EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0518

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-15 ta' April 2010.
Fundación Gala-Salvador Dalí u Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP) vs Société des auteurs dans les arts graphiques et plastiques (ADAGP) et.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de grande instance de Paris - Franza.
Approssimazzjoni tal-liġijiet - Proprjetà intellettwali - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati - Dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur l-awtur ta’ xogħol ta’ arti oriġinali - Direttiva 2001/84/KE - Benefiċjarji tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid wara l-mewt tal-awtur tax-xogħol tal-arti - Kunċett ta’ ‘dawk intitolati’ - Leġiżlazzjoni nazzjonali li żżomm, għal perijodu ta’ 70 sena, id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur il-werrieta tal-awtur biss, bl-esklużjoni ta’ legatarji u aventi kawża oħrajn - Kompatibbiltà mad-Direttiva 2001/84.
Kawża C-518/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:191

Kawża C-518/08

Fundación Gala-Salvador Dalí

u

Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP)

vs

Société des auteurs dans les arts graphiques et plastiques (ADAGP) et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de grande instance de Paris)

“Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proprjetà intellettwali — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur l-awtur ta’ xogħol ta’ arti oriġinali — Direttiva 2001/84/KE — Benefiċjarji tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid wara l-mewt tal-awtur tax-xogħol tal-arti — Kunċett ta’ ‘dawk intitolati’ — Leġiżlazzjoni nazzjonali li żżomm, għal perijodu ta’ 70 sena wara s-sena tal-mewt, id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur il-werrieta tal-awtur biss, bl-esklużjoni tal-legatarji u l-aventi kawża kollha — Kompatibbiltà mad-Direttiva 2001/84”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-liġijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/84 — Dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur dawk intitolati taħt l-awtur ta’ xogħol ta’ arti oriġinali wara mewtu

(Artikolu 95 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/84, Artikolu 6(1))

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/84, dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall‑benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tirriżerva l-benefiċċju tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid biss lill-werrieta legali tal-artist, bl-esklużjoni tal-legatarji testamentarji. Fid-dawl ta’ dan, hija l-qorti tar-rinviju, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-imsemmi Artikolu 6(1), li għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli rilevanti kollha intiżi li jsolvu l-kunflitti ta’ liġijiet fil-qasam tad-devoluzzjoni ta’ suċċessjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.

Fil-fatt, l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/84 hija bbażata fuq żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, li tiżgura li l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ arti grafika jew plastika jkollhom sehem ekonomiku mis-suċċess tax-xogħlijiet tagħhom u min-naħa l-oħra, li tintemm id-distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-suq tal-arti, peress li l-ħlas ta’ royalties f’ċerti Stati Membri jista’ jwassal għall-ispostament tal-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti fl-Istati Membri fejn ma huwiex applikat id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid. Filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li dawk intitolati taħt l-awtur jibbenefikaw bis-sħiħ mid-dritt tal-bejgħ wara l-mewt ta’ dan tal-aħħar, min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, huwa ma qiesx xieraq li jintervjeni permezz tal-imsemmija direttiva fil-qasam tad-dritt ta’ suċċessjoni tal-Istati Membri, u b’dan il-mod ħalla f’idejn kull Stat li jiddefinixxi l-kategoriji ta’ persuni li jistgħu, skont id-dritt nazzjonali, jiġu kklassifikati bħala dawk intitolati taħt l-awtur. Konsegwentement, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għażla leġiżlattiva tagħhom sabiex jiddeterminaw il-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw mid-dritt tal-bejgħ mill-ġdid wara l-mewt tal-awtur ta’ xogħol ta’ arti.

(ara l-punti 27, 32, 33, 36 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ April 2010 (*)

“Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur l-awtur ta’ xogħol ta’ arti oriġinali – Direttiva 2001/84/KE – Benefiċjarji tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid wara l-mewt tal-awtur tax-xogħol tal-arti – Kunċett ta’ ‘dawk intitolati’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li żżomm, għal perijodu ta’ 70 sena wara s-sena tal-mewt, id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur il-werrieta tal-awtur biss, bl-esklużjoni tal-legatarji u l-aventi kawża kollha – Kompatibbiltà mad-Direttiva 2001/84”

Fil-Kawża C‑518/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal de Grande Instance de Paris (Franza), permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Novembru 2008, fil-proċedura

