EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0498

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Jannar 2018.
Maximilian Schrems vs Facebook Ireland Limited.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikoli 15 u 16 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi – Kunċett ta’ “konsumatur” – Trasferiment bejn konsumaturi ta’ drittijiet li jistgħu jiġu invokati kontra l-istess professjonist.
Kawża C-498/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:37

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta’ Jannar 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikoli 15 u 16 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi – Kunċett ta’ “konsumatur” – Trasferiment bejn konsumaturi ta’ drittijiet li jistgħu jiġu invokati kontra l-istess professjonist”

Fil-Kawża C‑498/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Settembru 2016, fil-proċedura

Maximilian Schrems

vs

Facebook Ireland Limited

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Lulju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Schrems, minn W. Proksch u H. Hofmann, Rechtsanwälte,

għal Facebook Ireland Limited, minn N. Pitkowitz, M. Foerster u K. Struckmann, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard u G. Kunnert, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, R. Kanitz u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn M. Figueiredo, L. Inez Fernandes u minn S. Duarte Afonso, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Maximilian Schrems, iddomiċiljat fl-Awstrija, u Facebook Ireland Limited, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fl-Irlanda, fir-rigward ta’ talbiet għal konstatazzjoni, għal waqfien, għal informazzjoni, għal rendikont, kif ukoll għall-ħlas tal-ammont ta’ EUR 4000, dwar il-kontijiet Facebook privati kemm ta’ M. Schrems kif ukoll tas-seba’ persuni l-oħra li ttrasferewlu d-drittijiet tagħhom relatati ma’ dawn il-kontijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 44/2001

3

Skont il-premessi 8, 11 u 13 tar-Regolament Nru 44/2001:

“(8)

Għandu jkun hemm rabta bejn il-proċedimenti li dwarhom japplika dan ir-Regolament u t-territorju ta’ l-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament. Għahekk, regoli komuni ta’ ġurisdizzjoni għandhom, bħala prinċipju, japplikaw meta l-konvenut jkun domiċiljat f’wieħed minn dawn l-Istati Membri.

[…]

(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

[…]

(13)

B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.”

4

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

2.   Persuni li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati għandhom jaqgħu taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għal ċittadini ta’ dak l-Istat.”

5

Is-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur”, tinkludi l-Artikoli 15 sa 17.

6

L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 5[4] u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

a)

ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu; jew;

b)

ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

ċ)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.

2.   Meta konsumatur jidħol f’kuntratt ma’ parti li ma jkunx domiciljat fi Stat Membru iżda illi jkollu fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor f’wieħed mill-Istati Membri, dik il-parti għandu, fi kwistjonijiet li jinqalgħu mill-operazzjonijiet tal-fergħa, aġenzija jew stabbiliment, ikun meqjus bħala domiċiljat f’dak l-Istat.

3.   Din is-Sezzjoni m’għandiex tapplika għal kuntratt ta’ trasport apparti minn kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni.”

7

L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.

2.   Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.

3.   Dan l-Artikolu m’għandux jaffetwa d-dritt li titressaq kontro-talba fil-qorti li fih, skond din is-Sezzjoni, tkun pendenti t-talba oriġinali.”

8

L-Artikolu 17 tal-istess regolament jistipula:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sezzjoni jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim:

1.

li jkun seħħ wara li tkun qamet il-kwistjoni; jew

2.

li jippermetti lill-konsumatur li jressaq proċedimenti fi qrati apparti minn dawk indikati f’din is-sezzjoni; jew

3.

li jkun sar mill-konsumatur u l-parti l-oħra tal-kuntratt li t-tnejn li huma fil-waqt tal-konklużjoni tal-kuntratt ikunu domiċiljati jew ikunu abitwalment residenti fl-istess Stat Membru, u li jagħti l-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ dak l-Istat Membru, basta li ftehim bħal dak ma jkunx kuntrarju għal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012

9

Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), ħassar ir-Regolament Nru 44/2001. Madankollu, skont l-Artikolu 66(1) tiegħu dan ir-regolament huwa applikabbli biss għall-azzjonijiet ġudizzjarji mibdija wara l-10 ta’ Jannar 2015.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

