EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0456

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Novembru 2012.
Gothaer Allgemeine Versicherung AG et vs Samskip GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressaq mil-Landgericht Bremen.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikoli 32 u 33 — Rikonoxximent ta’ sentenzi ta’ qorti — Kunċett ta’ ‘sentenza’ — Effetti ta’ sentenza ta’ qorti fuq il-ġurisdizzjoni internazzjonali — Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni.
Kawża C‑456/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:719

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikoli 32 u 33 — Rikonoxximent ta’ sentenzi ta’ qorti — Kunċett ta’ ‘sentenza’ — Effetti ta’ sentenza ta’ qorti fuq il-ġurisdizzjoni internazzjonali — Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni”

Fil-Kawża C-456/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Bremen (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Settembru 2011, fil-proċedura

Gothaer Allgemeine Versicherung AG,

ERGO Versicherung AG,

Versicherungskammer Bayern-Versicherungsanstalt des öffentlichen Rechts,

Nürnberger Allgemeine Versicherungs-AG,

Krones AG

vs

Samskip GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, T. von Danwitz, G. Arestis, J. Malenovský u E. Juhász, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Lulju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Gothaer Allgemeine Versicherung AG, ERGO Versicherung AG, Versicherungskammer Bayern-Versicherungsanstalt des öffentlichen Rechts, Nürnberger Allgemeine Versicherungs AG, minn K. Ramming, Rechtsanwalt,

għal Krones AG, minn A. Nerz u M. Theisen, Rechtsanwälte, assistiti minn R. Geimer, professur, u C. Wagner, Justiziar,

għal Samskip GmbH, minn O. Hartenstein, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u F. Wannek, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u T. Materne, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u A.-M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn erba’ kumpanniji tal-assigurazzjoni, jiġifieri, Gothaer Allgemeine Versicherung AG, ERGO Versicherung AG, Versicherungskammer Bayern-Versicherungsanstalt des öffentlichen Rechts u Nürnberger Allgemeine Versicherungs-AG (iktar ’il quddiem l-“assiguraturi”), kif ukoll Krones AG (iktar ’il quddiem “Krones”), kumpannija Ġermaniża li hija assigurata minn dawn tal-aħħar, u Samskip GmbH (iktar ’il quddiem “Samskip”), sussidjarja Ġermaniża tal-kumpannija Samskip Holding BV, impriża tat-trasport u tal-loġistika li għandha s-sede tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda li ġiet iffondata fl-Islanda, dwar il-kunsinna minn Samskip ta’ installazzjoni ta’ birrerija lil xerrej, Cerveceria Cuauthemoc Monezum (iktar ’il quddiem id-“destinatarja”), li hija impriża Messikana.

3

L-imsemmija kawża għandha bħala suġġett talbiet għal kumpens imressqa quddiem il-qrati Ġermaniżi mill-assiguraturi u minn Krones dwar l-allegat dannu kkawżat lill-imsemmija installazzjoni waqt it-trasport, minkejja li l-qrati Belġjani, b’mod iktar partikolari il-hof van beroep te Antwerpen (Qorti ta’ Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju), kienu diġà ċaħdu bħala inammissibbli talbiet simili mressqa quddiemhom għaliex il-polza ta’ karigu (“Bill of Lading”) stabbilita fit-13 ta’ Awwissu 2006, id-data li fiha l-installazzjoni ttieħdet taħt ir-responsabbiltà ta’ Samskip f’Antwerpen (il-Belġju), kienet tinkludi klawżola kuntrattwali li tappunta lill-qrati Islandiżi bħala li għandhom ġurisdizzjoni fil-każ ta’ kawża u lid-dritt Islandiż bħala applikabbli għall-kuntratt ta’ trasport.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

4

Il-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2007, li ġiet approvata f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE, tas-27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano”), tistabbilixxi fl-Artikolu 23(1) tagħha, redatt fil-parti l-kbir tiegħu bħall-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, magħmula f’Lugano fis-16 ta’ Settembru 1998 (ĠU L 319, p. 9), li hija ssostitwita :

