EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0435

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta’ Ottubru 2022.
Proċeduri kriminali kontra HF.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 54 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika – Estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat terz lejn l-Istati Uniti bis-saħħa ta’ trattat bilaterali konkluż minn Stat Membru – Ċittadin li ġie ikkundannat definittivament għall-istess fatti u li skonta l-piena kollha tiegħu fi Stat Membru ieħor.
Kawża C-435/22 PPU.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:852

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

28 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 54 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika – Estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat terz lejn l-Istati Uniti bis-saħħa ta’ trattat bilaterali konkluż minn Stat Membru – Ċittadin li ġie ikkundannat definittivament għall-istess fatti u li skonta l-piena kollha tiegħu fi Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C‑435/22 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Lulju 2022, fil-proċeduri kriminali kontra

HF

fil-preżenza ta’:

Generalstaatsanwaltschaft München

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, D. Gratsias u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, F. Biltgen, N. Piçarra, N. Wahl, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Settembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal HF, minn S. Schomburg u M. Weber, Rechtsanwälte,

għall-Generalstaatsanwaltschaft München, minn F. Halabi, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, P. Busche, M. Hellmann u U. Kühne, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Baumgart u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Ottubru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (iktar ’il quddiem il-“KFS”), kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 225, p. 91), kif ukoll tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba għal estradizzjoni magħmula mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika lill-awtoritajiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali kontra HF, ċittadin Serb.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑KFS

3

Il-KFS ġiet konkluża sabiex tiżgura l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen fl‑14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 19, Vol 2, p. 3).

4

L-Artikolu 20(1) tal-KFS, li jinsab fil-Kapitolu 4, bit-titolu “Kondizzjonijiet li jirregolaw il-moviment ta’ aljeni”, tat-Titolu II tagħha, jipprovdi:

“Aljeni li ma jeħtieġux viża jistgħu jiċċaqalqu b’mod ħieles fit-territorji tal-[p]artijiet [k]ontraenti għal perjodu massimu ta’ 90 jum waqt kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, sakemm jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (ċ), (d) u (e).”

5

L-Artikolu 54 tal-KFS, li jinsab fil-Kapitolu 3, bit-titolu “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”, tat-Titolu III tagħha, jaqra kif ġej:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’[p]arti [k]ontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’[p]arti [k]ontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-[p]arti [k]Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

Il‑Protokoll li jintegra l‑acquis ta’ Schengen fil‑qafas tal‑Unjoni Ewropea

6

Il-KFS ġiet inkluża fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam (ĠU 2006, C 321E, p. 19), bħala parti mill-“acquis ta’ Schengen”, kif iddefinit fl-anness ta’ dan il-protokoll.

7

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmi protokoll:

“Il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] […] għandu jiddetermina, b’konformita’ mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattati, il-bażi legali għal kull waħda minn dawn id-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-Acquis ta’ Schengen.”

8

B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill, fl‑20 ta’ Mejju 1999, adotta d-Deċiżjoni 1999/436/KE li tiddetermina, b’konformità mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat li jistabbilxxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċisjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 152). Mill-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni u mill-Anness A tagħha jirriżulta li l-Kunsill għażel l-Artikoli 34 u 31 UE bħala l-bażijiet legali tal-Artikoli 54 tal-KFS.

Il‑Ftehim UE‑USA

9

L-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l‑Amerika tal‑25 ta’ Ġunju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 161, iktar ’il quddiem il-“Ftehim UE‑USA”), jipprovdi kif ġej:

“Il-Partijiet Kontraenti jindaħlu, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, li jipprovdu titjib għall-koperazzjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet dwar l-estradizzjoni li japplikaw bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika li jirregolaw l-estradizzjoni ta’ min jikser il-liġi.”

10

L-Artikolu 3 tal-Ftehim UE‑USA, bit-titolu “Il-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim fejn għandhom x’jaqsmu t-trattati ta’ l-estradizzjoni ma’ l-Istati Membri”, jipprevedi l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li skonthom id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 4 sa 14 ta’ dan il-ftehim jissostitwixxu jew jikkompletaw id-dispożizzjonijiet tat-trattati bilaterali ta’ estradizzjoni konklużi mill-Istati Membri mal-Istati Uniti.

11

L-Artikolu 16 tal-imsemmi ftehim, bit-titolu “L-aplikazzjoni temporali”, jipprovdi:

“1.   Dan il-Ftehim għandu japplika għall-offiżi kommessi qabel kif ukoll wara li jidħol fis-seħħ.

2   Dan il-Frehim għandu jappika għat-talbiet għall-estradizzjoni magħmula wara d-dħul tiegħu fis-seħħ. […]”

12

L-Artikolu 17 tal-istess ftehim, bit-titolu “In-nuqqas ta’ derogi”, jipprovdi:

“1.   Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-invokazzjoni mill-Istat mitlub ta’ raġunijiet għar-rifjut li jkollhom x’jaqsmu ma’ materja mhux koperta b’dan il-Ftehim skond trattat bilaterali għall-estradizzjoni fis-seħħ bejn Stat Membru u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

2   Meta l-prinċipji kostituzzjonali, jew id-deċiżjnijiet ġudizzjarji finali li jorbtu Stat Membru jistgħu joħolqu impedimenrt għat-twettiq ta’ l-obbligu tiegħu li jestradixxi, u s-soluzzjoni tal-materja ma tkunx ipprovvduta f’dan il-ftehim jew fi trattat bilatereali applikabbli, għandhom isiru konsultazzjonijiet bejn l-Istat tat-talba u dak mitlub.”

Il‑Kodiċi tal Fruntieri ta’ Schengen

13

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑ 9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32), kif emendat bir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU 2018, L 236, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 193, p. 16) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”), jipprovdi:

“Fil-każ ta’ permanenza fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, li jinkludi li jitqies il perijodu ta’ 180 jum li jippreċedi kull jum ta’ soġġorn, il kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu kif ġej:

a)

ikollhom dokument validu tal-ivvjaġġar li jintitola lid-detentur jaqsam il-fruntiera u li jkun jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

i)

il-validità tiegħu għandha testendi għal mill-inqas tliet xhur wara d-data ppjanata tat-tluq mit-territorju tal-Istati Membri; F’każ ta’ emerġenza ġġustifikat, dan l-obbligu jista’ jitneħħa;

ii)

għandu jkun inħareġ fl-għaxar snin preċedenti;

b)

ikollhom fil-pussess tagħhom viża valida jekk meħtieġa skont ir [Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU 2018, L 303, p. 39),] jew ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida jekk meħtieġa skont [ir-Regolament 2018/1240], ħlief meta jkollhom permess ta’ residenza validu jew viża għal soġġorn twil valida;

[…]”

14

Din id-dispożizzjoni ssostitwixxiet l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1), li min-naħa tiegħu kien isostitwixxa l-Artikolu 5(1) tal-KFS. Għalhekk, l-Artikolu 20(1) tal-KFS għandu jinftiehem bħala li issa jirreferi għal dan l-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi tal Fruntieri ta’ Schengen.

