EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0061

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Novembru 2020.
Orange Romania SA vs Autoritatea Naţională de Supraveghere a Prelucrării Datelor cu Caracter Personal (ANSPDCP).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 2(h) u Artikolu 7(a) – Regolament (UE) 2016/679 – Punt 11 tal-Artikolu 4 u Artikolu 6(1)(a) – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata ‐ Ġbir u żamma ta’ dokumenti ta’ identità minn fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli ‐ Kunċett ta’ ‘kunsens’ tas-suġġett tad-data – Indikazzjoni ta’ xewqa libera, speċifika u informata – Dikjarazzjoni ta’ kunsens permezz ta’ kaxxa tal-immarkar ‐ Iffirmar tal-kuntratt mis-suġġett tad-data – Oneru tal-prova.
Kawża C-61/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:901

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 2(h) u Artikolu 7(a) – Regolament (UE) 2016/679 – Punt 11 tal-Artikolu 4 u Artikolu 6(1)(a) – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata – Ġbir u żamma ta’ dokumenti ta’ identità minn fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli – Kunċett ta’ ‘kunsens’ tas-suġġett tad-data – Indikazzjoni ta’ xewqa libera, speċifika u informata – Dikjarazzjoni ta’ kunsens permezz ta’ kaxxa tal-immarkar – Iffirmar tal-kuntratt mis-suġġett tad-data – Oneru tal-prova”

Fil-Kawża C‑61/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

Orange România SA

vs

Autoritatea Naţională de Supraveghere a Prelucrării Datelor cu Caracter Personal (ANSPDCP),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Diċembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Orange România SA, minn D.‑D. Dascălu, A.‑M. Iordache u I. Buga, avocaţi,

għall-Autoritatea Naţională de Supraveghere a Prelucrării Datelor cu Caracter Personal (ANSPDCP), minn A. G. Opre u I. Ilie, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, O.‑C. Ichim u L. Liţu, kif ukoll minn C.‑R. Canţăr, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u G. Hesse, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll P. Barros da Costa, L. Medeiros u I. Oliveira, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg, D. Nardi u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), kif ukoll tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Orange România SA u l-Autoritatea Naž ională de Supraveghere a Prelucrării Datelor cu caracter Personal (ANSPDCP) (l-Awtorità Nazzjonali ta’ Sorveljanza tal-Ipproċessar ta’ Data Personali, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“ANSPDCP”), dwar rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar imponiet fuq Orange România multa talli ġabret u żammet kopji ta’ dokumenti ta’ identità tal-klijenti tagħha mingħajr il-kunsens validu tagħhom u imponiet fuqha l-obbligu li teqred dawn il-kopji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 95/46

3

Il-premessa 38 tad-Direttiva 95/46 tgħid li “biex l-ipproċessar ta’ data jkun ġust, is-suġġett tad-data għandu jkun f’pożizzjoni li jkun jaf bl-eżistenza ta’ operazzjoni ta’ ipproċessar u, meta data tinġabar mingħandu, huwa għandu jingħata informazzjoni eżatta u sħiħa, meħud kont taċ-ċirkostanzi tal-ġbir”.

4

L-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, għall-finijiet tagħha:

“‘il-kunsens tas-suġġett tad-data’ tfisser indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru.”

5

L-Artikolu 6 tal-imsemmija d-direttiva jistabbilixxi li:

“1.   Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

(a)

ipproċessat b’mod ġust u skond il-liġi;

[…]

2.   Għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità mal-paragrafu 1.”

6

Skont l-Artikolu 7(a) tal-imsemmija direttiva:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar […]”

7

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data li mingħandu tinġabar id-data dwaru nnifsu, għall-inqas bl-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diga jaf biha:

(a)

l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

(b)

l-għanijiet ta’ l-ipproċessar li għalih id-data tkun maħsuba;

(ċ)

informazzjoni oħra bħal

ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri tad-data,

jekk tweġibiet għall-mistoqsijiet ikunux obbligatorji jew voluntarji, kif ukoll dwar x’aktarx ikunu l-konsegwenzi fin-nuqqas ta’ tweġiba,

l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru

sakemm din l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.”

