EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0018

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Novembru 2018.
Danieli & C. Officine Meccaniche SpA et vs Regionale Geschäftsstelle Leoben des Arbeitsmarktservice.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda – Repubblika tal-Kroazja – Miżuri tranżitorji – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 96/71/KE – Kollokament ta’ ħaddiema – Kollokament ta’ ċittadini Kroati u ta’ Stati terzi fl-Awstrija permezz ta’ impriża stabbilita fl-Italja.
Kawża C-18/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:904

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda – Repubblika tal-Kroazja – Miżuri tranżitorji – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 96/71/KE – Kollokament ta’ ħaddiema – Kollokament ta’ ċittadini Kroati u ta’ Stati terzi fl-Awstrija permezz ta’ impriża stabbilita fl-Italja”

Fil-Kawża C‑18/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Danieli & C. Officine Meccaniche SpA,

Dragan Panic,

Ivan Arnautov,

Jakov Mandic,

Miroslav Brnjac,

Nicolai Dorassevitch,

Alen Mihovic

vs

Regionale Geschäftsstelle Leoben des Arbeitsmarktservice,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen (Relatur), M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Danieli & C. Officine Meccaniche SpA. kif ukoll għal D. Panic, I. Arnautov, J. Mandic, M. Brnjac, N. Dorassevitch u A. Mihovic, minn E. Oberhammer, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 57 TFUE, tal-paragrafi 2 u 12 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, (ĠU 2012, L 112, p. 21, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal-Krozja”), kif ukoll tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU 1997, L 18, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Danieli & C.Officine Meccaniche SpA (iktar ’il quddiem “Danieli”), kumpannija Taljana, u sitt ħaddiema ta’ ċittadinanza Kroata, Russa Bjelorussa u, min-naħa l-oħra, ir-Regionale Geschäftsstelle Leoben des Arbeitsmarktservice (l-Uffiċċju Reġjonali tas-Servizz tal-Impjiegi ta’ Leoben, l-Awstrija), awtorità li taqa’ taħt il-Ministeru Federali għax-Xogħol, għall-Affarijiet Soċjali u għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, dwar il-kollokament ta’ dawn il-ħaddiema.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

L-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja

3

L-Artikolu 18 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja jipprovdi:

“Il-miżuri elenkati fl-Anness V għandhom jiġu applikati skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness”.

4

L-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja huwa intitolat “Lista msemmija fl-Artikolu 18 tal-Att tal-Adeżjoni: miżuri transitorji” u l-Kapitolu 2 ta’ dan l-anness, intitolat “Moviment liberu tal-persuni”, jipprovdi fil-paragrafi 1, 2 u 12:

“1.   L-Artikolu 45 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tat-TFUE għandhom japplikaw fl-intier biss, fir-rigward tal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema u l-libertà tal-provvista ta’ servizzi li jinvolvu l-moviment temporanju ta’ ħaddiema kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71/KE, bejn il-Kroazja minn naħa waħda u kull wieħed mill-Istati Membri attwali min-naħa l-oħra, soġġett għad-dispożizzjonijiet transitorji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 13.

2.   B’deroga mill-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1),] u sal-aħħar tal-perijodu ta’ sentejn wara d-data tal-adeżjoni, l-Istati Membri attwali ser japplikaw il-miżuri nazzjonali, jew dawk li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali, sabiex jirregolaw l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom minn ċittadini Kroati. L-Istati Membri attwali jistgħu jkomplu japplikaw dawn il-miżuri sal-aħħar tal-perijodu ta’ ħames snin wara d-data tal-adeżjoni.

[…]

12.   Sabiex jiġu indirizzati disturbi serji jew it-theddida tagħhom f’setturi sensittivi u speċifiċi ta’ servizzi fis-swieq tax-xogħol tal-Ġermanja u tal-Awstrija, li jistgħu jirriżultaw f’ċerti reġjuni mill-provvista transnazzjonali ta’ servizzi, kif definita fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71/KE, u dment li huma japplikaw bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ transizzjoni stabbiliti hawn fuq, il-miżuri nazzjonali jew dawk li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali dwar il-libertà ta’ moviment ta’ ħaddiema Kroati, il-Ġermanja u l-Awstrija jistgħu, wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, jidderogaw mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tat-TFUE bil-ħsieb li jillimitaw fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi minn kumpanniji stabbiliti fil-Kroazja, il-moviment temporanju ta’ ħaddiema li d-dritt tagħhom li jiksbu xogħol fil-Ġermanja u fl-Awstrija jkun soġġett għal miżuri nazzjonali.