“Jekk il-partijiet, li minnhom waħda jew aktar tkun domiċiljata fi Stat marbut b’din il-Konvenzjoni, ikunu ftiehmu li qorti jew il-qrati ta’ Stat marbut b’din il-Konvenzjoni għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiddeċiedu fi kwalunkwe disputa li tirriżulta jew li tista’ tirriżulta in konnessjoni ma’ relazzjoni ġuridika partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Tali ġurisdizzjoni għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor. Tali ftehim li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni għandu jkun:

a)

bil-kitba jew imfassal bil-kitba għall-finijiet ta’ prova, jew

b)

f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

ċ)

f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.”

Id-dritt tal-Unjoni

5

Il-premessi 2, 6 u 15 sa 17 tar-Regolament Nru 44/2001 huma redatti kif ġej :

“(2)

Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

[...]

(6)

Sabiex jintlaħaq l-obbjettiv ta’ moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkun regolat minn strument legali tal-Komunità li jkun jorbot u direttament applikabbli.

[...]

(15)

Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu.

(16)

Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)

Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. Għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni li ġudizzju huwa eżegwibbli għandha ssir virtwalment awtomatikament wara verifiki puramenti formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm possibiltà li l-qorti li tqajjem b’mozzjoni tagħha uħud mir-raġunijiet għan-non eżekuzzjoni b’dan ir-Regolament.”

6

Skont l-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament, li huwa essenzjalment redatt bħall-Artikolu 23(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano, ikkwotata fil-punt 4 ta’ din is-sentenza :

“Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandhu jkun jew:

a)

bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba; jew

b)

f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

ċ)

f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.”

7

L-Artikolu 32 tal-istess regolament jistabbilixxi :

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘sentenza’ tfisser xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.”

8

L-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa redatt kif ġej :

“1.   Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.

2.   Xi parti interessata li tqajjem rikonoxximent ta’ sentenza bħala s-suġġet prinċipali fi kwestjoni tista’, bi qbil mal-proċeduri li hemm disposizzjoni dwarhom f’Sezzjonijiet 2 u 3 ta’ dan il-Kapitolu, japplika għal deċiżjoni li s-sentenza tiġi rikonoxxuta.

3.   Jekk ir-riżultat tal-proċedimenti f’qorti ta’ Stat Membru jiddependi mid-determinazzjoni ta’ kwistjoni inċidentali tar-rikonoxximent, dik il-qorti għandha jkollha ġurisdizzjoni fuq dak il-każ.”

9

Skont l-Artikolu 34 tal-istess regolament:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1)

jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

2)

meta jkun b’nuqqas ta’ dehra, jekk il-konvenut ma kienx ġie servut bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk;

3)

jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

4)

jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li jinvolvi l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet, basta illi dik is-sentenza aktar kmieni twettaq il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru indirizzat.”

10

L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi :

“1.   Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.

2.   Fl-eżami tal-bażi tas-sentenza msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, il-qorti jew l-awtorità għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

3.   Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi reveduta. It-test ta’ strateġija pubblika msemmija f’punt 1 ta’ l-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”

11

Skont l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 44/2001 :

“Sentenza barranija taħt l-ebda ċirkostanzi ma’ tista’ tiġi reveduta fuq is-sustanza tagħha”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fl-2006, Krones biegħet installazzjoni ta’ birrerija lid-destinatarja. Hija appuntat lil Samskip bl-organizzazzjoni u bit-twettiq tat-trasport ta’ din l-installazzjoni minn Antwerpen għal Guadalajara (il-Messiku), via Altamira, belt li tinsab ukoll fil-Messiku.