Ir-Regolament (UE) 2016/679

8

Il-premessi 32 u 42 tar-Regolament Nru 2016/679 huma fformulati kif ġej:

“(32)

Il-kunsens għandu jingħata b’att affermattiv ċar li jistabbilixxi indikazzjoni mogħtija liberament, speċifika, infurmata u mhux ambigwa tal-qbil tas-suġġett tad-data li huwa jaqbel li tiġi pproċessata data personali b’rabta miegħu, pereżempju b’dikjarazzjoni bil-miktub, inkluż b’mod elettroniku, jew bil-fomm. Dan jista’ jinkludi l-immarkar ta’ kaxxa meta jżur sit elettroniku tal-internet, l-għażla ta’ settings tekniċi għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew xi dikjarazzjoni jew imġiba oħra li f’dan il-kuntest jindikaw b’mod ċar l-aċċettazzjoni tas-suġġett tad-data tal-ipproċessar propost tad-data personali tiegħu. Is-silenzju, kaxxi mmarkati minn qabel jew in-nuqqas ta’ attività għaldaqstant ma għandhomx jitqiesu bħala kunsens. Il-kunsens għandu jkopri l-attivitajiet tal-ipproċessar kollha li jsiru għall-istess fini jew finijiet. Meta l-ipproċessar ikollu diversi finijiet, għandu jingħata kunsens għalihom kollha. Jekk il-kunsens tas-suġġett tad-data jkollu jingħata wara talba b’mod elettroniku, it-talba għandha tkun ċara, konċiża u li ma toħloqx tfixkil bla bżonn għall-użu tas-servizz li tkun qed tiġi pprovduta għalih.

[…]

(42)

Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jkun jista’ juri li s-suġġett tad-data ta l-kunsens tiegħu għall-attività tal-ipproċessar. B’mod partikolari fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni bil-miktub fuq kwistjoni oħra, is-salvagwardji għandhom jiżguraw li s-suġġett tad-data huwa konxju tal-fatt li jkun qiegħed jingħata kunsens u tal-punt sa fejn dan jingħata. F’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE [tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)] għandha tiġi pprovduta dikjarazzjoni ta’ kunsens ifformulata minn qabel mill-kontrollur f’forma intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi u mingħajr termini inġusti. Biex il-kunsens ikun wieħed informat, is-suġġett tad-data għandu jkun konxju mill-inqas tal-identità tal-kontrollur u l-finijiet tal-ipproċessar li għalihom tkun intenzjonata d-data personali. Il-kunsens ma għandux jitqies li ngħata liberament jekk is-suġġett tad-data ma jkollux għażla ġenwina jew libera jew ma jkunx jista’ jiċħad jew jirtira l-kunsens mingħajr ħsara.”

9

Il-punt 11 tal‑Artikolu 4 tal‑imsemmi regolament jgħid li:

“‘kunsens’ tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu;”

10

Skont l-Artikolu 5 tal-istess regolament:

“1.   Id-data personali għandha:

(a)

tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

[…]

2.   Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).”

11

L-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679 jipprevedi li:

“1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

[…]”

12

Skont l-Artikolu 7(1), (2) u (4) tar-Regolament 2016/679:

“1.   Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens, il-kontrollur għandu jkun jista’ juri li s-suġġett tad-data ta kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu.

2.   Jekk il-kunsens tas-suġġett tad-data jingħata fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li tirrigwarda wkoll kwistjonijiet oħra, it-talba għall-kunsens għandha tiġi ppreżentata b’mod li jingħaraf b’mod ċar mill-kwistjonijiet l-oħra, f’forma intelliġibbli u li tkun faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi. Kwalunkwe parti minn tali dikjarazzjoni li tikkostitwixxi ksur ta’ dan ir-Regolament m’għandhiex tkun vinkolanti.

[…]

4.   Meta jiġi vvalutat jekk il-kunsens ikunx ingħata b’mod liberu, għandu jittieħed kont sħiħ tal-fatt jekk, inter alia, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, inkluż il-provvista ta’ servizz, tkunx kondizzjonata fuq il-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali li ma jkunx meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ dak il-kuntratt.”

