EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0393

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati l-20 ta’ Settembru 2018.
UD vs XB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court of Justice (England and Wales), Family Division.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 8(1) – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Kunċett ta’ residenza abitwali tal-wild – Rekwiżit ta’ preżenza fiżika – Żamma tal-omm u tal-wild f’pajjiż terz kontra r-rieda tal-omm – Ksur tad-drittijiet fundamentali tal-omm u tal-wild.
Kawża C-393/18 PPU.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:749

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2018 ( 1 )

Kawża C‑393/18 (PPU)

UD

vs

XB

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja (ir-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Artikolu 8(1) – Kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-wild – Twelid u soġġorn kontinwu ta’ tarbija fi Stat terz kontra r-rieda tal-omm – Nuqqas ta’ preżenza fiżika tat-tarbija fi Stat Membru – Sitwazzjoni li tirriżulta mill-kostrizzjoni eżerċitata mill-missier u minn ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali tal-omm u tat-tarbija – Assenza ta’ regola li tgħid li wild ma jistax ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru li fih qatt ma kien fiżikament preżenti.”

I. Introduzzjoni

1.

F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja (ir-Renju Unit)) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell IIa”).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-omm, ta’ nazzjonalità tal-Bangladexx, u l-missier, ta’ nazzjonalità Brittanika, dwar wild ta’ età ta’ madwar sena fil-mument li ġiet adita l-qorti tar-rinviju. Dan il-wild kien ġie kkonċepit, twieled u għex b’mod kontinwu fil-Bangladexx. Skont l-allegazzjonijiet tal-omm, il-missier żammha kontra r-rieda tagħha f’dan l-Istat terz fejn kienet marret biss, wara li kienet qagħdet madwar sitt xhur fir-Renju Unit mal-missier, bil-ħsieb biss li tagħmel żjara temporanja. Din tal-aħħar, minħabba kostrizzjoni eżerċitata mill-missier, ġiet sfurzata twelled fil-Bangladexx u tibqa’ hemmhekk mal-wild. L-omm qed titlob lill-qorti tar-rinviju tordna, minn naħa, it-tqegħid tal-wild taħt il-protezzjoni ta’ din il-qorti u, min-naħa l-oħra, li hija stess u l-wild jirritornaw fl-Ingilterra u Wales għall-finijiet li tkun tista’ tipparteċipa fil-proċedura ġudizzjarja.

3.

Bis-saħħa tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Brussell IIa, il-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq din it-talba biss jekk il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu fir-Renju Unit fil-mument li tkun ġiet adita din il-qorti. L-imsemmija qorti tistaqsi jekk il-fatt li l-wild qatt ma kien fiżikament preżenti f’dan l-Istat Membru jipprekludix neċessarjament li huwa jirrisjedi abitwalment hemmhekk. Hija tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-rilevanza li għandu, f’dan il-kuntest, il-fatt li tali assenza mit-territorju tar-Renju Unit tirriżulta mill-kostrizzjoni eżerċitata mill-missier fuq l-omm bi ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali tal-omm u tal-wild.

4.

Fi tmiem l-analiżi tiegħi, ser nikkonkludi li l-fatt li wild ma jkun qatt mar fi Stat Membru ma jipprekludix neċessarjament li jkollu hemmhekk ir-residenza abitwali tieħu. Jien ser nindika wkoll l-elementi, li fosthom hemm ir-raġuni tal-assenza tal-omm u tal-wild fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet li tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-wild f’sitwazzjoni bħal din inkwitsjoni fil-kawża prinċipali.

II. Il-kuntest ġuridiku

5.

Il-premessa 12 tar-Regolament Brussell IIa hija fformulata kif ġej:

“Ir-raġunijiet [regoli] ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri [wild], u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali […].”

6.

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali” jgħid, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]l-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri [wild] li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [ġiet adita]”.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari

7.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (UD), ta’ nazzjonalità tal-Bangladexx, daħlet fi żwieġ ta’ konvenjenza fl-2013 fil-Bangladexx mal-konvenut fil-kawża prinċipali (XB), ta’ nazzjonalità Brittanika. Ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali huma, rispettivament, l-omm u l-missier ta’ tifla żgħira kkonċepita fil-Bangladexx f’Mejju 2016.

8.

F’Ġunju jew Lulju 2016, UD marret ir-Renju Unit biex tgħix hemm ma’ XB. Hija bbenefikat minn viża ta’ konjuġi maħruġa mill-United Kingdom Home Office (il-Ministeru tal-Intern tar-Renju Unit), valida mill-1 ta’ Lulju 2016 sal-1 ta’ April 2019.

9.

L-omm tikkontesta lil XB u lill-familja ta’ dan tal-aħħar li wettqu fil-konfront tagħha atti ta’ vjolenza domestika, ta’ natura kemm fiżika kif ukoll psikoloġika. Hija tallega wkoll li kienet il-vittma ta’ żewġ stupri pperpetrati minn XB. Dan tal-aħħar jikkontesta dawn l-akkużi.

10.

Fl-24 ta’ Diċembru 2016, meta UD kienet fi stat avanzat ta’ tqala, hija vvjaġġat ma’ XB lejn il-Bangladexx, fejn il-wild twieled fit-2 ta’ Frar 2017. UD u l-wild baqgħu hemm minn dak iż-żmien. Fil-bidu tax-xahar ta’ Jannar 2018, XB irritorna l-Ingilterra u Wales.

11.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali jagħtu żewġ verżjonijiet diverġenti taċ-ċirkustanzi matul il-vjaġġ tagħhom lejn il-Bangladesh u dwar l-avvenimenti li seħħew hemmhekk sussegwentement.

12.

UD issostni li qed tinżamm kontra r-rieda tagħha fil-Bangladexx mal-wild mill-missier b’mod illegali. Hija kienet kostretta li twelled hemmhekk u tibqa’ hemm bi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha u dawk tal-wild taħt l-Artikoli 3 u 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ‘il quddiem il-“KEDB”). Skont l-allegazzjonijiet ta’ UD, XB ħalliha fil-villaġġ tal-familja tal-missier ta’ dan tal-aħħar u qalilha li kien ser jiġi għaliha ġimgħa wara. Madankollu, huwa qatt ma ġie lura u kkonfiskalha l-passaport kif ukoll dokumenti oħra sabiex ma tkunx tista’ titlaq mill-Bangladexx. UD tgħid li qatt ma kienet tmur hemm kieku kienet taf bl-intenzjonijiet veri ta’ XB. Hija ssostni li, fil-villaġġ inkwistjoni, ma għandha la gass, la elettriku jew ilma tax-xorb u lanqas l-iċken dħul. Il-komunità ta’ dan ir-raħal tistigmatizzaha għall-fatt li hija sseparata minn XB.

13.

XB jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet kollha. Skont hu, kienet fuq talba ta’ UD li huma marru l-Bangladexx, għaliex hija kienet imdejqa fir-Renju Unit. Kien ukoll minħabba x-xewqat ta’ UD li XB mar waħdu f’dan l-Istat Membru.

14.

Fl-20 ta’ Marzu 2018, UD ippreżentat rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja (ir-Renju Unit). Hija qed titlob lil din il-qorti tordna, l-ewwel nett, li l-wild jitqiegħed taħt il-protezzjoni ta’ din il-qorti u, it-tieni nett, li UD u l-wild jirritornaw lejn Ingilterra u Wales sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri tar-rikors.

15.

Waqt seduta li saret fl-istess ġurnata, UD sostniet li l-qorti tar-rinviju kellha ġurisdizzjoni biex tisma’ dan ir-rikors. Hija primarjament issostni li l-wild kien abitwalment residenti fl-Ingilterra u f’Wales fil-mument li ġiet adita l-qorti tar-rinviju. Sussidjarjament, UD issostni li din il-qorti għandha, bis-saħħa tal-liġi nazzjonali, il-ġurisdizzjoni parens patriae (jiġifieri ġurisdizzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew taċ-ċittadinanza Brittanika) fir-rigward tal-wild u għandha teżerċita din il-ġurisdizzjoni f’dan il-każ.

16.

Matul seduta li saret fis-16 ta’ April 2018, XB ikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-High Court of Justice (England & Wales) Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja). Skont XB, il-wild kien abitwalment residenti fil-Bangladexx fil-mument tal-preżentata tar-rikors fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, din il-qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni parens patriae fuq il-wild peress li dan tal-aħħar ma huwiex ċittadin Brittaniku. Fi kwalunkwe każ, anki jekk din il-qorti kellha jkollha din il-ġurisdizzjoni, għandha tastjeni milli teżerċitaha f’dan il-każ.

17.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-istess qorti tirrileva li hija ma għamlet l-ebda konstatazzjoni tal-fatti peress li tqis li jeħtieġ li preliminarjament tagħti deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni tagħha. Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tiddetermina jekk il-wild huwiex abitwalment residenti fir-Renju Unit fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Brussell IIa, qabel kull eżami eventwali ta’ kap ieħor ta’ ġurisdizzjoni.

18.

F’dan ir-rigward, dehrilha li kien meħtieġ li ssir talba għal deċiżjoni preliminari sabiex jiġi spjegat jekk ir-residenza abitwali ta’ wild fi Stat Membru li fih qatt ma kien preżenti fiżikament tistax tiġi stabbilita. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dan ikunx il-każ meta, bħal f’din il-kawża, l-omm tallega li l-wild twieled u jirrisjedi fi Stat terz li fih il-ġenituri tiegħu, li jkollhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri, ma jkollhom ebda intenzjoni komuni li jirrisjedu fih u li hemmhekk il-missier iżomm illegalment lill-omm u lill-wild bil-kostrizzjoni. Din il-qorti tinnota li, jekk tiġi pprovata, l-imġiba tal-missier tista’ tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-omm u tal-wild taħt l-Artikoli 3 u 5 tal-KEDB.

19.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja (ir-Renju Unit)) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-preżenza fiżika ta’ wild fi Stat tikkostitwixxi element essenzjali tar-residenza abitwali fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003?

2)

F’sitwazzjoni fejn iż-żewġ ġenituri għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri, il-fatt li l-omm ġiet imqarrqa sabiex tmur fi Stat ieħor u sussegwentement inżammet illegalment hemmhekk mill-missier, permezz ta’ koerċizzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe att illegali ieħor, sabiex b’hekk l-omm tkun imgiegħla twelled tarbija f’dan l-Istat, jaffettwa jew le r-risposta għall-ewwel domanda f’ċirkustanzi li fihom seta’ kien hemm ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-omm u/jew tal-wild, skont l-Artikoli 3 u 5 tal-[KEDB], jew b’xi mod ieħor?”

20.

Il-Qorti tar-rinviju talbet li t-talba għal deċiżjoni preliminari tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-5 ta’ Lulju 2018, fuq proposta tal-Imħallef relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ din it-talba.

21.

UD, XB, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn, kif ukoll il-Gvern Ċek, ġew irrappreżentati fis-seduta li saret fis-7 ta’ Settembru 2018.

IV. Analiżi

A. Fuq l-ammissibbiltà

22.

Il-Gvern tar-Renju Unit jeċċepixxi l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari għar-raġuni li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Brussell IIa jirregola biss kunflitti ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri. Bis-saħħa tal-Artikolu 61(c) KE, li issa sar l-Artikolu 67 TFUE, li huwa wieħed mill-bażijiet ġuridiċi ta’ dan ir-regolament, il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-imsemmi regolament huwa llimitat għas-sitwazzjonijiet li jinvolvu rabtiet bejn żewġ jew iktar Stati Membri. L-Artikolu 8(1) tal-istess regolament għaldaqstant ma huwiex applikabbli fil-kuntest ta’ tilwima li jkollha rabtiet ma’ Stat Membru u Stat terz.

23.

F’dan ir-rgward, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tindika li l-qrati ta’ Stat Membru għandhom ġurisdizzjoni sa fejn “il-minuri [wild] huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [tiġi adita]”, mingħajr ma tillimita din il-ġurisdizzjoni għal-tilwimiet li jkollhom rabtiet ma’ Stat Membru.

24.

L-Artikolu 61(a) tar-Regolament Brussell IIa jikkorrobora dan il-qari. Skont din id-dispożizzjoni, fir-relazzjonijiet mal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, iffirmata f’Den Haag fid-19 ta’ Ottubru 1996 (iktar ‘il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996”) ( 3 ), dan ir-regolament huwa applikabbli meta l-wild ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru. Ir-Regolament Brussell IIa jieħu l-preċedenza fuq din il-konvenzjoni kull darba li dan il-kriterju jiġi ssodisfatt, irrispettivament jekk it-tilwima tinvolvix kunflitt potenzjali ta’ ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri jew bejn Stat Membru u Stat terz li jkun firmatarju tal-imsemmija konvenzjoni.