Ir‑Regolament 2018/1806

15

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2018/1806:

“Iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.”

16

L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Ċittadini ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għandhom ikunu eżenti mill-ħtieġa stabbilita fl-Artikolu 3(1) għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.”

17

Ir-Repubblika tas-Serbja hija waħda mill-pajjiżi terzi msemmija fil-lista tal-imsemmi Anness II.

Id‑dritt Ġermaniż

18

L-Artikolu 1 tal-Auslieferungsvertrag zwischen der Bundesrepublik Deutschland und den Vereinigten Staaten von Amerika (it-Trattat ta’ Estradizzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati Uniti tal-Amerika), tal‑20 ta’ Ġunju 1978 (BGB1. 1980 II, p. 647, iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA”), bit-titolu “Obbligu ta’ estradizzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-partijiet kontraenti għandhom jestradixxu reċiprokament, skont id‑dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat, lill-persuni suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali minħabba reat imwettaq fit-territorju tal-Istat rikjedenti jew li jkunu mfittxija għall-finijiet tal-infurzar ta’ piena jew ta’ miżura preventiva, u li jkunu jinsabu fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra.”

19

L-Artikolu 2 ta’ dan it-trattat, bit-titolu “Ir-reati li jistgħu jwasslu għal estradizzjoni”, kif emendat biż-Zusatzvertrag zum Auslieferungsvertrag zwischen der Bundesrepublik Deutschland und den Vereinigten Staaten von Amerika (it-Trattat Addizzjonali għat-Trattat ta’ Estradizzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati Uniti tal-Amerika), tal‑21 ta’ Ottubru 1986 (BGB1. 1988 II, p. 1087), jistipula:

“(1)   Ir-reati li jistgħu jwasslu għal estradizzjoni bis-saħħa ta’ dan it-trattat huma dawk li huma punibbli skont id-dritt taż-żewġ partijiet kontraenti. […]

(2)   L-estradizzjoni għandha tingħata għal reat li jista’ jwassal għal estradizzjoni

a.

għall-finijiet tal-prosekuzzjoni kriminali, meta, skont id-dritt taż-żewġ partijiet kontraenti, ir-reat ikun punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ tul massimu ta’ iktar minn sena […]

[…]”

20

L-Artikolu 8 tal-imsemmi trattat, bit-titolu “Ne bis in idem”, huwa fformulat kif ġej:

“L-estradizzjoni ma għandhiex tingħata jekk il-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali tkun diġà ġiet illiberata jew ikkundannata definittivament mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat rikjest għar-reat li għalih tkun mitluba l-estradizzjoni.”

21

Skont il-qorti tar-rinviju, it-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA ġie adattat għall-Ftehim UE‑USA permezz taż‑Zweiter Zusatzvertrag zum Auslieferungsvertrag zwischen der Bundesrepublik Deutschland und den Vereinigten Staaten von Amerika (it-Tieni Trattat Addizzjonali għat-Trattat ta’ Estradizzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati Uniti tal-Amerika), tat‑18 ta’ April 2006 (BGB1, 2007 II, p. 1634, iktar ’il quddiem it-“Tieni Trattat Addizzjonali”).

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

22

Fl‑20 ta’ Jannar 2022, HF, ċittadin Serb, tqiegħed taħt arrest provviżorju fil-Ġermanja abbażi ta’ avviż aħmar maħruġ mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol) fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, fejn dawn tal-aħħar kienu qiegħdin jitolbu l-estradizzjoni ta’ HF bil-għan ta’ prosekuzzjoni kriminali għal reati mwettqa bejn Settembru 2008 u Diċembru 2013. Dan l-avviż aħmar inħareġ abbażi ta’ mandat ta’ arrest maħruġ fl‑4 ta’ Diċembru 2018 mill-United States District Court for the District of Columbia (il-Qorti Federali tal-Istati Uniti għad-Distrett ta’ Columbia).

23

Għaldaqstant HF jinsab, sa mill‑20 ta’ Jannar 2022, taħt arrest preventiv fil-Ġermanja għall-finijiet ta’ din il-proċedura ta’ estradizzjoni.

24

Ir-reati msemmija fit-talba għal estradizzjoni jikkonsistu, skont id-deskrizzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, f’kollużjoni bil-għan ta’ parteċipazzjoni f’organizzazzjonijiet korrotti taħt influwenza kriminali u f’kollużjoni bil-għan tat-twettiq ta’ frodi bankarju u ta’ frodi permezz ta’ installazzjonijiet ta’ telekomunikazzjoni, skont it-Taqsimiet 1962(d) u 1349 tat-Titolu 18 tal-U.S. Code (il-Kodiċi tal-Istati Uniti).

25

Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Jannar 2022, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti bagħtu lill-awtoritajiet Ġermaniżi il-mandat ta’ arrest tal‑4 ta’ Diċembru 2018, flimkien mal-att ta’ akkuża tal-Grand Jury tal-United States Court of Appeals for the District of Columbia Circuit (il-Qorti tal-Appell tal-Istati Uniti għad-Distrett ta’ Columbia) tal-istess jum.

26

Fil-mument tal-arrest tiegħu, HF indika li huwa kien jirrisjedi fis‑Slovenja u ppreżenta passaport Serb maħruġ fil‑11 ta’ Lulju 2016 u validu sal‑11 ta’ Lulju 2026, permess ta’ residenza Sloven maħruġ fit‑3 ta’ Novembru 2017 li kien skada fit‑3 ta’ Novembru 2019 u karta tal-identità tal‑Kosovo. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, matul is-sena 2020, l‑awtoritajiet Sloveni ċaħdu talba ta’ HV sabiex jiġi estiż il-permess ta’ residenza tiegħu.

27

Fuq talba tal-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, mitluba tiddeċiedi fuq it-talba għall-estradizzjoni ta’ HF lejn l-Istati Uniti, u tal-Generalstaatsanwaltschaft München (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ München, il-Ġermanja), l-awtoritajiet Sloveni bagħtu l-informazzjoni segwenti.

28

Fl-ewwel lok, HF kien ġie kkundannat permezz ta’ sentenza tal-Okrožno sodišče v Mariboru (il-Qorti Reġjonali ta’ Maribor, is-Slovenja), tas‑6 ta’ Lulju 2012, li saret res judicata fid‑19 ta’ Ottubru 2012, għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena u tliet xhur għar-reat ta’ “attakk kontra s-sistema tal-informatika”, skont l-Artikolu 221(IV), moqri flimkien mal paragrafu II tal-Kazenski zakonik (il-Kodiċi Kriminali Sloven), imwettaq bejn Diċembru 2009 u Ġunju 2010.

29

Fit-tieni lok, din il-piena li ċċaħħad il-libertà kienet ġiet ikkonvertita f’480 siegħa ta’ servizz fil-komunità, li HF kien wettaq kompletament sal‑25 ta’ Ġunju 2015.