13

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li:

“1.   Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:

(a)

l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur;

[…]

(c)

l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;

[…]

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu, meta tinkiseb id-data personali, jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni ulterjuri li ġejja meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti:

(a)

il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;

(b)

l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data;

(c)

fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta’ kunsens qabel l-irtirar tiegħu;”

14

L-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2016/679 huwa fformulat kif ġej:

“Id-Direttiva 95/46/KE titħassar b’effett mill‑25 ta’ Mejju 2018.”

15

Skont l-Artikolu 99(2) tar-Regolament 2016/679, dan tal-aħħar huwa applikabbli mill‑25 ta’ Mejju 2018.

Id-dritt Rumen

16

Il-legea nr. 677/2001 pentru protecția persoanelor cu privire la prelucrarea datelor cu caracter personal și libera circulație a acestor date (il-Liġi Nru 677/2001 dwar il-Protezzjoni tal-Persuni fir-rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali u dwar il-Moviment Liberu ta’ din id-Data) (Monitorul Oficial, Parti I, Nru 790 tat‑12 ta’ Diċembru 2001) hija intiża li tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 fid-dritt nazzjonali.

17

L-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi jgħid li:

“1)   Kull ipproċessar ta’ data personali, ħlief jekk dan ikun jirrigwarda data li taqa taħt il-kategoriji msemmija fl-Artikolu 7(1) u fl-Artikoli 8 u 10, jista’ jitwettaq biss jekk is-suġġett tad-data jkun ta espliċitament u bla dubju l-kunsens tiegħu għal dan l-ipproċessar.

[…]”

18

L-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi jistabbilixxi li:

“1)   L-ipproċessar tan-numru ta’ identifikazzjoni personali jew ta’ data personali oħra li jkollha funzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ portata ġenerali jista’ jsir biss jekk:

a)

is-suġġett tad-data jkun ta espressament il-kunsens tiegħu; jew

b)

l-ipproċessar huwa espressament previst minn dispożizzjoni legali.

2)   L-awtorità ta’ superviżjoni tista’ wkoll tiddetermina każijiet oħra fejn l-ipproċessar tad-data msemmija fil-paragrafu 1 jista’ jitwettaq bil-kundizzjoni li jiġu stabbiliti salvagwardji adegwati sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.”

19

Skont l-Artikolu 32 tal-Liġi 677/2001:

“L-ipproċessar ta’ data personali minn kontrollur jew minn persuna awtorizzata minnu, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 sa 10 jew mingħajr ma jirrispetta d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 15 jew fl-Artikolu 17, jikkostitwixxi ksur amministrattiv sakemm ma jsirx f’ċirkustanzi tali li jikkostitwixxi reat kriminali, u huwa ssanzjonat b’multa ta’ bejn [RON 1000 u RON 25000]”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Orange România tipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli fis-suq Rumen.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2018, l-ANSPDCP imponiet fuq Orange România multa talli żammet kopji ta’ dokumenti ta’ identità tal-klijenti tagħha mingħajr ma wriet li dawn il-klijenti kienu taw il-kunsens validu tagħhom, filwaqt li imponitilha l-obbligu li teqred dawn il-kopji.

22

F’din id-deċiżjoni, l-ANSPDCP osservat li, matul il-perijodu mill‑1 sas‑26 ta’ Marzu 2018, Orange România kienet ikkonkludiet bil-miktub kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli ma’ persuni fiżiċi u li l-kopji tad-dokumenti ta’ identità ta’ dawn il-persuni kienu annessi ma’ dawn il-kuntratti. Skont l-ANSPDCP, hija ma pproduċietx il-prova li l-klijenti tagħha, li l-kopji tad-dokument ta’ identità tagħhom kienu annessi mal-kuntratti tagħhom, kienu taw il-kunsens validu tagħhom fir-rigward tal-ġbir u taż-żamma ta’ kopji tad-dokument ta’ identità tagħhom.