Fundación Gala-Salvador Dalí,

Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP)

vs

Société des auteurs dans les arts graphiques et plastiques (ADAGP),

Juan-Leonardo Bonet Domenech,

Eulalia-María Bas Dalí,

María del Carmen Domenech Biosca,

Antonio Domenech Biosca,

Ana-María Busquets Bonet,

Mónica Busquets Bonet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, J. Malenovský (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Fundación Gala-Salvador Dalí u Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP), minn P.‑F. Veil, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère‑Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Krämer u C. Vrignon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6(1) u 8(2) u (3) tad-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 240).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Fundación Gala-Salvador Dalí u Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (iktar ’il quddiem “VEGAP”), u min-naħa l-oħra, is-Société des auteurs dans les arts graphiques et plastiques (iktar ’il quddiem l-“ADAGP”), kif ukoll J.‑L Domenech, E-M. Dalí, M. Domenech Biosca, A. Domenech Biosca, A‑M. Busquets Bonet u M. Busquets Bonet, membri tal-familja tal-pittur Salvador Dalí, dwar somom relatati mad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid li jirriżultaw minn bejgħ ta’ xogħlijiet tal-arti ta’ dan tal-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2001/84

3        Il-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2001/84 jipprovdu:

“(3)      Id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid huwa maħsub sabiex jassigura li l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ l-arti figurattivi jaqsmu s-suċċess ekonomiku tax-xogħlijiet oriġinali ta’ l-arti tagħhom. Jgħin biex jagħti mill-ġdid il-bilanċ bejn is-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ l-arti figurattivi u dak ta’ kreaturi oħra li jibbenefikaw mill-isfruttar suċċessiv tax-xogħlijiet tagħhom.

(4)      Id-dritt għall-bejgħ mill-ġdid jifforma parti integrali tad-dritt ta’ l-awtur u huwa prerogattiv essenzjali għall-awturi. L-imposizzjoni ta’ dritt bħal dan fl-Istati Membri kollha tissodisfa l-ħtieġa li tipprovdi lill-kreaturi bil-livell ta’ protezzjoni adegwata u komuni.”

4        Skont il-premessi 9 u 10 tal-imsemmija direttiva:

“(9)      Id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, fil-preżent, hemm ipprovdut għalih mil-leġislazzjoni domestika ta’ maġġoranza ta’ Stati Membri. Liġijiet bħal dawn, fejn ikunu jeżistu, juru ċerti differenzi, b’mod partikolari fir-rigward tax-xogħlijiet koperti, dawk intitolati jirċievu royalties, ir-rata applikata, it-transizzjonijiet soġġetti għal ħlas ta’ royalty, u l-bażi li fuqhom ikunu kkalkolati. L-applikazzjoni jew nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dritt bħal dan għandu impatt sinifikanti fuq l-ambjent kompetittiv fi ħdan is-suq intern, minħabba li l-eżistenza jew nuqqas ta’ obbligazzjoni għal ħlas fuq il-bażi tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid hija element li għandu jingħata każ tiegħu minn kull individwu li jixtieq ibiegħ xogħol ta’ l-arti. Dan id-dritt huwa għalhekk fattur li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ tgħawwiġ[distorsjoni] fil-kompetizzjoni kif ukoll l-ispjazzament[l-ispostament] ta’ bejgħ fi ħdan il-Komunità.

(10)      Disparitajiet bħal dawn dwar l-eżistenza tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid u l-applikazzjoni tiegħu mill-Istati Membri għandhom impatt negattiv dirett fuq it-tħaddim xieraq tas-suq intern tax-xogħlijiet ta’ l-arti kif ipprovdut bl-Artikolu 14 tat-Trattat [KE]. F’sitwazzjoni bħal din l-Artikolu 95 tat-Trattat jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa.”

5        Il-premessi 13 sa 16 tal-istess direttiva jipprovdu kif ġej:

“(13) Id-differenzi eżistenti bejn il-liġijiet għandhom ikunu eliminati fejn dawn ikollhom effett ta’ tfixkil fuq it-tħaddim tas-suq intern, u l-ħolqien ta’ kwalunkwe differenzi ġodda ta’ dak it-tip m’għandhomx jitħallew. M’hemmx ħtieġa għall-eliminazzjoni, jew prevenzjoni tal-ħruġ ta’, differenzi li ma jkunux mistennija li jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern.