Il-lista tas-setturi tas-servizzi li jistgħu jkunu koperti minn din id-deroga hija kif ġej […]

– fl-Awstrija:

Settur Kodiċi NACE (*), dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor

[…]

Kostruzzjoni, inklużi fergħat relatati

45.1 sa 45.4,

Attivitajiet elenkati fl-Anness għad-Direttiva 96/71/KE

[…]

(*) NACE: ara 31990 R 3037: Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 tad-9 ta’ Ottubru 1990 dwar il-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (ĠU L 293, 24.10.1990, p. 1).

[…]

L-effett tal-applikazzjoni tal-paragrafu preżenti m’għandux jirriżulta f’kondizzjonijiet għall-moviment temporanju ta’ ħaddiema fil-kuntest tal-provvista transnazzjonali ta’ servizzi bejn il-Ġermanja jew l-Awstrija u l-Kroazja li huma aktar restrittivi minn dawk li jkunu fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni.”

5

Il-kodiċijiet NACE 45.1 sa 45.4 huma s-segwenti:

“—45

 

 

Kostruzzjoni

 

45.1

 

Preparazzjoni tal-fond

 

 

45.11

Twaqqigħ u tqissir ta’ bini; tneħħija ta’ ħamrija

 

 

45.12

Titqib u tħaffir għall-eżami

 

45.2

 

Bini ta’ kostruzzjonijiet sħaħ jew partijiet minnhom; inġinerija ċivili

 

 

45.21

Kostruzzjoni ġenerali ta’ bini u xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili

 

 

45.22

Twaqqif ta’ koperturi tas-saqaf u oqsfa

 

 

45.23

Kostruzzjoni ta’ toroq għall-karrozzi, toroq, mitjar u faċilitajiet ta’ l-isport

 

 

45.24

Kostruzzjoni ta’ proġetti ta’ l-ilma

 

 

45.25

Xogħlijiet oħra tal-kostruzzjoni li jinvolvu snajja’ speċjali

 

45.3

 

Installazzjoni tal-bini

 

 

45.31

Installazzjoni ta’ wiring u armar elettriku

 

 

45.32

Attivitajiet ta’ xogħlijiet ta’ iżolament

 

 

45.33

Xogħol ta’ l-ilma

 

 

45.34

Installazzjoni oħra tal-bini

 

 

45.4

Tlestija tal-bini

 

 

45.41

Kisi

45.42 Installazzjoni ta’ tgħaqqid

45.43 Koperturi ta’ l-art u l-ħajt

45.44 Tibjid u twaħħil ta’ ħġieġ

45.45 Tlestija oħra tal-bini”

Id-Direttiva 96/71

6

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71 jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jistazzjonaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.

[…]

3.   Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

a)

jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta’ kuntratt konkluż bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonament u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonament u l-ħaddiem fil-perjodu tal-istazzjonament;

jew

b)

jistazzjonaw ħaddiema fi stabbiliment jew f’impriża fil-proprjetà ta’ grupp fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonament u l-ħaddiema tul il-perjodu tal-istazzjonament;

jew

c)

billi jkunu impriża ta’ impjieg temporanju jew aġent ta’ kollokament temporanju, ifornu ħaddiem lil impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża ta’ impjieg temporanju jew aġent ta’ kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-istazzjonament.

4.   L-impriżi stabbiliti fi Stat li mhux membru m’għandhomx jingħataw trattamenti iktar favorevoli minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru.”

7

L-Anness tad-Direttiva 96/71 jipprovdi:

“L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), fit-tieni inċiż, jinkludu x-xogħol kollu tal-bini relatat mal-kostruzzjoni, it-tiswija, il-manutenzjoni, l-alterazzjoni jew id-demolizzjoni ta’ bini, u b’mod partikulari ix-xogħol li ġej:

1)

it-tħaffir

2)

iċ-ċaqliq ta’ materjal ta’ l-art

3)

ix-xogħol ta’ bini

4)

l-assemblaġġ u l-iżmuntar ta’ elementi prefabbrikati

5)

l-armar jew l-installazzjoni

6)

l-alterazzjonijiet

7)

ir-renovazzjoni

8)

it-tiswija

9)

iż-żarmar

10)

id-demolizzjoni

11)

il-manutenzjoni

12)

ix-xogħol ta’ dekorazzjoni, ta’ żebgħa u tindif

13)

it-titjib.”