23

Il-klawżoli rilevanti tal-kuntratti inkwistjoni kienu fformulati kif ġej:

“– Dikjarazzjoni tal-klijent li tgħid li:

(i)

huwa ġie informat, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, bil-pjan tariffarju magħżul, bit-tariffi applikabbli, bit-tul minimu tal-kuntratt, bil-kundizzjonijiet ta’ rexissjoni tal-kuntratt u bil-kundizzjonijiet ta’ kisba u ta’ użu tas-servizzi, inkluż taż-żona koperta mis-servizzi, […];

(ii)

Orange România pprovdiet lill-klijent bl-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tippermettilu jagħti l-kunsens tiegħu mhux difettuż, espliċitu, liberu u preċiż għall-konklużjoni u għall-aċċettazzjoni espliċita tal-kuntratt, inklużi d-dokumenti kuntrattwali kollha – il-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu tas-servizzi ta’ Orange u l-fuljett tat-tariffi u tas-servizzi;

(iii)

huwa ġie informat u ta l-kunsens tiegħu għal dan li ġej:

l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1.15 tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu tas-servizzi ta’ Orange;

iż-żamma ta’ kopji ta’ dokumenti li jkun fihom data personali għall-finijiet ta’ identifikazzjoni;

il-ftehim għall-ipproċessar ta’ data personali (numru ta’ kuntatt u indirizz elettroniku) għall-finijiet ta’ marketing dirett;

il-ftehim għall-ipproċessar ta’ data personali (numru ta’ kuntatt u indirizz elettroniku) għall-finijiet ta’ riċerka tas-suq;

Jiena qrajt u naċċetta b’mod espliċitu ż-żamma ta’ dokumenti li jinkludu data personali dwar l-istat ta’ saħħa;

id-data msemmija fl-Artikolu 1.15(10) tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu tas-servizzi ta’ Orange ma hijiex inkluża fl-informazzjoni dwar l-abbonati u fis-servizzi ta’ direttorju ta’ abbonati”.

24

Orange România ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2018 quddiem it-Tribunalul Bucureиti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija).

25

Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, jeżistu, minn naħa, kuntratti li fihom il-kaxxa li tirrigwarda l-klawżola dwar iż-żamma ta’ kopji ta’ atti li jinkludu data personali għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ġiet immarkata permezz ta’ salib u, min-naħa l-oħra, kuntratti li fihom tali salib huwa nieqes. Din il-qorti tippreċiża li, minkejja l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ, Orange România ma rrifjutatx li tikkonkludi kuntratti ta’ abbonament ma’ klijenti li rrifjutaw li jagħtu l-kunsens tagħhom għaż-żamma tal-kopja tad-dokument ta’ identità tagħhom. L-imsemmija qorti tosserva wkoll li l-“proċeduri interni” ta’ bejgħ ta’ Orange România kienu jipprevedu li dan ir-rifjut kellu jiġi ddokumentat f’formola speċifika, li kellha tiġi ffirmata minn dawn il-klijenti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.

26

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-klijenti kkonċernati jistgħux jitqiesu li taw il-kunsens validu tagħhom għall-ġbir tad-dokument ta’ identità tagħhom u sabiex kopji ta’ dan jiġu annessi mal-kuntratti. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk l-iffirmar ta’ kuntratt, li fih tinsab il-klawżola dwar iż-żamma ta’ kopji tal-atti li jinkludu data personali għall-finijiet ta’ identifikazzjoni, jippermettix li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ tali kunsens.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Għall-finijiet tal-Artikolu 2(h) tad-[Direttiva 95/46], liema huma l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikun jista’ jitqies li indikazzjoni ta’ xewqa hija indikazzjoni speċifika u informata?

2)

Għall-finijiet tal-Artikolu 2(h) tad-[Direttiva 95/46], liema huma l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikun jista’ jitqies li indikazzjoni ta’ xewqa hija indikazzjoni mogħtija liberament?”

Fuq id-domandi preliminari

28

Qabelxejn, għandha tiġi ddeterminata l-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament 2016/679 għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29

B’effett mill‑25 ta’ Mejju 2018, id-Direttiva 95/46 tħassret u ġiet issostitwita bir-Regolament 2016/679, skont l-Artikolu 94(1) u l-Artikolu 99(2) ta’ dan ir-regolament.

30

Għaldaqstant, peress li d-deċiżjoni tal-ANSPDCP inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata fit‑28 ta’ Marzu 2018 u, għalhekk, qabel il‑25 ta’ Mejju 2018, il-qorti tar-rinviju tqis ġustament li d-Direttiva 95/46 tapplika ratione temporis għall-kawża prinċipali.