30

Fit-tielet lok, permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Settembru 2020, l-Okrožno sodišče v Kopru (il-Qorti Reġjonali ta’ Koper, is-Slovenja) ċaħdet talba għall-estradizzjoni ta’ HF indirizzata lill-awtoritajiet Sloveni mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali, minħabba li l-fatti preċedenti għal Lulju 2010 msemmija f’din it-talba, kienu ġew deċiżi mill-Okrožno sodišče v Mariboru (il-Qorti Reġjonali ta’ Maribor), imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza. Fir-rigward tal-fatti l-oħra deskritti fl-imsemmija talba għal estradizzjoni, sussegwenti għal Ġunju 2010, ma kienx hemm suspett ta’ reat.

31

Fir-raba’ u fl-aħħar lok, din id-deċiżjoni tal-Okrožno sodišče v Kopru (il-Qorti Reġjonali ta’ Koper) kienet ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-Višje sodišče v Kopru (il-Qorti tal-Appell ta’ Koper, is-Slovenja) tat‑8 ta’ Ottubru 2020, u saret res judicata.

32

Il-qorti tar-rinviju tafferma, minn naħa, li t-talba għal estradizzjoni indirizzata preċedentement lill-awtoritajiet Sloveni u t-talba għal estradizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw l-istess reati u, min-naħa l-oħra, li l-fatti ġġudikati mill-Okrožno sodišče v Mariboru (il-Qorti Reġjonali ta’ Maribor), fis-sentenza tagħha ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, huma identiċi għal dawk imsemmija f’din l-aħħar talba għal estradizzjoni, sa fejn huma deskritti fiha reati mwettqa sa Ġunju 2010.

33

Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-legalità tat-talba għal estradizzjoni, sa fejn din tikkonċerna fatti li seħħew qabel Lulju 2010, tiddependi minn jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS, moqri flimkien mal-Artikolu 50 tal-Karta, japplikax għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

34

Issa, dik il-qorti tosserva li s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar tal-Interpol) (C‑505/19, iktar ’il quddiem is-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, EU:C:2021:376), ma tippermettix li din il-kwistjoni tiġi deċiża, fid-dawl tad-differenzi bejn il-kawża prinċipali u dik li tat lok għall-imsemmija sentenza.

35

Fil-fatt, l-ewwel, dik il-qorti tirrileva li HF ma huwiex ċittadin tal-Unjoni.

36

It-tieni, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda talba formali għal estradizzjoni u mhux is-sempliċi pubblikazzjoni ta’ Avviż aħmar tal-Interpol bil-għan ta’ arrest provviżorju għal finijiet eventwali ta’ estradizzjoni.

37

It-tielet, jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha tirrifjuta l-estradizzjoni ta’ HF minħabba l-obbligu li tosserva l-prinċipju ta’ ne bis in idem, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, hija tkun tikser l-obbligu ta’ estradizzjoni previst fl-Artikolu 1(1) tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA, peress li r-reat imputat lil HF jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dan it-trattat.

38

Il-fatt li HF diġà ġie kkundannat definittivament permezz tas-sentenza tal-Okrožno sodišče v Mariboru (il-Qorti Reġjonali ta’ Maribor), tas‑6 ta’ Lulju 2012, għal parti mir-reati li huma s-suġġett tat-talba għal estradizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri dawk imwettqa sa Ġunju 2010, u l-fatt li l-piena mogħtija diġà ġiet eżegwita b’mod sħiħ ma jipprekludux l-estradizzjoni ta’ HF. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tiegħu, l-Artikolu 8 tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA jipprojbixxi lill-Istat rikjest milli jagħti estradizzjoni minħabba l-prinċipju ta’ ne bis in idem biss fil-każ fejn il-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali tkun ġiet ikkundannata definittivament mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Dan l-artikolu ma jistax jiġi interpretat bħala li jkopri wkoll il-kundanni mogħtija fl-Istati Membri l-oħra.

39

Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati Uniti kienu ftehmu espressament, fil-kuntest tan-negozjati dwar it-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA, li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stati terzi ma jostakolawx l-estradizzjoni.

40

Fl-aħħar, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA tirriżulta wkoll mill-fatt li t-Tieni Trattat Addizzjonali, li permezz tiegħu t-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA kien ġie adattat għall-Ftehim UE‑USA, ma pprevediex dispożizzjoni speċifika li testendi l-projbizzjoni ta’ ne bis in idem għall-Istati Membri kollha.

41

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 50 tal‑Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 54 tal-KFS, jobbligax lir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrifjuta l-estradizzjoni ta’ HF għar-reati li ġew iġġudikati definittivament mill-Okrožno sodišče v Mariboru (il-Qorti Reġjonali ta’ Maribor).

42

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, dik il-qorti tafferma li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta u fl-Artikolu 54 tal-KFS huma ssodisfatti fil-kawża prinċipali.

43

Fil-fatt, qabel kollox, HF kien ġie kkundannat definittivament minn qorti ta’ Stat Membru u l-piena mogħtija kienet ġiet eżegwita b’mod sħiħ.

44

Sussegwentement, il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza ma huwiex irriżervat biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

45

Barra minn hekk, skont il-punti 94 u 95 tas-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, l-arrest provviżorju, minn wieħed mill-Istati Membri, ta’ persuna suġġetta għal avviż aħmar maħruġ mill-Interpol fuq talba ta’ Stat terz jikkostitwixxi prosekuzzjoni kriminali, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS. Għalhekk, deċiżjoni dwar il-legalità ta’ estradizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal għall-konsenja tal-persuna kkonċernata lill-Istat terz rikjedenti bil-għan ta’ prosekuzzjoni kriminali, għandha wkoll titqies bħala prosekuzzjoni kriminali.

46

Fl-aħħar, deċiżjoni dwar il-legalità tal-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti ta’ ċittadin ta’ Stat terz arrestat fi Stat Membru tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta. Fil-fatt, tali deċiżjoni tirrigwarda fi kwalunkwe każ il-Ftehim UE‑USA, li waqt l-applikazzjoni tiegħu għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijet fundamentali stabbiliti mill-Karta. Barra minn hekk, skont il-qorti tar rinviju, fil-mument tal-arrest tiegħu, HF kellu d-dritt ta’ moviment liberu bis-saħħa tal-Artikolu 20(1) tal-KFS, moqri flimkien mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, kif ukoll mal-Artikolu 4(1) tar Regolament 2018/1806, peress li, bħala ċittadin Serb, huwa kien eżentat mill-obbligu ta’ visa. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tal-KFS, l-imsemmija drittijiet fundamentali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

47

Madankollu, fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 50 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 54 tal-KFS, jistax ikollu bħala konsegwenza li ċittadin ta’ Stat terz ma jkunx jista’ jiġi estradit lejn l-Istati Uniti.