Id-dritt Awstrijak

8

L-Artikolu 18 tal-Ausländerbeschäftigungsgesetz (il-Liġi dwar l-Impjieg ta’ Ċittadini Barranin, BGBl. 218/1975), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. I, 72/2013, iktar ’il quddiem l-“AuslBG”), huwa fformulat kif ġej:

“Ċittadini barranin ikkollokati

Kundizzjonijiet tal-impjieg; permess ta’ kollokament

(1)   Għal ċittadini barranin li huma impjegati ma’ persuna li timpjega barranija li ma hijiex stabbilita fl-Awstrija, huwa meħtieġ permess ta’ impjieg, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti hawn taħt. Jekk tali impjieg ma jeċċedix is-sitt xhur, ċittadini barranin għandhom bżonn permess ta’ kollokament, li jista’ jingħata għal perijodu ta’ mhux iktar minn erba’ xhur.

[…]

(12)   Ċittadini barranin li huma kkollokati fl-Awstrija minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea sabiex jaħdmu b’mod temporanju ma għandhomx bżonn permess ta’ impjieg jew permess ta’ kollokament jekk:

1.

Huma debitament awtorizzati, għal perijodu li jeċċedi l‑perijodu tal-kollokament fl-Awstrija, jaħdmu fl-Istat fejn l-impriża hija stabbilita u huma impjegati b’mod legali fl‑impriża li tikkollokahom, u jekk

2.

Il-kundizzjonijiet tal-paga u tax-xogħol previsti mid-dritt Awstrijak, fis-sens tal-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 7b(1) u tal-Artikolu 7b(2) tal-Arbeitsvertragsrechts-Anpassungsgesetz [(il-Liġi dwar l-Adattament tad-Dritt tal-Kuntratti tax-Xogħol, BGB1. 459/1993)] kif ukoll id-dispożizzjonijiet legali relatati mal-assigurazzjoni għas‑sigurtà soċjali huma ssodisfatti.

L-Uffiċċju ċentrali ta’ koordinazzjoni għall-kontroll ta’ impjiegi illegali, tal-Ministeru Federali tal-Finanzi, skont [l-AuslBG] u l-Liġi dwar l-Adattament tad-Dritt tal-Kuntratti tax-Xogħol, għandu jittrasmetti mill-iktar fis possibbli, lill-awtoritajiet reġjonali kompetenti, notifika tal-impjieg ta’ ċittadini barranin ikkollokati fl-Awstrija, konformement mal-Artikolu 7b(3) u (4) tal-Liġi dwar l-Adattament tad-Dritt tal-Kuntratti tax-Xogħol. Fi żmien ġimagħtejn mid-data li fiha tkun ġiet irċevuta n-notifika, l-uffiċċju reġjonali tal-impjiegi għandu jinforma lill-impriża u lill-persuna li timpjega li jużaw is-servizzi li, jew ir-rekwiżiti kollha ġew issodisfatti (konferma ta’ kollokament fil-kuntest tal-Unjoni), jew li l kollokament ser jiġi rrifjutat jekk dawk ir-rekwiżiti ma ġewx issodisfatti. Bla ħsara għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 7b(3) u (4) tal-Liġi dwar l-Adattament tad-Dritt tal-Kuntratti tax-Xogħol, l-impjieg jista’ jibda anki fl-assenza ta’ konforma ta’ kollokament fil-kuntest tal-Unjoni jekk il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti.”

9

L-Artikolu 32a tal-AuslBG jipprovdi:

“Dispożizzjonijiet tranżitorji dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea

(1)   Ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni li saru membri tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007, abbażi tat-Trattat [bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ l-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (Membri tal-Unjoni Ewropa) u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija,] li jirrigwarda l adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni Ewropea [(ĠU 2005, L 157, p. 11)], ma għandhomx id-dritt ta’ moviment liberu tal-ħaddiema sakemm ma humiex familjari ta’ ċittadin ta’ Stat Membru taż-ŻEE bi dritt legali li jirrisjedu taħt id-dritt tal-Unjoni, konformement mal-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 52(1) tan-Niederlassungs- und Aufenthalsgesetz (il-Liġi dwar l-Istabbiliment u r-Residenza).