M. Schrems ilu juża n-netwerk soċjali Facebook sa mis-sena 2008. Fil-bidu, huwa uża dan in-netwerk soċjali biss għal skopijiet personali taħt isem falz. Mis-sena 2010, huwa ddedika kont Facebook biss għall-attivitajiet privati tiegħu bħall-iskambju ta’ ritratti, il-konverżazzjoni u l-posts online b’madwar 250 ħbieb. Fih huwa jikteb ismu b’ittri Ċirilliċi, biex ifixkel kull riċerka b’ismu. Barra minn hekk, mis-sena 2011, huwa fetaħ paġna Facebook li ġiet irreġistrata u maħluqa minnu nnifsu, sabiex jinforma lill-utenti tal-internet bl-azzjoni tiegħu kontra Facebook Ireland, dwar konferenzi mogħtija minnu, dwar il-parteċipazzjoni tiegħu f’dibattiti u dwar l-interventi tiegħu fil-midja, kif ukoll sabiex iniedi sejħiet għal donazzjonijiet u jirreklama l-kotba tiegħu.

11

Mix-xahar ta’ Awwissu 2011, M. Schrems ressaq 23 ilment quddiem il-Kummissarju Irlandiż għall-Protezzjoni tad-Data kontra Facebook Ireland, fejn wieħed minnhom ta lok għal rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650).

12

M. Schrems ippubblika żewġ kotba dwar l-azzjoni tiegħu kontra allegati ksur tal-protezzjoni tad-data, ta konferenzi, uħud minnhom bi ħlas, b’mod partikolari lill-organizzaturi professjonisti, irreġistra diversi siti internet bħalma huma blogs, petizzjonijiet onlajn, kif ukoll siti ta’ crowdfunding għall-azzjonijiet kontra l-konvenuta fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, huwa waqqaf assoċjazzjoni bil-għan li jiġi rrispettat id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data, irċieva diversi premjijiet u lilu ġew ittrasferiti, minn iktar minn 25000 ruħ minn madwar id-dinja kollha, drittijiet sabiex jiġu invokati f’din il-kawża.

13

L-assoċjazzjoni mwaqqfa minn M. Schrems u intiża li jiġi rrispettat id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data ma għandhiex skop ta’ lukru u l-għan tagħha huwa r-rispett tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data, ix-xogħol ta’ akkumpanjament meħtieġa fil-qasam tal-informazzjoni u tal-midja, kif ukoll ta’ informazzjoni politika. L-iskop tagħha huwa s-sostenn finanzjarju ta’ kawżi ta’ prova (test cases) ta’ interess ġenerali kontra impriżi li potenzjalment jheddu dan id-dritt fundamentali. Din hija wkoll ikkonċernata mill-ġbir tal-finanzjamenti neċessarji u, għal dan il-għan, mill-ġbir ta’ donazzjonijiet, mill-amministrazzjoni u mill-għoti tagħhom.

14

M. Schrems isostni, essenzjalment, li l-konvenuta hija ħatja ta’ diversi ksur ta’ dispożizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari tad-Datenschutzgesetz 2000 (il-Liġi Awstrijaka tal-2000 dwar il-Protezzjoni tad-Data), tad-Data protection Act 1988 (il-Liġi Irlandiża tal-1988 dwar il-Protezzjoni tad-Data), jew tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU 1995, L 281, p. 31).

15

M. Schrems ippreżenta, quddiem il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (il-Qorti Reġjonali għal Kwistjonijiet Ċivili ta’ Vjenna, l-Awstrija), talbiet iddettaljati, l-ewwel nett, għall-konstatazzjoni dwar il-kwalità ta’ sempliċi fornitur ta’ servizz tal-konvenuta fil-kawża prinċipali u li din hija suġġetta għall-istruzzjonijiet mogħtija jew l-istatus tagħha bħala kontrollur, meta l-ipproċessar isir għal finijiet tagħha stess, kif ukoll l-invalidità ta’ klawżoli kuntrattwali dwar il-kundizzjonijiet għall-użu, it-tieni nett, għall-waqfien tal-użu għall-iskopijiet tagħha jew għal dawk ta’ terzi tad-data tiegħu, it-tielet nett, għall-informazzjoni dwar l-użu tad-data tiegħu u, ir-raba’ nett, għal rendikont u għall-eżekuzzjoni dwar l-aġġustament tal-klawżoli kuntrattwali, il-kumpens u l-arrikkiment indebitu.