48

F’dan ir-rigward, hija tindika li, fis-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għad-dritt ta’ moviment liberu, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE, tal-persuna suġġetta għal avviż aħmar, jiġifieri ċittadin Ġermaniż, qabel ma kkonkludiet li din il-persuna kienet tibbenefika mill-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif iggarantit fl-Artikolu 54 tal-KFS, fil-kuntest tal-ħruġ ta’ avviż aħmar tal-Interpol intiż għall-arrest provviżorju ta’ din il-persuna bil-għan tal-estradizzjoni eventwali tagħha lejn Stat terz.

49

Issa, HF, bħala ċittadin Serb, ma jibbenefikax mid-dritt ta’ moviment liberu fis-sens tal-Artikolu 21(1) TFUE. Madankollu, peress li huwa eżentat mill-obbligu ta’ viża, huwa jibbenefika mid-dritt ta’ moviment liberu fis-sens tal-Artikolu 20 tal-KFS. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-dritt ta’ moviment liberu fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jistax jiġi limitat f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

50

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju pjuttost hija inklinata tqis li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 54 tal-KFS u tal-Artikolu 50 tal-Karta ma jipprekludux l-estradizzjoni ta’ HF lejn l-Istati Uniti, peress li dik il-qorti hija meħtieġa tosserva l-obbligu ta’ estradizzjoni previst mit-Trattat ta’ estradizzjoni Ġermanja‑USA.

51

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE li permezz tagħha dan ikopri wkoll il-ftehimiet li, minkejja li jkunu ġew konklużi wara l‑1 ta’ Jannar 1958, jirrigwardaw qasam li fih l-Unjoni tkun kisbet il-kompetenza biss wara l-konklużjoni tal-imsemmija ftehimiet, minħabba estensjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni li ma kinitx oġġettivament prevedibbli għall-Istat Membru kkonċernat fil-mument tal-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet.

52

Issa, it-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA daħal fis-seħħ fit‑30 ta’ Lulju 1980, jiġifieri qabel il-konklużjoni, fl‑14 ta’ Ġunju 1985, tal-Ftehim bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni, u a fortiori, qabel il-konklużjoni, fid‑19 ta’ Ġunju 1990, tal-KFS, u fit‑2 ta’ Ottubru 1997, tal-Protokoll, anness mat-Trattat ta’ Amsterdam, li integra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni. Għalhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħetx tipprevedi, meta kkonkludiet it-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA, li prinċipju ta’ ne bis in idem fuq livell Ewropew jew li l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali kienu ser ikunu integrati fl-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni.

53

Barra minn hekk, peress li l-Ftehim UE‑USA ma jipprevedix tali prinċipju ta’ ne bis in idem fuq livell Ewropew, minn dan jista’ jiġi dedott a contrario li trattat bilaterali ta’ estradizzjoni li jillimita ruħu jistabbilixxi projbizzjoni nazzjonali ta’ ne bis in idem għandu jkompli jiġi osservat.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 54 tal-[KFS] moqri flimkien mal-Artikolu 50 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu l-estradizzjoni mill-awtoritajiet ta’ Stat kontraenti ta’ din il konvenzjoni u Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lejn Stat terz ta’ ċittadin ta’ Stat terz li ma huwiex ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal Artikolu 20 TFUE, meta l-persuna kkonċernata tkun diġà ġiet definittivament ikkundannata minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea għall-istess fatti koperti mill-imsemmija talba għal estradizzjoni, meta tali sentenza tkun ġiet eżegwita, u meta d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-estradizzjoni tal-imsemmija persuna lejn l-Istat terz tkun possibbli biss bi ksur ta’ ftehim bilaterali eżistenti mal-imsemmi Stat terz?”

Fuq it‑talba għall‑applikazzjoni tal‑proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

55

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

56

Insostenn tat-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju invokat il-fatt li HF ilu, mill‑20 ta’ Jannar 2022, taħt arrest għal estradizzjoni fil-Ġermanja għall-finijiet tal-proċedura ta’ estradizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li r-risposta għad-domanda magħmula jista’ jkollha konsegwenzi fuq l-imsemmi arrest għal estradizzjoni.

57

Fl-ewwel lok għandu jiġu rrilevat li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS u li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/436 u mill-Anness A tagħha, il-Kunsill għażel l-Artikoli 34 u 31 UE bħala l-bażijiet legali għall-Artikoli 54 tal-KFS.

58

Għalkemm l-Artikolu 34 UE tħassar permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 UE ġew riprodotti fl-Artikoli 82, 83 u 85 TFUE. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, din it-talba tista’ tkun is-suġġett tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

59

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju relatat mal-urġenza, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan il-kriterju jkun issodisfatt meta l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali tkun, fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, imċaħħda mil-libertà u meta ż-żamma tagħha f’detenzjoni tkun tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, C u CD (Ostakoli ġuridiċi għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ konsenja), C‑804/21 PPU, EU:C:2022:307, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li HF qiegħed attwalment taħt arrest provviżorju u li, abbażi tar-risposta mogħti għad-domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju tista’ tkun meħtieġa tordna r-rilaxx ta’ HF.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil‑15 ta’ Lulju 2022, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

62

Barra minn hekk, hija ddeċidiet, abbażi tal-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi assenjata lill-Awla Manja.

Fuq id‑domanda preliminari

63

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54 tal-KFS, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-estradizzjoni, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ Stat terz lejn Stat terz ieħor meta, minn naħa, dan iċ-ċittadin ikun ġie kkundannat definittivament fi Stat Membru ieħor għall-istess fatti bħal dawk imsemmija fit-talba għal estradizzjoni u jkun skonta l-piena mogħtija fih u, min-naħa l-oħra, it-talba għal estradizzjoni tkun ibbażata fuq trattat bilaterali ta’ estradizzjoni li jillimita l-portata tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għas-sentenzi mogħtija fl-Istat Membru rikjest.

64

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta (sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 22, kif ukoll tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et, C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 28).

65

Barra minn hekk, dan il-prinċipju, li huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 54 tal-KFS, jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Għaldaqstant, dan l-aħħar artikolu għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, li huwa jiżgura l-osservanza tal-kontenut essenzjali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Fid-dawl tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju u esposti fil-punti 47 sa 53 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-elementi ta’ interpretazzjoni relatati mal-Artikolu 54 tal-KFS, qabel ma jiġi indirizzat l-effett eventwali, għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu fil-kawża prinċipali, tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA kif ukoll tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE.

Fuq l‑Artikolu 54 tal‑KFS

67

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha din tagħmel parti tfittex li tilħaq (sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 54 tal-KFS jipprekludi li Stat Membru jissuġġetta persuna għal prosekuzzjoni kriminali għall-istess fatti bħal dawk li għalihom hija tkun diġà ġiet iġġudikata definittivament minn Stat Membru ieħor, sakemm, fil-każ ta’ kundanna, il-piena tkun ġiet infurzata jew attwalment tkun qiegħda tiġi eżegwita jew ma tkunx tista’ iktar tiġi eżegwita skont il-liġijiet ta’ dan l-aħħar Stat.