[…]

(11)   Permezz tat-Trattat [bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri tal-Unjoni Ewropea) u r-Repubblika tal-Kroazja dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea [(ĠU 2012, L 112, p. 10)], it-taqsima 1 sat-taqsima 9 japplikaw mutatis mutandis b’effett mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Kroazja u għall‑persuni li jimpjegaw stabbiliti fir-Repubblika tal-Kroazja.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Danieli aċċettat ordni mingħand impriża Awstrijaka għall-kostruzzjoni ta’ fabbrika għall-produzzjoni ta’ wajers fl-Awstrija. Din il-kumpannija Taljana xtaqet tirrikorri, b’mod partikolari, għal erba’ ħaddiema Kroati, kif ukoll għal ħaddiem Russu u ħaddiem Bjelorussu sabiex teżegwixxi din l-ordni.

11

L-imsemmija kumpannija kienet tagħmel parti minn grupp ta’ kumpanniji li kien jinkludi wkoll kumpannija Kroata, Danieli Systec d.o.o., li timpjega lil dawn il-ħaddiema Kroati, kif ukoll kumpannija oħra Taljana, Danieli Automation SpA, li timpjega l-imsemmija ħaddiema Russu u Bjelorussu.

12

L-imsemmija ħaddiema Kroati tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ Danieli, iżda baqgħu impjegati minn din il-kumpannija Kroata u affiljati mas-sigurtà soċjali fil-Kroazja. Fir-rigward tal-ħaddiema Russu u Belarussu, dawn tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ Danieli, filwaqt li baqgħu impjegati minn Danieli Automation, u affiljati mas-sigurtà soċjali fl-Italja matul il-perijodu tal-kollokament tagħhom fl-Awstrija.

13

Fit-18 ta’ Jannar 2016, Danieli, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 18(12) tal-AuslBG, innotifikat l-informazzjoni dwar dawn il-ħaddiema lil Zentrale Koordinationsstelle für die Kontrolle illegaler Beschäftigung (l-Uffiċċju Ċentrali ta’ Koordinazzjoni għall-Kontroll ta’ Impjiegi Illegali, l-Awstrija) u ressqet talbiet għall-konferma tal-kollokament tagħhom fil-kuntest tal-Unjoni.

14

F’ittra sussegwenti, Danieli indikat li hija ma kinitx timpjega lil din il-manodopera, iżda li din tqiegħdet għad-dispożizzjoni tagħha mill-kumpannija Kroata u mill-kumpannija Taljana msemmija iktar ’il fuq, għall-finijiet tat-twettiq tal-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ fabbrika għall-produzzjoni ta’ wajers fl-Awstrija.

15

L-Uffiċċju Reġjonali tas-Servizz tal-Impjiegi ta’ Leoben ċaħad it-talbiet ta’ konferma tal-imsemmi kollokament konformement mal-Artikolu 18(12) tal-AuslBG u ma awtorizzax il-kollokament tal-ħaddiema kkonċernati.

16

Ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li ċaħdu dawn it-talbiet ġew miċħuda mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija). Din tal-aħħar irrilevat li l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 jeżiġi “relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perjodu tal-kollokazzjoni”. Tali relazzjoni kienet nieqsa fil-każ ineżami peress li l-imsemmija ħaddiema ma kinux impjegati minn Danieli.

17

Danieli u l-ħaddiema kkonċernati ppreżentaw rikors fuq punt ta’ liġi quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) kontra s-sentenzi tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali).

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 56 u 57 TFUE, id-Direttiva [96/71], [u l-punti 2 u 12 tal‑Kapitolu 2, [intitolat] Moviment liberu tal-persuni], tal‑Anness V [tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Awstrija tista’, billi tirrikjedi permess ta’ impjieg, tillimita l-kollokament ta’ ħaddiema impjegati minn kumpannija stabbilita fil-Kroazja f’sitwazzjoni fejn dan il‑kollokament isir permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal kumpannija stabbilita fl-Italja bl-iskop li din il‑kumpannija Taljana tipprovdi servizz fl-Awstrija u fejn l-attività tal-ħaddiema Kroati għall-kumpannija Taljana, fil-kuntest tal‑kostruzzjoni ta’ fabbrika għall-produzzjoni ta’ wajers fl‑Awstrija, tkun limitata għall-provvista ta’ dan is-servizz fl‑Awstrija, mingħajr ma jkun hemm relazzjoni ta’ xogħol bejn dawn il-ħaddiema u l-kumpannija Taljana?