25.

Barra minn hekk, l-Artikolu 12(4) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi f’ċerti ċirkustanzi l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru li jkunu qatgħu talbiet dwar divorzju tal-ġenituri anki meta l-wild ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu fih, jirrigwarda sitwazzjoni ta’ wild li jirrisjedi abitwalment f’pajjiż terz li ma jkunx firmatarju tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996. Din id-dispożizzjoni għaldaqstant tapplika speċifikament għal kontroversji li jkollhom rabtiet ma’ Stat Membru u Stat terz ( 4 ).

26.

Interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament twassalni wkoll inqis li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru tiġi stabbilita meta l-wild ikollu r-residenza abitwali hemmhekk, anki fl-assenza ta’ rabtiet ma’ Stat Membru ieħor.

27.

F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fis-sentenza Owusu ( 5 ) li l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni tad-Deċiżjonijiet fil-qasam Ċivili u Kummerċjali ( 6 ) (iktar ‘il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), strument predeċessur tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 7 )(iktar ‘il quddiem ir-“Regolament Brussell 1”), kienet intiża li tiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern permezz tal-adozzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni għat-tilwimiet u kwistjonijiet relatati u għat-tnaqqis tad-diffikultajiet marbuta mar-rikonoxximent u mal-eżekuzzjoni tas-sentenzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-unifikazzjoni tar-regoli dwar ġurisdizzjoni għat-tilwimiet li jkollhom rabta ma’ pajjiż terz kienet parti mit-twettiq ta’ dan il-ġħan, għaliex tippermetti l-eliminazzjoni tal-ostakoli li jistgħu jirriżultaw mid-differenzi tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam. Hija kkonkludiet minn dan li l-applikazzjoni tar-regola prevista fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li tagħti ġurisdizzjoni ġenerali lill-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, ma hijiex subordinata għall-eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika li tinvolvi diversi kontraenti għal din il-konvenzjoni ( 8 ).

28.

Fil-fehma tiegħi, ir-raġunament segwit f’din is-sentenza jiswa wkoll fil-kuntest tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Brussell IIa. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 67(4) TFUE, l-Unjoni tiffavorixxi r-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri fl-oqsma ċivili kollha ( 9 ). Issa, l-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tfittex, billi ssaħħaħ iċ-ċertezza legali, li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ fiduċja reċiproka li tippermetti t-tqegħid ta’ sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku tas-sentenzi ( 10 ). F’din il-perspettiva, l-approssimazzjoni tar-regoli dwar ġurisdizzjoni sabiex jinqatgħu tilwimiet li jkollhom rabta ma’ Stat terz tippermetti l-eliminazzjoni tal-ostakoli għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija fl-Istati Membri fl-oqsma ċivili kollha, inklużi l-oqsma familjari.

29.

Din il-konklużjoni tirrifletti, wara kollox, il-mod li bih kemm il-qrati nazzjonali ( 11 ) kif ukol id-duttrina ( 12 ) jipperċepixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Brussell IIa.

30.

Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tad-domandi preliminari mqajma mill-Gvern tar-Renju Unit ma għandhiex tintlaqa’.

31.

Sabiex neżawrixxi s-suġġett, inżid li l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi ma tistax titqieġħed inkwistjoni għar-raġuni li huma jirrigwardaw xenarju li jirrifletti ċerti fatti li ma ġewx stabbiliti mill-qorti tar-rinviju, imma li ġew sempliċement allegati mill-omm ( 13 ).

B. Fuq il-mertu

1.   Kunsiderazzjonijiet preliminari

32.

Ir-“residenza abitwali” tal-wild, bħala kunċett ċentrali tar-Regolament Brussell IIa u l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huwa bbażat, għandha funzjoni doppja fil-kuntest ta’ dawn l-istrumenti.

33.

L-ewwel nett, il-kriterju ta’ residenza abitwali tal-wild fil-mument tat-tressiq tat-talba jistabbilixxi, bis-saħħa tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati ta’ Stat Membru, biex jaqtgħu kwistjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri ( 14 ). Din id-dispożizzjoni tirriproduċi l-istess kontenut tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996.

34.

It-tieni nett, il-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-wild jinsab fil-qalba tal-mekkaniżmu tar-ritorn previst fil-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal, konkluża f’Den Haag fil-25 ta’ Ottubru 1980 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”) u, flimkien mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, il-“Konvenzjonijiet ta’ Den Haag”) ( 15 ). Dan il-mekkaniżmu, kif issupplimentat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell IIa, b’mod partikolari mill-Artikolu 11 tiegħu, jibqa’ japplika bejn l-Istati Membri f’materji rregolati mill-imsemmi regolament ( 16 ). Sostanzjalment, it-trasferiment jew in-nuqqas ta’ ritorn ta’ wild huma illegali meta jseħħu bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja mogħti skont il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-wild immedjatament qabel dak l-avveniment ( 17 ). Meta t-trasferiment jew in-nuqqas ta’ ritorn ikun illegali, ir-ritorn tal-wild f’dan l-Istat Membru għandu, bħala prinċipju, jiġi ordnat mingħajr dewmien ( 18 ).

35.

Bis-saħħa tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-wild għandu l-istess tifsira f’dawn iż-żewġ kuntesti ( 19 ). B’mod partikolari, dan l-approċċ huwa spjegat mill-fatt li kemm l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Brussell IIa, kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ ritorn huma intiżi li jiżguraw li t-tilwim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jinqatgħu mill-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-wild, meqjusa li huma l-iktar adatti biex jipproteġu l-interessi ta’ dan tal-aħħar ( 20 ).

36.

Iktar preċiżament, mill-premessa 12 tar-regolament jirriżulta li r-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament tirrifletti l-kriterju ta’ prossimità, li permezz tiegħu l-leġiżlatur ried jittraduċi l-għan ta’ protezzjoni tal-interess superjuri tal-wild. Il-leġiżlatur qies li l-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-wild huma, minħabba l-qrubija tagħhom mal-ambjent soċjali u familjari tagħhom, fl-aħjar pożizzjoni biex jevalwaw interess tal-wild fil-kuntest tal-proċedura fuq il-mertu ( 21 ), jekk ikun meħtieġ wara li jkun sar ir-ritorn tal-wild f’dan l-Istat Membru taħt id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 kif issupplimentati mir-Regolament Brussell IIa. Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni, bħall-mekkaniżmu tar-ritorn, isegwu ċertu kunċett tal-interess superjuri tal-wild mifhum b’mod ġenerali ( 22 ). Il-konkretizzazzjoni iktar speċifika ta’ dan l-interess seħħ iktar tard, fl-istadju tal-kawża fil-mertu dwar il-kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri ( 23 ).

37.

La l-Konvenzjonijiet ta’ Den Haag u lanqas ir-Regolament Brussell IIa ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-wild. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-qrati tal-Istati firmatarji ta’ dawn il-konvenzjonijiet, kellha tiddelinja l-qafas ta’ test sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-wild f’kull kawża speċifika. Eżerċizzju bħal dan jinvolvi t-tfittxija ta’ bilanċ bejn diversi rekwiżiti.

38.

Min-naħa, dan it-test għandu jkun flessibbli biżżejjed sabiex il-qrati jkunu jistgħu jadattaw id-deċiżjonijiet tagħhom skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ sabiex jirriflettu bl-aħjar mod il-kriterju ta’ prossimità. F’dan ir-rigward, ix-xogħlijiet preparatorji għall-adozzjoni tal-Konvenzjonijiet ta’ Den Haag juru li l-awturi tagħhom deliberatament ħallew barra d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-wild. Dawn tal-aħħar qiesu li dan il-kunċett huwa bbażat fuq evalwazzjonijiet fattwali u ma kellux jiġi fformulat f’regoli legali riġidi bħal dawk li jirregolaw l-identifikazzjoni tad-domiċilju ( 24 ).

39.

It-test magħżul għandu, min-naħa l-oħra, jiżgura ċertu livell ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali filwaqt li jinkwadra s-setgħa diskrezzjonali tal-qrati permezz ta’ indikaturi suffiċjenti. Dan l-imperattiv tal-aħħar jikkorrispondi wkoll mal-għan ta’ uniformità fl-applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa u tal-konvenzjonijiet ta’ Den Haag: iktar ma jkunu preċiżi u ċari l-punti ta’ riferiment, iktar ikunu prevedibbli r-riżultati u, għalhekk, uniformi fid-diversi qrati differenti kkonċernati.

40.

Nemmen li huwa utli li hawnhekk tiġi enfasizzata l-importanza ta’ applikazzjoni koerenti u uniformi tal-kriterju ta’ residenza abitwali kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll ġewwa l-Istati firmatarji tal-Konvenzjonijiet ta’ Den Haag. L-isfida hija li jiġu evitati kunflitti ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri u dawk ta’ Stati oħra firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, kif ukoll li tiġi ffaċilitata applikazzjoni armonjuża tal-mekkaniżmu ta’ ritorn stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 ( 25 ). F’din il-perspettiva, jidhirli li huwa xieraq li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tiegħi, ċerti sentenzi mogħtija minn qrati ta’ Stati terzi firmatarji ta’ dawn il-konvenzjonijiet ( 26 ).

2.   Fuq il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika tal-wild fi Stat Membru bl-iskop li tiġi stabbilita r-residenza abitwali tiegħu (l-ewwel domanda)

a)   Kummenti introduttivi

41.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk huwiex essenzjali, sabiex il-wild jirrisjedi abitwalment fi Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Brussell IIa, li dan il-wild kien, anki jekk fil-passat u għal perijodu limitat, fiżikament preżenti hemmhekk.

42.

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din il-kwistjoni għandha bħala sfond dibattitu ġudizzjarju fi ħdan is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fil-kuntest ta’ tilwima li s-sitwazzjoni fattwali kellha punti komuni mal-kawża preżenti. Fis-sentenza A vs A (Children: Habitual Residence) ( 27 ), din il-qorti ntalbet tiddetermina r-residenza abitwali ta’ wild imwieled fil-Pakistan u li qatt ma rifes it-territorju tar-Renju Unit. Ommu, wara li għaddiet bosta snin fir-Renju Unit, fejn hija kienet diġà welldet tlett itfal, marret fil-Pakistan qabel il-konċepiment tar-raba’ wild bl-intenzjoni li tagħmel żjara temporanja. Hija mbagħad inżammet mal-ewwel tlett itfal tagħha mill-missier, li kien b’mod partikolari kkonfiska l-passaporti tagħhom u ġegħelha twelled ir-raba’ tarbija hemmhekk.

43.

Il-maġġoranza mmexxija minn Lady Hale kienet inklinata, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li r-residenza abitwali tal-wild hija kwistjoni ta’ fatt ( 28 ), li tqis il-preżenza fiżika tal-wild fir-Renju Unit bħala prerekwiżit sabiex tistabbilixxi r-residenza abitwali tiegħu hemmhekk. Billi għarfu, madankollu, li din il-kwistjoni ma setgħetx tinqata’ mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja titfa dawl permezz ta’ deċiżjoni preliminari, l-imħallfin fil-maġġoranza fl-aħħar nett ħallewha miftuħa billi straħu fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ingliżi fuq bażi oħra ta’ ġurisdizzjoni, jiġifieri l-ġurisdizzjoni parens patriae ( 29 ). Filwaqt li esprima opinjoni dissidenti, Lord Hughes qies, f’isem ukoll tal-approċċ fattwali adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-wild kien abitwalment residenti fir-Renju Unit peress li l-membri tal-familja li għalihom hu jappartjeni kienu stabbiliti biżżejjed sabiex ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom hemmhekk, u li l-wild kien assenti biss minħabba l-kostrizzjoni li wettaq il-missier ( 30 ).

44.

Il-kwistjoni mqajma fl-ewwel domanda preliminari nġiebet ukoll għall-attenzjoni tal-qrati Franċiżi. Il-Cour de cassation (il-Qorti ta’ Kassazzjoni (Franza)) kellha quddiemha sitwazzjoni li fiha omm, li kienet residenti fl-Istati Uniti tal-Amerika mal-missier u mal-ewwel tarbija tagħhom, kienet marret, waqt it-tqala, fi Franza ma’ dan il-wild għal żjara temporanja tal-familja. L-omm imbagħad baqgħet fit-territorju Franċiż, welldet it-tieni wild hemm u ddeċidiet unilateralment fuq in-nuqqas ta’ ritorn tal-ulied lejn l-Istati Uniti tal-Amerika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti ta’ Kassazzjoni (Franza)) iddeċidiet li ż-żewġ ulied kienu jirrisjedu abitwalment fl-Istati Uniti tal-Amerika, minkejja li t-tarbija li kienet għadha kemm twieldet qatt ma kienet marret hemmhekk ( 31 ).