16

Huwa jgħid li jibbaża ruħu, għal dan il-għan, kemm fuq id-drittijiet tiegħu stess kif ukoll fuq dawk, simili, li seba’ sħab kontraenti oħra tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, li huma wkoll konsumaturi u li jirrisjedu fl-Awstrija, fil-Ġermanja jew fl-Indja, ittrasferewlu fid-dawl tal-azzjoni tiegħu kontra Facebook Ireland.

17

Skont M. Schrems, dik il-qorti għandha ġurisdizzjoni internazzjonalment bħala l-forum tal-konsumatur, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

18

Facebook Ireland tqajjem, b’mod partikolari, l-eċċezzjoni ta’ assenza ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali.

19

Il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (il-Qorti Reġjonali għal Kwistjonijiet Ċivili ta’ Vjenna) ċaħdet ir-rikors ta’ M. Schrems għar-raġuni li, peress li huwa juża Facebook ukoll għal skopijiet professjonali, huwa ma setax jinvoka l-forum tal-konsumatur. Skont din il-qorti, il-forum privat tal-persuna li tittrasferixxi d-drittijiet ma jsirx il-forum tal-persuna li favuriha jsir it-trasferiment.

20

M. Schrems appella minn dan id-digriet tal-ewwel istanza quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija). Din tal-aħħar biddlet parzjalment dan id-digriet. Hija laqgħat it-talbiet marbuta mal-kuntratt personalment konkluż bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-konvenuta fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet ir-rikors, sa fejn dan kien jikkonċerna d-drittijiet ittrasferiti, għar-raġuni li l-forum tal-konsumatur huwa rriżervat għar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jinvoka drittijiet li jappartjenu lilu. Konsegwentement, meta invoka drittijiet ittrasferiti, M. Schrems ma setax jikseb l-applikazzjoni tat-tieni parti tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Madankollu, fir-rigward tal-kumplament, din il-qorti ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ proċedura mqajma minn Facebook Ireland.

21

Iż-żewġ partijiet ressqu appell għal reviżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija).

22

Din il-qorti tesponi li, jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu jiġi kklassifikat bħala “konsumatur”, il-proċedura għandha tinbeda fi Vjenna. L-istess japplika għall-proċedura dwar id-drittijiet tal-konsumaturi li jgħixu fi Vjenna. Dan ma jirrappreżentax piż addizzjonali sinjifikattiv għall-konvenuta fil-kawża prinċipali jekk din il-proċedura kienet intiża wkoll sabiex jiġu invokati kontriha drittijiet oħra ttrasferiti.

23

Il-Qorti tar-rinviju tqis, madankollu, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa impossibbli li tingħata tweġiba biċ-ċertezza meħtieġa għall-kwistjoni dwar sa fejn konsumatur li lilu jiġu ttrasferiti drittijiet ta’ konsumaturi oħra, sabiex jinvokahom b’mod kollettiv, jista’ jinvoka l-forum tal-konsumatur.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘konsumatur’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jitlef din il-kwalità meta, wara li jkun uża għal perijodu relattivament twil kont Facebook privat, jippubblika kotba b’rabta mal-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu, u xi kultant jagħti wkoll konferenzi remunerati, jopera siti internet, jiġbor donazzjonijiet sabiex jeżerċita d-drittijiet u jaċċetta t-trasferiment tad-drittijiet ta’ bosta konsumaturi b’korrispettiv għall-garanzija li jirritornalhom l-ammont miksub, wara tnaqqis tal-ispejjeż legali, fil-każ li jirbaħ il-kawża??