2)

L-Artikoli 56 u 57 TFUE u d-Direttiva [96/71] għandhom jiġu interpretati fis-sens li [r-Repubblika tal-Awstrija] tista’, billi tirrikjedi permess ta’ impjieg, tillimita l-kollokament ta’ ħaddiema Russi u Bjelorussi impjegati minn kumpannija stabbilita fl-Italja f’sitwazzjoni fejn dan il-kollokament isir permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal kumpannija oħra stabbilita fl-Italja bl-iskop li din il‑kumpannija l-oħra tipprovdi servizz fl-Awstrija u fejn l-attività tal-ħaddiema Russi jew Bjelorussi għall-kumpannija l-oħra tkun limitata għall-provvista tas-servizz ta’ din il-kumpannija l-oħra fl‑Awstrija, mingħajr ma jkun hemm relazzjoni ta’ xogħol bejn dawn il-ħaddiema u din il-kumpannija l-oħra?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 56 u 57 TFUE, il-paragrafi 2 u 12 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja, kif ukoll id-Direttiva 96/71, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-Repubblika tal-Awstrija għandha d-dritt li tillimita, permezz ta’ rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg, il-kollokament ta’ ħaddiema Kroati li huma impjegati minn impriża li għandha s-sede tagħha fil-Kroazja, meta l-kollokament ta’ dawn il-ħaddiema jsir permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom lil impriża stabbilita fl-Italja, bil-għan ta’ provvista mill-imsemmija impriża Taljana ta’ servizzi fl-Awstrija u fl-assenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol bejn dawn l-impjegati u din l-aħħar impriża.

20

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fis-sitwazzjoni sottostanti l-ewwel domanda, Danieli, impriża Taljana, talbet lill-uffiċċju reġjonali tas-servizz tal-impjiegi kompetenti l-konferma tal-kollokament mingħajr permess ta’ impjieg ta’ erba’ ħaddiema Kroati li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha minn impriża Kroata, li hija għandha l-intenzjoni li talloka għall-kostruzzjoni ta’ fabbrika għall-produzzjoni ta’ wajers fl-Awstrija. Din it-talba ġiet miċħuda peress li kien meħtieġ permess ta’ impjieg għal dawn il-ħaddiema.

21

Id-domanda li tqum hija dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix ir-rekwiżit li jinkiseb permess ta’ impjieg.

22

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li impriża bħal Danieli, li hija stabbilita fi Stat Membru, f’dan il-każ ir-Repubblika Taljana, u li għandha l-kompitu li tibni, bi ħlas, fabbrika għall-produzzjoni ta’ wajers għal impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, jiġifieri r-Repubblika tal-Awstrija, tipprovdi servizz, fis-sens tal-Artikoli 56 u 57 TFUE.

23

Skont il-paragrafu 1 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja, “[l]-Artikolu 45 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 [TFUE] għandhom japplikaw fl-intier biss, fir-rigward tal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema u l-libertà tal-provvista ta’ servizzi li jinvolvu l-moviment temporanju ta’ ħaddiema kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva [96/71], bejn il-Kroazja minn naħa waħda u kull wieħed mill-Istati Membri attwali min-naħa l-oħra, soġġett għad-dispożizzjonijiet transitorji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 13.”

24

Sabiex jiġi deċiż jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet tranżitorji japplikawx, fejn neċessarju, għandu jiġi vverifikat jekk il-provvista ta’ servizzi minn Danieli, sa fejn tinkludi rikors temporanju għal ħaddiema Kroati mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ din l-impriża minn impriża Kroata, tikkostitwixxix provvista ta’ servizzi li timplika l-moviment temporanju tal-ħaddiema, bħal dak imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71, bejn ir-Repubblika tal-Kroazja, minn naħa, u Stat Membru ieħor, min-naħa l-oħra, fis-sens tal-paragrafu 1 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja.

25

Skont l-Artikolu 1(3)(c) tagħha, id-Direttiva 96/71 tapplika meta impriża stabbilita fi Stat Membru tikkolloka, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, bħala impriża ta’ xogħol temporanju jew bħala kollokament, ħaddiem lil impriża utenti li hija stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn ikun hemm relazzjoni ta’ xogħol bejn l-impriża li tikkolloka u l-ħaddiem matul il-perijodu ta’ kollokament.