45.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament enfasizzat li l-preżenza fiżika tal-wild ma hijiex biżżejjed biex tistabbilixxi r-residenza abitwali ta’ wild, hija għadha ma qatgħetx il-kwistjoni dwar jekk din tikkostitwixxix kundizzjoni neċessarja għal dan il-għan ( 32 ). Se nirreferi l-ewwel għal din il-ġurisprudenza u għat-test legali li joħroġ minnha (taqsima b). Fit-tieni stadju, ser niżvolġi r-raġunijiet għaliex, fid-dawl tal-prinċipji meħuda mill-ġurisprudenza eżistenti kif ukoll mill-għanijiet u l-kuntest tar-Regolament Brussell IIa, li l-preżenza fiżika tal-wild fi Stat partikolari ma tikkostitwix prerekwiżit għall-istabbiliment tar-residenza abitwali tiegħu f’dan l-Istat (taqsima c).

b)   Il-test stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46.

Fis-sentenzi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja elaborat u rfinat test li jippermetti li tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-wild fuq il-bażi ta’ approċċ essenzjalment fattwali u ffukat fuqu. Hija b’hekk fittxet li timplimenta l-kriterju ta’ prossimità użat mil-leġiżlatur sabiex jipproteġi l-interessi superjuri tal-wild.

47.

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-residenza abitwali tal-wild tikkorrispondi mal-post li jindika “ċerta integrazzjoni f’ambjent soċjali u familjari” ( 33 ), jew, skont il-kliem użat fis-sentenza reċenti HR, għall-“post fejn jinstab, effettivament, iċ-ċentru ta’ ħajtu” ( 34 ). L-applikazzjoni ta’ dan it-test jimplika evalwazzjoni fattwali intiża li jiġi ddeterminat dan il-post fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ partikolari. F’dan ir-rigward, “minbarra l‑preżenza fiżika tal‑wild fi Stat Membru, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra li jistgħu jindikaw li din il‑preżenza bl‑ebda mod ma hija waħda ta’ natura temporanja jew okkażjonali u li r‑residenza tal‑wild tirrifletti ċerta integrazzjoni f’ambjent soċjali u familjari” ( 35 ) – jew, biex nieħu l-kliem tas-sentenza Mercredi, “ċerta natura ta’ stabbiltà u ta’ regolarità” ( 36 ).

48.

Fost dawn il-fatturi hemm b’mod partikolari t-tul, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet għas-soġġorn fl-Istat Membru jew fl-Istati Membri inkwistjoni, in-nazzjonalità tal-wild ( 37 ), il-post u l-kundizzjonijiet tal-edukazzjoni, l-għarfien lingwistiku kif ukoll ir-relazzjonijiet familjari u soċjali tal-wild f’dan l-Istat Membru jew f’dawn l-Istati Membri ( 38 ). L-intenzjoni tal-ġenituri dwar il-post tar-residenza tal-wild, sakemm tkun espressa b’miżuri tanġibbli (bħall-akkwist jew il-kiri ta’ dar) tikkostitwixxi indikazzjoni addizzjonali ( 39 ). Il-piż relattiv ta’ dawn l-elementi jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw kull każ konkret ( 40 ).

49.

Meta ntalbet tapplika dan it-test sabiex tidentifika r-residenza abitwali ta’ tarbija ( 41 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba fis-sentenza Mercredi ( 42 ), irrikonoxxiet li l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u tal-familja ma tistax tinjora ċ-ċirkustanzi li fih jinsab is-soġġorn tal-persuni li fuqhom jiddependi. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-ambjent li fih jiżviluppa wild ta’ età żgħira huwa essenzjalment familjari u ddefinit mill-persuna jew persuni ta’ riferiment li jgħix magħhom, li fil-fatt iħarsuh u li jieħdu ħsiebu ( 43 ) – ġeneralment il-ġenituri tiegħu ( 44 ). Konsegwentement, meta wild bħal dan jgħix ta’ kuljum mal-ġenituri tiegħu, id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tiegħu timplika dak il-post fejn il-ġenituri tiegħu jkunu preżenti b’mod stabbli u integrati f’ambjent soċjali u familjari ( 45 ).

50.

Dan il-post għandu jiġi identifikat fid-dawl ta’ lista, mhux eżawrjenti, ta’ indizji tal-istess natura li jikkonfermaw l-integrazzjoni tal-wild f’ambjent bħal dan. Dawn l-indizji jinkludu t-tul ta’ żmien, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet għaż-żjara tal-ġenituri fl-Istat Membru jew fl-Istati Membri kkonċernati, l-għarfien lingwistiku tagħhom, l-oriġini ġeografika u familjari tagħhom u kif ukoll ir-relazzjonijiet familjari u soċjali li jkollhom hemm ( 46 ). L-intenzjoni tal-ġenituri li jistabbilixxu ruħhom mal-wild f’post partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn tirrifletti r-realtà tal-integrazzjoni tal-ġenituri (u għalhekk tal-wild) f’ambjent soċjali u familjari ( 47 ). Minn din il-perspettiva, din l-intenzjoni tal-ġenituri hija fattur li, għalkemm importanti, mhux neċessarjament hija deċiżiva ( 48 ). Il-piż attribwit għall-aspetti relatati mal-integrazzjoni tal-ġenituri huwa funzjoni tal-grad ta’ dipendenza tal-wild, li jvarja skont l-età tiegħu, meta mqabbel mal-ġenituri tiegħu.

51.

Il-loġika ta’ dan l-approċċ tidher b’mod ċar meta l-kwistjoni tkun ir-residenza abitwali ta’ tarbija tat-twelid. Kieku kellhom jgħoddu biss l-elementi oġġettivi dwar l-integrazzjoni ġġenerata matul is-soġġorn tal-wild f’post speċifiku, kwalunkwe tarbija tat-twelid, li min-natura stess tas-sitwazzjoni ma jkollhiex iż-żmien biex tintegra fi kwalunkwe post, tiġi mċaħħda minn residenza abitwali. Minn dan kieku jirriżulta li l-ebda tarbija tat-twelid ma tkun protetta mill-mekkaniżmu ta’ ritorn previst mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, u supplimentata mir-Regolament Brussell IIa.

52.

Minn din l-espożizzjoni jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ hekk imsejjaħ “ibridu”, li jgħid li r-residenza abitwali tal-wild tiġi ddeterminata fuq il-bażi, minn naħa, ta’ fatturi oġġettivi li jikkaratterizzaw is-soġġorn tal-wild f’post partikolari u, min-naħa l-oħra, ta’ ċirkustanzi madwar is-soġġorn tal-ġenituri kif ukoll l-intenzjoni tagħhom dwar il-post tar-residenza tal-wild. Jekk id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tkun iddur madwar il-wild inkwantu tikkorrispondi mal-post fejn il-wild effettivament ikollu ċ-ċentru tal-ħajja tiegħu, dan il-post fih innifsu jiddependi, sa fejn ivarja skont l-età tal-wild, fuq fejn jinsab iċ-ċentru effettiv tal-ħajja tal-ġenituri tiegħu u fejn dawn ikollhom l-intenzjoni li jedukaw il-wild tagħhom.

53.

Kif ġie enfasizzat mill-Qorti Suprema tal-Kanada ( 49 ), li bbażat ruħha fuq diversi sentenzi mogħtija fi stati firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, l-approċċ ibridu, ippreferut fuq l-approċċ ibbażat fuq l-akklimatizzazzjoni biss tal-wild ( 50 ) u fuq dak li jagħti piż preponderanti lill-intenzjoni tal-ġenituri ( 51 ), issa jikkorrispondi għal tendenza li tirriżulta mill-ġurisprudenza dwar din il-konvenzjoni fuq livell internazzjonali.

c)   It-tagħlim li għandu jittieħed mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura indispensabbli jew le tal-preżenza fiżika

1) Fuq il-proposta li tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qatgħet il-kwistjoni

54.

Ebda waħda mill-partijiet interessati ma tikkontesta li fil-prattika, l-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ konkret iwassal ġeneralment għall-konklużjoni li tgħid li ċ-ċentru effettiv tal-ħajja tal-wild – u, għaldaqstant, ir-residenza abitwali tiegħu – tinsab fil-post fejn ikun diġà kien fiżikament preżenti. Madankollu, UD, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Ċek huma tal-parir, bil-kontra ta’ XB u tal-Kummissjoni, li, f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, din l-evalwazzjoni tista’ tiġġustifika li l-wild jirrisjedi abitwalment fi Stat li fih qatt ma jkun mar.

55.

Għal dan il-għan, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija hawn fuq taħbi, kif sostnew XB u l-Kummissjoni, ċerti siltiet li mad-daqqa ta’ għajn jargumentaw favur il-konklużjoni li l-preżenza fiżika tal-wild fi Stat Membru hija prerekwiżit għall-istabbiliment tar-residenza abitwali hemmhekk. Madankollu, qari kuntestwali ta’ dawn is-siltiet iwassalni nqis li jkun kmieni wisq li dan jiġi dedott minn konklużjoni bħal din.

56.

L-ewwel nett, l-użu repetut tal-kliem “minbarra l‑preżenza fiżika tal‑minuri [wild][…]” ( 52 ) jista’ ċertament iħalli lil dak li jkun jaħseb li dan il-fattur jikkostitwixxi ingredjent neċessarju sabiex tiġi stabbilita r-residenza abitwali tal-wild. Madankollu, fid-dawl tal-konfigurazzjoni fattwali tal-kawżi ta’ quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma eżaminat speċifikament il-kwistjoni tan-natura indispensabbli jew le tal-preżenza fiżika. Kif sostnew UD u l-Gvern tar-Renju Unit, l-uniku tagħlim li jista’ jinsilet mill-użu ta’ dan il-kliem jikkonsisti fil-fatt li l-preżenza fiżika ma hijiex biżżejjed biex tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-wild. Ma jistax jiġi estrapolat minn dan li l-element ta’ preżenza fiżika huwa neċessarju għal dak il-għan.

57.

Lanqas ma hija iktar konklużiva s-silta mis-sentenza W u V ( 53 ), invokata mill-Kummissjoni, li tgħid li “id-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild fi Stat Membru partikolari teħtieġ ta’ mill-inqas li l-wild kien fiżikament preżenti f’dan l-Istat Membru”. Dan il-kliem għandu, fil-fatt, jitqiegħed fil-kuntest fattwali tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza. Wieħed mill-ġenituri kien qed jallega li l-wild kien abitwalment residenti fil-Litwanja, filwaqt li n-nazzjonalità tiegħu kienet l-unika rabta ma’ dak l-Istat Membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet indikat li s-sempliċi nazzjonalità ta’ Stat Membru ma tistax tikkumpensa l-assenza ta’ konnessjonijiet tanġibbli ma’ dak l-Istat Membru ( 54 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx taqta’ l-kwistjoni jekk, fejn jeżistu dawn ir-rabtiet, dawn jistgħu jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ preżenza fiżika fl-Istat Membru inkwistjoni.

58.

Fl-aħħar nett, is-sentenza OL ( 55 ) lanqas ma ssostni t-teżi proposta minn XB u l-Kummissjoni. Il-kawża li wasslet għaliha kienet timplika l-wild ta’ omm Griega u ta’ missier Taljan li kienu jgħixu t-tnejn li huma fl-Italja qabel ma twieled. Skont il-missier, huma kienu qablu dwar it-twelid tat-tifel fil-Greċja, bil-ftehim li t-tifel u l-omm eventwalment jirritornaw l-Italja – ħsieb li l-omm kienet irrifjutat li twettaq. Il-missier allega quddiem qorti Griega li l-omm kienet żammet il-wild illegalment fi Stat Membru (il-Greċja) li ma kienx dak li fih kellu r-residenza abitwali immedjatament qabel in-nuqqas ta’ ritorn tiegħu (l-Italja) fis-sens tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Brussell IIa. Din il-qorti kellha, għaldaqstant, teżamina jekk il-wild kienx jirrisjedi abitwalment l-Italja fil-mument rilevanti, minkejja li qatt ma kien mar hemm.

59.

F’dan il-kuntest, din il-qorti kienet staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-preżenza fiżika tal-wild fi Stat Membru kinitx tikkostitwixxi, f’kull każ, prerekwiżit sabiex tistabbilixxi r-residenza abitwali. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset li l-ġurisprudenza preċedenti kienet tat risposta affermattiva għal din il-kwistjoni, hija setgħet sempliċement tindika dan lill-qorti nazzjonali – ħaġa li kienet tippermettilha taqta’ t-tilwima pendenti quddiemha. L-Avukat Ġenerali Wahl kien barra minn hekk ippropona lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari abbażi tas-sentenza W u V ( 56 ), li tittieħed din id-direzzjoni ( 57 ).