69

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi speċifikament lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ talba formali għal estradizzjoni u, min-naħa l-oħra, dwar il-punt jekk il-kunċett ta’ “persuna”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jinkludix ċittadin ta’ Stat terz.

70

F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “prosekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, ikopri talba għal estradizzjoni. Fil-fatt, hekk kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-arrest provviżorju ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ avviż aħmar tal-Interpol, li l-għan tiegħu jkun li jippermetti l-eventwali estradizzjoni ta’ din il-persuna lejn Stat terz, jaqa’ taħt dan il-kunċett, l-istess għandu japplika a fortiori fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ talba għal estradizzjoni, meta tali eżekuzzjoni tkun tikkostitwixxi att ta’ Stat Membru li jikkontribwixxi għall-prosekuzzjoni effettiva ta’ reat fl-Istat terz ikkonċernat.

71

It-tieni, fir-rigward tal-punt dwar jekk il-kunċett ta’ “persuna”, imsemmi fl-Artikolu 54 tal-KFS, jinkludix ċittadin ta’ Stat terz, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu jiggarantixxi l-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem meta “persuna” tkun ġiet iġġudikata definittavament minn Stat Membru.

72

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS ma tistabbilixxix kundizzjoni relatata mal-fatt li wieħed ikollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

73

Sussegwentement, din il-konklużjoni hija sostnuta mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni.

74

Fil-fatt, l-Artikolu 50 tal-Karta, li fid-dawl tiegħu għandu jiġi interpretat l-Artikolu 54 tal-KFS, jipprovdi li “[l]-ebda persuna” ma tista’ tkun suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali jew ikkundannata minħabba reat li għalih hija tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni permezz ta’ sentenza kriminali definittiva skont il-liġi. Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-Artikolu 50 ma jinstabx taħt il-Kapitolu V tal-Karta, dwar iċ-“Ċittadinanza”, iżda taħt il-Kapitolu IV tagħha, dwar il-“Ġustizzja”

75

Fl-aħħar, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS li skontha l-kunċett ta’ “persuna” imsemmi f’din id-dispożizzjoni jinkludi ċittadin ta’ Stat terz hija wkoll sostnuta mill-għanijiet imfittxija mill-imsemmija dispożizzjoni.

76

Fil-fatt, minn naħa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-imsemmi artikolu huwa intiż li jiġi evitat, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li persuna ġġudikata definittivament tkun, minħabba l-fatt li teżerċita d-dritt tagħha għal moviment liberu, suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali għall-istess fatti fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali permezz tal-osservanza tad-deċiżjonijiet ta’ korpi pubbliċi li jkunu saru definittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, punt 79).

77

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala korollarju tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa intiż li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali u l-ekwità billi jiżgura li, ladarba l-persuna kkonċernata tkun ġiet suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali u, jekk ikun il-każ, tkun ġiet ikkundannata, hija jkollha ċ-ċertezza li mhux ser tkun suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali ġdida għall-istess reat (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et, C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 62). L-Artikolu 54 tal-KFS għaldaqstant jiżgura l-paċi ċivili tal-persuni li, wara li jkunu ġew suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali, ikunu ġew iġġudikati definittivament (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et, C‑467/04, EU:C:2006:610, punt 27).

78

B’hekk, fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-Artikolu 54 tal-KFS, għandu jitqies li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tkun limitata għaċ-ċittadini biss ta’ Stat Membru, peress li din id-dispożizzjoni hija intiża, b’mod iktar wiesa’, sabiex tiggarantixxi li kull min ikun ġie kkundannat u jkun skonta l-piena tiegħu jew, jekk ikun il-każ, ikun ġie definittivament illiberat fi Stat Membru jkun jista’ jiċċaqlaq ġewwa ż-żona Schengen mingħajr biża’ ta’ prosekuzzjoni, għall-istess fatti, fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 45)

79

Għandu jingħad ukoll li, matul is-seduta, tqajmet il-kwistjoni dwar jekk in-natura legali jew le tar-residenza ta’ HF waqt l-arrest tiegħu kinitx rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk huwa jaqax jew le taħt l-Artikolu 54 ta’ din il-konvenzjoni.

80

Issa, tali element huwa irrilevanti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS. Fil-fatt, anki jekk ir-residenza tal-persuna kkonċernata ma tkunx jew ma tkunx iktar legali waqt l-arrest tagħha, dan il-fatt ma jwassalx għall-esklużjoni tagħha mill-benefiċċju tal-protezzjoni mogħtija minn dan l-artikolu.

81

Ċertament, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS huwa b’mod partikolari intiż li jiggarantixxi li persuna li tkun ġiet iġġudikata definittivament fi Stat Membru tkun tista’ tiċċaqlaq fi ħdan iż-żona Schengen mingħajr biża ta’ prosekuzzjoni, għall-istess fatti, fi Stat Membru ieħor.

82

Madankollu, minn din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma jirriżulta li l-benefiċċju tad-dritt fundamentali previst minnha huwa suġġett, f’dak li jirrigwarda ċ-ċittadini ta’ Stati terzi, għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet relatati man-natura legali tar-residenza tagħhom jew għall-benefiċċju ta’ dritt ta’ moviment liberu fi ħdan iż-żona Schengen. Fil-fatt, l-uniku rekwiżit stabbilit mill-imsemmija dispożizzjoni u applikabbli fil-każijiet kollha huwa dak li l-persuna tkun ġiet iġġudikata definittivament f’wieħed mill-Istati Membri, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, il-piena għandha tkun ġiet infurzata, jew attwalment tkun qiegħda tiġi eżegwita jew ma tkunx iktar tista’ tiġi eżegwita skont il-liġijiet tal-Istat Membru ta’ kundanna.

83

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li ebda dispożizzjoni oħra tal-KFS ma tissuġġetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 54 tagħha għal kundizzjonijiet relatati man-natura legali tar-residenza tal-persuna kkonċernata jew għall-benefiċċju ta’ dritt ta’ moviment liberu fi ħdan iż-żona Schengen. Barra minn hekk, filwaqt li din id-dispożizzjoni taqa’ taħt it-Titolu III tal-KFS, bit-titolu “Pulizija u Sigurtà”, id-dispożizzjonijiet relatati mal-kundizzjonijiet ta’ moviment tal-barranin jinsabu fit-Titolu II ta’ din il-konvenzjoni, bit-titolu “Tneħħija ta’ kontrolli fil-fruntieri interni u fuq il-moviment ta’ persuni”.

84

Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punti 76 u 77 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS huwa intiż ukoll li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali fi ħdan l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, permezz tal-osservanza tad-deċiżjonijiet tal-korpi pubbliċi tal-Istati Membri li jkunu saru definittivi.

85

Issa, il-protezzjoni ta’ kull persuna li tkun ġiet iġġudikata definittivament fi Stat Membru, indipendentement min-nazzjonalità tagħha u mil-legalità tar-residenza tagħha, kontra prosekuzzjoni ġdida għall-istess fatti fi Stat Membru ieħor tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan l-għan.