2)

L-Artikolu 16 tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li konsumatur jista’ jinvoka fi Stat Membru flimkien mad-drittijiet proprji tiegħu li jirriżultaw minn kuntratt konkluż minn konsumatur fil-ġurisdizzjoni tar-rikorrent, ukoll drittijiet simili ta’ konsumaturi oħra li għandhom id-domiċilju tagħhom

(a)

fl-istess Stat Membru,

(b)

fi Stat Membru ieħor: jew

(c)

fi Stat terz,

meta dawn id-drittijiet, li jirriżultaw minn kuntratti konklużi minn konsumaturi bl-istess konvenuta fl-istess kuntest legali, ġew ittrasferiti lilu u meta l-operazzjoni ta’ trasferiment ma taqax taħt attività professjonali tar-rikorrent iżda hija intiża sabiex jiġu eżerċitati kollettivament id-drittijiet?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li utent ta’ kont Facebook privat ma jitlifx il-kwalità ta’ “konsumatur”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, meta jippubblika kotba, jagħti konferenzi, jopera siti internet, jiġbor donazzjonijiet u jaċċetta t-trasferiment tad-drittijiet ta’ diversi konsumaturi sabiex jinvokahom quddiem qorti.

26

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), hekk kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata), li huwa l-każ hawnhekk.

27

Fis-sistema tar-Regolament Nru 44/2001, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ fejn huwa ddomiċiljat il-konvenut tikkostitwixxi l-prinċipju ġenerali, imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ din ir-regolament. Huwa biss b’deroga minn dan il-prinċipju li din id-dispożizzjoni tipprovdi każijiet elenkati b’mod limitat fejn il-konvenut jista’ jew għandu jiġi mfittex quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor. Konsegwentement, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jidderogaw minn dan il-prinċipju ġenerali għandhom jiġu interpretati b’mod strett, fis-sens li dawn ma jistgħux jagħtu lok għal interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-każijiet espressament previsti mill-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 32).

28

Jekk il-kunċetti użati mir-Regolament Nru 44/2001, u b’mod partikolari dawk li jinsabu fl-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, prinċipalment b’riferiment għall-istruttura u għall-għanijiet tar-regolament imsemmi, bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), hemm lok, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi kif ukoll il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “konsumatur” li jinsab f’regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Vapenik, C‑508/12, EU:C:2013:790, punt 25).

29

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat b’mod strett, billi jsir riferiment għall-pożizzjoni ta’ din il-persuna f’kuntratt speċifiku, fid-dawl tan-natura u tal-għan tiegħu, u mhux għas-sitwazzjoni suġġettiva ta’ din l-istess persuna, peress li l-istess persuna waħda u unika tista’ titqies bħala konsumatur fil-kuntest ta’ ċerti tranżazzjonijiet u bħala operatur ekonomiku fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa, C 269/95, EU:C:1997:337, punt 16, u tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 36).

30

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li huma biss il-kuntratti konklużi barra u indipendentement minn kull attività jew għan ta’ natura professjonali bl-uniku skop li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet proprji ta’ individwu għal dak li jirrigwarda l-konsum privat, li jaqgħu taħt is-sistema partikolari prevista mill-imsemmija konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li tali protezzjoni ma hijiex iġġustifikata fil-każ ta’ kuntratt li għandu l-għan ta’ attività professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 36).

31

Minn dan isegwi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċifiċi previsti fl-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament Nru 44/2001, bħala prinċipju, huma applikabbli biss fis-sitwazzjoni fejn l-għan tal-kuntratt konkluż bejn il-partijiet ikun użu ieħor għajr wieħed professjonali tal-oġġett jew tas-servizz ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 37).

32

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, persuna li tikkonkludi kuntratt għal użu relatat parzjalment mal-attività professjonali tagħha u li għalhekk huwa biss parzjalment mhux relatat magħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din tkun tista’ tibbenefika mill-imsemmija dispożizzjonijiet biss fil-każ fejn ir-rabta tal-imsemmi kuntratt mal-attività professjonali tal-persuna kkonċernata tkun tant żgħira li tkun marġinali u, għalhekk, għandha biss rwol negliġibbli fil-kuntest tat-tranżazzjoni li għaliha dan il-kuntratt ġie konkluż meta kkunsidrat fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 39).