13

Il-kunsinna, magħmula minn kontejners u minn kwadri tat-trasport, ingħatat lil Samskip fit-13 ta’ Awwissu 2006. Din tal-aħħar stabbilixxiet fl-istess jum il-polza ta’ karigu li fiha appuntat lil Krones bħala karigatur (“shipper”), id-destinatarja bħala kunsinnatarja (“consignee”), Antwerpen bħala port ta’ tagħbija u Altamira bħala port ta’ destinazzjoni. Fil-kundizzjonijiet stabbiliti fuq wara ta’ dan id-dokument (“Endorsements”), hemm stabbiliti fil-punt 2 :

“Ġurisdizzjoni : Kull kawża li tirriżulta minn din il-polza ta’ karigu għandha tiġi deċiża fl-Islanda abbażi tad-dritt Islandiż”.

14

Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-merkanzija ġarrbet dannu waqt it-trasport marittimu u parti minn din il-merkanzija ġarrbet ukoll dannu waqt it-trasport fuq l-art minn Altamira sa Guadalajara. Krones ittrasferiet id-drittijiet tagħha – sal-ammont massimu ta’ responsabbiltà abbażi tad-dritt marittimu ta’ żewġ drittijiet speċjali ta’ preljev, b’valur fil-mument ta’ trasferiment ta’ EUR 235 666.46 – lill-assiguraturi prorata skont is-sehem tagħhom fir-riskju. Id-destinatarja ttrasferixxiet ukoll lill-assiguraturi d-drittijiet tagħha li jirriżultaw mill-polza ta’ karigu prorata skont is-sehem tagħhom fir-riskju.

15

Id-destinatarja u l-assiguraturi adixxew lill-qrati Belġjani b’rikors ippreżentat fit-30 ta’ Awwissu 2007 u sejħu lil Samskip biex tippreżenta ruħha fis-16 ta’ Ottubru 2007 quddiem ir-rechtbank van koophandel te Antwerpen (Qorti Kummerċjali ta’ Antwerpen). Din il-qorti ddeċidiet favur l-assiguraturi u d-destinatarja, iżda l-hof van beroep te Antwerpen irriformat din is-sentenza bis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Ottubru 2009 li fiha hija ddikjarat lilha nnifisha bħala “li ma għandhiex ġurisdizzjoni”.

16

Fil-motivi tas-sentenza tagħha, il-hof van beroep te Antwerpen iddeċidiet li d-destinatarja ma għandha l-ebda dritt ta’ rikors abbażi tal-kuntratt ta’ trasport. Ċertament, l-assiguraturi għandhom interess ġuridiku inkwantu suċċessuri legali ta’ Krones, iżda huma marbuta bil-klawżola tal-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni li tinsab fil-polza ta’ karigu. Skont il-punt 2 tal-klawżoli ta’ din tal-aħħar, il-qrati Islandiżi għandhom ġurisdizzjoni esklussiva biex jiddeċiedu kawżi marbuta mal-kuntratt ta’ trasport, u din kienet ir-raġuni għalfejn il-qrati Belġjani ma għandhomx ġurisdizzjoni. Din is-sentenza saret res judicata.

17

Matul ix-xahar ta’ Settembru 2010, l-assiguraturi ppreżentaw quddiem il-Landgericht Bremen rikors għall-kumpens kontra Samskip u Krones ippreżentat rikors għall-kumpens kontra din tal-aħħar quddiem il-Landgericht Landshut. Il-Landgericht Landshut bagħtet din l-aħħar kawża lill-qorti tar-rinviju b’digriet tat-3 ta’ Ġunju 2011.

18

Il-Landgericht Bremen tirrileva li, skont Samskip, ir-rikorsi huma inammissibbli, għaliex is-sentenza tal-hof van beroep te Antwerpen tal-5 ta’ Ottubru 2009 tipproduċi effetti legali mhux biss f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani, iżda wkoll f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-ġurisprudenza tal-qrati Islandiżi li tinsab fil-motivi tal-istess sentenza. Fil-fatt, Samskip tqis li, abbażi tal-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 44/2001, l-imsemmija sentenza għandha effett vinkolanti fir-rigward tal-qorti tar-rinviju.

19

L-assiguraturi u Krones iqisu li barra minn hekk jista’ jiġi dedott mis-sentenza tal-hof van beroep te Antwerpen tal-5 ta’ Ottubru 2009 effett vinkolanti f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni li tipprovdi li l-qrati Belġjani ma għandhomx ġurisdizzjoni. Madankollu, din is-sentenza ma għandhiex effett, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri li ma humiex tar-Renju tal-Belġju, minħabba l-allegata ġurisdizzjoni tal-qrati Islandiżi.