31

Madankollu, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, permezz tad-deċiżjoni tagħha, l-ANSPDCP mhux biss imponiet multa fuq Orange România, iżda imponitilha wkoll l-obbligu li teqred il-kopji tad-dokumenti ta’ identità inkwistjoni, u li l-kawża prinċipali tirrigwarda wkoll din l-aħħar ordni. Issa, peress li ebda element f’dan il-proċess ma jindika li l-imsemmija ordni ngħatat qabel il‑25 ta’ Mejju 2018, ma huwiex eskluż li, f’dan il-każ, ir-Regolament 2016/679 huwa applikabbli ratione temporis fir-rigward tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49, C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 41).

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tipprovdi risposti utli għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li dawn id-domandi jingħataw risposta abbażi kemm tad-Direttiva 95/46 kif ukoll tar-Regolament 2016/679 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49, C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 43).

33

Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(h) u l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 kif ukoll il-punt 11 tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li kuntratt dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet li jinkludi klawżola li tgħid li s-suġġett tad-data ġie informat u ta l-kunsens tiegħu għall-ġbir u għaż-żamma ta’ kopja tad-dokument ta’ identità tiegħu għall-finijiet ta’ identifikazzjoni, jista’ jkun ta’ natura li juri li din il-persuna tkun tat il-kunsens tagħha b’mod validu, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għal dan il-ġbir u għal din iż-żamma.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 6 tar-Regolament 2016/679 jipprevedu lista eżawrjenti tal-każijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies li huwa legali (ara, fir-rigward tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49, C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 53). B’mod partikolari, l-Artikolu 7(a) ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 6(1)(a) tal-imsemmi regolament jipprevedu li l-kunsens tas-suġġett tad-data jista’ jirrendi tali pproċessar legali.

35

Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżiti li għalihom huwa suġġett tali kunsens, l-Artikolu 7(a) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li s-suġġett tad-data għandu “jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar”, filwaqt li l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 jiddefinixxi t-terminu “kunsens” bħala li jfisser “indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru”. Sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li s-suġġett tad-data għandu juri “indikazzjoni ta’ xewqa” sabiex jagħti il-kunsens tiegħu “b’mod ċar”, huwa biss aġir attiv min-naħa ta’ din il-persuna sabiex turi l-kunsens tagħha li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49, C‑673/17, EU:C:2019:801, punti 5254).

36

Dan l-istess rekwiżit japplika wkoll fil-kuntest tar-Regolament 2016/679. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-punt 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi l-“kunsens tas-suġġett tad-data” għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6(1)(a) tiegħu, tidher iktar stretta minn dik tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, sa fejn jirrikjedi indikazzjoni ta’ xewqa “mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa” tas-suġġett tad-data, li tieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni jew ta’ “azzjoni affermattiva ċara” li turi l-aċċettazzjoni tiegħu għall-ipproċessar tad-data li tikkonċernah. Għalhekk, kunsens attiv issa huwa espressament previst mir-Regolament 2016/679 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49, C‑673/17, EU:C:2019:801, punti 61 sa 63).

37

F’dan ir-rigward, il-premessa 32 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li għalkemm l-espressjoni tal-kunsens tista’ ssir b’mod partikolari billi tiġi mmarkata kaxxa waqt il-konsultazzjoni ta’ sit internet, min-naħa l-oħra, hija teskludi espressament li hemm kunsens fil-każ ta’ “silenzju, kaxxi mmarkati minn qabel jew in-nuqqas ta’ attività”. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, f’tali ipoteżi, jidher prattikament impossibbli li jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv jekk l-utent ta’ sit internet tax effettivament il-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu billi ma neħħiex il-marka minn kaxxa mmarkata minn qabel kif ukoll, f’kull każ, jekk dan il-kunsens ingħatax b’mod informat. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmi utent ma jkunx qara l-informazzjoni li takkumpanja l-kaxxa mmarkata minn qabel, jew li saħansitra ma jkunx induna b’din il-kaxxa, qabel ma kompla bl-attività tiegħu fuq is-sit internet li huwa jżur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49, C‑673/17, EU:C:2019:801, punti 5557).