33

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk utent ta’ kont Facebook jitlifx il-kwalità ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod partikolari li M. Schrems l-ewwel uża, bejn is-snin 2008 u 2010, kont Facebook li kien fetaħ esklużivament għal finijiet privati filwaqt li, mis-sena 2011, huwa uża wkoll paġna Facebook.

35

Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, hemm żewġ kuntratti distinti, jiġifieri wieħed għall-paġna Facebook u l-ieħor għall-kont Facebook. Min-naħa l-oħra, Facebook Ireland issostni li l-kont Facebook u l-paġna Facebook huma parti mill-istess relazzjoni kuntrattwali waħda.

36

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk M. Schrems u Facebook Ireland humiex effettivament marbutin b’kuntratt wieħed jew aktar, u li għandha tislet il-konsegwenzi minn dan f’dak li jirrigwarda l-kwalità ta’ “konsumatur”, għandu jiġi speċifikat li lanqas eventwali rabta kuntrattwali bejn il-kont Facebook u l-paġna Facebook ma tippreġudika l-evalwazzjoni tal-imsemmija kwalità fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 29 sa 32 ta’ din is-sentenza.

37

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, skont ir-rekwiżit, imfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li l-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi interpretat b’mod restrittiv, hemm lok b’mod partikolari li jittieħed inkunsiderazzjoni, fir-rigward ta’ servizzi ta’ netwerk soċjali diġitali li jista’ jintuża għal żmien twil, l-iżvilupp sussegwenti tal-użu li jsir minn dawn is-servizzi.

38

Din l-interpretazzjoni timplika, b’mod partikolari, li rikorrent utent ta’ tali servizzi jista’ jinvoka l-kwalità ta’ konsumatur biss jekk l-użu essenzjalment mhux ta’ natura professjonali ta’ dawn is-servizzi, li għalih kien inizjalment ikkonkluda kuntratt, ma kisibx, sussegwentement, natura essenzjalment professjonali.

39

Min-naħa l-oħra, peress li l-kunċett ta’ “konsumatur” huwa ddefinit b’kuntrast ma’ dak ta’ “operatur ekonomiku” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa, C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 16, u tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 36) u huwa indipendenti mill-għarfien u mill-informazzjoni konkreta li l-persuna kkonċernata jista’ għandha realment (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Costea, C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 21), la l-għarfien espert li din il-persuna tista’ tikseb fil-qasam li taħtu jaqgħu l-imsemmija servizzi, u lanqas il-fatt li impenjat ruħha li tirrappreżenta d-drittijiet u l-interessi tal-utenti ta’ dawn is-servizzi ma jneħħulha l-kwalità ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001.

40

Fil-fatt, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” li teskludi tali attivitajiet twassal sabiex tiġi prekluża difiża effettiva tad-drittijiet li l-konsumaturi għandhom fir-rigward tal-kontraenti professjonali tagħhom, inklużi dawk relatati mal-protezzjoni tad-data personali tagħhom. Tali interpretazzjoni tmur kontra l-għan stabbilit fl-Artikolu 169(1) TFUE li jippromwovi d-dritt tagħhom li jorganizzaw lilhom infushom sabiex jissalvagwardjaw l-interessi tagħhom.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li utent ta’ kont Facebook privat ma jitlifx il-kwalità ta’ “konsumatur”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, meta jippubblika kotba, jagħti konferenzi, jopera siti internet, jiġbor donazzjonijiet u jaċċetta t-trasferiment tad-drittijiet ta’ diversi konsumaturi sabiex jinvokahom quddiem qorti.

Fuq it-tieni domanda

42

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għall-azzjoni ta’ konsumatur intiża sabiex jiġu invokati, fil-qrati tal-post fejn huwa ddomiċiljat, mhux biss id-drittijiet tiegħu, iżda wkoll drittijiet ittrasferiti minn konsumaturi oħra ddomiċiljati fl-istess Stat Membru, fi Stati Membri oħra jew fi Stati terzi.