(14)      Prekondizzjoni tal-funzjonament xieraq tas-suq intern hija l-eżistenza tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jkunux imgħawġa[distorti]. L-eżistenza ta’ differenza bejn disposizzjonijiet nazzjonali dwar id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid toħloq tfixkil tal-kompetizzjoni u spostament ta’ bejgħ fi ħdan il-Komunità u twassal għal trattament mhux ugwali bejn artisti li jiddependu fuq fejn jinbiegħu ix-xogħlijiet tagħhom. Il-materja li qiegħda tkun ikkunsidrata għalhekk għandha aspetti transnazzjonali li ma jistgħux ikunu regolati b’mod sodisfaċjenti b’azzjoni minn Stati Membri. Nuqqas ta’ azzjoni tal-Komunità tmur kontra l-ħtieġa tat-Trattat li jkunu korretti t-tgħawwiġ[ix-xkiel] tal-kompetizzjoni u tat-trattament mhux ugwali.

(15)      Minħabba l-iskala ta’ diverġenzi bejn id-disposizzjonijiet nazzjonali, huwa għalhekk neċessarju li jkunu adottati miżuri ta’ armonizzazzjoni sabiex jieħdu ħsieb id-disparitajiet bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri fl-inħawi fejn disparitajiet bħal dawn jistgħu joħolqu jew iżommu kondizzjonijiet ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni. Iżda mhuwiex neċessarju li tkun armonizzata kull disposizzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid u, sabiex jitħalla kemm jista’ jkun skop għal deċiżjoni nazzjonali, huwa biżżejjed li l-eżerċizzju ta’ armonizzazzjoni jkun limitat għal dawk id-disposizzjonijiet domestiċi li għandhom l-aktar impatt dirett fuq it-tħaddim tas-suq intern.

(16)      Din id-Direttiva għalhekk tikkonforma, fit-totalità tagħha, mal-prinċipji tas-sussidjarità u proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat.”

6        Il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/84 tipprovdi:

“Il-persuni intitolati li jirċievu r-royalties għandhom ikunu speċifikati, filwaqt li jingħata il-każ dovut [b’kunsiderazzjoni] għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Mhuwiex xieraq li tittieħed azzjoni permezz ta’ din id-Direttiva dwar liġijiet ta’ Stati Membri ta’ suċċessjoni. Madankollu, dawk intitolati taħt l-awtur għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw totalment mid-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid wara mewtu, għallinqas wara l-iskadenza tal-perjodu transizzjonali msemmi aktar qabel.”

7        L-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Materja tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid”, jipprovdi kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu, għall-benefiċċju ta’ l-awtur ta’ xogħol oriġinali ta’ l-arti, dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, li għandu jkun definit bħala dritt mhux trasferibbli, li ma jistax jitneħħa, anki bil-quddiem, sabiex jirċievi royalty ibbażata fuq il-prezz tal-bejgħ għal kwalunkwe bejgħ mill-ġdid tax-xogħol, sussegwentament għall-ewwel trasferiment tax-xogħol mill-awtur.”

8        Taħt it-titolu “Il-persuni intitolati li jirċievu r-royalties”, l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi kif ġej:

“Ir-royalty imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun pagabbli lill-awtur tax-xogħol u, soġġett għall-Artikolu 8(2), wara l-mewt tiegħu lil dawk intitolati taħtu/taħtha.”

9        Taħt it-titolu “It-termini tal-protezzjoni tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid”, l-Artikolu 8(1) sa (3) jipprovdi:

“It-termini ta’ protezzjoni tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għandu jikkorrispondi għal dak stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill, 93/98/KEE, [tad-29 ta’ Ottubru 1993 li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU L 290, p. 9), li tipprovdi li d-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol artistiku u letterarju skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna huma validi matul il-ħajja tal-awtur u għal 70 sena wara mewtu].

2.      Permezz ta’ deroga minn paragrafu 1, dawk l-Istati Membri li ma japplikawx id-dritt għal bejgħ mill-ġdid mad-[data tad-dħul fis-seħħ imsemmija fl-Artikolu 13], ma jkunux meħtieġa, għal perjodu li jiskadi mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2010, sabiex japplikaw id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ dawk intitolati taħt l-artist wara l-mewt tiegħu jew tagħha.