20

Il-qorti tar-rinviju, billi tirreferi għad-duttrina Ġermaniża, tirrileva li s-sentenza tal-hof van beroep te Antwerpen tal-5 ta’ Ottubru 2009 hija “sentenza dwar l-ammissibbiltà” (“Prozessurteil”) li tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, peress li l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tingħata sentenza dwar il-mertu ma kinux sodisfatti. Tali deċiżjonijiet ta’ qrati barranin ma jistgħux jiġu, fil-parti l-kbira tagħhom, rikonoxxuti fil-Ġermanja. Għalhekk, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk hija għandhiex tirrikonoxxi din is-sentenza u, jekk ikun il-każ, jekk il-portata ta’ tali rikonoxximent jinkludix il-motivi ta’ din tal-aħħar.

21

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Bremen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ ‘sentenza’ fil-prinċipju jinkludi wkoll is-sentenzi li sempliċement jiddikjaraw li ma humiex sodisfatti r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tal-proċedura (magħrufa bħala sentenzi ta’ ammissibbiltà)?

2)

L-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ ‘sentenza’ fil-prinċipju jinkludi wkoll sentenza li ttemm l-istanza u li permezz tagħha tiġi miċħuda l-ġurisdizzjoni internazzjonali minħabba ftehim dwar il-ġurisdizzjoni?

3)

L-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-prinċipju tal-estensjoni tal-effetti (sentenza tal-4 ta’ Frar 1988, Hoffmann, C-145/86, Ġabra p. 645), fis-sens li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet tal-qrati ta’ Stati Membri oħra dwar l-effettività ta’ ftehim dwar il-ġurisdizzjoni bejn il-partijiet meta, taħt il-liġi nazzjonali tal-ewwel qorti, id-dikjarazzjoni dwar l-effettività ta’ ftehim dwar il-ġurisdizzjoni hija res judicata, anki jekk is-sentenza f’dan ir-rigward hija parti ta’ riżoluzzjoni ta’ ammissibbiltà li tiċħad tali talba?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

22

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda wkoll sentenza li permezz tagħha qorti ta’ Stat Membru tirrinunċja l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, anki jekk din is-sentenza hija kklassifikata bħala “sentenza dwar l-ammissibbiltà” mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor.

23

Qabelxejn għandu jiġi kkonstatat li, skont il-kliem tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001, il-kunċett ta’ “sentenza” jkopri “xi” [kull] sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont il-kontenut tas-sentenza inkwistjoni, fatt li jimplika, bħala regola ġenerali, li dan il-kunċett jinkludi wkoll deċiżjoni li permezz tagħha l-qorti ta’ Stat Membru tirrinunċja għall-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni.

24

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġursidizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), li l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika wkoll, bħala regoli ġenerali, għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland, C-406/09, Ġabra p. I-9773, punt 38), jiġifieri l-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament, ma hijiex limitata għal sentenzi li jagħlqu totalment jew parzjalment kawża, iżda tirrigwarda wkoll d-deċiżjonijiet interlokutorji jew li jistabbilixxu miżuri provviżorji jew kawtelatorji (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas, C-39/02, Ġabra p. I-9657, punt 46).

25

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi jsir riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage, C-103/05, Ġabra p. I-6827, punt 29; tat-23 ta’ April 2009, Draka NK Cables et, C-167/08, Ġabra p. I-3477, punt 19, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie, C-189/08, Ġabra p. I-6917, punt 17).

