EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0597

Kawża C-597/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Belġju) fis-6 ta’ Awwissu 2019 – M.I.C. M. Mircom International Content Management & Consulting Limited vs Telenet BVBA

ĠU C 383, 11.11.2019, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/41


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Belġju) fis-6 ta’ Awwissu 2019 – M.I.C. M. Mircom International Content Management & Consulting Limited vs Telenet BVBA

(Kawża C-597/19)

(2019/C 383/49)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Ondernemingsrechtbank Antwerpen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: M.I.C. M. Mircom International Content Management & Consulting Limited

Konvenuta: Telenet BVBA

Domandi preliminari

1.

a)

It-tniżżil permezz ta’ netwerk pari għal pari (peer-to-peer) ta’ fajl u t-tqegħid għad-dispożizzjoni simultanju tas-segmenti tiegħu (“partijiet”) (xi drabi frammentarji ħafna meta mqabbla mat-total) bil-għan tat-tniżżil tagħhom (seeding), jista’ jiġi assimilat ma’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (1), anki jekk dawn is-segmenti individwali huma inutilizzabbli fihom innifishom?

Jekk ikun il-każ,

b)

Jeżisti livell minimu li minnu s-seeding ta’ dawn is-segmenti jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku?

c)

Il-fatt li s-seeding jista’ jsir awtomatikament (b’riżultat tal-konfigurazzjonijiet tal-klijent turrent) u għaldaqstant mingħajr l-għarfien tal-utent, huwa rilevanti?

2.

a)

Il-persuna li kuntrattwalment hija d-dententur tad-drittijiet tal-awtur (jew ta’ drittijiet relatati) li ma tisfruttahomx hija stess iżda sempliċement titlob kumpens mingħand dawk li allegatament iwettqu l-ksur u li l-mod ekonomiku ta’ dħul tagħha għaldaqstant jiddependi fuq l-eżistenza tal-piraterija minflok f’li tikkumbattiha, tista’ tgawdi mill-istess drittijiet bħal dawk tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48 (2)mogħtija lill-awturi jew lill-persuni li għandhom liċenzja li tassew jisfruttaw id-drittijiet tal-awtur b’mod normali?

b)

Din il-persuna li għandha liċenzja kif tista’, f’dan il-każ, tkun ġarbet “dannu” (fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva) minħabba dan il-ksur?

3.

Il-fatti konkreti indikati fid-domandi 1 u 2 huma rilevanti fl-evalwazzjoni tal-ibbilanċjar korrett bejn, minn naħa, ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mill-Karta, bħar-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali, u b’mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità?

4.

F’dawn iċ-ċirkustanzi kollha, ir-reġistrazzjoni sistematika u sussegwentement l-ipproċessar ġenerali tal-indirizzi IP ta’ massa ta’ seeders (mill-persuna li għandha liċenzja nnifisha u minn terz f’isimha) huwa ġġustifikat fir-rigward tar-Regolament Ġenerali Dwar il-Protezzjoni tad-Data (3)u b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 6(1)(f) tiegħu?


(1)  Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

(2)  Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

(3)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU 2016 L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).


Top