3.      L-Istat Membru li għalih japplika l-paragrafu 2 jista’ jkollu sa sentejn aktar, jekk ikun hemm bżonn sabiex jippermetti lill-operaturi ekonomiċi f’dak l-Istat Membru jaddattaw gradwalment għas-sistema tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid filwaqt li jżommu l-vijabilità ekonomika tagħhom, qabel ma jkun meħtieġ li japplikaw id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ dawk intitolati taħt l-artist wara l-mewt tiegħu/tagħha. [...]”.

10      Taħt it-titolu “Implimentazzjoni”, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2001/84 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 2006. Għandhom jinformaw mill-ewwel lill-Kummissjoni bihom.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11      Il-Liġi Nru 2006-961, tal-1 ta’ Awwissu 2006, dwar id-drittijiet tal-awturi u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informatika (JORF tat-3 ta’ Awwissu 2006, p. 11529), li ttrasponiet id-Direttiva 2001/84 fid-dritt nazzjonali Franċiż, emendat l-Artikolu L. 122-8 tal-Kodiċi ta’ Proprjetà Intellettwali (iktar ’il quddiem il-“KPI”). Dan l-artikolu, fl-ewwel paragrafu tiegħu, jipprovdi dan li ġej:

“L-awturi ta’ xogħlijiet oriġinali ta’ arti grafika jew plastika li huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea jew ta’ Stat li huwa parti kontraenti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, igawdu minn dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, li huwa dritt inaljenabbli għal parteċipazzjoni fir-rikavat minn kwalunkwe bejgħ ta’ xogħol wara l-ewwel trasferiment ta’ dak ix-xogħol mill-awtur jew minn dawk intitolati taħtu, meta bniedem professjonali fis-suq tal-arti jipparteċipa bħala bejjiegħ, xerrej jew intermedjarju. […]”.

12      Skont l-Artikolu L. 123-7 tal-KPI, li ma ġiex emendat waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/84:

“Wara l-mewt tal-awtur, id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid imsemmi fl-Artikolu L.122-8 għandu jgħaddi għand il-werrieta tiegħu […], u l-użufrutt imsemmi fl-Artikolu L.123-6, għand il-konjuġi tiegħu, bl-esklużjoni tal-legatarji u l-aventi kawża kollha, matul il-kumplament tas-sena kalendarja inkwistjoni u s-70 sena sussegwenti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Il-pittur Salvador Dalí miet fit-23 ta’ Jannar 1989 fi Figueras (Spanja), u ħalla warajh ħames werrieta legali. Permezz ta’ testment tal-20 ta’ Settembru 1982, huwa nnomina l-Istat Spanjol bħala legatarju universali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu, skont id-dritt tas-suċċessjoni Franċiż. Dawn id-drittijiet huma amministrati mill-Fundación Gala-Salvador Dalí, fondazzjoni taħt id-dritt Spanjol maħluqa fl-1983 fuq inizjattiva u taħt it-tmexxija tal-pittur.

14      Fl-1997, il-Fundación Gala-Salvador Dalí tat mandat esklużiv, validu mad-dinja kollha, tal-ġestjoni kollettiva u tad-drittijiet tal-awtur tax-xogħlijiet ta’ Salvador Dalí, lil VEGAP, kumpannija stabbilita taħt id-dritt Spanjol.

15      Barra minn hekk, VEGAP hija marbuta kuntrattwalment mal-kumpannija affiljata tagħha fi Franza, l-ADAGP, li hija inkarigata mill-ġestjoni tad-drittjiet tal-awtur ta’ Salvador Dalí fit-territorju Franċiż.

16      B’effett mill-1997, l-ADAGP talbet ħlas għad-drittijiet tal-użu relatati max-xogħol ta’ Salvador Dalí, li ġew ittrasferiti minn VEGAP lil Fundación Gala-Salvador Dalí, bl-eċċezzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 123-7 tal-KPI, li jirriżerva d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid biss lil werrieta, bl-esklużjoni tal-legatarji u tal-aventi kawża, l-ADAGP ittrasferixxiet il-ħlas relatat mad-dritt għal bejgħ mill-ġdid direttament lil werrieta ta’ Salvador Dalí.