26

Issa, wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001, kif jirriżulta mill-premessa 2 tiegħu huwa li “jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri” marbuta b’dan ir-regolament, fatt li jargumenta wkoll favur interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sentenza” li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-klassifikazzjoni mid-dritt ta’ Stat Membru ta’ att adottat minn qorti ta’ dan l-Istat, irrispettivament jekk tkunx dik tal-Istat Membru ta’ oriġini jew dik tal-Istat Membru li fih tressqet il-kawża. Fil-fatt, interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ibbażata fuq il-partikolaritajiet ta’ kull dritt nazzjonali tikkostitwixxi xkiel sinjifikattiv għat-twettiq ta’ dan l-għan.

27

Barra minn hekk, il-premessa 6 tar-Regolament Nru 44/2001 issemmi “l-obbjettiv ta’ moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali”. Tali għan huwa ta’ natura li jikkorrobora l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sentenza” fis-sens tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001 li tinkludi sentenzi li permezz tagħhom qorti ta’ Stat Membru tirrinunċja għall-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ tali sentenzi jista’ jhedded b’mod serju l-moviment liberu tas-sentenzi tal-qrati.

28

Fir-rigward tas-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 44/2001, il-premessi 16 u 17 ta’ din tal-aħħar jenfasizzaw l-importanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn il-qrati tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-qrati, fatt li jippreżumi wkoll li l-imsemmi kunċett ma jistax jiġi interpretat b’mod ristrettiv, sabiex jiġu evitati, b’mod partikolari, kwistjonijiet dwar l-eżistenza ta’ “sentenza”.

29

Fil-fatt, ikun hemm theddida għal din il-fiduċja reċiproka li kieku qorti ta’ Stat Membru tkun tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza li permezz tagħha qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun irrinunċjat għall-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tagħt ġurisdizzjoni. Li jiġi aċċettat li qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrifjuta milli tirrikonoxxi tali deċiżjoni jmur kontra s-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 44/2001, għaliex tali rifjut jista’ jikkomprometti l-funzjonament effikaċi tar-regoli stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, dwar it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri.

30

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 u 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 33 sa 35 tar-Regolament Nru 44/2001 japplikaw ukoll fir-rigward ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “sentenza” fis-sens tal-Artikolu 32 ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, l-Artikolu 33 jistabbilixxi l-prinċipju li jipprovdi li s-sentenzi għandhom jiġu rrikonoxxuti, filwaqt li l-Artikoli 34 u 35 jipprovdu eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, li għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod strett. Barra minn hekk, l-Artikolu 35(3) jistabbilixxi li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi mistħarrġa u li l-kriterju ta’ ordni pubbliku ma jistax japplika għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni.

31

Għandu jiġi rrilevat li interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ sentenza għandha l-konsegwenza li toħloq kategorija ta’ atti adottati mill-qrati li ma humiex fost dawk elenkati b’mod eżawrjenti mill-Artikoli 34 u 35 tar-Regolament Nru 44/2001 li ma jistgħux jiġu kkategorizzati bħala “sentenzi” fis-sens tal-Artikolu 32 u li għalhekk il-qrati tal-Istati Membri l-oħra ma humiex obbligati li jirrikonoxxu. Għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ tali kategoriji ta’ atti, li jinkludu b’mod partikolari dawk li permezz tagħhom qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun irrinunċjat għall-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, hija inkompatibbli mas-sistema stabbilita fl-Artikoli 33 u 35 tar-Regolament Nru 44/2001, li tiffavorixxi r-rikonoxximent mingħajr xkiel tas-sentenzi tal-qorti u teskludi l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini mill-qrati li fih tressqet il-kawża.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda wkoll sentenza li permezz tagħha l-qorti ta’ Stat Membru tirrinunċja l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, irrispettivament mill-klassifikazzjoni ta’ tali sentenza mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor.

Fuq it-tielet domanda

33

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qorti li quddiemha qed jiġi invokat ir-rikonoxximent ta’ sentenza, li fiha l-qorti ta’ Stat Membru ieħor irrinunċjat għall-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, hija marbuta mill-konstatazzjoni dwar il-validità ta’ din il-klawżola, li tinsab fil-motivi ta’ sentenza li saret res judicata u li ddikjarat ir-rikors bħala inammissibbli.

