EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli ġenerali tal-UE dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegat

Regoli ġenerali tal-UE dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegat

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2002/14/KE — qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fl-UE

X'INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi prinċipji ġenerali dwar l-informazzjoni* minima u d-drittijiet tal-konsultazzjoni* għal impjegati f'kumpaniji ibbażati fl-Unjoni Ewropea (UE). Il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-prattiċi tar-relazzjonijiet industrijali jiddeterminaw kif dawn huma applikati.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu:
    • jagħżlu jekk il-leġiżlazzjoni tapplikax għall-kumpaniji li għandhom mill-inqas 50 impjegat jew għall-istabbilimenti li għandhom mill-inqas 20 impjegat,
    • jistabbilixxu regoli speċjali għal kumpaniji involuti essenzjalment f'għanijiet politiċi, organizzazzjonali professjonali, reliġjużi, ta' karità, edukazzjonali, xjentifiċi jew artistiċi,
    • jiddeterminaw li l-impjegaturi ma għandhomx il-ħtieġa biex jinfurmaw jew jikkonsultaw rappreżentanti tal-impjegati fejn dan jagħmel ħsara b'mod serju lill-operat tal-kumpanija.
  • Informazzjoni u konsultazzjoni tkopri data dwar:
    • l-iżvilupp riċenti u probabbli ta' attivitajiet u ta' sitwazzjoni ekonomika ta' kumpanija
    • tas-sitwazzjoni ekonomika u żvilupp probabbli, speċjalment jekk ikun hemm theddida għall-impjiegi,
    • deċiżjonijiet li jistgħu jwasslu għal bidliet sostanzjali fil-mod li bih organizzat ix-xogħol jew f'relazzjonijiet kuntrattwali.
  • Il-konsultazzjoni għandha sseħħ:
    • meta ż-żmien, il-metodu u l-kontenut huma kkunsidrati xierqa,
    • fil-livell maniġerjali rilevanti u fil-livell tar-rappreżentazzjoni tal-impjegat, skont il-kwistjoni diskussa,
    • abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-impjegatur u l-opinjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati,
    • b'mod li jippermetti rappreżentanti tal-impjegati biex jiltaqgħu mal-impjegatur tagħhom u jirċievu risposta għal kwalunkwe opinjoni li jistgħu jifformulaw,
    • bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim dwar id-deċiżjonijiet li jistgħu jwasslu għal bidliet sostanzjali fil-mod ta' kif ix-xogħol huwa organizzat jew f'relazzjonijiet kuntrattwali.
  • Rappreżentanti tal-impjegati u l-konsulenti tagħhom ma għandhomx jagħmlu pubblika kwalunkwe informazzjoni li huma jkunu rċivew f'kunfidenza.
  • Il-leġiżlazzjoni oriġinali tat lill-pajjiżi tal-UE l-possibbiltà li l-ekwipaġġi tal-bastimenti fl-ibħra internazzjonali jiġu esklużi. Din l-eżenzjoni tneħħiet mill-emenda tal-2015.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Daħlet fis-seħħ fit-23 ta' Marzu 2002. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali mit-23 ta' Marzu 2005.

SFOND

  • Il-Kummissjoni Ewropea kkonsultat mar-rappreżentanti tal-impjegaturi u tal-impjegati fil-bidu tal-2015 dwar jekk għandhiex tgħaqqad it-tliet direttivi li ġejjin flimkien f'test leġiżlattiv wieħed: il-qafas ġenerali għall-informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema, sensji kollettivi u t-trasferimenti tal-impriżi.
  • L-eżerċizzju qiegħed ukoll jikkunsidra jekk il-kunċetti ta' “informazzjoni” u “konsultazzjoni” jistgħux jiġu aġġustati aħjar.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Informazzjoni: data mogħtija mill-impjegatur biex b'hekk ir-rappreżentanti tal-impjegati jkunu jistgħu jiġu infurmati dwar kwistjoni u jeżaminawha.

Konsultazzjoni: skambju ta' ħsibijiet u djalogu bejn ir-rappreżentanti tal-impjegati u l-impjegatur.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea - Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar ir-rappreżentazzjoni tal-impjegati (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29–34)

Emendi u korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2002/14/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss għall-finijiet ta’ referenza.

DOKUMENTI RELATATI

Dokument ta' konsultazzjoni: Konsultazzjoni fl-ewwel fażi tal-Imsieħba Soċjali skont l-Artikolu 154 TFUE dwar konsolidazzjoni tad-Direttivi tal-UE dwar informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema (C(2015) 2303 finali, 10.4.2015)

l-aħħar aġġornament 04.12.2016

Top