EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti kumpaniji u gruppi kbar

Id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti kumpaniji u gruppi kbar

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2014/95/UE dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tirrikjedi li ċerti kumpaniji kbar jiddivulgaw informazzjoni mhux finanzjarja rilevanti biex jipprovdu lill-investituri u lil partijiet ikkonċernati oħra stampa aktar kompluta tal-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tagħhom u tal-impatt tal-attività tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tapplika għal ċerti kumpaniji u gruppi kbar b’aktar minn 500 impjegat.

Informazzjoni

Tali kumpaniji huma mitluba jagħtu analiżi tal-mudell ta’ negozju, il-politiki, l-eżiti, ir-riskji prinċipali u l-indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin tagħhom, inkluż dwar:

  • kwistjonijiet ambjentali;
  • aspetti soċjali u dawk relatati mal-impjegati;
  • ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;
  • kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u t-tixħim.

Jekk il-kumpaniji ma jkollhomx politika dwar wieħed minn dawn l-oqsma, id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja għandha tispjega r-raġuni għal dan. Il-kumpaniji għandhom ukoll jirrapportaw dwar il-politika relatata mad-diversità tal-bord tad-diretturi tagħhom.

Linji Gwida

Il-kumpaniji għandhom jiddivulgaw din l-informazzjoni fir-rapport annwali tagħhom, għalkemm xi pajjiżi tal-UE għażlu li jippermettu lill-kumpaniji jiddivulgaw din l-informazzjoni f’rapport separat jekk ikunu jridu jagħmlu dan. Fit-tħejjija tad-dikjarazzjonijiet tagħhom, il-kumpaniji jistgħu jużaw linji gwida nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali bħall-Patt Globali tan-NU.

Fl-2017, il-Kummissjoni Ewropea fasslet linji gwida mhux vinkolanti dwar kif għandha tiġi rrapportata l-informazzjoni mhux finanzjarja. Fl-2019 din se tfassal linji gwidi addizzjonali dwar kif għandha tiġi rrapportata l-informazzjoni relatata mal-klima.

Kumpaniji sussidjarji

Kumpanija sussidjarja mhijiex mitluba li tipproduċi dikjarazzjoni jekk l-informazzjoni tkun inkluża fir-rapport tal-kumpanija omm tagħha (jiġifieri l-kumpanija li tikkontrolla l-ġestjoni u l-operat tal-kumpanija sussidjarja).

MINN META BDIET TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Id-direttiva ilha tapplika mill-5 ta’ Diċembru 2014. Din kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sas-6 ta’ Diċembru 2016. Il-kumpaniji kellhom jirrapportaw skont id-direttiva għall-ewwel darba fl-2018, filwaqt li koprew is-sena finanzjarja 2017.

SFOND

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, pp. 1-9)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/95/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENT RELATAT

Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, pp. 19-76)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 17.05.2019

Top