EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0741

Kawża C-741/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Saarbrücken (il-Ġermanja) fl-1 ta’ Diċembru 2021 – GP vs juris GmbH

ĠU C 119, 14.3.2022, p. 19–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 119, 14.3.2022, p. 7–7 (GA)

14.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 119/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Saarbrücken (il-Ġermanja) fl-1 ta’ Diċembru 2021 – GP vs juris GmbH

(Kawża C-741/21)

(2022/C 119/26)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Saarbrücken

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: GP

Konvenut: juris GmbH

Domandi preliminari

1)

Il-kunċett ta’ dannu morali fis-sens tal-Artikolu 82(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (1), ikkunsidrat fid-dawl tal-premessa 85 u tat-tielet sentenza tal-premessa 146, għandu jinftiehem fis-sens li jkopri kull preġudizzju għall-pożizzjoni legali protetta, irrispettivament mill-effetti l-oħra ta’ dan il-preġudizzju u mir-rilevanza tiegħu?

2)

Ir-responsabbiltà għad-danni għandha tkun eskluża taħt l-Artikolu 82(3) tar-Regolament 2016/679 meta fil-każ ineżami l-ksur legali jirriżulta minn żball uman imwettaq minn persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur fis-sens tal-Artikolu 29 tar-Regolament 2016/679?

3)

Fl-evalwazzjoni tad-dannu morali, il-kriterji ta’ evalwazzjoni speċifiċi previsti fl-Artikolu 83 tar-Regolament 2016/679, b’mod partikolari fil-paragrafi 2 u 5 tiegħu, jistgħu jew għandhom jintużaw bħala gwida?

4)

Il-kumpens għandu jiġi ddeterminat għal kull ksur individwali jew meta jkun hemm diversi każijiet ta’ ksur – jew minn tal-inqas diversi każijiet ta’ ksur tal-istess tip – dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’kumpens ġenerali li ma jkunx iddeterminat billi jingħaddu flimkien l-ammonti individwali iżda jkun ibbażat fuq evalwazzjoni globali?


(1)  ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.


Top