86

Minn dan jirriżulta li, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-persuna kkonċernata kinitx residenti b’mod legali jew le waqt l-arrest tagħha, u għalhekk minn jekk hija kinitx tibbenefika jew le minn dritt ta’ moviment liberu skont l-Artikolu 20(1) tal-KFS, hija għandha titqies bħala li taqa’ taħt l-Artikolu 54 tagħha.

87

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, hekk kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, fis-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet diversi drabi għad-dritt ta’ moviment liberu, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE.

88

Fil-fatt, minn dik is-sentenza jirriżulta, b’mod partikolari mill-punti 89 sa 93 u 106 tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-imsemmija sentenza, interpretat l-Artikolu 54 tal-KFS fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta biss, u mhux tal-Artikolu 21 TFUE. Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-riferimenti għall-Artikolu 21 TFUE li jinsabu f’dik is-sentenza huma spjegati miċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għaliha, li fiha ċittadin Ġermaniż ilmenta mill-fatt li l-ħruġ ta’ avviż aħmar tal-Interpol fir-rigward tiegħu kien jipprekludih milli jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu skont dan l-artikolu, sa fejn huwa ma setax, mingħajr ma jesponi ruħu għal riskju ta’ arrest ieħor, imur fi Stat Membru ieħor għajr ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

89

Barra minn hekk, fis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punti 61 sa 63), il-Qorti tal-Ġustizzja ma esprimietx riżerva fir-rigward tal-applikabbiltà fit-tilwima fil-kawża prinċipali tal-Artikolu 54 tal-KFS, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE, filwaqt li dik it-tilwima kienet tikkonċerna, bħall-kawża prinċipali, ċittadin Serb li ma kienx jibbenefika mid-dritt ta’ moviment liberu ggarantit fl-Artikolu 21 TFUE.

90

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 54 tal-KFS, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, jipprekludi l-estradizzjoni, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ Stat terz lejn Stat terz ieħor meta, minn naħa, dan iċ-ċittadin ikun diġà ġie ġġudikat definittivament minn Stat Membru ieħor għall-istess fatti bħal dawk imsemmija fit-talba għal estradizzjoni u, min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ kundanna, il-piena tkun diġà ġiet infurzata, attwalment tkun qiegħda tiġi eżegwita jew ma tkunx tista’ iktar tiġi eżegwita skont il-liġijiet ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

91

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KIFS ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti, imqajma mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ München u mill-Gvern Ġermaniż kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll waqt is-seduta, li skonthom hemm lok, fil-każ ta’ talba għall-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat terz lejn Stat terz ieħor, li l-imsemmi artikolu jiġi interpretat b’mod restrittiv sabiex jiġu ggarantiti il-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja u l-effikaċja tal-proċeduri kriminali. F’dan il-kuntest, dawn il-partijiet ikkonċernati jesprimu riżervi dwar jekk il-proċedura li żvolġiet quddiem il-qrati Sloveni ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha sabiex jiġu ġġudikati l-atti mwettqa minn HF matul il-perijodu kkunsidrat mill-imsemmija qrati, b’mod partikolari ċerta informazzjoni li kellhom l-awtoritajiet tal-Istati

92

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li dawn jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 54 tal-KFS, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan jimplika neċessarjament li tkun teżisti fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fis-sistemi rispettivi tagħhom ta’ ġustizzja kriminali u li kull wieħed minnhom jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, anki meta l-implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu tkun twassal għal soluzzjoni differenti. Din il-fiduċja reċiproka teħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati tat-tieni Stat Membru jaċċettaw deċiżjoni definittiva li tkun ingħatat fit-territorju tal-ewwel Stat Membru hekk kif tkun ġiet ikkomunikata lil dawn l-awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS bħal dik issuġġerita mill-Prosekutur Ġenerali ta’ München u mill-Gvern Ġermaniż, sa fejn din tkun twassal sabiex tippermetti prosekuzzjonijiet kriminali multipli kontra l-istess persuna għall-istess fatti bħal dawk li għalihom hija tkun ġiet ikkundannata jew illiberata definittivament fi Stat Membru ieħor, tkun tqiegħed inkwistjoni, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-bażi stess tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja inkwantu spazju mingħajr fruntieri interni u tkun tikser il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam kriminali li fuqhom din id-dispożizzjoni hija bbażata.

Fuq it‑Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA u fuq il‑Ftehim UE‑USA

95

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-fatt, minn naħa, li l-Ftehim UE‑USA ma jipprevedix raġuni għal rifjut ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ne bis in idem u, min-naħa l-oħra, li t-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA jillimita l-portata tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għas-sentenzi mogħtija fl-Istat rikjest, jistax ikollu effett fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari.

96

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1 tal-Ftehim UE‑USA jirriżulta li l-Unjoni u l-Istati Uniti ntrabtu, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim, li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom “fil-kuntest tar-relazzjonijiet dwar l-estradizzjoni li japplikaw bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika li jirregolaw l-estradizzjoni ta’ min jikser il-liġi”.

97

Barra minn hekk, mill-Artikolu 3 tiegħu, bit-titolu “Il-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim fejn għandhom x’jaqsmu t-trattati ta’ l-estradizzjoni ma’ l-Istati Membri”, jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim UE‑USA li jinsabu fl-Artikoli 4 sa 14 tiegħu jissostitwixxu jew jikkompletaw, skont il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet previsti f’dan l-Artikolu 3, id-dispożizzjonijiet tat-trattati bilaterali ta’ estradizzjoni konklużi bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti.

98

Għaldaqstant, il-Ftehim UE‑USA japplika għar-relazzjonijiet eżistenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti fil-qasam tal-estradizzjoni, jiġifieri għar-relazzjonijiet irregolati minn trattati bilaterali ta’ estradizzjoni fis-seħħ, bħat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA. Hekk kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, l-imsemmi ftehim jipprovdi għalhekk qafas komuni applikabbli għall-proċeduri ta’ estradizzjoni lejn l-Istati Uniti, li taħtu jaqgħu t-trattati bilaterali ta’ estradizzjoni eżistenti.

99

Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tal-Ftehim UE‑USA jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan japplika għar-reati mwettqa kemm qabel kif ukoll wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri fl‑1 ta’ Frar 2010 u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li dan japplika għat-talbiet għal estradizzjoni mressqa wara dan id-dħul fis-seħħ.

100

Issa, sa fejn dan il-ftehim ma jipprevedix direttament proċedura ta’ estradizzjoni, iżda jibbaża ruħu fuq il-proċeduri ta’ estradizzjoni previsti fit-trattati bilaterali ta’ estradizzjoni fis-seħħ, it-talbiet għal estradizzjoni msemmija fl-Artikolu 16(2) tiegħu għandhom neċessarjament jitressqu abbażi ta’ trattat bilaterali ta’ estradizzjoni bejn Stat Membru u l-Istati Uniti, bħat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA.