26

L-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71 jista’ għalhekk japplika għal tranżazzjoni, bħal dik li Danieli għandha l-intenzjoni li twettaq fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha impriża stabbilita fi Stat Membru tikkolloka, għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi konkluż ma’ impriża fi Stat Membru ieħor, ħaddiema mqiegħda għad-dispożizzjoni minn impriża stabbilita fit-tielet Stat Membru, sa fejn l-imsemmija tranżazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni.

27

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun hemm kollokament tal-ħaddiema permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, meta jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-manodopera hija provvista ta’ servizzi pprovduta bi ħlas li fir-rigward tagħha l-ħaddiem jibqa’ impjegat mal-impriża fornitriċi, mingħajr ma jiġi konkluż ebda kuntratt ta’ xogħol mal-impriża utenti. It-tieni nett, dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-ispostament tal-ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti jikkostitwixxi l-għan stess tal-provvista ta’ servizzi mwettqa mill-impriża fornitriċi. It-tielet nett, fil-kuntest ta’ tali tqegħid għad-dispożizzjoni, il-ħaddiem iwettaq l-kompiti tiegħu taħt il-kontroll u d-direzzjoni tal-impriża utenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Martin Meat, C-586/13, EU:C:2015:405, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

B’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit jekk l-għan stess tal-provvista ta’ servizzi huwiex il-kollokament tal-ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-provi kollha li jindikaw li l-fornitur ta’ servizzi ma huwiex responsabbli għall-konsegwenzi tal-eżekuzzjoni li hija inkonsistenti mal-provvista stabbilita fil-kuntratt (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Martin Meat, C-586/13, EU:C:2015:405, punt 35).

29

Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 sa 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti bit-tranżazzjoni prevista fil-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif imfakkra fil-punt 26 tas-sentenza preżenti.

30

L-ewwel nett, mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħaddiema Kroati kkonċernati kellhom jibqgħu marbuta b’relazzjoni ta’ xogħol mal-impriża Kroata li kienet tikkollokahom lil Danieli bi ħlas, mingħajr ma ġie konkluż ebda kuntratt ta’ xogħol ma’ din l-impriża Taljana.

31

It-tieni nett, mill-imsemmi fajl jirriżulta wkoll li l-għan stess tal-provvista ta’ servizzi mifthiema bejn il-kumpannija Kroata u Danieli kien il-kollokament ta’ dawn il-ħaddiema Kroati fl-Awstrija, sabiex jiġi eżegwit il-kuntratt ta’ kostruzzjoni ta’ fabbrika għall-produzzjoni ta’ wajers konkluż mal-impriża Awstrijaka, Danieli, li kienet unikament responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt.

32

It-tielet nett, huwa paċifiku li, matul il-kollokament tagħhom fl-Awstrija, il-ħaddiema Kroati mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ Danieli mill-impriża Kroata kellhom iwettqu l-kompiti tagħhom taħt il-kontroll u d-direzzjoni tal-impriża utenti, jiġifieri Danieli.

33

Minn dan isegwi li t-tranżazzjoni prevista fil-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tinkludi l-kollokament temporanju ta’ ħaddiema Kroati mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ Danieli minn impriża Kroata, tikkostitwixxi l-provvista ta’ servizzi li timplika moviment temporanju tal-ħaddiema, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 96/71 bejn ir-Repubblika tal-Kroazja, minn naħa, u Stat Membru ieħor, min-naħa l-oħra, fis-sens tal-paragrafu 1 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja.

34

Dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ manodopera jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja, li jipprovdi li, b’deroga mill-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 492/2011 u sal-aħħar tal-perijodu ta’ sentejn wara d-data ta’ adeżjoni, l-Istati Membri attwali għandhom japplikaw miżuri nazzjonali, jew miżuri li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali, li jirregolaw l-aċċess ta’ ċittadini Kroati għas-suq tax-xogħol tagħhom. Fil-fatt, l-esklużjoni tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ manodopera mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni minn parti kbira mill-effett utli tagħha (ara, b’anaoloġija, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et, C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64, punt 35).