17      Peress li qiesu li, skont it-testment ta’ Salvador Dalí u d-dritt Spanjol, ir-royalties relatati mal-bejgħ bl-irkant tax-xogħlijiet tal-artist, fit-territorju Franċiż, kellhom jiġu ttrasferiti lilha, il-Fundación Gala-Salvador Dalí u VEGAP ressqu kawża quddiem it-tribunal de grande instance de Paris, fit-28 ta’ Diċembru 2005, kontra l-ADAGP, sabiex tiġi ordnata tħallas dawn ir-royalties, filwaqt li din tal-aħħar talbet li jingħaqdu l-werrieta sabiex is-sentenza tapplika konġuntament fir-rigward tagħhom.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de grande instance de Paris iddeċieda li jissopendi l-proċeduri u jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Sussegwentement għad-Direttiva [2001/84], [ir-Repubblika Franċiża] tista’ żżomm dritt ta’ bejgħ mill-ġdid irriżervat lill-werrieta bl-esklużjoni tal-legatarji jew aventi kawża?

2)      Id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva [2001/84] jippermettu li [r-Repubblika Franċiża] jkollha sistema ta’ deroga?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

19      Il-Gvern Spanjol kif ukoll il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkontestaw, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

20      F’dan ir-rigward, huma jsostnu li, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, id-determinazzjoni ta’ dawk intitolati taħt l-awtur tax-xogħol tal-arti, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/84, ma taqax taħt id-dritt Franċiż, iżda esklużivament taħt id-dritt ta’ suċċessjoni Spanjol, peress li l-pittur Salvador Dalí, ċittadin Spanjol, miet fir-residenza tiegħu fi Figueras, Spanja. Huma jikkunsidraw, konsegwentement, li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu L. 123-7 tal-KPI huwiex kompatibbli mad-Direttiva 2001/84 mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, li għandha tiġi deċiża fid-dawl tad-dritt Spanjol.

21      Madankollu, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u lanqas tiddeċiedi dwar jekk l-interpretazzjoni li tagħti l-qorti tar-rinviju lil dawn tal-aħħar hijiex korretta. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fit-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u legiżlattiv, kif iddefinit fid-deċiżjoni tar-rinviju, li jagħmlu parti minnu d-domandi preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien, C-244/06, Ġabra p. I‑505, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Issa, mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dan huwa bbażat fuq il-premessa li d-dritt Franċiż, u b’mod partikolari l-Artikolu L.123-7 tal-KPI, huwa applikabbli għall-kawża prinċipali. Peress li l-qorti tar-rinviju titlob l‑interpretazzjoni tal-Artikoli 6(1) u 8(2) u (3) tad-Direttiva 2001/84 sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-Artikolu L.123-7 tal-KPI, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tidhirx li hija manifestament irrilevanti għad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

23      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/84 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu L. 123-7 tal-KPI, li tirriżerva l-benefiċċju tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid biss lill-werrieta legali tal-artist, bl-esklużjoni tal-legatarji testamentarji.

25      Preliminarjament, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12; tal-14 ta’ Ottubru 1999, Adidas, C‑223/98, Ġabra p. I‑7081, punt 23; tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 41, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2009, Eschig, C‑199/08, Ġabra p. I‑8295, punt 38).

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-kliem tad-Direttiva 2001/84 ma jagħti ebda indikazzjoni tal-kunċett, imsemmi fl-Artikolu 6(1), ta’ dawk intitolati taħt l-awtur tax-xogħol. Fin-nuqqas ta’ definizzjoni espressa ta’ dan il-kunċett, għandhom jiġu eżaminati l-għanijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-Direttiva 2001/84.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/84 hija bbażata fuq żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4 tagħha, li tiżgura li l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ arti grafika jew plastika jkollhom sehem ekonomiku mis-suċċess tax-xogħlijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, kif jippreċiżaw il-premessi 9 u 10 ta’ din id-direttiva, l-għan l-ieħor huwa li tintemm id-distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-suq tal-arti, peress li l-ħlas ta’ royalties f’ċerti Stati Membri jista’ jwassal għall-ispostament tal-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti fl-Istati Membri fejn ma huwiex applikat id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.

28      L-ewwel għan huwa intiż li jiżgura ċertu livell ta’ remunerazzjoni lill-artisti. Huwa għal din ir-raġuni li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid huwa ddefinit bħala inaljenabbli u ma jistax ikun suġġett għal rinunzja bil-quddiem, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/84.

29      Issa, it-twettiq ta’ dan l-ewwel għan b’ebda mod ma huwa kompromess bid-devoluzzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid lil ċerti kategoriji ta’ individwi bl-esklużjoni ta’ oħrajn wara l-mewt tal-artist, peress li d-devoluzzjoni hija inċidentali meta mqabbla ma’ dan l-għan.