60.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant, ifformulat mill-ġdid din id-domanda bil-għan li ma tingħatax deċiżjoni ġenerali u astratta, sabiex tgħin lil din il-qorti taqta’ t-tilwima pendenti quddiemha ( 58 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat iktar speċifikatament is-sitwazzjoni, kif kienet fil-kawża inkwistjoni, li fiha l-wild kien twieled u rresjeda ininterrottament mal-omm għal diversi xhur, konformement mar-rieda komuni tal-ġenituri, barra mill-Istat Membru li fih kienu jirrisjedu qabel twelidu. Hija eżaminat jekk, f’sitwazzjoni bħal din, l-intenzjoni inizjali tal-ġenituri fir-rigward tar-ritorn tal-omm akkumpanjata mill-wild f’dan l-Istat Membru kinitx tikkostitwixxi fattur preponderanti sabiex iqis li l-wild kellu r-residenza abitwali hemmhekk, indipendentement mill-fatt li qatt ma kien hemm fiżikament.

61.

B’risposta għad-domanda b’hekk irriformulata, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement, minn naħa, irrifjutat li tistabbilixxi regola ġenerali li tgħid li l-intenzjoni komuni ta’ dawk responsabbli bħala ġenituri fir-rigward tar-ritorn tal-wild fi Stat Membru hija preponderanti u tipprevali awtomatikament fuq il-preżenza fiżika tal-wild fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, ma teżistix regola assoluta li tgħid li r-residenza abitwali tal-wild issegwi dik tal-ġenituri tiegħu u ma tistax tinbidel unilateralment minn wieħed mill-ġenituri responsabbli kontra r-rieda tal-ieħor ( 59 )

62.

Minn naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat jekk iċ-ċirkustanzi li tressqu quddiemha mill-qorti nazzjonali kinux jippermettulha tqis li l-wild kienx jirrisjedi abitwalment fl-Istat membru li fih il-ġenituri tiegħu kellhom inizjalment l-intenzjoni jgħixu miegħu (l-Italja) – eżerċizzju li l-Qorti tal-Ġustizzja segħtet tqis li kien superfluwu kieku kien dehrilha ċar li n-nuqqas ta’ preżenza fiżika tal-wild kienet biżżejjed biex teskkludi li kien qed jirrisjedi abitwalment. Wara evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-wild ma kienx abitwalment residenti f’dan l-Istat Membru peress li kien ilu jgħix fil-Greċja għal diversi xhur u twieled hemmhekk skont ir-rieda komuni tal-ġenituri tiegħu ( 60 ). Hija assolutament ma eskludietx il-possibbiltà li, f’ċirkustanzi oħra, b’mod partikolari meta l-post ta’ twelid ma jkunx jirrifletti r-rieda komuni tal-ġenituri, qorti nazzjonali tintalab tikkonstata li, fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha, iċ-ċentru effettiv tal-ħajja tal-wild ikunu fi Stat Membru fejn huwa qatt ma jkun għex.

2) Fuq l-għażla tal-approċċ li jikkonċilja l-aħjar mal-ġurisprudenza u l-għan tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Brussell IIa

63.

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma qatgħatx il-kwistjoni ta’ jekk il-preżenza fiżika fi Stat Membru hijiex neċessarja jew le sabiex tiġi stabbilita r-residenza abitwali tal-wild, għandu jiġi eżaminat jekk l-approċċ fattwali, adottat fil-ġurisprudenza fid-dawl tal-kriterju ta’ prossimità indikat mil-leġiżlatur, jirrikonċiljax ruħu aħjar ma’ waħda jew l-oħra mis-soluzzjonijiet proposti mill-partijiet ikkonċernati.

64.

Skont UD u l-Gvern tar-Renju Unit, in-natura fattwali tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-wild ma tantx toqgħod mal-impożizzjoni ta’ regola li tgħid li l-preżenza fiżika fi Stat Membru tikkostitwixxi kundizzjoni sine qua non biex tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-wild, indipendentement mill-eżami ta’ ċirkustanzi rilevanti oħra. B’mod partikolari, dawn tal-aħħar jenfasizzaw l-importanza ta’ fatturi relatati mal-integrazzjoni tal-ġenitur li jkollu l-kustodja effettiva ta’ wild ta’ età żgħira. Għall-kuntrarju, XB u l-Kummissjoni jqisu li, peress li min-natura stess tal-affarijiet wild ma jistax ikun integrat f’post fejn hu qatt ma mar, l-iffissar tar-residenza abitwali tiegħu f’post bħal din tkun finzjoni inkompatibbli man-natura fattwali tal-kunċett inkwistjoni.

65.

Fil-fehma tiegħi, l-ewwel waħda minn dawn il-pożizzjonijiet hija l-ewwel nett inkompatibbli mal-approċċ fattwali li trid il-Qorti tal-Ġustizzja. Li tistabbilixxi n-nuqqas ta’ preżenza fiżika bħala kriterju diskriminanti jwassal għall-ħolqien ta’ sottotest legali sa fejn, fin-nuqqas li wieħed jissodisfa prerekwiżit dwar il-preżenza fiżika tal-wild, l-ebda wieħed mill-fatturi rilevanti ma jkun jista’ jiġi eżaminat. Tali regola ġenerali u astratta twassal għal telf tal-flessibbiltà li tippermetti l-konkretizzazzjoni tal-kriterju ta’ prossimità fl-interess superjuri tal-wild. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza esposta hawn fuq, dan il-kriterju wassal, iktar mill-prossimità ġeografika bejn il-wild u post speċifiku, għall-prossimità bejn il-wild u ambjent soċjali u familjari f’post speċifiku.

66.

Huwa neċessarju approċċ flessibbli, b’mod partikolari, sabiex jiġu ttrattati l-każijiet speċifiċi ta’ trabi li jitwieldu u li joqogħdu f’pajjiż differenti minn dak tal-ġenituri tagħhom, mir-rabtiet tal-familja u soċjali tagħhom u miċ-ċentru effettiv ta’ ħajjithom. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, peress li t-trabi ma kinux kapaċi min-natura tagħhom jiżviluppaw rabtiet effettivi fi kwalunkwe post indipendentement mill-ġenituri li jiddependu fuqhom, iċ-ċentru effettiv tal-ħajja tat-trabi jiddependi fuq dak tal-ġenituri tagħhom ( 61 ). Fil-fehma tiegħi, jekk titwarrab din ir-realtà soċjali u familjari dan iwassal għal riżultati iktar artifiċjali milli għar-rikonoxximent li, f’dawn is-sitwazzjonijiet partikolari, tarbija jista’ jkollha r-residenza abitwali tagħha f’post fejn qatt ma kienet fiżikament preżenti.

67.

Id-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ tarbija timplika, għalhekk, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-parametri oġġettivi madwar is-soġġorn tat-tarbija fil-pajjiż fejn tinsab, imma wkoll indizji dwar l-integrazzjoni tal-ġenitur jew tal-ġenituri li tiddependi fuqhom f’ambjent soċjali u familjari f’pajjiż ieħor. F’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanzi fl-oriġini tal-preżenza tat-tarbija u tal-ġenitur jew ġenituri li minnu jew minnhom tiddependi fl-ewwel pajjiż – u, b’mod korrispondenti, in-nuqqas tagħhom mit-tieni pajjiż – fit-twelid u matul l-eżistenza qasira tagħha, huma ta’ importanza partikolari.

68.

Fil-fehma tiegħi, meta ċirkustanzi esterni għar-rieda tal-ġenitur jew tal-ġenituri li minnhom jiddependi, bħal każ fortuwitu jew forza maġġuri, iwasslu għat-twelid u s-soġġorn tat-tarbija barra l-Istat li fih iċ-ċellula tal-familja li tagħha hija membru, imwaqqfa mill-ġenitur jew ġenituri tagħha, u fejn ikun il-każ, minn membri oħra, tkun stabbilita b’mod stabbli u regolari, it-tarbija jkollha r-residenza abitwali tagħha f’dak l-Istat. Iċ-ċentru tal-ħajja tat-tarbija jinsab għaldaqstant, fil-fatt, fejn ikun maħsub li tiġi integrata f’din iċ-ċellula tal-familja u fejn kienet kellha tinsab diġà fl-assenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi esterni.

69.

Eżempju ispirat minn żewġ deċiżjonijiet tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fil-kawża A vs A (Children: Habitual Residence) ( 62 ) kif ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern Ċek juri l-ħsieb tiegħi. Nimmaġinaw li koppja stabbilita b’mod stabbli u regolari fil-Ġermanja tmur għal btala fi Franza, fejn il-mara jkollha twelled prematurament. Għandu jitqies li immedjatament wara t-twelid tiegħu, il-wild jirrisjedi abitwalment fejn joqogħdu l-ġenituri tiegħu (u, jekk ikun il-każ, l-aħwa tiegħu ikbar minnu), fejn se jispiċċa jirrisjiedi u fejn, forsi, qed tistennieh il-benniena tiegħu diġà (jiġifieri fil-Ġermanja), jew li qabel ma mar il-Ġermanja, il-wild ma għandu l-ebda residenza abitwali ( 63 )?

70.

Fil-fehma tiegħi ftit hemm dubju li l-konklużjoni li l-wild huwa abitwalment residenti fil-Ġermanja immedjatament wara t-twelid tiegħu jirrifletti b’mod iktar preċiż ir-realtà tal-integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u familjari ( 64 ).

71.

Dawn il-konklużjonijiet jgħoddu, naturalment, bla ħsara għall-possibbiltà li r-residenza abitwali tal-wild tiċċaqlaq minħabba l-mogħdija taż-żmien u bidla f’ċirkustanzi oġġettivi. B’dan il-mod, jekk il-wild mitwieled b’urġenza barra mill-Istat li fih tkun stabbilita ċ-ċellula tal-familja li tagħha jkun parti jkollu r-residenza abitwali ta’ dak l-Istat, din il-konklużjoni tgħodd biss sat-tul tas-soġġorn tal-wild fl-Istat tat-twelid u r-rabtiet kulturali u soċjali li jirriżultaw minnha ma jbiddlux it-tendenza favur il-konstatazzjoni li l-wild ikun kiseb hemm, fil-fatt, iċ-ċentru tal-ħajja tiegħu. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, ir-realtà tar-rabtiet tal-wild mal-Istat li fih kellu vokazzjoni li jintegra ruħu f’ambjent soċjali u familjari ssir dgħajfa, sal-punt li ssir finzjoni.

72.

B’dan il-mod, l-interpretazzjoni li qed nipproponi ma tpoġġix fid-dubju l-fatt li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ir-residenza abitwali tal-wild tikkorrispondi mal-post fejn effettivament kien preżenti. Din tfisser biss li d-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-wild hija maħsuba li tirrifletti r-realtà tal-integrazzjoni tat-tfal f’ambjent soċjali u familjari, mingħajr ma tkun limitata għal dak l-effett minn regoli legali riġidi. F’sitwazzjonijiet speċifiċi li jinvolvu t-trabi, apprezzament taċ-ċirkustanzi uniċi ta’ kull każ jista’ jwassal għall-fehma li l-wild, fil-fatt, ikollu ċ-ċentru tal-ħajja tiegħu f’pajjiż fejn hu qatt ma kien preżenti fiżikament.

73.

Ċerti Mħallfin tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) esponew xi riflessjonijiet qawwija f’dan is-sens. F’diversi okkażjonijiet, huma enfasizzaw li, għalkemm it-tweżin tal-fatturi li jiddeterminaw ir-residenza abitwali tal-wild ma jistax jiġi ddeterminat b’regoli legali, dan jista’ madankollu jiġi inkwadrat b’mod utli b’ċerti “ġeneralizzazzjonijiet ta’ fatt”. Fi kliem ieħor, ċerti proposti jirriżultaw, ġeneralment, għalkemm mhux dejjem, konsistenti mas-sitwazzjoni fattwali li fiha jinsab il-wild ( 65 ).

74.

Dan huwa l-każ tal-proposta li t-tarbija tirċievi r-residenza abitwali tagħha minn dik tal-ġenitur jew ġenituri li tiddependi fuqhom ( 66 ), kif ukoll il-proposta li r-residenza abitwali tal-wild tippresupponi ċerta preżenza fiżika fil-pajjiż ikkonċernat ( 67 ). Il-fatt li dawn iż-żewġ proposti jistgħu jidħlu f’kunflitt (kif juri l-eżempju msemmi iktar ’il fuq) jenfasizza l-impossibilità li jiġu stabbiliti bħala regoli legali assoluti.

75.

Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni, fil-fehma tiegħi, minn kunsiderazzjonijiet relatati man-neċessità ta’ prevedibbiltà, ta’ sigurtà u ta’ uniformità tas-soluzzjonijiet fi ħdan l-Unjoni.

76.

Qabel kollox, il-metodu indiċjarju adottat fil-ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza A ( 68 ) jġib neċessarjament miegħu, bħala korollarju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li tattribwixxi lill-qrati nazzjonali, ċertu riskju ta’ eterogeneità tas-soluzzjonijiet adottati mill-qrati differenti f’każijiet komparabbli ( 69 ). Dan il-“prezz li għandu jitħallas” huwa ġeneralment aċċettat f’isem il-flessibbiltà neċessarja għall-konkretizzazzjoni, fl-interess superjuri tal-wild, tal-kriterju ta’ prossimità mal-ambjent soċjali u familjari tiegħu. Jiena ma narax kif il-każijiet speċifiċi tat-trabi li jitwieldu u jirrisjedu f’pajjiż li ma jkunx, fil-fatt, dak li huwa ċ-ċentru tal-ħajja tal-ġenituri tiegħu – l-uniċi xenarji li fihom huwa prevedibbli li wild jirrisjedi abitwalment fi Stat Membru li ma jkun qatt mar fih – ikollhom, bil-kontra tal-każijiet l-oħra, jiġu ttrattati b’mod inflessibbli.

77.

Barra minn hekk, l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li approċċ flessibbli ma huwiex neċessarju f’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet, sa fejn il-wild jinsab fi Stat Membru, ma jikkunviċunix. Il-Kummissjoni tirrileva li, fl-assenza ta’ residenza abitwali, l-Artikolu 13 tar-Regolament Brussell IIa jipprevedi kap ta’ ġurisdizzjoni bbażat fuq il-preżenza tal-wild. Jiena nosserva, madankollu, li dan il-kap ta’ ġurisdizzjoni, li jinkludi dimensjoni ġeografika waħda biss tal-kriterju ta’ prossimità, ma jagħti ebda attribut ta’ stabbiltà – li huwa n-natura sussidjarja tiegħu ( 70 ). B’dan il-mod, l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament jiġi llimitat għall-każijiet eċċezzjonali li fihom ikun impossibbli li tiġi stabbilita r-residenza abitwali tal-wild ( 71 ). Barra minn hekk, kif enfasizza l-Gvern tar-renju Unit, il-problema tieħu importanza prattika iktar fundamentali fil-kuntest tal-proċedura ta’ ritorn. Fil-fatt, fl-eventwalita li fiha, fl-eżempju li semmejt iktar ‘il fuq, wieħed mill-ġenituri jirrifjuta li jerġa’ lura l-Ġermanja bit-tarbija tat-twelid, din il-proċedura ma tkun tista’ tinbeda biss jekk jitqies li dan tal-aħħar ikun qed jirrisjedi hemm abitwalment.

78.

Fl-aħħar nett, jiena niddubita li regola li tgħid li r-residenza abitwali li timplika neċessarjament element ta’ preżenza fiżika twassal, f’kull każ, għal benefiċċji reali f’termini ta’ ċertezza legali. Il-ġenituri, residenti fil-Ġermanja, tal-wild imwieled fi Franza minħabba każ ta’ forza maġġuri jistgħu, fil-fatt, leġittimament jistennew li l-qrati Ġermaniżi jaqtgħu kull diverġenza dwar l-awtorità tal-ġenituri. Mill-perspettiva ta’ dawn tal-aħħar, regola li tobbliga lill-qrati jiddikjaraw ruħhom li ma għandhomx ġurisdizzjoni sempliċement għaliex il-wild ma jkunx għadu jinsab fil-Ġermanja minħabba avveniment imprevedibbli u involontarju jkun sors ta’ inċertezza legali ( 72 ).

79.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ma jistax jiġi attribwit awtomatikament, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta’ kull każ, piż deċisiv lill-kriterju ta’ preżenza fiżika. Il-preżenza fiżika tal-wild fi Stat Membru għaldaqstant ma hijiex prerekwiżit sabiex jitqies li jirrisjedi abitwalment fih fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Brussell IIa.

3.   Dwar ir-rilevanza tal-kostrizzjoni sabiex tiġi determinata r-residenza abitwali tal-wild (it-tieni domanda)

a)   Kummenti introduttivi

80.

Skont it-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-influwenza li jeżerċita, sabiex jiġi ddeterminat jekk wild huwiex abitwalment residenti fi Stat Membru minkejja li qatt ma kien preżenti fiżikament fih, il-fatt li, skont l-allegazzjonijiet tal-omm, din ġiet imqarrqa mill-missier sabiex tmur f’pajjiż terz u, sussegwentement, inżammet illegalment minn dan tal-aħħar, b’mod li ġiet mġiegħla twelled hemmhekk. Din il-qorti żżid li din is-sitwazzjoni x’aktarx tinvolvi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-omm u tal-wild skont l-Artikoli 3 u 5 tal-KEDB, li l-kontenut tagħhom itenni l-Artikoli 4 u 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

81.

Din id-domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tippreċiża l-importanza tal-fatt li l-preżenza tal-omm u t-tifel fil-Bangladexx fil-mument tat-tressiq tal-kawża – u, simmetrikament, l-assenza tagħhom mit-territorju tar-Renju Unit – kien unikament ir-riżultat tal-kostrizzjoni tal-missier. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, UD tallega, essenzjalment, li l-intenzjoni inizjali tagħha, li hija kienet tqis li kienet kondiviża minn XB (li għandu flimkien mal-omm ir-responsabbiltà tal-ġenituri) fil-mument tat-tluq tagħhom mill-Bangladexx, kienet li twelled u jibqgħu jgħixu mal-wild fir-Renju Unit ( 73 ). Din l-intenzjoni, madankollu, ma setgħetx timmaterjalizza konkretament minħabba l-kostrizzjoni eżerċitata mill-missier.

82.

Tali konfigurazzjoni fattwali sfortunatament ma tidhirx li hija limitata għal każ eċċezzjonali u iżolat. Hekk kif osserva l-Gvern tar-Renju Unit, din tikkorrispondi għal fenomenu diġà osservat u diskuss quddiem il-qrati tar-Renju Unit f’kawżi oħra ( 74 ).

83.

Jiena l-ewwel nett ser nipprova nevalwa sa fejn id-dimensjoni ta’ kostrizzjoni msemmija hawn fuq għandha tiġi kkunsidrata fl-applikazzjoni tal-prinċipji meħuda mill-ġurisprudenza eżistenti (taqsima b). It-tieni nett, ser nittratta l-kwistjoni dwar jekk l-interess superjuri tal-wild u d-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta jirrikjedux l-applikazzjoni ta’ prinċipji oħra f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (taqsima c).

b)   Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza eżistenti

84.

Skont l-approċċ fattwali tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-omm welldet lil-wild tagħha f’pajjiż terz u baqgħet tgħix magħha biss minħabba l-kostrizzjoni tal-missier jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, element rilevanti għall-evalwazzjoni tar-rabtiet tal-wild kemm mal-pajjiż fejn huwa effettivament jgħix kif ukoll ma’ dak li fih kien jitwieled u jgħix fin-nuqqas ta’ din il-kostrizzjoni ( 75 ).

85.

Minn naħa, din iċ-ċirkustanza tikkontribwixxi għall-“kundizzjonijiet u raġunijiet għas-residenza” tal-omm u tal-wild fil-Bangladexx fis-sens tal-ġurisprudenza ( 76 ). F’dan il-każ, hija tista’ tagħti indizju li l-wild ma jirrisjedix abitwalment fil-Bangladexx minkejja li għandha, fiċ-ċirkustanzi, it-totalità tal-konnessjonijiet tagħha f’dan il-pajjiż fejn għexet mit-twelid tagħha u li jorbtu l-oriġini ġeografika u kulturali tagħha.

86.

L-ambjent tal-wild huwa, fid-dawl tal-età żgħira tiegħu, essenzjalment iddeterminat minn dik tal-persuna jew persuni li fuqhom tiddependi – jiġifieri, x’aktarx u fuq il-bażi tal-fatti esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju, ommha (il-missier irritorna lejn ir-Renju Unit). Skont l-allegazzjonijiet tal-omm, l-imġiba ta’ kostrizzjoni tal-missier ipprekludietha milli tiddeċiedi fejn se tgħix mat-tarbija tagħha u l-kostrizzjoni li tgħix f’raħal fejn hija sstigmatizzat mill-komunità lokali u mċaħħda minn kumditajiet essenzjali u l-flus. Issa, f’dawn il-kundizzjonijiet, niddubita li r-residenza involontarja u prekarja tal-omm u tal-wild fil-Bangladexx għandha natura ta’ stabbiltà u regolarità suffiċjenti biex il-wild ikollu r-residenza abitwali tiegħu hemmhekk. Nistgħu nitkellmu dwar l-integrazzjoni f’ambjent soċjali u familjari meta r-rabtiet tat-tarbija mal-Bangladexx setgħu jiżviluppaw biss minħabba sitwazzjoni li tirriżulta mill-kostrizzjoni eżerċitata mill-missier ( 77 )?

87.

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li UD hija mill-Bangladexx u tgħix hemm fir-raħal tal-familja tagħha. Fil-fatt, l-oriġini ġeografika u familjari tal-ġenitur li jkollu l-kustodja tal-wild – l-istess bħall-konnessjonijiet kulturali u familjari tal-wild li jirriżultaw minnhom – huma biss wieħed mill-fatturi li jistgħu jkunu rilevanti fl-analiżi ġenerali taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari ( 78 ). Dan il-fattur ma jistax jostor ċirkustanzi oġġettivi oħra, bħal, b’mod partikolari, il-fatt li UD qed tinżamm fil-Bangladexx ma’ bintha bil-kostrizzjoni.

88.

Madankollu, minn naħa l-oħra, il-kunsiderazzjoni li, fin-nuqqas tal-imġiba ta’ kostrizzjoni tal-missier, it-tarbija kienet titwieled u tibqa’ hemm wara t-twelid tagħha mhux biżżejjed biex tistabbilixxi r-residenza abitwali tagħha f’dan l-Istat Membru. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki preżenza fiżika bħal din ma kinitx tkun biżżejjed biex tistabbilixxi r-residenza abitwali. Għal dan il-għan, ikunu meħtieġa rabtiet effettivi bejn il-wild u t-territorju tal-imsemmi Stat Membru li jippermettu li jitqies li l-wild, fil-fatt, ikollu hemmhekk iċ-ċentru tal-ħajja tiegħu.

89.

Kif spjegajt iktar ’il fuq ( 79 ), tarbija li tkun parti minn ċellula tal-familja li tagħha l-membri jiddisponu minn ċentru effettiv tal-ħajja tagħhom fi Stat Membru jirrisjedi hemmhekk abitwalment, anki meta ma jkunx hemm u ma jkunx għadu mar hemm minħabba ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tal-ġenitur jew tal-ġenituri li fuqhom jiddependi. Hija l-qorti tar-rinviju li jkollha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt din is-sitwazzjoni. Il-kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq għandhom jippermettu li titmexxa fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju.

90.

L-ewwel nett, l-elementi li jikkaratterizzaw is-soġġorn tal-omm fir-Renju Unit u r-rabtiet soċjali u familjari li hija żammet hemmhekk jistħoqqilhom attenzjoni partikolari. Fil-fatt, iċ-ċentru tal-ħajja tal-wild jista’ jinstab hemm biss jekk l-omm stess, li fuqha tiddependi, hija integrata hemmhekk b’mod stabbli f’ambjent soċjali familjari. F’dan is-sens, wieħed għandu jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-tul tas-soġġorn ta’ UD fir-renju Unit, il-perijodu kopert mill-viża tagħha ta’ konjuġi, l-għarfien lingwistiku tagħha kif ukoll ir-rabtiet soċjali u kulturali oħra f’dan l-Istat Membru.

91.

F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni sa fejn għandha titqies l-intenzjoni ta’ UD, li hija ħasbet li kienet kondiviża ma’ XB fil-mument tat-tluq tagħhom lejn il-Bangladexx, għar-rigward tas-soġġorn tal-wild fir-Renju Unit wara t-twelid tiegħu. F’dan ir-rigward, infakkar li l-intenzjoni komuni tal-ġenituri dwar il-post tar-residenza tal-wild ma taffetwax neċessarjament ir-rabtiet attwali bejn il-wild u post ieħor ( 80 ). Il-piż li għandu jingħata lil din l-intenzjoni jiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ konkret.

92.