38

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 u l-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679 jeżiġu indikazzjoni ta’ xewqa “speċifika”, fis-sens li din għandha tirrigwarda preċiżament l-ipproċessar ta’ data kkonċernat u ma tistax tiġi dedotta minn indikazzjoni ta’ xewqa li għandha suġġett distint (ara, fir-rigward tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49, C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 58).

39

F’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament tippreċiża li, meta l-kunsens tas-suġġett tad-data jingħata fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li tirrigwarda wkoll kwistjonijiet oħra, it-talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata b’mod li jingħaraf b’mod ċar mill-kwistjonijiet l-oħra. B’mod partikolari, minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, moqrija flimkien mal-premessa 42 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li tali dikjarazzjoni għandha tiġi ppreżentata b’mod li tinftiehem u li tkun faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, b’mod partikolari fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ kunsens li għandha tiġi redatta minn qabel mill-kontrollur tad-data personali.

40

Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 u mill-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679 li jgħid li l-kunsens għandu jkun “informat”, dan ir-rekwiżit jimplika, konformement mal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 38 tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 42 tiegħu, li l-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data informazzjoni fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-ipproċessar tad-data, b’mod li tinftiehem u li tkun faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, fejn din il-persuna għandha tkun taf b’mod partikolari t-tip ta’ data li ser tiġi pproċessata, l-identità tal-kontrollur, it-tul u l-modalitajiet ta’ dan l-ipproċessar kif ukoll l-għanijiet speċifiċi li dan ikun qiegħed jipprova jilħaq. Tali informazzjoni għandha tippermetti lill-imsemmija persuna tiddetermina faċilment il-konsegwenzi tal-kunsens li hija tista’ tagħti u tiggarantixxi li dan il-kunsens jingħata b’għarfien sħiħ tal-fatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49, C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 74).

41

Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni osservat fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni inċiż tal-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 95/46 u mill-Artikolu 13(2)(b) u (c) tar-Regolament 2016/679, moqri fid-dawl tal-premessa 42 tiegħu, jirriżulta li, sabiex libertà ta’ għażla ġenwina tiġi żgurata lis-suġġett tad-data, l-istipulazzjonijiet kuntrattwali ma għandhomx iwasslu sabiex iqarrqu bis-suġġett tad-data fir-rigward tal-possibbiltà li jikkonkludi l-kuntratt anki jekk huwa jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data tiegħu. Fl-assenza ta’ informazzjoni ta’ din in-natura, il-kunsens ta’ din il-persuna għall-ipproċessar tad-data personali tagħha ma jistax jitqies li ngħata liberament u lanqas, barra minn hekk, li ngħata b’mod informat.

42

Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 6(1)(a) u (2) tad-Direttiva 95/46 kif ukoll l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2016/679, il-kontrollur tad-data personali għandu jiżgura b’mod partikolari l-legalità tal-ipproċessar ta’ din id-data u, kif jippreċiża l-paragrafu 2 tal-Artikolu 5, għandu jkun f’pożizzjoni li juri din il-legalità. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kunsens eventwali tas-suġġett tad-data, l-Artikolu 7(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi li s-suġġett tad-data għandu jkun ta’ l-kunsens tiegħu “b’mod ċar”, li jimplika, kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-oneru tal-prova għall-eżistenza ta’ kunsens validu jaqa’ fuq il-kontrollur. L-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament issa jiddikjara li, fil-każ li l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens, il-kontrollur għandu jkun jista’ juri li s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data personali li tirrigwardah.

43

F’dan il-każ, Orange România sostniet, fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, li, matul il-proċedura ta’ konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-aġenti ta’ bejgħ tagħha kienu jinformaw lill-klijenti kkonċernati, qabel il-konklużjoni tal-kuntratti, b’mod partikolari dwar l-għanijiet tal-ġbir u taż-żamma tal-kopji ta’ dokumenti ta’ identità kif ukoll dwar l-għażla li l-klijenti għandhom dwar dan il-ġbir u din iż-żamma, qabel ma jiksbu bil-fomm il-kunsens ta’ dawn il-klijenti għal dan il-ġbir u għal din iż-żamma. Skont Orange România, il-kaxxa dwar iż-żamma tal-kopji ta’ dokumenti ta’ identità kienet għalhekk tiġi mmarkata biss bil-ftehim espress liberament f’dan is-sens mill-persuni kkonċernati meta ġie konkluż il-kuntratt.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża essenzjalment sabiex jiġi kkjarifikat jekk il-kunsens hekk invokat għal tali pproċessar ta’ data personali jistax jiġi stabbilit abbażi tal-klawżoli kuntrattwali li jinsabu f’dawn il-kuntratti.