34

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, billi kkwotat ir-rapport fuq il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, redatt mis-Sinjur Jenard (ĠU 1979 C 59 p. 1,) ir-rikonoxximent għandu “jkollu l-effett li jagħti lis-sentenzi l-awtorità u l-effikaċità li huma jgawdu fl-Istat li fihom ingħataw” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (sentenza Hoffmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10). Għalhekk, sentenza barranija rrikonoxxuta abbażi tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 44/2001 għandha jkollha, bħala regola ġenerali, fl-Istat li fih tressqet il-kawża, l-istess effetti bħal dawk li hija għandha fl-Istat ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, sentenza Hoffmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11).

35

Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn il-qrati hija l-qafas tas-sistema stabbililta bir-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm bżonn ta’ livell għoli ta’ fiduċja reċiproka b’mod speċjali meta l-qrati ta’ Stati Membri huma msejħa japplikaw regoli komuni dwar il-ġurisdizzjoni. F’dan ir-rigward, dawn ir-regoli kif ukoll dawk dwar ir-rikonoxximent u dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-qrati, li jinsabu f’dan ir-regolament, ma jikkostitwixxux gruppi ta’ regoli distinti u awtonomi iżda huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Wolf Naturprodukte, C-514/10, punt 25). Hija din ir-rabta li, minn naħa, tiġġustifika l-mekkaniżmu ssemplifikat ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni, stabbilit fl-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament, li permezz tiegħu s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru huma, bħala regola ġenerali, irrikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra u, min-naħa l-oħra, twassal, skont l-Artikolu 35(3) ta’ dan l-istess regolament, sabiex ma tiġix mistħarrġa l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/03, tas-7 ta’ Frar 2006, Ġabra p. I-1145, punt 163).

36

Ċertament, fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-prorogazzjoni konvenzjonali tal-ġurisdizzjoni, ma jistax japplika għaliex il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkwistjoni tagħti l-ġurisdizzjoni lir-Repubblika tal-Islanda, li ma hijiex Stat Membru. Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Konvenzjoni ta’ Lugano, li r-Repubblika tal-Islanda tifforma parti minnha, tinkludi, fl-Artikolu 23 tagħha, dispożizzjoni ekwivalenti għad-dispożizzjoni tal-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament. Sa fejn fil-kuntest tal-analiżi tal-ġurisdizzjoni tagħha qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini kkonstatat il-validità ta’ tali klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, ikun, għalhekk, kuntrarju għall-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fi ħdan l-Unjoni Ewropea li qorti tal-Istat Membru li fih tressqet il-kawża teżamina mill-ġdid din l-istess kwistjoni ta’ validità.

37

Barra minn hekk, mill-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li s-sentenza tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax “[t]aħt l-ebda ċirkostanzi […] tiġi reveduta fuq is-sustanza tagħha”, skont l-imsemmi prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. Fil-fatt, skont ir-rapport tas-Sinjur Jenard, (p. 46), “in-nuqqas ta’ stħarriġ dwar il-mertu jimplika fiduċja sħiħa fil-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini, fejn din il-fiduċja dwar il-fondatezza tas-sentenza għandha normalment tiġi estiża għall-applikazzjoni li l-qorti għamlet tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni [armonizzati]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

38

Il-fatt li jiġi aċċettat li qorti tal-Istat Membru li fih tressqet il-kawża tista’ tqis bħala nulla l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li l-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini rrikonoxxiet bħala valida jmur kontra dan l-impediment ta’ reviżjoni tas-sentenzi dwar il-mertu, b’mod partikolari fis-sitwazzjonijiet fejn din l-aħħar qorti tkun tista’ tiddeċiedi li għandha ġurisdizzjoni fin-nuqqas ta’ din il-klawżola. Fil-fatt, f’din l-aħħar ipoteżi, tali konstatazzjoni mingħand il-qorti tal-Istat Membru li fih tressqet il-kawża tqiegħed inkwistjoni mhux biss il-konklużjoni intermedjarja tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini dwar il-validità tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, iżda wkoll is-sentenza ta’ din il-qorti li tirrinunċja għall-ġurisdizzjoni proprju tagħha.