43

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 jikkostitwixxi deroga kemm għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru fejn ikun iddomiċiljat il-konvenut, kif ukoll għar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fl-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament, li bih il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn l-obbligu, li huwa l-bażi tat-talba, ġie jew għandu jiġi eżegwit. Għalhekk, dawn ir-regoli għandhom neċessarjament ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li s-sistema partikolari stabbilita fl-Artikoli 15 et seq tar-Regolament Nru 44/2001 hija ispirata mix-xewqa li l-konsumatur jiġi protett inkwantu parti kontraenti meqjusa bħala ekonomikament iktar dgħajfa u legalment b’inqas esperjenza mill-kontraent tagħha, il-konsumatur huwa protett biss meta jkun personalment rikorrent jew konvenut fi proċedura. Għalhekk, ir-rikorrent li ma jkunx, huwa nnifsu, parti fil-kuntratt ta’ konsumatur inkwistjoni ma jistax jibbenefika mill-forum tal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton, C‑89/91, EU:C:1993:15, punti 18, 2324). Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jgħoddu wkoll fir-rigward ta’ konsumatur li lilu ġew ittrasferiti drittijiet ta’ konsumaturi oħra.

45

Fil-fatt, ir-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti, fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, mill-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament japplikaw, b’mod konformi mal-kliem ta’ dan l-artikolu, biss għall-kawża mressqa mill-konsumatur kontra l-parti l-oħra fil-kuntratt, u dan neċessarjament jimplika l-konklużjoni ta’ kuntratt mill-konsumatur mal-professjonist li titressaq kawża kontrih (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 32.

46

Il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ kuntratt konkluż bejn il-konsumatur u l-professjonist li tressqet kawża kontrih tippermetti li tiġi żgurata l-prevedibbiltà tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, li hija waħda mill-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001, hekk kif jirriżulta mill-premessa 11 tiegħu.

47

Fl-aħħar nett, bil-kontra ta’ dak li ġie affermat, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, minn M. Schrems kif ukoll mill-Gvern Awstrijak u minn dak Ġermaniż, il-fatt li l-persuna li favuriha jsiru t-trasferimenti tkun tista’, f’kull każ, tintroduċi, fil-qrati tal-post tad-domiċilju tagħha, azzjoni abbażi tad-drittijiet mogħtija lilha personalment minn kuntratt konkluż mal-konvenut, analogi għal dawk li ġew ittrasferiti lilha, ma huwiex ta’ natura li jqiegħed lil dawn tal-aħħar taħt il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti.

48

Fil-fatt, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja f’kuntest ieħor, trasferiment ta’ djun, fih innifsu, ma jistax ikollu effett fuq id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 58, u tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 35). Minn dan isegwi li l-ġurisdizzjoni tal-qrati minbarra dawk imsemmija b’mod espliċitu mir-Regolament Nru 44/2001 ma tistax tiġi stabbilita permezz ta’ konċentrazzjoni ta’ diversi drittijiet fi ħdan rikorrent wieħed. Għalhekk, kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, trasferiment bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax iservi bħala bażi għal forum ġdid speċifiku għall-konsumatur li favurih sar it-trasferiment.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għall-azzjoni ta’ konsumatur intiża sabiex jiġu invokati, fil-qrati tal-post fejn huwa domiċiljat, mhux biss id-drittijiet tiegħu, iżda wkoll drittijiet ittrasferiti minn konsumaturi oħra domiċiljati fl-istess Stat Membru, fi Stati Membri oħra jew fi Stati terzi.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li utent ta’ kont Facebook privat ma jitlifx il-kwalità ta’ “konsumatur”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, meta jippubblika kotba, jagħti konferenzi, jopera siti internet, jiġbor donazzjonijiet u jaċċetta t-trasferiment tad-drittijiet ta’ diversi konsumaturi sabiex jinvokahom quddiem qorti.

 

2)

L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għall-azzjoni ta’ konsumatur intiża sabiex jiġu invokati, fil-qrati tal-post fejn huwa domiċiljat, mhux biss id-drittijiet tiegħu, iżda wkoll drittijiet ittrasferiti minn konsumaturi oħra domiċiljati fl-istess Stat Membru, fi Stati Membri oħra jew fi Stati terzi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top