45

F’dan ir-rigward, mill-indikazzjonijiet li jinsabu f’din it-talba jirriżulta li għalkemm l-imsemmija kuntratti jinkludu klawżola li tgħid li l-klijenti kkonċernati ġew informati u taw il-kunsens tagħhom għaż-żamma ta’ kopja tad-dokument ta’ identità tagħhom għall-finijiet ta’ identifikazzjoni, il-kaxxa relatata ma’ din il-klawżola kienet diġà mmarkata mill-aġenti tal-bejgħ ta’ Orange România qabel ma dawn il-klijenti ffirmaw sabiex jaċċettaw il-klawżoli kuntrattwali kollha, jiġifieri kemm l-imsemmija klawżola kif ukoll klawżoli oħra mhux marbuta mal-protezzjoni tad-data. Hemm indikat ukoll, fl-imsemmija talba li, mingħajr ma l-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jispeċifikaw dan, Orange România kienet taċċetta li tikkonkludi dawn il-kuntratti ma’ klijenti li kienu rrifjutaw li jagħtu l-kunsens tagħhom għaż-żamma ta’ kopja tad-dokument ta’ identità, filwaqt li kienet teżiġi li, f’dan il-każ, dawn il-klijenti jiffirmaw formola speċifika li tindika r-rifjut tagħhom.

46

Issa, peress li, skont dawn l-indikazzjonijiet, il-klijenti kkonċernati ma jidhrux li mmarkaw huma stess il-kaxxa li tirrigwarda l-imsemmija klawżola, is-sempliċi fatt li din il-kaxxa ġiet immarkata ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi indikazzjoni pożittiva tal-kunsens ta’ dawn il-klijenti li kopja tad-dokument ta’ identità tagħhom tinġabar u tinżamm. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-imsemmija klijenti ffirmaw il-kuntratti li jinkludu l-kaxxa mmarkata ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi stabbilit tali kunsens, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet li jikkonfermaw li din il-klawżola ġiet effettivament moqrija u assimilata. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

47

Barra minn hekk, sa fejn il-klawżola mmarkata dwar l-ipproċessar ta’ din id-data ma tidhirx li ġiet ippreżentata f’forma li tiddistingwiha b’mod ċar mill-klawżoli kuntrattwali l-oħra, hija għandha tevalwa jekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-iffirmar ta’ dawn il-kuntratti li jirrigwardaw diversi klawżoli kuntrattwali jistax jitqies li jindika kunsens speċifiku għall-ġbir u għaż-żamma ta’ data personali, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 u tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679.

48

Barra minn hekk, peress li l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tindika sempliċement, mingħajr ebda indikazzjoni oħra, l-għan tal-identifikazzjoni taż-żamma tal-kopji tad-dokumenti ta’ identità, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-informazzjoni tas-suġġetti tad-data tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46 u tal-Artikolu 13 tar-Regolament 2016/679, li jistabbilixxu l-informazzjoni li l-kontrollur għandu jipprovdi lill-persuna li mingħandha huwa jiġbor data li tikkonċernaha sabiex jiżgura fir-rigward tagħha pproċessar ġust tad-data.

49

Hija wkoll il-qorti li għandha tevalwa, b’mod partikolari, jekk l-istipulazzjonijiet kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħux iqarrqu bis-suġġett tad-data fir-rigward tal-possibbiltà li jikkonkludi l-kuntratt minkejja r-rifjut li jagħti l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data tiegħu, fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet dwar dan il-punt, u b’hekk iqiegħdu fid-dubju n-natura informata tal-kunsens espress mill-imsemmija firma.