101

Minn dan isegwi li l-Ftehim UE‑USA huwa applikabbli għal proċedura ta’ estradizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ladarba t-talba għal estradizzjoni tressqet, abbażi tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti, C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 32).

102

Ċertament, il-Ftehim UE‑USA ma jipprevedix espliċitament li l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jirrifjutaw estradizzjoni mitluba mill-Istati Uniti tal-Amerika (sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, punt 97).

103

Madankollu, l-Artikolu 17(2) tal-Ftehim UE‑USA jkopri s-sitwazzjonijiet li fihom il-prinċipji kostituzzjonali tal-Istat rikjest jew deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi ta’ natura vinkolanti jkunu jostakolaw t-twettiq tal-obbligu tiegħu ta’ estradizzjoni u fejn la l-Ftehim UE‑USA u lanqas it-trattat bilaterali applikabbli ma jkunu jippermettu li tiġi riżolta l-kwistjoni, billi jipprevedi li, f’tali sitwazzjonijiet, l-Istat rikjest u l-Istat rikjedenti għandhom jikkonsultaw bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti, C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 40).

104

Dan l-Artikolu 17(2) jippermetti għalhekk, bħala prinċipju, li Stat Membru jirriżerva, abbażi jew tar-regoli tad-dritt kostituzzjonali tiegħu, jew ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi ta’ natura vinkolanti, eżitu partikolari għall-persuni li jkunu diġà ġew iġġudikati definittivament għall-istess reat li għalih tintalab l-estradizzjoni, billi jipprojbixxi din l-estradizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti, C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 41). Dan jikkostitwixxi għalhekk bażi legali awtonoma u sussidjarja għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-kuntest ta’ talba għal estradizzjoni indirizzata mill-Istati Uniti lil Stat Membru, meta t-trattat bilaterali applikabbli ma jkunx jippermetti li tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni.

105

Madankollu l-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm l-Artikolu 8 tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA jipprevedi li l-estradizzjoni ma għandhiex tingħata meta l-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali tkun diġà ġiet iġġudikata definittivament mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat rikjest għar-reat li għalih tintalab l-estradizzjoni, dan ma jipprevedix tali possibbiltà fil-preżenza ta’ sentenza definittiva mogħtija fi Stat ieħor.

106

Is-setgħa tal-Istati Membri li jadottaw regoli relatati mal-proċeduri ta’ estradizzjoni għandha madankollu tiġi eżerċitata konformement mad-dritt tal-Unjoni, li taħtu jaqgħu l-Artikolu 54 tal-KFS u l-Artikolu 50 tal-Karta, applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 86 u 101 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-proċeduri ta’ estradizzjoni t lejn Stat terz, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jadottaw tali regoli, dawn l-istess Stati Membri għandhom l-obbligu li jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

Issa, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 8 tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA għandu jiġi interpretat bħala li jeskludi s-sentenzi mogħtija fl-Istati Membri l-oħra.

108

Jekk ma tkunx tista’ tipproċedi b’interpretazzjoni konformi, il-prinċipju ta’ supremazija jimponi lill-qorti nazzjonali inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fit-tilwima adita biha billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali, anki sussegwenti, li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg‑Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, li din id-dispożizzjoni għandha effett dirett (sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 68, kif ukoll tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 38). Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, l-istess japplika għall-Artikolu 54 tal-KFS.

110

Konsegwentement, hekk kif teżiġi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura l-effett sħiħ tal-Artikolu 54 tal-KFS u tal-Artikolu 50 tal-Karta fit-tilwima fil-kawża prinċipali, billi ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, kull dispożizzjoni tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA li tirriżulta li hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit f’dawn l-artikoli, mingħajr ma jkollha tistenna li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja twettaq negozjar mill-ġdid eventwali tal-imsemmi trattat.

111

F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li, hekk kif issostni l-qorti tar-rinviju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati Uniti ftehmu, fil-kuntest tan-negozjati ta’ dan it-trattat ta’ estradizzjoni li seħħew matul is-sena 1978, li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stati terzi ma jostakolawx l-estradizzjoni. Fil-fatt, bla ħsara għall-eżami tal-Artikolu 351 TFUE fil-punti 115 sa 127 ta’ din is-sentenza, tali impenn ma jistax jipprevali fuq l-obbligi li jirriżultaw, għal dan l-Istat Membru, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ċċitati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza sa mid-dħul fis-seħħ tagħhom.

112

Għandu jingħad ukoll li, fil-każ li tiġi eskluża interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA li tkun konformi mal-Artikolu 54 tal-KFS u mal-Artikolu 50 tal-Karta, kif interpretati fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jitqies li l-imsemmi trattat ma jippermettix li tiġi riżolta kwistjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem bħal dik imqajma fit-tilwima fil-kawża prinċipali, b’tali mod li din il-kwistjoni għandha tiġi riżolta abbażi tal-Artikolu 17(2) tal-Ftehim UE‑USA, moqri fil-dawl tal-imsemmi Artikolu 50.

113

Fil-fatt, fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 104 ta’ din is-sentenza u hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punti 67 u 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, deċiżjoni ġudizzjarja bħas-sentenza tal-Okrožno sodišče v Mariboru (il-Qorti Reġjonali ta’ Maribor) tas‑6 ta’ Lulju 2012, tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 17(2) tal-Ftehim UE-USA, peress li mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li deċiżjoni ġudizzjarja definittiva ta’ natura vinkolanti tista’ tostakola l-obbligu ta’ estradizzjoni impost fuq l-Istat rikjest f’sitwazzjoni fejn it-trattat bilaterali ta’ estradizzjoni konkluż bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Istati Uniti ma jkunx jippermetti li tiġi riżolta l-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

114

Minn dan isegwi li l-fatt li t-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA jillimita l-portata tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għas-sentenzi mogħtija fl-Istat rikjest ma jistax jikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 54 tal-KFS f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, li tirriżulta mill-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni magħmula fil-punt90 ta’ din is-sentenza.

Fuq l‑Artikolu 351 TFUE

115

Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, hekk kif issostni l-qorti tar-rinviju, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jistax jiġi interpretat fis-sens li t-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA ma huwiex affettwat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-awtoritajiet Ġermaniżi jistgħu jilqgħu t-talba għal estradizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħajr ma jiksru d-dritt tal-Unjoni.

116

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet konklużi qabel l‑1 ta’ Jannar 1958 jew, għall-Istati aderenti, qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom, bejn Stat Membru jew Stati Membri, minn naħa, u Stat terz jew Stati terzi, min-naħa l-oħra, ma għandhomx jiġu affettwati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

117

Għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif tirrikonoxxi l-qorti tar-rinviju stess, din id-dispożizzjoni, skont il-formulazzjoni tagħha, ma hijiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li t-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA ġie ffirmat fl‑20 ta’ Ġunju 1978 u daħal fis-seħħ fit‑30 ta’ Lulju 1980, jiġifieri wara l‑1 ta’ Jannar 1958.