35

Min-naħa l-oħra, l-imsemmi tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ manodopera ma jaqax taħt il-paragrafu 12 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja, jekk, hekk kif sostnew Danieli u l-Kummissjoni, jirriżulta li l-kostruzzjoni ta’ fabbrika għall-produzzjoni ta’ wajers inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplika sempliċement l-immuntar, l-installazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ makkinarju industrijali fi struttura eżistenti, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, tali tranżazzjonijiet ma humiex fost dawk koperti, fir-rigward tal-Awstrija, mid-derogi applikabbli għas-setturi msejħa “Kostruzzjoni, inklużi fergħat relatati” u identifikati mill-kodiċijiet NACE 45.1 sa 45.4.

36

Fil-każ inkwistjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, matul il-perijodu tranżitorju previst fil-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja, tkompli tissuġġetta l-kollokament, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, ta’ ċittadini Kroati fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għall-kisba ta’ permess ta’ impjieg hija, bħala miżura li tirregola l-aċċess ta’ ċittadini Kroati għas-suq tax-xogħol ta’ dan l-istess Stat, fis-sens tal-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja, kompatibbli mal-Artikoli 56 u 57 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et, C-307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64, punti 32 u 33).

37

Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 56 u 57 TFUE kif ukoll il-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru għandu d-dritt li jillimita, permezz ta’ rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg, il-kollokament ta’ ħaddiema Kroati li huma impjegati minn impriża li għandha s-sede tagħha fil-Kroazja, meta l-kollokament ta’ dawn il-ħaddiema jsir permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, lil impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, bil-għan ta’ provvista ta’ servizzi fl-ewwel Stat Membru minn din l-aħħar impriża.

Fuq it-tieni domanda

39

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 56 u 57 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru għandu d-dritt li jeżiġi li ċittadini ta’ Stati terzi, imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, minn impriża oħra stabbilita wkoll f’dan l-Istat Membru l-ieħor, għall-finijiet ta’ provvista ta’ servizzi fl-ewwel Stat Membru, ikollhom permess ta’ impjieg.

40

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta impriża tqiegħed għad-dispożizzjoni, bi ħlas, manodopera li jibqa’ impjegat ma’ din l-impriża mingħajr ma jiġi konkluż ebda kuntratt ta’ xogħol mal-utent, din l-attività tagħha tikkostitwixxi attività professjonali li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 TFUE u għandha, għaldaqstant, titqies li hija servizz fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 37).

41

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, is-servizz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ manodopera huwa pprovdut minn impriża stabbilita fl-Italja lil impriża utenti stabbilita f’dan l-Istat Membru li, madankollu, tuża dan il-manodopera fl-Awstrija biss bl-intenzjoni tal-eżekuzzjoni tal-provvista ta’ servizzi tagħha.

42

Peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 TFUE għandhom japplikaw fil-każijiet kollha fejn fornitur ta’ servizzi jipprovdi servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru għajr dak li fih huwa stabbilit, indipendentement mill-post fejn huma stabbiliti d-destinatarji ta’ dawn is-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Franza, C-154/89, EU:C:1991:76, punt 10), għandu jiġi kkonstatat li tali servizz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ manodopera bejn żewġ impriżi stabbiliti fl-istess Stat Membru, meta dan is-servizz ikun ipprovdut fit-territorju ta’ Stat Membru għajr dak li fih hija stabbilita l-impriża utenti, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 56 u 57 TFUE.

43

Il-fatt li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-manodopera inkwistjoni jirrigwarda ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi huwa irrilevanti f’dan ir-rigward (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:2206, punt 39).

44

Fir-rigward tal-kollokament ta’ ħaddiema ta’ Stat terz minn impriża li tipprovdi servizzi fi Stat Membru tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-provvista ta’ servizzi fit-territorju nazzjonali minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor għall-ħruġ ta’ permess amministrattiv tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:2206, punt 45).

45

Dan huwa l-każ, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni, fl-Awstrija, ta’ manodopera minn Stati terzi.

46

Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt qasam li ma kienx armonizzat fuq livell tal-Unjoni u li tapplika mingħajr distinzjoni għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tista’, minkejja l-effett restrittiv tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tkun iġġustifikata sa fejn tissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u dan l-interess ma jkunx diġà ssalvagwardat permezz tar-regoli li huwa suġġett għalihom il-fornitur fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit, sa fejn hija adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan ippersegwit minnha u sa fejn ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:2206, punt 48).

47

Is-suġġett relatat mal-kollokament ta’ ħaddiema impjegati ċittadini ta’ Stat terz fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali ma huwiex, attwalment, armonizzat fuq livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, hemm lok, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhrux li huma ġġustifikati permezz ta’ għan ta’ interess ġenerali u, skont il-każ, jekk humiex neċessarji sabiex dan l-għan jiġi ppersegwit effettivament u bil-mezzi adatti (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:2206, punt 49).

