, 16.8.2006, p. 24)."

(*4)  Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku li saret f’Rio de Janeiro fl-14 ta’ Mejju 1966 u li daħlet fis-seħħ fil-21 ta’ Marzu 1969 (ĠU L 162, 18.6.1986, p. 34)."

(*5)  Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean tal-Indja iffirmat f’Ruma fil-25 ta’ Novembru 1993 u li daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Marzu 1996 (ĠU L 236, 5.10.1995, p. 25)."

(*6)  Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran oriġinarjament ifformulat f’Ruma fl-24 ta’ Settembru 1949 u li daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Frar 1952 (ĠU L 190, 4.7.1998, p. 37)."

(*7)  Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal, li ġiet iffirmata f’Londra fit-18 ta’ Novembru 1980 u li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1982, li l-Komunità Ewropea ssieħbet fiha fit-13 ta’ Lulju 1981 (ĠU L 227, 12.8.1981, p. 21)."

(*8)  Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fit-Tramuntana tal-Oċean Paċifiku li saret f’Tokyo fl-24 ta’ Frar 2012 u li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2015 (ĠU L 55, 28.2.2022, p. 14)."

(*9)  Il-Konvenzjoni fuq il-Konservazzjoni u Tmexxija tar-Riżorsi tas-Sajd fix-Xlokk tal-Oċean Atlantiku li saret f’Windhoek, in-Namibja, fl-20 ta’ April 2001 u li daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ April 2003 (ĠU L 234, 31.8.2002, p. 40)."

(*10)  Il-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan iffirmat f’Ruma fis-7 ta’ Lulju 2006 u li daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Ġunju 2012 (ĠU L 196, 18.7.2006, p. 15)."

(*11)  Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku li saret f’Auckland fl-14 ta’ Novembru 2009 u li daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Awwissu 2012 (ĠU L 67, 6.3.2012, p. 3)."

(*12)  Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent li saret f’Honolulu fil-5 ta’ Settembru 2000 u li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Ġunju 2004 (ĠU L 32, 4.2.2005, p. 3).”;"

(6)

fl-Artikolu 50 (2), jiżdiedu l-punti li ġejjin::

“(m)

id-dmirijiet tal-Istat Membru tal-bandiera fir-rigward tal-pjanijiet ta’ riċerka msemmija fl-Artikolu 4(2).

(n)

ir-rekwiżiti għall-bastimenti impenjati fir-riċerka msemmija fl-Artikolu 4(3), (4), u (5).".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU C 293, 18.8.2023, p. 144.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Novembru 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2023.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral, li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1627 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2115/2005 u (KE) Nru 1386/2007 (ĠU L 141, 28.5.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 274, 30.7.2021, p. 32).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2022/2037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 11).

(6)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2857/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top