50

Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura libera ta’ dan il-kunsens tidher li hija kkontestata mill-fatt li, fil-każ ta’ rifjut li jingħata tali kunsens, Orange România kienet teżiġi, billi titbiegħed mill-proċedura normali li twassal għall-konklużjoni tal-kuntratt, li l-klijent ikkonċernat jiddikjara bil-miktub li huwa la kien qiegħed jagħti l-kunsens tiegħu għall-ġbir u lanqas għaż-żamma tal-kopja tad-dokument ta’ identità tiegħu. Fil-fatt, kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta, tali rekwiżit supplimentari huwa ta’ natura li jaffettwa indebitament l-għażla libera li persuna topponi għal dan il-ġbir u din iż-żamma, fatt li għandu jiġi vverifikat ukoll mill-qorti tar-rinviju.

51

Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 35, 36 u 42 ta’ din is-sentenza, hija Orange România, bħala kontrollur tad-data, li għandha tistabbilixxi li l-klijenti tagħha, permezz ta’ aġir attiv, indikaw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom, b’tali mod li din il-kumpannija ma tistax teżiġi li huma jindikaw b’mod attiv ir-rifjut tagħhom.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 2(h) u l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 kif ukoll il-punt 11 tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa l-kontrollur tad-data li għandu juri li s-suġġett tad-data, permezz ta’ aġir attiv, indika l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu u li huwa kiseb, minn qabel, informazzjoni fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha relatati ma’ dan l-ipproċessar, b’mod li tinftiehem u li tkun faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, li tippermettilha tiddetermina faċilment il-konsegwenzi ta’ dan il-kunsens, b’tali mod li jiġi ggarantit li dan jingħata b’għarfien sħiħ tal-fatti. Kuntratt dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, li jinkludi klawżola li tgħid li s-suġġett tad-data ġie informat u ta l-kunsens tiegħu għall-ġbir u għaż-żamma ta’ kopja tad-dokument ta’ identità tiegħu għal finijiet ta’ identifikazzjoni, ma huwiex ta’ natura li juri li din il-persuna tkun tat il-kunsens tagħha b’mod validu, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għal dan il-ġbir u għal din iż-żamma, meta

il-kaxxa li tirreferi għal din il-klawżola tkun ġiet immarkata mill-kontrollur tad-data qabel l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, jew meta

l-istipulazzjonijiet kuntrattwali tal-imsemmi kuntratt jistgħu jqarrqu bis-suġġett tad-data fir-rigward tal-possibbiltà li jikkonkludi l-kuntratt inkwistjoni anki jekk huwa jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data tiegħu, jew meta

l-għażla libera li persuna topponi għal dan il-ġbir u għal din iż-żamma tiġi affettwata indebitament minn dan il-kontrollur, billi teżiġi li s-suġġett tad-data, sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu, jimla formola addizzjonali li tindika dan ir-rifjut.

Dwar l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(h) u l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, kif ukoll il-punt 11 tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa l-kontrollur tad-data li għandu juri li s-suġġett tad-data, permezz ta’ aġir attiv, indika l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu u li huwa kiseb, minn qabel, informazzjoni fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha relatati ma’ dan l-ipproċessar, b’mod li tinftiehem u li tkun faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, li tippermettilha tiddetermina faċilment il-konsegwenzi ta’ dan il-kunsens, b’tali mod li jiġi ggarantit li dan jingħata b’għarfien sħiħ tal-fatti. Kuntratt dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, li jinkludi klawżola li tgħid li s-suġġett tad-data ġie informat u ta l-kunsens tiegħu għall-ġbir u għaż-żamma ta’ kopja tad-dokument ta’ identità tiegħu għal finijiet ta’ identifikazzjoni, ma huwiex ta’ natura li juri li din il-persuna tkun tat il-kunsens tagħha b’mod validu, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għal dan il-ġbir u għal din iż-żamma, meta

 

il-kaxxa li tirreferi għal din il-klawżola tkun ġiet immarkata mill-kontrollur tad-data qabel l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, jew meta

l-istipulazzjonijiet kuntrattwali tal-imsemmi kuntratt jistgħu jqarrqu bis-suġġett tad-data fir-rigward tal-possibbiltà li jikkonkludi l-kuntratt inkwistjoni anki jekk huwa jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data tiegħu, jew meta

l-għażla libera li persuna topponi għal dan il-ġbir u għal din iż-żamma tiġi affettwata indebitament minn dan il-kontrollur, billi teżiġi li s-suġġett tad-data, sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu, jimla formola addizzjonali li tindika dan ir-rifjut.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top