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm ix-xewqa li jiġi evitat disturb fis-suq tax-xogħol tikkostitwixxi, ċertament, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, il-ħaddiema impjegati minn impriża stabbilita fi Stat Membru u li huma kkollokati fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu provvista ta’ servizzi hemmhekk madankollu ma jkollhomx lok li jaċċedu għas-suq tal-impjieg ta’ dan it-tieni Stat Membru, sa fejn jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza tagħhom wara t-twettiq tal-kompitu tagħhom (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:2206, punt 51).

49

Stat Membru li jżomm fis-seħħ, b’mod permanenti, ir-rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ impriża li topera fi Stat Membru ieħor, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi evitat id-disturb fis-suq tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 56).

50

F’dan ir-rigward, l-obbligu impost fuq impriża fornitriċi li tipprovdi lill-awtoritajiet Awstrijaċi l-indikazzjonijiet li jattestaw li s-sitwazzjoni tal-ħaddiema hija legali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ residenza, ta’ permess ta’ impjieg u ta’ kopertura soċjali, fl-Istat Membru fejn din l-impriża timpjegahom, joffri lil dawn l-awtoritajiet, b’mod inqas restrittiv u daqstant effikaċi bħar-rekwiżit tal-permess ta’ impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali, garanziji fir-rigward tal-legalità tas-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema u tal-fatt li dawn jeżerċitaw l-attività prinċipali tagħhom fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża li tipprovdi servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:2206, punt 57).

51

Tali obbligu jista’ jikkonsisti f’sempliċi dikjarazzjoni minn qabel, li tippermetti lill-awtoritajiet Awstrijaċi jivverifikaw l-indikazzjonijiet ipprovduti u li jieħdu l-miżuri neċessarji fil-każ ta’ illegalità tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati. Barra minn hekk, l-imsemmi obbligu jista’ jieħu l-għamla ta’ notifika fil-qosor tad-dokumenti meħtieġa, b’mod partikolari meta t-tul tal-kollokament ma jippermettix li tali verifika tiġi eżerċitata b’mod effikaċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:2206, punt 58).

52

Bl-istess mod, l-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi servizzi sabiex tinforma minn qabel, lill-awtoritajiet Awstrijaċi, dwar il-preżenza ta’ ħaddiem impjegat wieħed jew iktar ikkollokati, dwar it-tul previst ta’ din il-preżenza u dwar il-provvisti ta’ servizzi li jiġġustifikaw il-kollokament, jikkostitwixxi miżura daqstant effikaċi u inqas restrittiva mir-rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dan huwa tali li jippermetti lil dawn l-awtoritajiet jivverifikaw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni soċjali Awstrijaka matul il-kollokament billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi li diġà hija suġġetta għalihom din l-impriża skont ir-regoli tad-dritt soċjali applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini. Flimkien mal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-imsemmija impriża fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati, imsemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, tali obbligu jippermetti lill-imsemmija awtoritajiet jadottaw, jekk ikun il-każ, il-miżuri meħtieġa fi tmiem il-perijodu previst ta’ kollokament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C-91/13, EU:C:2014:2206, punt 59).

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 56 u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru ma jistax jeżiġi li ċittadini ta’ Stati terzi, imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, minn impriża oħra stabbilita wkoll f’dan l-Istat Membru, għal finijiet ta’ provvista ta’ servizzi fl-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri, ikollhom permess ta’ impjieg.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 56 u 57 TFUE kif ukoll il-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru għandu d-dritt li jillimita, permezz ta’ rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg, il-kollokament ta’ ħaddiema Kroati li huma impjegati minn impriża li għandha s-sede tagħha fil-Kroazja, meta l-kollokament ta’ dawn il-ħaddiema jsir permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, lil impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, bil-għan ta’ provvista ta’ servizzi fl-ewwel Stat Membru minn din l-aħħar impriża.

 

2)

L-Artikoli 56 u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru ma jistax jeżiġi li ċittadini ta’ Stati terzi, imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, minn impriża oħra stabbilita wkoll f’dan l-Istat Membru, għal finijiet ta’ provvista ta’ servizzi fl-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri, ikollhom permess ta’ impjieg.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top