Fil-fehma tiegħi, meta, minkejja l-intenzjoni oriġinali tal-ġenituri – jew tal-ġenitur wieħed li biħsiebu jeżerċita l-kustodja tal-wild ( 81 )– li jgħixu mal-wild f’post partikolari, dan il-wild jitwieled u jirrisjedi kontra r-rieda tal-ġenitur li fuqu jiddependi f’post ieħor, l-element intenzjonali huwa ta’ importanza partikolari. Dan huwa hekk għaliex, f’tali sitwazzjoni, l-elementi oġġettivi dwar ir-residenza tal-wild u ta’ dan il-ġenitur fejn jinsabu huma indikaturi ċari ta’ fejn dawn tal-aħħar ikunu realment integrati f’ambjent familjari u soċjali. L-intenzjoni dwar il-post tar-residenza tal-wild fi Stat partikolari, sakemm tintwera minn miżuri konkreti, b’hekk tikkostitwixxi fattur li jista’ jaffettwa dawn l-elementi oġġettivi u fl-appoġġ tal-integrazzjoni tal-ġenitur li jiddependi minnu l-wild f’dak l-Istat, anki jekk ikun assenti sa mit-twelid tal-wild.

93.

Jista’ jkun hemm indizji li juru li l-ġenituri jew l-omm waħedha, qabel it-tluq tagħhom lejn il-Bangladexx, ikunu ħadu passi biex iwelldu lill-wild fir-Renju Unit, biex joqogħdu f’akkomodazzjoni stabbli f’dan l-Istat Membru u biex jieħdu ħsiebu kuljum, u għandhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni b’attenzjoni partikolari sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-wild.

94.

Fit-tieni lok, fir-rigward taċ-ċirkustanzi madwar l-integrazzjoni tal-missier fl-Istat Membru kkonċernat, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ġenitur li ma jkollux effettivament il-kustodja tal-wild (anki jekk ikollu r-responsabbiltà tal-ġenitur) ikun parti mill-ambjent familjari biss sa fejn il-wild iżomm kuntatt regolari miegħu ( 82 ). Issa, fl-ipoteżi fejn il-missier jirritorna f’dan l-Istat Membru u jżomm lill-omm milli tiġi lura flimkien mal-wild tagħhom, dawn il-kuntatti ma jibqgħux iseħħu. Is-soġġorn u l-integrazzjoni tal-missier fl-imsemmi Stat Membru fil-mument tat-tressiq tal-kawża ma jagħtux, f’dawn il-kundizzjonijiet, indiżji adegwati fuq il-post fejn jinsab, fil-fatt, iċ-ċentru tal-ħajja tal-wild.

95.

Fit-tielet lok, il-perijodu ta’ żmien bejn it-twelid tal-wild u meta tiġi adita l-qorti tar-rinviju għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni. It-tul tar-residenza fi Stat partikolari jikkostitwixxi, b’mod ġenerali, fattur li jista’ jirrifletti l-integrazzjoni tal-wild f’dan l-Istat u, b’mod korrelattiv, l-assenza ta’ rabtiet tanġibbli ma’ Stat ieħor. Madankollu, l-importanza tiegħu fl-evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi rilevanti tvarja wkoll skont kull każ speċifiku ( 83 ).

96.

Għalhekk, dan il-fattur ma jirriflettix awtomatikament ir-realtà tal-integrazzjoni tal-wild meta t-tul kontinwu tar-residenza tiegħu fi Stat u, b’mod simetriku, in-nuqqas tiegħu minn Stat ieħor ikun dovut biss għall-kostrizzjoni. Ċertament, ħlief meta tingħata passata artifiċjali għall-kunċett ta’ “residenza abitwali”, wild li jikber u jiżviluppa rabtiet fl-Istat li fih ikollu jirrisjedi, mingħajr ma jiżviluppa ebda kuntatt mal-Istat li fih kellu jirrisjedi fin-nuqqas ta’ kostrizzjoni, jitlef f’ċertu punt ir-residenza abitwali tiegħu f’dan l-aħħar Stat ( 84 ). Madankollu, dan ma huwiex neċessarjament il-każ ta’ wild li, bħal f’dan il-każ, kien għadu tarbija fid-data tal-ftuħ tal-kawża. Għaldaqstant, it-tul tas-soġġorn tiegħu fil-Bangladexx ma għandux, fil-fehma tiegħi, jimpedixxi li r-residenza abitwali tiegħu tiġi stabbilita fir-Renju Unit.

97.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jwasslu għall-konklużjoni li ġejja f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-wild twieldet f’pajjiż terz u ma tħallietx tivvjaġġa ma’ ommu lejn Stat Membru minħabba l-kostrizzjoni eżerċitata mill-missier u fejn il-wild kien għadu tarbija meta ġiet adita l-qorti tar-rinviju. F’sitwazzjoni bħal din, il-wild ma jirrisjedix abitwalment f’dan l-Istat Membru, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Brussell IIa, sa fejn fl-assenza ta’ kostrizzjoni, kien ikun preżenti b’mod stabbli u regolari u integrat bħala membru ta’ ċellula tal-familja fejn il-membru jew il-membri l-oħra tagħha jkollhom, fil-fatt, iċ-ċentru tal-ħajja tagħhom f’dak l-Istat Membru. It-tlaqqigħ ta’ din il-kundizzjoni jimplika li l-omm tkun integrata f’ambjent soċjali u familjari fl-Istat Membru inkwistjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li fosthom hemm il-fatturi oġġettivi dwar is-soġġorn preċedenti u l-integrazzjoni tal-omm f’dan l-Istat Membru kif ukoll il-manifestazzjonijiet tanġibbli tal-intenzjoni ta’ din tal-aħħar dwar il-post tar-residenza tal-wild.

c)   Fuq il-kunsiderazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-wild u tal-omm

98.

Għal raġunijiet ta’ kompletezza, jidhirli utli li nippreċiża li, fil-każ li l-applikazzjoni tat-test taċ-“ċentru effettiv tal-ħajja tal-wild” ma jagħmilhiex possibbli li wieħed jibbaża l-ġurisdizzjoni ġenerali fil-qrati tar-Renju Unit, il-protezzjoni tal-interess superjuri tal-wild iggarantit fl-Artikolu 24 tal-Karta u fid-Drittijiet Fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 4 u 6 tal-Karta ( 85 ) ma tiġġustifikax konklużjoni differenti.

99.

Infakkar li dan it-test jirrifletti l-kriterju ta’ prossimità li huwa l-bażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Brussell IIa u li permezz tiegħu l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jipproteġi l-interessi superjuri tal-wild b’mod ġenerali ( 86 ). Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, fil-fehma tiegħi, jipprekludu l-ħolqien ta’ test derogatorju li jiddevja minn dan il-kriterju meta l-interess superjuri tal-wild maqbud f’każ partikolari u d-drittijiet fundamentali l-oħra tiegħu jkunu mhedda fl-Istat terz fejn ikun jinsab.

100.

L-ewwel nett, skont l-Artikolu 51(2) tal-Karta, din “ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni”. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta, fid-dawl tal-Karta, id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-poteri kkonferiti fuqha ( 87 ). Issa, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma humiex obbligati, skont id-dritt tal-Unjoni jew skont il-KEDB, li jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq sitwazzjonijiet li jseħħu fi Stati terzi fin-nuqqas ta’ rabta pprovduta mid-dritt tal-Unjoni jew il-KEDB kif interpretata fil-ġurisprudenza ta’ Strasbourg ( 88 ).

101.

It-tieni nett, ir-Regolament Brussell IIa diġà jistabbilixxi mekkaniżmu li jawtorizza lill-Istati Membri jipproteġu l-interessi ta’ wild anki fin-nuqqas ta’ rabta prevista mid-dritt tal-Unjoni. Meta ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 8 sa 13 tar-Regolament Brussell IIa, l-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu, fuq bażi residwa, jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-qrati tagħhom skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom. Għalhekk, hemm il-possibbiltà għal kull Stat Membru, fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ibbażati fuq il-kriterju ta’ prossimità ma jagħmluhiex possibbli li jiġu indikati l-qrati ta’ kwalunkwe Stat Membru, li jibbażaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati tagħhom skont regoli tad-dritt nazzjonali u jwarrbu dan il-kriterju.

102.

Fil-każ preżenti, din il-ġurisdizzjoni residwa teżisti fl-ordinament legali tar-Renju Unit fil-forma tal-ġurisdizzjoni parens patriae tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru. Hekk kif jirriżulta mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni hija madankollu limitata għaċ-ċittadini Brittaniċi u taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-qrati nazzjonali.

103.

Barra minn hekk, XB sostna li, jekk ikun il-każ, UD tista’ tirrikorri fil-qrati tal-Bangladexx, b’mod partikolari fil-każ li d-dritt ta’ dak l-Istat terz jipprevedi regoli ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq il-preżenza tal-wild. F’dan ir-rigward, għalkemm il-qorti tar-rinviju tispeċifika li ż-żamma mill-missier tal-omm u l-wild x’aktarx tikser id-drittijiet fundamentali ta’ dawn tal-aħħar, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tirriferixxix espressament għal allegazzjonijiet li r-Repubblika tal-Bangladexx naqset milli tissodisfa l-obbligu pożittiv tagħha li tipproteġi dawn id-drittijiet, partikolarment b’mezzi ġudizzjarji ( 89 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li mhux xieraq li din l-analiżi tiġi bbażata fuq suppożizzjonijiet f’dan is-sens.

104.

Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 14 tar-Regolament Brussell IIa, fil-fehma tiegħi, jagħti l-idea li kull Stat Membru għandu jiddeċiedi, b’mod partikolari fuq il-bażi, jekk ikun il-każ, ta’ “comity” (“korteżija bejn in-nazzjonijiet”), jekk is-suspett li l-qrati ta’ Stat terz ma japplikawx għall-omm u għall-wild regoli ta’ protezzjoni konsistenti mad-drittijiet u l-valuri prevalenti fl-Istat Membru inkwistjoni jiġġustifikax jew le l-introduzzjoni ta’ kap ta’ ġurisdizzjoni speċifiku fid-drittijiet nazzjonali tagħhom ( 90 ).

105.

Konsegwentement, anki meta l-interess superjuri u d-drittijiet fundamentali tal-wild ikunu jistgħu jinkisru fi Stat terz, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Brussell IIa ma jistax jiġi interpretat b’tali mod li jistabbilixxi r-residenza abitwali tal-wild fuq il-bażi ta’ kriterji li jwarrbu l-kriterju tal-prossimità mmaterjalizzat bit-test taċ-“ċentru effettiv tal-ħajja tal-wild”.

V. Konklużjonijiet

106.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li tingħata risposta kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja (ir-Renju Unit)):

1)

Ir-residenza abitwali ta’ tarbija, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, tikkorrispondi mal-post fejn din it-tarbija kellha, fil-fatt, iċ-ċentru tal-ħajja tagħha. Dan il-post għandu jiġi ddeterminat fid-dawl taċ-ċirkustanzi xierqa kollha ta’ kull każ partikolari. F’ċerti każijiet eċċezzjonali, l-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tista’ twassal għall-kunsiderazzjoni li l-wild ikollu, fil-fatt, iċ-ċentru tal-ħajja tiegħu f’post li huwa qatt ma kien fiżikament preżenti fih. Il-preżenza fiżika tal-wild fit-territorju ta’ Stat Membru ma tikkostitwixxix, għaldaqstant, prerekwiżit biex tiġi stabbilita r-residenza abitwali tiegħu hemmhekk.

2)

Il-fatt li l-omm ta’ tarbija, li effettivament tieħu ħsiebha, kienet imġiegħla mill-missier li twelled fi Stat terz u li tibqa’ tgħix mat-tarbija hemmhekk wara t-twelid, jekk ikun il-każ billi jqegħidhom f’sitwazzjoni kuntrarja għad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 4 u 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxi element rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-wild fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003.

F’sitwazzjoni bħal din, madankollu, it-tarbija tkun qed tirrisjedi abitwalment fi Stat Membru, minkejja li qatt ma kienet fiżikament preżenti fih, sa fejn l-omm ikollha, fil-fatt, iċ-ċentru tal-ħajja tagħha hemmhekk, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

F’dan ir-rigward, ikollu importanza partikolari kull indizju ta’ rabta ta’ natura familjari, soċjali u kulturali tal-omm f’dan l-Istat Membru, kif ukoll manifestazzjonijiet tanġibbli eventwali tal-intenzjoni tal-omm li tibqa’ tirrisjedi hemm mal-wild tagħha mit-twelid.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

( 3 ) Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 issostitwixxiet il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni tal-Awtoritajiet u tal-liġi applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri, konkluża f’Den Haag fil-5 ta’ Ottubru, 1961 (iktar ‘il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1961”). Għalkemm l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, l-Istati Membri kollha huma firmatarji tagħha.