30      Fir-rigward tat-tieni għan, kien deher indispensabbli li jkun hemm armonizzazzjoni tax-xogħlijiet tal-arti u l-bejgħ ikkonċernat mid-dritt tal-bejgħ mill-ġdid kif ukoll tal-impożizzjoni ta’ royalties u tar-rata tagħhom. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 9 fil-preambolu tad-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jemenda sitwazzjoni li fiha l-bejgħ tax-xogħlijiet ta’ arti jkunu kkonċentrati fl-Istati Membri fejn id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid ma jkunx applikat jew ikun applikat b’rata inqas, għad-detriment ta’ irkantaturi jew negozjanti oħrajn li jinsabu fit-territorju ta’ dawn tal-aħħar.

31      Dan it-tieni għan jispjega l-għażla tal-bażi legali għall-adozzjoni tad-Direttiva 2001/84, jiġifieri l-Artikolu 95 KE. L-imsemmija għażla tikkonferma li l-adozzjoni ta’ din id-direttiva tagħmel parti mill-armonizzazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-operat tas-suq intern. Konsegwentement, kif jirriżulta mill-premessi 13 u 15 tal-istess direttiva, ma hemmx lok li jitneħħew id-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li ma jistgħux jippreġudikaw l-operat tas-suq intern, u, sabiex jitħalla l-ikbar marġni possibbli għal deċiżjoni nazzjonali, huwa biżżejjed li l-eżerċizzju ta’ armonizzazzjoni jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li għandhom l-ikbar impatt dirett fuq l-operat tas-suq intern.

32      Din l-analiżi hija sostnuta mill-premessa 27 tad-Direttiva 2001/84, li minnha jirriżulta li, filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li dawk intitolati taħt l-awtur jibbenefikaw bis-sħiħ mid-dritt tal-bejgħ wara l-mewt ta’ dan tal-aħħar, min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, huwa ma qiesx xieraq li jintervjeni permezz tal-imsemmija direttiva fil-qasam tad-dritt ta’ suċċessjoni tal-Istati Membri, u b’dan il-mod ħalla f’idejn kull Stat li jiddefinixxi l-kategoriji ta’ persuni li jistgħu, skont id-dritt nazzjonali, jiġu kklassifikati bħala dawk intitolati taħt l-awtur.

33      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-għanijiet mixtieqa mid-Direttiva 2001/84, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għażla leġiżlattiva tagħhom sabiex jiddeterminaw il-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw mid-dritt tal-bejgħ mill-ġdid wara l-mewt tal-awtur ta’ xogħol ta’ arti.

34      Fid-dawl ta’ dan kollu, ma hemm xejn fid-Direttiva 2001/84 li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jelimina l-applikazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-koordinament bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti fil-qasam tas-suċċessjoni, b’mod partikolari, dawk li jaqgħu taħt id-dritt privat internazzjonali li huma intiżi li jirregolaw kunflitt ta’ liġijiet bħal dak ineżami fil-kawża prinċipali.

35      Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/84, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli rilevanti kollha li huma intiżi li jsolvu l-kunflitt ta’ liġijiet fil-qasam tad-devoluzzjoni ta’ suċċessjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/84 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża inkwistjoni, li tirriżerva l-benefiċċju tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid biss lill-werrieta legali tal-artist, bl-esklużjoni tal-legatarji testamentarji. Fid-dawl ta’ dan, hija l-qorti tar-rinviju, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-imsemmi Artikolu 6(1), li għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli rilevanti kollha intiżi li jsolvu l-kunflitti ta’ liġijiet fil-qasam tad-devoluzzjoni ta’ suċċessjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.

 Fuq it-tieni domanda

37      It-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-punt dwar jekk id-dispożizzjonijiet derogatorji previsti fl-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2001/84 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw, b’mod tranżitorju, iż-żamma tad-dispożizzjoni inkwistjoni tal-KPI.

38      Madankollu, fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall‑benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża inkwistjoni, li tirriżerva l-benefiċċju tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid biss lill-werrieta legali tal-artist, bl-esklużjoni tal-legatarji testamentarji. Fid-dawl ta’ dan, hija l-qorti tar-rinviju, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-imsemmi Artikolu 6(1), li għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli rilevanti kollha intiżi li jsolvu l-kunflitti ta’ liġijiet fil-qasam tad-devoluzzjoni ta’ suċċessjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top