118

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu, jekk hemmx lok li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod wiesa’, bħala li tkopri wkoll il-ftehimiet konklużi minn Stat Membru wara l‑1 ta’ Jannar 1958 jew wara d-data tal-adeżjoni tiegħu, iżda qabel id-data li fiha l-Unjoni saret kompetenti fil-qasam ikkonċernat minn dawn il-ftehimiet.

119

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE huwa regola li tista’, meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha jkunu ssodisfatti, tippermetti derogi mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż tad-dritt primarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u AlBarakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 301 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett sabiex ir-regoli ġenerali ma jitilfux is-sustanza tagħhom (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Wucher Helicopter u Euro‑Aviation Versicherung, C‑6/14, EU:C:2015:122, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121

Tali interpretazzjoni stretta hija b’mod partikolari meħtieġa fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, peress li din id-dispożizzjoni tippermetti li ssir deroga mhux minn prinċipju konkret, iżda mill-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tat-Trattati.

122

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni stretta hija wkoll meħtieġa fid-dawl tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jeliminaw l-inkompatibbiltajiet eżistenti bejn ftehim u t-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑205/06, EU:C:2009:118, punt 45; tat‑3 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Isvezja, C‑249/06, EU:C:2009:119, punt 45; u tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Ferrari, C‑720/18 u C‑721/18, EU:C:2020:854, punt 67).

123

Barra minn hekk, ir-riferiment, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, għad-data tal‑1 ta’ Jannar 1958 jew, għall-Istati aderenti, għad-data tal-adeżjoni tagħhom, ġie inkluż permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 1999. Fil-fatt, sa dak iż-żmien, l-Artikolu 234 tat-Trattat KE kien juża l-frażi “qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat”.

124

Għalhekk, meta, matul in-negozjati tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-Istati Membri emendaw dak li issa huwa l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, huma ddeċidew li jistabbilixxu bħala dati rilevanti l‑1 ta’ Jannar 1958 jew, għall-Istati aderenti, id-data tal-adeżjoni tagħhom. Dan it-test ma ġiex emendat meta ġew adottati t-Trattati ta’ Nice u ta’ Lisbona.

125

Filwaqt li kienu diġà konxji, meta kkonkludew dawn it-trattati, li l-kompetenzi tal-Unjoni setgħu jevolvu b’mod sinjifikattiv matul iż-żmien, inkluż f’oqsma li kienu s-suġġett ta’ ftehimiet li huma kienu kkonkludew ma’ Stati terzi, l-Istati Membri ma pprevedewx il-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, id-data li fiha l-Unjoni tkun saret kompetenti f’qasam partikolari.

126

Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni derogatorja għandha tiġi interpretata fis-sens li din tirreferi biss għall-ftehimiet konklużi qabel l‑1 ta’ Jannar 1958 jew, għall-Istati aderenti, qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom.

127

Konsegwentement, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma huwiex applikabbli għat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA.

Fuq l‑identiċità tal‑fatti

128

Sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju li tkun l-iktar utli possibbli, għad hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess reat, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhum bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom li wasslu sabiex il-persuna kkonċernata tiġi lliberata jew ikkundannata definittivament. Għaldaqstant, dan l-artikolu jipprojbixxi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi pieni kriminali fi tmiem proċeduri differenti mressqa għal dan il-għan (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129

Għaldaqstant, il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza tal-istess reat teħtieġ li l-fatti materjali jkunu identiċi. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma huwiex intiż li japplika meta l-fatti inkwistjoni ma jkunux identiċi, iżda biss simili (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 36).

130

Fil-fatt, l-identiċità tal-fatti materjali tinftiehem bħala ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti li jirriżultaw minn avvenimenti li jkunu, essenzjalment, l-istess, sa fejn dawn ikunu jinvolvu l-istess awtur u jkunu inseparabbilment marbuta bejniethom fiż-żmien u fl-ispazju (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 37).

131

F’dan il-każ, minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talba għal estradizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda reati mwettqa minn HF bejn Settembru 2008 u Diċembru 2013. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-fatti li għalihom HF kien ġie ġġudikat definittivament fis-Slovenja huma identiċi għal dawk koperti minn din it-talba għal estradizzjoni, sa fejn huma deskritti fiha reati mwettqa sa Ġunju 2010. Għalhekk, hija tirrileva li l-kundanna mogħtija mill-qrati Sloveni tkopri biss parti mill-fatti li huma s-suġġett tal-imsemmija talba għal estradizzjoni.

132

Issa, id-domanda magħmula f’din il-kawża hija bbażata fuq il-premessa li l-fatti msemmija f’talba għal estradizzjoni huma l-istess bħal dawk li fir-rigward tagħhom il-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni tkun diġà ġiet ikkundannata definittivament mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor.

133

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju, l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiddetermina jekk il-fatti li huma s-suġġett tat-talba għal estradizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex l-istess bħal dawk li ġew iġġudikati definittivament mill-qrati Sloveni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et, C‑467/04, EU:C:2006:610, punt 56, kif ukoll tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 38). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-imsemmija qorti elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-identiċità tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et, C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 42).

134

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 128 sa 130 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, ma jistax jipprekludi l-estradizzjoni fir-rigward tar-reati allegatament imwettqa mill-persuna kkonċernata li l-elementi fattwali tagħhom ikunu jinsabu, skont l-evalwazzjonijiet tal-qorti tal-Istat Membru rikjest fid-dawl tal-proċess li hija jkollha, barra l-perijodu meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kundanna mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor.

135

Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jistax ikopri reati eventwali koperti mit-talba għal estradizzjoni li, minkejja li jkunu twettqu matul il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din il-kundanna, ikunu jikkonċernaw fatti materjali differenti minn dawk li kienu s-suġġett tal-imsemmija kundanna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 50).

136

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 54 tal-KFS, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-estradizzjoni, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ Stat terz lejn Stat terz ieħor meta, minn naħa, dan iċ-ċittadin ikun ġie kkundannat definittivament fi Stat Membru ieħor għall-istess fatti bħal dawk imsemmija fit-talba għal estradizzjoni u jkun skonta l-piena mogħtija fih u, min-naħa l-oħra, it-talba għal estradizzjoni tkun ibbażata fuq trattat bilaterali ta’ estradizzjoni li jillimita l-portata tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għas-sentenzi mogħtija fl-Istat Membru rikjest.

Fuq l‑ispejjeż

137

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi l-estradizzjoni, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ Stat terz lejn Stat terz ieħor meta, minn naħa, dan iċ-ċittadin ikun ġie kkundannat definittivament fi Stat Membru ieħor għall-istess fatti bħal dawk imsemmija fit-talba għal estradizzjoni u jkun skonta l-piena mogħtija fih u, min-naħa l-oħra, it-talba għal estradizzjoni tkun ibbażata fuq trattat bilaterali ta’ estradizzjoni li jillimita l-portata tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għas-sentenzi mogħtija fl-Istat Membru rikjest.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top