( 4 ) Min-naħa l-oħra, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell IIa dwar il-ġurisdizzjoni neċessarjament jimplikaw, kif indikat fil-formulazzjoni tagħhom, kunflitt potenzjali ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati ta’ żewġ jew iktar Stati Membri (ara l-Artikoli 9, 10, 15, 19 u 20). Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni japplikaw biss għas-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri (ara d-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Sahyouni (C-281/15, EU:C:2016:343, punti 19 sa 22), u-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Sahyouni (C-372/16, EU:C:2017:988, punt 27)]. Huwa wkoll paċifiku li l-applikazzjoni tal-artikolu 11 tal-imsemmi regolament, dwar ir-ritorn tal-wild, jippreżumi li ċ-ċaqliq jew in-nuqqas ta’ ritorn tal-wild iseħħ minn Stat Membru lil ieħor. Fl-aħħar lok, huwa rilevanti li wieħed jistaqsi mhux fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tar-Regolament Brussell IIa kollu kemm hu, imma fuq l-applikabbiltà ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

( 5 ) Sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005 (C-281/02, EU:C:2005:120, punt 33).

( 6 ) ĠU 1972, L 299, p. 32.

( 7 ) Regolament tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2000 (ĠU 2001, L 12, p. 1).

( 8 ) Sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Owusu (C-281/02, EU:C:2005:120, punti 34 u 35). Ara, ukoll, l-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni ġdida ta’ Lugano), tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punti 146 sa 148).

( 9 ) L-Artikolu 81(2) TFUE jipprevedi b’hekk l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni fil-qasam ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili “b’mod partikolari fejn dan ikun meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern” (enfasi tiegħi).

( 10 ) Ara l-punt 13 tar-rapport ta’ spjega ta’ A. Borrás (ĠU 1998, C 221, p. 27), abbozzat fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-konvenzjoni stabbilita fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-[TUE], dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam matrimonjali konkluża fi Brussell fit-28 ta’ Mejju 1998 (ĠU 1998, C 221, p. 1, magħrufa bħala l-“Konvenzjni ta’ Brussell II”).

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, Cour de Cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), l-Ewwel Awla Ċivili, 13 ta’ Mejju 2015, Nru 15-10.872; Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), Re B (A Child) (Habitual Residence: Inherent Jurisdiction) [2016] UKSC 4, punt 29, kif ukoll High Court of Ireland (il‑Qorti Superjuri l-Irlanda) O’K v A, 1 ta’ Lulju 2008, [2008] IEHC 243, punt 5.8.

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, E. Gallant, “ Règlement Bruxelles II bis: compétence, reconnaissance et exécution en matières matrimoniale et de responsabilité parentale, Répertoire de droit international, Dalloz, 2013, punti 24 et seq., kif ukoll U. Magnus, u P. Mankowski, European Commentaries on Private International Law: Brussels II bis Regulation, Sellier European Law Publisher, 2012, p. 21.

( 13 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li qorti nazzjonali tista’ tissottometti lilha domanda dwar l-interpretazzjoni “meta hija tkun qed tibbaża ruħha fuq allegazzjonijiet ta’ parti fil-kawża prinċipali li tagħhom l-imsemmija qorti tkun għadha ma vverifikatx il-fondatezza, jekk tqis, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, li deċiżjoni preliminari tkun neċessarja sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha u li d-domandi preliminari […] jkunu rilevanti” (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Gasser (C‑116/02, EU:C:2003:657, punt 27)). F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi tagħha hija neċessarja sabiex tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha, peress li l-istandard probatorju tal-fatti rilevanti li għandu jintlaħaq għal dan il-għan huwa differenti minn dak applikabbli għall-istabbiliment tal-fatti fuq il-mertu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrilevat fis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punti 59 sa 63) li l-portata tal-obbligi ta’ stħarriġ tal-qrati nazzjonali matul l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tagħhom taħt ir-Regolament Brussell I jaqa’ taħt id-dritt proċedurali intern, bla ħsara għall-preżervazzjoni tal-effett utli ta’ dan ir-regolament. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali għandha tippronunzja ruħha mingħajr diffikultà fuq il-ġurisdizzjoni tagħha, mingħajr ma jkollha teżamina l-kawża fuq il-mertu billi twettaq trattament dettaljat tal-provi tal-fatti kemm fuq il-ġurisdizzjoni kif ukoll fuq il-mertu. Din il-loġika huja neċessarja wkoll, fil-fehma tiegħi, fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Brussell IIa.

( 14 ) Ma huwiex ikkontestat li r-rikors fil-kawża prinċipali jikkonċerna kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-responsabbiltà tal-ġenituri kif definita fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Brussell IIa.

( 15 ) Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 ġiet iffirmata mill-Istati Membri kollha. Madankollu, l-Unjoni ma aderixxietx. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Bangladexx ma hijiex firmatarja la ta’ din il-Konvenzjoni u lanqas tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996.

( 16 ) Ara l-Artikolu 62(2) u l-premessa 17 tar-Regolament Brussell IIa. Skont l-Artikolu 60 (e) ta’ dak ir-regolament, id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament jieħdu preċedenza fuq dawk tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Ara sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 36)].

( 17 ) Ara l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u l-Artikolu 2(11) tar-Regolament Brussell IIa.

( 18 ) Ara l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u l-Artikolu 11 tar-Regolament Brussell IIa.

( 19 ) Sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2014, C (C‑376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 54) u tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 41).

( 20 ) Ara r-Rapport ta’ spjega ta’ E. Pérez-Vera, Actes et documents de la XIVème session (1980), (Atti u Dokumenti tal-14-il sessjoni, iktar ’il quddiem ir-“Rapport Pérez-Vera”) punti 16, 19 u 66. B’mod partikolari, il-punt 16 ta’ dan id-dokument juri li n-nuqqas li jiġu stabbiliti kriterji konvenzjonali ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ drittijiet ta’ kustodja wassal għall-għażla tat-triq tal-mekkaniżmu ta’ ritorn, li “għalkemm iddevjata, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, tippermetti li d-deċiżjoni finali dwar il-kustodja tittieħed mill-awtoritajiet tar-residenza abitwali tal-wild, qabel it-trasferiment tiegħu”.

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Purrucker (C‑296/10, EU:C:2010:665, punt 84).

( 22 ) Ara l-punti 24 u 25 tar-rapport Pérez‑Vera kif ukoll is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 66).

( 24 ) Mill-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1961, il-kriterju ta’ residenza abitwali tal-wild kien ippreferut kemm minn dak tan-nazzjonalità li tradizzjonalment kien jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni fuq l-istatus tal-persuni, iżda kien meqjus obsolet, kif ukoll mill-kriterju ta’ domiċilju li kien jikkostitwixxi kunċett legali ddefinit b’mod differenti taħt id-drittijiet nazzjonali. Ir-residenza abitwali kienet meqjusa “kunċett fattwali” li tikkorrispondi maċ-“ċentru effettiv tal-ħajja tal-wild” (rapport ta’ spjega ta’ M. W. Steiger, Atti u Dokumenti tad-disa’ sessjoni (1960), Volum IV, p. 9, 13 u 14). Ix-xogħlijiet preparatorji għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jikkonfermaw li r-residenza abitwali tikkostitwixxi, bil-kontra tal-kunċett ta’ “domiċilju”, huwa kunċett “purament fattwali” (rapport Pérez‑Vera, punt 66). Matul il-xogħlijiet preparatorji għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, proposta li tiddaħħal definizzjoni ta’ dan il-kunċett ġiet miċħuda minħabba li tali definizzjoni setgħet tfixkel l-interpretazzjoni ta’ diversi konvenzjonijiet oħra li jużaw l-istess kunċett (rapport ta’ spjega ta’ P. Lagarde, Atti u dokumenti tat-Tmintax-il sessjoni (1996), vol. II, punt 40). Dawn ir-rapporti huma wkoll disponibbli fl-internet fl-indirizz https://www.hcch.net/en/instruments.

( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Kokott fil-kawża A (C‑523/07, EU:C:2009:39, punti 2630).

( 26 ) Qed nieħu eżempju, b’mod partikolari, mill-qrati Brittaniċi u Kanadiżi, li tagħhom il-ġurisprudenza hija mimlija b’ħafna riferimenti għal deċiżjonijiet tal-qrati ta’ Stati oħra firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, b’mod partikolari, il-Qorti Suprema tal-Kanada, Balev, 2018 SCC 16, punti 40 sa 57, kif ukoll is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), A vs A (Children: Habitual Residence), [2013] UKSC 60; [2014] 1 FLR 111, punti 46 et seq.

( 27 ) [2013] UKSC 60; [2014] 1 FLR 111.

( 28 ) Ara l-punti 47 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) [2013] UKSC 60; [2014] 1 FLR 111, punti 55 sa 58.

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, [2013] UKSC 60; [2014] 1 FLR 111, punti 82 sa 93. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju qieset, f’ċirkustanzi speċifiċi paragunabbli ma’ dawk tal-kawża A vs A (Children: Habitual Residence) li wild kien residenti abitwalment fir-Renju Unit għalkemm huwa ma kien qatt “rifes” fih. Ara l-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja (ir-Renju Unit)), B v H (Habitual Residence: Wardship) [2002] 1 FLR 388.

( 31 ) Cour de cassation (France), 1ère chambre civile (il-Qorti ta’ Kassazzjoni (Franza), l-Ewwel Awla), 26 ta’ Ottubru 2011, Nru 10‑19905.

( 32 ) Ara l-punti 47 kif ukoll 54 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 38); tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 47), u tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 42).

( 34 ) Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018 (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 42). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża A (C‑523/07, EU:C:2009:39, punt 38). Dan it-test jikkorrispondi ma’ dak taċ-“ċentru effettiv tal-ħajja tal-wild” iddikjarat fix-xogħlijiet preparatorji tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1961 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 35 ) Sentenzi tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 38) u tad-9 ta’ Ottubru 2014, C (C‑376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 51). Ara, ukoll, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 49); tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 43) u tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 41).

( 36 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010 (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 44).

( 37 ) L-espressjoni ta’ dan il-kriterju tmur kontra l-oġġezzjoni li tgħid li n-nazzjonalità tal-wild tirrappreżenta rabta awtonoma, ta’ natura legali, li l-awturi tal-Konvenzjonijiet ta’ Den Haag (li minnhom huwa ispirat ir-Regolament Brussell IIa) fil-fatt, riedu jwarrbu għall-benefiċċju tal-kriterju fattwali tar-residenza abitwali tal-wild (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Ara l-kummentarju ta’ R. Lamont, fuq is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225), Common Market Law Review 47, 2010, p. 241. F’din il-perspettiva, ir-riferiment għan-nazzjonalità tal-wild hija rilevanti biss sa fejn tikkostitwixxi indizju li jirrifletti r-realtà soċjali tal-ambjent tal-wild. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punti 57 sa 60)).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 39) u tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 43).

( 39 ) Ara s-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 40); tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 50); tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 46), u tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 46).

( 40 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punti 48) u tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 49).

( 41 ) Skont id-dizzjunarju Larousse, il-kunċett ta’ “tarbija” jindika wild mit-tmiem tal-perijodu tat-twelid sal-età ta’ sentejn, filwaqt li dak ta’ “tarbija tat-twelid” jirreferi għal ulied li jkollhom mhux iktar minn 28 jum. Għall-prattiċità, ser nuża l-kelma “tarbija” sabiex jinkludi dawn iż-żewġ kategoriji ta’ wlied żgħar ħafna. It-tifla żgħira inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet “tarbija” fil-mument li ġiet adita l-qorti tar-rinviju.

( 42 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010 (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829).

( 43 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 52 sa 54). Ara, ukoll, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 45).

( 44 ) Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 44).

( 45 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 45).

( 46 ) Sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 45) u tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 45). Ara, ukoll, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 5556).

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), Re L (A Child) (Custody: Habitual Residence) [2013] UKSC, punt 23: “it is clear that parental intent does play a part in establishing or changing the habitual residence of a child: not parental intent in relation to habitual residence as a legal concept, but parental intent in relation to the reasons for a child’s leaving one country and going to stay in another”.

( 48 ) Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punti 4750) u tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 64).

( 49 ) Ara l-Qorti Suprema tal-Kanada, 20 ta’ April 2018, Balev, 2018 SCC 16, punti 50 sa 57.

( 50 ) Ara l-United States Court of Appeals, 6th Circuit (il-Qorti tal-Appell għas-6 Ċirkwit, l-Istati Uniti tal-Amerika), Friedrich vs Friedrich, 78 F.3d 1060 (1996) u Robert vs Tesson, 507 F.3d 981 (2007) kif ukoll il-Qorti tal-Appell ta’ Montréal (Canada), 8 ta’ Settembru 2000, Nru 500‑09-010031-003.