39

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-esklużjoni tal-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini timplika korrelattivament restrizzjoni fir-rigward tal-qorti tal-Istat Membru li fih tressqet il-kawża dwar il-possibbiltà li tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tagħha sa fejn din tal-aħħar hija marbuta b’dak deċiż mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini. Ir-rekwiżit ta’ uniformità fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li l-portata preċiża ta’ din ir-restrizzjoni tiġi ddefinita fil-livell tal-Unjoni pjuttost milli tiddependi mir-regoli differenti nazzjonali dwar l-awtorità ta’ res judicata

40

Issa, il-kunċett tal-awtorità ta’ res judicata fid-dritt tal-Unjoni ma huwiex marbut biss mad-dispożittiv tas-sentenza tal-qorti inkwistjoni, iżda huwa estiż għall-motivi ta’ din tal-aħħar li jikkostitwixxu l-bażi stess tad-dispożittiv tagħha, u huma għalhekk, inseparabbli minn din tal-aħħar [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C-442/03 P u C-471/03 P, Ġabra p. I-4845, punt 44, kif ukoll tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni, C-221/10 P, punt 87]. Fid-dawl tal-fatt, irrilevat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, li r-regoli komuni dwar il-ġurisdizzjoni applikati mill-qrati tal-Istati Membri għandhom is-sors tagħhom fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-Regolament Nru 44/2001, u fir-rekwiżit ta’ uniformità mfakkar fil-punt 39 tal-istess sentenza, il-kunċett tal-awtorità ta’ res judicata tad-dritt tal-Unjoni huwa rilevanti sabiex jiġu ddeterminati l-effetti li tipproduċi sentenza li fiha qorti ta’ Stat Membru tkun irrinunċjat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni.

41

Għalhekk, deċiżjoni li fiha qorti ta’ Stat Membru tirrinunċja għall-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, għaliex din il-klawżola hija valida, torbot il-qrati tal-Istati Membri l-oħra kemm fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, li tinsab fid-dispożittiv tas-sentenza tagħha, kif ukoll fir-rigward tal-konstatazzjoni dwar il-validità ta’ din il-klawżola, li tinsab fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni, li tikkostitwixxi s-sostenn meħtieġ għal dan id-dispożittiv.

42

Barra minn hekk, din is-soluzzjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-argument invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-punt 66 tas-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides (C-420/07, Ġabra p. I-3571), li jipprovdi li ma hemmx raġuni għaliex sentenza, meta tiġi inforzata, tingħata drittijiet li ma jappartjenux lilha fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri inkwistjoni. Fil-fatt, ir-rikonoxximent ta’ sentenzi ta’ qrati ta’ Stati Membri li jirrinunċjaw għall-ġurisdizzjoni tagħhom abbażi tar-Regolament Nru 44/2001, li ttieħdu, kif ġie rrilevat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, skont ir-regoli komuni dwar il-ġurisdizzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni, isegwi sistema separata, li hija deskritta fil-punti 39 sa 41 ta’ din is-sentenza.

43

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti li quddiemha qed jiġi invokat ir-rikonoxximent ta’ sentenza li fiha qorti ta’ Stat Membru ieħor irrinunċjat għall-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni hija marbuta bil-konstatazzjoni dwar il-validità ta’ din il-klawżola, li tinsab fil-motivi ta’ sentenza li saret res judicata li tiddikjara l-kawża bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda wkoll sentenza li permezz tagħha qorti ta’ Stat Membru tirrinunċja l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, irrispettivament mill-klassifikazzjoni ta’ tali sentenza mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor.

 

2)

L-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti li quddiemha qed jiġi invokat ir-rikonoxximent ta’ sentenza li fiha qorti ta’ Stat Membru ieħor irrinunċjat għall-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni hija marbuta bil-konstatazzjoni dwar il-validità ta’ din il-klawżola, li tinsab fil-motivi ta’ sentenza li saret res judicata li tiddikjara l-kawża bħala inammissibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top