EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Negħlbu l-istigma tal-falliment kummerċjali

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Negħlbu l-istigma tal-falliment kummerċjali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni (KUMM(2007) 584 finali) – Negħlbu l-istigma tal-falliment kummerċjali – lejn politika li tagħti opportunità oħra - Implementing the Lisbon Partnership for Growth and Jobs

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

  • F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) biex itejbu r-regoli u l-proċeduri nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-falliment kummerċjali.
  • Ħafna kumpaniji stabbiliti sew jeżistu biss minħabba li l-fundaturi tagħhom ma qatgħux qalbhom wara falliment inizjali. Il-falliment kummerċjali jista jingħeleb jekk l-intraprendituri jingħataw opportunità oħra.

PUNTI EWLENIN

Nofs in-negozji ma jirnexxilhomx jibqgħu joperaw fl-ewwel ħames snin tal-eżistenza tagħhom. Madankollu, il-mewt tan-negozji mhijiex inkompatibbli mad-dinamiżmu ekonomiku. L-opinjoni pubblika spiss tassoċja l-falliment mal-frodi jew l-inkapaċità personali. Iżda 4 sa 6 % biss mill-fallimenti huma frodulenti. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-falliment huwa sempliċiment konsegwenza diretta tat-tiġdid kummerċjali.

Il-fallimenti kummerċjali jwasslu għal spiża għolja f’termini ta’ impjieg, kapaċità tal-akkwist (pagi mhux imħallsa) u finanzi (djun mhux imħallsa). Din l-ispiża tista’ titnaqqas jekk in-negozji f’diffikultà jirċievu għajnuna aħjar u, fil-każ ta’ falliment, kieku jsir iktar faċli għalihom li jerġgħu jibdew mill-ġdid. Barra minn hekk, l-intraprendituri li jerġgħu jibdew negozju jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom u sussegwentement igawdu minn aktar suċċess. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, in-negozji li jkunu fallew għandhom jingħataw opportunità oħra.

Id-dehra pubblika, l-edukazzjoni u l-mezzi tal-massa

  • Iċ-ċittadini Ewropej jibżgħu mill-falliment kummerċjali. Huma jridu jintwerew li attentati ġodda huma parti minn proċess normali ta’ tagħlim, riċerka u skoperta, pereżempju permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni u programmi edukattivi.
  • Il-midja wkoll għandha rwol x’taqdi, partikolarment fejn għandha x’taqsam il-ġlieda kontra l-klixé li skontha l-falliment huwa att kriminali, irrispettivament mill-kawża. Finalment, id-djalogu sostnut mal-partijiet kollha involuti għandu jagħmel lill-Ewropej konxji tal-vantaġġi li wieħed jibda mill-ġdid.

Ir-rwol tal-liġi dwar il-falliment

  • Ħafna liġijiet dwar il-falliment Ewropej jittrattaw il-falliment kummerċjali frodulenti u onest bl-istess mod. Xi kultant, dawn jimponu restrizzjonijiet, projbizzjonijeit u anke skwalifiki fuq dawk li jkunu fallew. Il-leġiżlazzjoni għadha tagħmel aktar distinzjoni bejn it-trattament ta’ falliment frodulenti u dak mhux frodulenti.
  • Barra minn hekk, il-proċedimenti legali għandhom jiġu ssimplifikati u jitħaffu, u ma jdumux aktar minn sena. Finalment, il-leġiżlazzjoni għandha tipprovdi għal ħelsien minn kmieni ta’ djun li jkunu baqgħu, suġġetti għal ċerti kriterji. Djun ferm kbar fil-fatt jistgħu jiskoraġġixxu lil intraprenditur milli jistabbilixxi negozju ieħor.

L-appoġġ attiv għal negozji f’diffikultà

  • Il-falliment kummerċjali għandu jiġi evitat billi l-intraprendituri jiġu appoġġati fi stadju kemm jista’ jkun bikri. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-pajjiżi tal-UE jintroduċu miżuri ta’ appoġġ bħall-assistenza esperta.
  • Peress li n-negozji f’diffikultà ma jistgħux iħallsu għal pariri għaljin, huwa essenzjali li tali appoġġ isir aktar aċċessibbli. Il-Kummissjoni fil-fatt żviluppat strument ta’ twissija bikrija: hija poġġiet għodda ta’ twissija bikrija onlajn biex tgħin lill-intraprendituri jagħmlu stima rapida tas-saħħa finanzjarja tagħhom. Barra minn hekk, il-programm INTERREG IVC u l-organizzazzjonijiet kummerċjali Ewropej joffru ħafna possibbiltajiet għan-netwerking u l-iskambju tal-prattiki tajba fil-qasam tal-appoġġ għan-negozji.
  • Finalment, huwa possibbli wkoll li l-fallimenti jiġu evitati billi jiġu kkunsidrati alternattivi oħra: il-Kummissjoni tissuġġerixxi lill-pajjiżi tal-UE sabiex jibdew jiffukaw fuq ir-ristrutturar u s-salvataġġ ta’ negozji f’diffikultà.

L-appoġġ attiv għal tnedija mill-ġdid

  • L-intraprendituri li joħolqu t-tieni negozju tagħhom jiffaċċjaw diffikultajiet psikoloġiċi, tekniċi u finanzjarji. Għalhekk għandhom isiru disponibbli għalihom taħriġ u kowċing. Huwa neċessarju wkoll li tiġi promossa l-konnessjoni bejn dawn l-intraprendituri u l-klijenti tagħhom, l-imsieħba soċjali u l-investituri, li spiss huma suspettużi fir-rigward ta’ dawk li jfallu.
  • Barra minn hekk, l-intraprendituri li jkunu qed jerġgħu jibdew negozju mill-ġdid jeħtieġu riżorsi finanzjarji. Il-korpi pubbliċi għandhom jeliminaw l-ostakoli għall-finanzjament pubbliku. Il-banek u l-istituzzjonijeit finanzjarji għandhom ikunu inqas kawti lejn dawk li qed jerġgħu jibda’ mill-ġdid, u l-ismijiet ta’ dawk li jfallu li ma jkunux frodulenti m’għandhomx jidhru fuq listi li jirrestrinġu l-aċċess għas-self fis-settur bankarju.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Negħlbu l-istigma tal-falliment kummerċjali – lejn politika li tagħti opportunità oħra - Implementing the Lisbon Partnership for Growth and Jobs (KUMM(2007) 584 finali, 5.10.2007)

l-aħħar aġġornament 01.12.2016

Top