( 51 ) Ara, b’mod partikolari, l-United States Court of Appeals, 9th Circuit (il-Qorti tal-Appell għad-9 Ċirkwit, l-Istati Uniti tal-Amerika), Mozes vs Mozes, 239 F 3d 1067 (2001) kif ukoll il-United States Court of Appeals, 11th Circuit (il-Qorti tal-Appell għall-11-il Ċirkwit, l-Istati Uniti tal-Amerika), Ruiz vs Tenorio, 392 F.3d 1247 (2004).

( 52 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Sentenza tal-15 ta’ Frar 2017 (C‑499/15, EU:C:2017:118, punt 61).

( 54 ) Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017 (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436).

( 56 ) Sentenza tal-15 ta’ Frar 2017 (C‑499/15, EU:C:2017:118).

( 57 ) Konklużjonijiet fil-Kawża OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:375, punti 57 u 61). Fil-punti 81 sa 83, l-Avukat Ġenerali Wahl jispjega l-pożizzjoni tiegħu meta qies li ma jistax jiġi eskluż il-kriterju ta’ preżenza fiżika f’ċirkustanzi eċċezzjonali, sa fejn ikun hemm rabta tanġibbli eżistenti ma’ Stat Membru li fih il-wild qatt ma jkun mar. Tali rabta trid tkun ibbażata, fl-interess tal-wild, fuq “indizji qawwija u reali”, li jkunu jistgħu jipprevalu fuq il-preżenza fiżika.

( 58 ) Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 35).

( 59 ) Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punti 50 et seq.).

( 60 ) Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punti 49 u 50).

( 61 ) Ara l-punti 49 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) [2013] UKSC 60; [2014] 1 FLR 111, punt 42.

( 63 ) It-tielet approċċ, li jgħid li l-wild normalment jirrisjedi fi Franza biss minħabba li kien ilu hemm mindu twieled, jidher mill-bidu eskluż, peress li din il-preżenza aċċidentali ma tistax ikollha l-karattru ta’ stabbiltà u regolarità meħtieġa biex tiġi stabbilita r-residenza abitwali tal-wild.

( 64 ) Kuntrarjament għas-suġġeriment tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:375, punt 85), l-approċċ li nissuġġerixxi bl-ebda mod ma jammetti li l-wild jista’ jkollu diġà residenza abitwali qabel it-twelid u, konsegwentement, li t-tarbija mhux imwielda tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa. Dan l-approċċ sempliċement jirrifletti r-realtà soċjali li tarbija ma tistax tiġi integrata f’ambjent familjari u soċjali awtonomu u skonness minn dik tal-persuni li jieħdu ħsiebha ta’ kuljum.

( 65 ) Ara A v A (Children: Habitual Residence), [2013] UKSC 60; [2014] 1 FLR 111, punti 44 (sentenza tal-maġġoranza) u 73 sa 75 kif ukoll 83 u 84 (opinjoni dissidenti). Ara wkoll Re L (A Child) (Custody: Habitual Residence) [2013] UKSC 75; sub nom Re KL (A Child) (Abduction: Habitual Residence: Inherent Jurisdiction) [2014] 1 FLR 772, punt 21.

( 66 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C-111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 50), u Re L (A Child) (Custody: Habitual Residence) [2013] UKSC, punt 21: “ the proposition […] that a young child in the sole lawful custody of his mother will necessarily have the same habitual residence as she does, is to be regarded as a helpful generalisation of fact, which will usually but not invariably be true, rather than a proposition of law”. Ara wkoll is-Supreme Court of the United States (il‑Qorti Supema tal-Istati Uniti tal-Amerika), Delvoye v. Lee, 2003 U.S. LEXIS 7737: “There is general agreement on a theoretical level that because of the factual basis of the concept there is no place for habitual residence of dependence. However, in practice it is often not possible to make a distinction between the habitual residence of a child and that of its custodian”.

( 67 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-opinjoni dissidenti ta’ Lord Hugues fil-kawża A v A (Children: Habitual Residence), [2013] UKSC 60; [2014] 1 FLR 111, punt 92.

( 68 ) Sentenza tat-2 ta’ April 2009 (C‑523/07, EU:C:2009:225).

( 69 ) L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Brussell IIa madankollu jippermetti li jiġu evitati kunflitti ta’ ġurisdizzjoni. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li “[f]ejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri u li tinkludi l-istess kawża se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi”.

( 70 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża A (C‑523/07, EU:C:2009:39, punti 20 u 21).

( 71 ) Sentenza tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 43). L-Artikolu 13 tar-Regolament Brussell IIa jipprevedi, b’mod partikolari, il-każijiet eċċezzjonali ta’ ċertu ċaqliq li fih, matul perijodu tranżitorju, il-wild jitlef ir-residenza abitwali tiegħu fl-Istat ta’ tluq, mingħajr ma jkun għadu kiseb residenza abitwali fl-Istat ospitanti. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża A (C‑523/07, EU:C:2009:39, punt 45) kif ukoll il-Gwida Prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa tal-Kummissjoni (disponibbli fl-internet, https://publications.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/f7d39509-3f10-4ae2-b993-53ac6b9f93ed/language-mt, p. 29).

( 72 ) Barra minn hekk, fil-każijiet ta’ dan it-tip, regola bħal din iċċaħħad lill-qorti mill-possibbiltà li jasal għal konklużjoni sempliċi dwar ir-residenza abitwali tal-wild fir-rigward taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

( 73 ) Wieħed jista’ ċertament jesprimi dubji li l-omm ma stennietx li twelled fil-Bangladexx peress li hija vvjaġġat lejn dak il-pajjiż meta kienet aktar minn 7 xhur tqila. Madankollu, peress li l-qorti nazzjonali tiddikjara li għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi tal-allegazzjoni tal-omm li kienet ġiet imġiegħla mill-missier twelled fil-Bangladexx, se nibbaża l-analiżi tiegħi fuq din il-premessa.

( 74 ) Ara s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), A v A (Children), [2013] UKSC 60; [2014] 1 FLR 111 kif ukoll il-High Court of Justice (England &Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja], B v H (Habitual Residence: Wardship) [2002] 1 FLR 388.

( 75 ) Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti nazzjonali qed tintalab tippronunzja ruħha fuq il-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ ċerti fatti allegati mill-omm li għadhom ma ġewx stabbiliti (ara l-punti 17 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżviluppi li jsegwu jfittxu li jgħinu lil din il-qorti sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-wild f’konfigurazzjoni fattwali li tikkorrispondi għal dik il-verżjoni tal-fatti, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-fatti fuq il-mertu minn din il-qorti.

( 76 ) Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 77 ) Fuq din l-istess linja, ċerti qrati tal-Istati Uniti tal-Amerika taw kas tal-ġegħil eżerċitat fuq l-omm ta’ wild għall-finijiet ta’ determinazzjoni tar-residenza tiegħu. Għalhekk, id-District Court of Utah (il-Qorti Distrettwali ta’ Utah) iddeċidiet li l-wild, għalkemm kien jirrisjedi fil-Ġermanja, ma kienx residenti abitwalment hemmhekk peress li l-omm u l-wild ma tħallewx jitilqu minn dan il-pajjiż minħabba abbużi verbali, emotivi u fiżiċi mwettqa mill-missier (Re Ponath, 829 F. Supp. 363 (1993)). Id-District Court of Washington (il-Qorti Distrettwali tal-Istat ta’ Washington, l-Istati Uniti tal-Amerika) qieset li l-omm tal-wild ikkonċernat ma kinitx abitwalment residenti fil-Greċja, fejn kienet tgħix mat-tfal tagħha b’mod soċjalment iżolat u nieqes mill-awtonomija, mingħajr ma kienet taf id-drawwiet kulturali u lanqas il-lingwa, b’aċċess limitat għar-riżorsi finanzjarji, filwaqt li kienet il-vittma ta’ atti vjolenti mwettqa mill-missier (Tsarbopoulos vs Tsarbopoulos, 176 F. Supp. 2d 1045 (2001)). Fuq din l-istess linja, id-District Court of Minnesota (il-Qorti Distrettwali tal-Istat ta’ Minnesota, l-Istati Uniti tal-Amerika) ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-missier kien impedixxa l-omm milli tħalli t-territorju tal-Iżrael, li t-tnejn kellhom ċ-ċittadinanza tiegħu u fejn l-omm kien qattgħet 11-il xahar mal-missier u t-tfal tagħhom, sabiex jiġi eskluż li dawn it-tfal kienu abitwalment residenti f’dan l-Istat (Silverman vs Silverman, 2002 U.S. Dist. LEXIS 8313).

( 78 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 52 sa 58).

( 79 ) Ara l-punti 65 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 80 ) Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017 (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 48). Ara l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 81 ) Il-Kummissjoni ssostni li l-intenzjoni unilaterali ta’ wieħed mill-ġenituri li flimkien għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri bl-ebda mod ma tikkumpensa l-assenza ta’ preżenza fiżika tal-wild fl-Istat Membru. Dan l-argument għandu jiġi miċħud fid-dawl tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 63), fejn jirriżulta li l-intenzjoni tal-ġenitur li, għalkemm għandu d-dritt ta’ kustodja, mhux attwalment qed jieħu ħsieb il-wild, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni ħlief sa fejn għandu l-intenzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ kustodja. Għaldaqstant, l-intenzjoni unilaterali ta’ ġenitur wieħed li biħsiebu effettivament jeżerċita l-kustodja tal-wild tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni. F’dan il-każ, il-missier jidher, bit-tluq tiegħu lejn ir-Renju Unit u r-rifjut tiegħu li jara li jiġu l-omm u l-wild ħdejh, li mmanifesta l-intenzjoni tiegħu li ma jeżerċitax id-dritt tiegħu ta’ kustodja. Din is-soluzzjoni hija wkoll konformi mal-ispirtu tal-proċedura ta’ ritorn taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u kkompletata mir-Regolament Brussell II. Fil-fatt, l-Artikolu 3(b) ta’ din il-konvenzjoni, li l-Artikolu 2(11)(b) ta’ dan ir-regolament jirriproduċi s-sustanza tiegħu, jipprovdi li t-tneħħija jew in-nuqqas ta’ ritorn ta’ wild ma humiex illegali ħlief jekk dan ikun bi ksur tad-dritt ta’ kustodja skont il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tat-tifel u li dan id-dritt ta’ kustodja kien ġie attwalment eżerċitat fil-mument tat-trasferiment jew nuqqas ta’ ritorn jew kien ikun hekk kieku dawn l-avvenimenti ma kinux seħħew.

( 82 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 48).

( 83 ) Skont is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 51), jekk ir-residenza tal-wild fl-Istat Membru inkwistjoni “għandha bħala regola tkun ta’ ċertu tul sabiex tirrifletti stabbiltà suffiċjenti”, ir-Regolament Brussell IIa ma jipprevedix dewmien minimu, billi t-tul tas-soġġorn jikkostitwixxi indikazzjoni waħda biss fost oħrajn.

( 84 ) Ara l-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 85 ) Ara l-premessa 12 tar-Regolament ta’ Brussell IIa u l-premessa 33 ta’ dan ir-regolament, li jgħid dak ir-regolament jirrikonoxxi u jirrispetta d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

( 86 ) Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 87 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 51).

( 88 ) Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), il-ġurisdizzjoni tal-Istati Kontraenti, fis-sens tal-Artikolu 1 tal-KEDB, hija fil-prinċipju limitata għat-territorju tagħhom stess. Dan il-prinċipju huwa suġġett għal eċċezzjonijiet biss f’ċirkustanzi ddeterminati sew mhux relatati mal-kuntest fattwali tal-każ preżenti. Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, tas-7 ta’ Lulju 2011, Al Skeini et vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2011:0707JUD005572107, § 130 sa 142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 89 ) Għalkemm ir-Repubblika tal-Bangladexx ma hijiex marbuta la mill-KEDB u lanqas mill-Karta, l-Artikoli 7 u 9 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-16 ta’ Diċembru 1966 u li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 1976 – strument li r-Repubblika tal-Bangladexx aderixxiet miegħu – jiggarantixxi drittijiet simili għal dawk previsti rispettivament fl-Artikoli 3 u 5 tal-KEDB u fl-Artikoli 4 u 6 tal-Karta.

( 90 ) Ara, f’dan is-sens, l-opinjoni dissdenti ta’ Lord Sumption fil-kawża Re B (A Child) (Habitual Residence: Inherent Jurisdiction) [2016] UKSC 4; [2016] 1 FLR 561, punti 66 u 76. Huwa sostna li s-sempliċi diżapprovazzjoni tar-regoli li japplikaw bis-saħħa tad-dritt tal-pajjiż fejn jinsab il-wild ma tistax tkun bażi suffiċjenti għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-Renju Unit.

Top